16.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/612

tad-9 ta' April 2019

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda skont il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' April 2019.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

1.

Oġġett magħmul minn drapp tessili minsuġ (qoton), fil-forma ta' torri bl-istruttura miżmuma minn qafas tal-metall, maħsub biex jitqiegħed f'waħda mill-fetħiet ħdejn sodda għolja u biex jitwaħħal mas-sodda permezz tal-viti. L-oġġett ma jibqax wieqaf waħdu, u ma jistax jiġi mċaqlaq.

Għandu fetħiet b'forom li jixbħu bibien jew twieqi. Huwa mżejjen b'tali mod li jaqbel mal-ambjent ta' kamra tat-tfal.

Ara l-istampa (*1)

6304 92 00

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-Kodiċijiet NM 6304 u 6304 92 00 .

L-oġġett mhuwiex essenzjalment maħsub għad-divertiment tat-tfal peress li la jista' jiġi mċaqlaq u lanqas ma huwa tinda tal-logħob (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HSEN) tal-intestatura 9503 (D) l-ewwel paragrafu, (xxiii)). Meta wieħed iqis il-karatteristiċi oġġettivi tiegħu (l-instabbiltà, il-kostruzzjoni, it-twieqi għoljin, il-ħtieġa li jitwaħħal permezz tal-viti), l-oġġett mhuwiex maħsub għal-logħob, iżda pjuttost iservi għal finijiet ta' tiżjin. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9503 bħala “ġugarelli oħra” hija eskluża.

Huwa oġġett dekorattiv magħmul minn materjal tessili għal kamra tat-tfal (ara wkoll l-HSEN tal-intestatura 6304 ).

Għalhekk, għandu jiġi klassifikat taħt il-kodiċi NM 6304 92 00 bħala oġġetti oħrajn għat-tagħmir, ħlief dawk ta' titlu 9404 , mhux maħdumin bil-labar jew bil-ganċ, tal-qoton.

2.

Oġġett magħmul minn drapp tessili minsuġ (qoton), u ddisinjat biex jiddendel minn sodda għolja sal-art biex jinħoloq spazju mgħotti taħt is-sodda.

Għandu fetħa f'forma ta' bieb, jew fetħa li tikkonsisti minn qasma fit-tessut. Huwa mżejjen b'tali mod li jaqbel mal-ambjent ta' kamra tat-tfal.

Ara l-istampa (*1)

6304 92 00

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 6304 u 6304 92 00 .

L-oġġett mhuwiex essenzjalment maħsub għad-divertiment tat-tfal peress li jgħatti l-ispazju taħt is-sodda (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HSEN) tal-intestatura 9503 (D) l-ewwel paragrafu).

Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9503 bħala “ġugarelli oħra” hija eskluża.

Huwa oġġett dekorattiv magħmul minn materjal tessili għal kamra tat-tfal (ara wkoll l-HSEN tal-intestatura 6304 ).

Għalhekk, għandu jiġi klassifikat taħt il-kodiċi NM 6304 92 00 bħala oġġetti oħrajn għat-tagħmir, ħlief dawk ta' titlu 9404 , mhux maħdumin bil-labar jew bil-ganċ, tal-qoton.

Image 1

Oġġett 2

Oġġett 1

Dawn l-oġġetti mhumiex preżenti


(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.