7.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 199/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/910

tal-31 ta’ Mejju 2021

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, jenħtieġ li l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella ppreżentata fl-Anness jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), bis-saħħa tar-raġunijiet ippreżentati fil-kolonna (3) ta’dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa fir-rigward tal-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Jenħtieġ li dak il-perjodu jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif ppreżentata fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Stikek ta’ Ċermit b’sezzjoni trasversali tonda uniformi. L-oġġetti ta’ tulijiet u dijametri li jvarjaw jistgħu jkunu solidi jew jistgħu jittaqqbu u jkollhom kanali ta’ tkessiħ bi truf mhux ċari. Xi wħud mill-artikli setgħu ġew iċċanfrinati wkoll.

L-oġġetti huma magħmula minn ċermit, jiġifieri minn karbur tal-metall magħqud f’materjal solidu bis-sħana fuq il-bażi tal-karbur tat-tungstenu bil-kobalt bħala s-sustanza li tgħaqqad.

Abbażi tal-grad baxx ta’ pproċessar, il-forma sempliċi u l-forma tagħhom, l-oġġetti jistgħu jintużaw għal firxa wiesgħa ta’ użi, pereżempju, bħala elementi ta’ rinforz. Jekk jiġu pproċessati aktar, l-oġġetti jistgħu jintużaw għal għodod u bħala għodod.

8113 00 90

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-nota 4 tat-Taqsima XV, u mill-formulazzjoni tal-kodiċijiet NM 8113 00 u 8113 00 90 .

Il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 8209 00 80 bħala stikek u oġġetti simili għal għodod, mhux immuntati, ta’ ċermiti hija eskluża peress li l-oġġetti jistgħu jintużaw għal għodod u bħala għodod biss jekk jiġu pproċessati aktar u huma adatti wkoll għal użi oħra.

L-oġġetti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-intestatura 8113 , li tkopri ċermiti, kemm jekk mhux maħdumin kif ukoll jekk fil-forma ta’ oġġetti mhux speċifikati x’imkien ieħor fin-Nomenklatura Magħquda (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 8113 , is-sitt paragrafu).

Għaldaqstant, l-oġġetti għandhom jiġi klassifikat taħt il-kodiċi NM 8113 00 90 bħala ċermiti u oġġetti oħra tagħhom.