|
5.6.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
617 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-23 ta' Novembru 2006
li tapprova l-pjanijiet għall-eradikazzjoni tad-deni klassiku tal-ħnieżer fil-ħnieżer slavaġ u l-vaċċinazzjoni ta' emerġenza għal dawk il-ħnieżer kontra dik il-marda fil-Bulgarija
(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 5468)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2006/800/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat it-Trattat ta' Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,
Wara li kkunsidrat l-Att ta' Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, u b'mod partikolari l-Artikolu 42 tiegħu,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2001/89/KE tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-miżuri tal-Komunità għall-kontroll tad-deni klassiku tal-ħnieżer (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 16(1) u r-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 20(2) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva 2001/89/KEE tintroduċi miżuri minimi tal-Komunità għall-kontroll tad-deni klassiku tal-ħnieżer. Dawn il-miżuri jinkludu d-dispożizzjoni li l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, wara l-konferma ta' każ primarju ta' deni klassiku tal-ħnieżer fi ħnieżer slavaġ, pjan tal-miżuri għall-eradikazzjoni ta' din il-marda. Din id-Direttiva fiha wkoll dispożizzjonijiet rigward il-vaċċinazzjoni ta' emerġenza tal-ħnieżer slavaġ. |
|
(2) |
Id-deni klassiku tal-ħnieżer huwa preżenti fil-ħnieżer slavaġ fil-Bulgarija. |
|
(3) |
Meta jittieħed kont ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija, il-miżuri li jikkonċernaw is-sitwazzjoni fir-rigward tad-deni klassiku tal-ħnieżer f'dan il-pajjiż għandhom jiġu stabbiliti fuq livell Komunitarju. |
|
(4) |
Il-Bulgarija nediet programm għas-sorveljanza u l-kontroll tad-deni klassiku tal-ħnieżer fit-territorju kollu ta' dan il-pajjiż. Dan il-programm għadu għaddej. |
|
(5) |
Il-Bulgarija ressqet ukoll pjan għall-approvazzjoni quddiem il-Kummissjoni fil-31 ta' Mejju 2006 għall-eradikazzjoni tad-deni klassiku tal-ħnieżer u pjan għall-vaċċinazzjoni ta' emerġenza ta' ħnieżer simili fit-territorju kollu tal-Bulgarija. |
|
(6) |
Dawn il-pjanijiet imressqa mill-Bulgarija, ġew eżaminati mill-Kummissjoni u nstabu li huma konformi mad-Direttiva 2001/89/KE. |
|
(7) |
Bil-għan ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija, dawn il-pjanijiet għandhom jiġu approvati bħala miżura tranżitorja li tkun applikabbli mid-data ta' l-Adeżjoni u għal perjodu ta' disa' xhur. |
|
(8) |
Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u Saħħa ta' l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Pjan għall-eradikazzjoni tad-deni klassiku tal-ħnieżer fil-ħnieżer slavaġ
Il-pjan imressaq mill-Bulgarija lill-Kummissjoni għall-eradikazzjoni tad-deni klassiku tal-ħnieżer fi ħnieżer slavaġ, fiż-żona kif stabbilit f'punt 1 ta' l-Anness, huwa approvat.
Artikolu 2
Pjan għal vaċċinazzjoni ta' emerġenza kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer fil-ħnieżer slavaġ
Il-pjan imressaq mill-Bulgarija lill-Kummissjoni fil-31 ta' Mejju 2006 għall-vaċċinazzjoni ta' emerġenza tal-ħnieżer kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer fiż-żona kif stabbilit f'punt 2 ta' l-Anness, huwa approvat.
Artikolu 3
Konformità
Il-Bulgarija għandha tiżgura li l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ma' din id-Deċiżjoni jittieħdu immedjatament u tippubblika dawn il-miżuri. Għandha tgħarraf lill-Kummissjoni b'dan minnufih.
Artikolu 4
Applikabbilità
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika biss suġġetta għal u mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija.
Għandha tapplika għal perjodu ta' disa' xhur.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussel, 23 ta' Novembru 2006.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 316, 1.12.2001, p. 5. Direttiva kif emendata mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.
ANNESS
1. Żoni fejn il-pjan għall-eradikazzjoni tad-deni klassiku tal-ħnieżer fil-ħnieżer slavaġ għandu jiġi implimentat:
It-territorju kollu tal-Bulgarija.
2. Żoni fejn il-pjan tal-vaċċinazzjoni ta' emerġenza tal-ħnieżer slavaġ kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer għandu jiġi implimentat:
It-territorju kollu tal-Bulgarija.