European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1152

26.5.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/1152

tat-22 ta’ Mejju 2026

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani u li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2025/976

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 flimkien mal-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-25 ta’ Novembru 1996, il-Kunsill qabel li jaħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani.

(2)

Fl-20 ta’ Mejju 2025, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2025/976 (1), li taħtar lis-Sur Christophe BIGOT bħala r-RSUE għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani. Il-mandat tar-RSUE jiskadi fil-31 ta’ Mejju 2026.

(3)

Ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina hija prijorità strateġika għall-Unjoni u l-Unjoni trid tibqa’ impenjata b’mod attiv sakemm dak il-kunflitt jissolva abbażi tas-soluzzjoni ta’ żewġ Stati.

(4)

L-Unjoni hi impenjata għal paċi komprensiva u dejjiema għar-reġjun tal-Lvant Nofsani kollu u tinsab lesta li taħdem għal dak il-għan flimkien mas-sħab reġjonali u internazzjonali.

(5)

Jenħtieġ li l-mandat tar-RSUE jiġi estiż għal perjodu ulterjuri ta’ 21 xahar u li jiġi stabbilit ammont ta’ referenza finanzjarja ġdid għall-perjodu mill-1 ta’ Ġunju 2026 sad-29 ta’ Frar 2028.

(6)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni reġjonali diffiċli li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2025/976 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Is-Sur Christophe BIGOT huwa b’dan maħtur bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani mit-2 ta’ Ġunju 2025 sal-31 ta’ Mejju 2026.

Il-mandat tas-Sur Christophe BIGOT bħala r-RSUE għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani huwa estiż sad-29 ta’ Frar 2028.

Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-‘Rappreżentant Għoli’).”

;

(2)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettiv ġenerali ta’ politika ta’ paċi ġusta, dejjiema u komprensiva li jenħtieġ li tinkiseb abbażi ta’ soluzzjoni ta’ żewġ stati, b’Iżrael u Stat Palestinjan demokratiku, kontigwu, vijabbli, paċifiku u sovran jgħixu maġenb xulxin ġewwa fruntieri siguri u rikonoxxuti, filwaqt li jgawdu relazzjonijiet normali mal-ġirien tagħhom f’konformità mar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSC) rilevanti 242 (1967) u 338 (1973), u filwaqt li jitfakkru Riżoluzzjonijiet tal-UNSC oħra rilevanti, inkluż ir-Riżoluzzjonijiet UNSC 2334 (2016) u 2803 (2025), il-prinċipji ta’ Madrid, inkluż art għall-paċi, il-Pjan Direzzjonali, il-ftehimiet li ntlaħqu qabel mill-partijiet, l-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani tal-1 ta’ Lulju 2016. Fid-dawl tal-aspetti differenti tar-relazzjonijiet Iżraeljani-Għarab, id-dimensjoni reġjonali tikkostitwixxi komponent essenzjali għal paċi komprensiva.”

(3)

l-Artikolu 3(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

jipprovdi kontribut attiv u effiċjenti mill-Unjoni għal azzjonijiet u inizjattivi li jwasslu għal riżoluzzjoni finali tal-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina abbażi tas-soluzzjoni ta’ żewġ Stati u f’konformità mal-parametri tal-Unjoni u r-Riżoluzzjonijiet tal-UNSC rilevanti, inkluż ir-Riżoluzzjonijiet UNSC 2334 (2016) u 2803 (2025), u jressaq proposti għal azzjoni tal-Unjoni f’dan ir-rigward;”

;

(b)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(da)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pjan Komprensiv biex Jintemm il-Konflitt ta’ Gaża f’konformità mal-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2803 (2025);”

;

(4)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Ir-RSUE ser jagħmel żjarat regolari fir-reġjun u ser jiżgura koordinazzjoni mill-qrib mad-Delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni fir-reġjun kollu, inkluż l-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Unjoni Ewropea (ix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, UNRWA) u d-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat ta’ Iżrael, u, permezz tagħhom, mar-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri.”

;

(5)

fl-Artikolu 5(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa għall-perjodu mill-1 ta’ Ġunju 2026 sad-29 ta’ Frar 2028 għandu jkun ta’ EUR 2 754 227,42”

;

(6)

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   It-tim tar-RSUE għandu jitqiegħed fl-istess post tad-dipartiment rilevanti tas-SEAE, mad-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Istat ta’ Iżrael u mal-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Unjoni Ewropea (ix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, UNRWA) sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.”

;

(7)

l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, ir-raba’ sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Ir-RSUE għandu jipprovdi aġġornamenti regolari lid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u lir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri, inkluż lill-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Unjoni Ewropea (ix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, UNRWA) u lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat ta’ Iżrael.”

;

(b)

fil-paragrafu 2, it-tielet sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Ir-RSUE, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat ta’ Iżrael u l-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Unjoni Ewropea (ix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, UNRWA), għandu jipprovdi lill-Kapijiet tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) u tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EUBAM Rafah) bi gwida politika lokali.”

;

(8)

fl-Artikolu 15, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Ir-RSUE għandu jippreżenta rapporti ta’ progress regolari lir-Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u rapport komprensiv finali dwar l-implementazzjoni tal-mandat sat-30 ta’ Novembru 2027.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DAMIANOS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/976 tal-20 ta’ Mejju 2025 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani (ĠU L, 2025/976, 21.5.2025, ELI; http://data.europa.eu/eli/dec/2025/976/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1152/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)