Brussell, 18.3.2024

COM(2024) 160 final

2024/0075(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Wieħed mill-kompiti tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (l-“Aġenzija”) huwa li tikkoopera ma’ pajjiżi terzi fir-rigward tal-oqsma koperti mir-Regolament dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (ir-Regolament (UE) 2019/1896) (“ir-Regolament”) “inkluż permezz tal-iskjerament operazzjonali possibbli ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri f’pajjiżi terzi” 1 . B’mod speċifiku, l-Aġenzija, bħala parti mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, għandha tiżgura l-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri 2 , li komponent minnhom huwa l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fl-oqsma koperti mir-Regolament, b’enfasi partikolari fuq pajjiżi terzi ġirien u fuq pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ tranżitu għall-immigrazzjoni irregolari 3 . L-Aġenzija tista’ tikkoopera mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi kompetenti fi kwistjonijiet koperti mir-Regolament sa fejn ikun meħtieġ għall-issodisfar tal-kompiti tagħha 4 u tista’ twettaq azzjonijiet relatati mal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri fit-territorju ta’ pajjiż terz soġġetti għall-qbil ma’ dan il-pajjiż terz.

Skont l-Artikolu 73(3) tar-Regolament, f’ċirkostanzi li jirrikjedu l-istazzjonament f’pajjiż terz ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, li fih il-membri tat-timijiet jeżerċitaw setgħat eżekuttivi, jenħtieġ li jiġi konkluż ftehim dwar l-istatus mill-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat. Jenħtieġ li tali ftehim dwar l-istatus ikun ibbażat fuq il-mudell li l-Kummissjoni fasslet kif jirrikjedi l-Artikolu 76(1) tar-Regolament. Il-Kummissjoni adottat dan il-mudell fil-21 ta’ Diċembru 2021 5 .

Ir-Repubblika tas-Serbja (“is-Serbja”) tinsab ġeografikament f’waħda mir-rotot primarji għall-moviment migratorju mħallat irregolari lejn l-Unjoni Ewropea. Fl-2023, il-Frontex irreġistrat madwar 99 000 qsim irregolari fil-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea fuq ir-rotta tal-Balkani tal-Punent kif ukoll aktar minn 25 000 qsim irregolari fil-fruntieri mhux tal-UE tas-Serbja. Il-migranti irregolari huma fil-mira ta’ gruppi kriminali organizzati involuti fil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin tal-persuni u huma f’riskju kbir li jisfaw vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Il-livell għoli ta’ wasliet irregolari u applikazzjonijiet għall-ażil qiegħed ipoġġi wkoll pressjoni sinifikanti fuq xi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, li jwassal għall-ħtieġa ta’ azzjoni komuni u kkoordinata fil-livell tal-Unjoni.

Fl-2020, l-Unjoni u s-Serbja kkonkludew ftehim dwar l-istatus 6 ibbażat fuq ir-Regolament (UE) 2016/1624 7 , li tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament. Minħabba l-ambitu limitat tar-Regolament (UE) 2016/1624, l-operazzjonijiet konġunti mwettqa abbażi ta’ dan il-ftehim dwar l-istatus huma limitati għall-fruntieri tas-Serbja mal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li taġixxi fi ħdan dan il-qafas limitat, il-Frontex qed twettaq l-Operazzjoni Konġunta Serbia (preċedentement l-Operazzjoni Konġunta Serbia Land) fil-fruntieri tal-art tas-Serbja mal-Ungerija u l-Bulgarija. Fit-12 ta’ Frar 2024 ġew skjerati 99 uffiċjal tal-korp permanenti f’din l-operazzjoni, li wassal għal titjib tal-kontroll tal-fruntieri permezz tat-trażżin tal-migrazzjoni irregolari u l-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera.

Fit-18 ta’ Novembru 2022, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2019/1896, li bih ġie estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet dwar l-istatus, il-Kummissjoni rċeviet l-awtorizzazzjonijiet tal-Kunsill biex tiftaħ negozjati mas-Serbja 8 kif ukoll mal-Montenegro, mal-Albanija u mal-Bożnija-Ħerzegovina, fir-rigward ta’ ftehimiet dwar attivitajiet operazzjonali li għandhom jitwettqu mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta f’dawk il-pajjiżi abbażi ta’ dan ir-Regolament il-ġdid. Fit-30 ta’ Novembru 2022, ġiet organizzata laqgħa mill-Kummissjoni mal-erba’ pajjiżi msemmija hawn fuq, li fiha ġew enfasizzati l-punti ġodda prinċipali tal-mudell tal-ftehim dwar l-istatus. Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, u s-Serbja kellhom negozjati formali bil-ħsieb ta’ ftehim fl-14 ta’ Settembru u fis-7 ta’ Novembru 2023. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-objettivi stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu ntlaħqu u li l-ftehim huwa aċċettabbli għall-Unjoni.

L-abbozz ta’ ftehim jitbiegħed mill-mudell tal-ftehim dwar l-istatus 9 billi jipprovdi immunità limitata tal-membri tat-tim mill-ġuriżdizzjoni kriminali 10 u billi jipprovdi eċċezzjoni limitata għall-invjolabbiltà tal-bini u tal-assi tal-Aġenzija 11 . Dawn id-derogi mill-mudell huma aċċettabbli minħabba l-istatus tas-Serbja bħala kandidat rikonoxxut għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea, il-fatt li l-ftehim dwar l-istatus attwali mas-Serbja jipprovdi dispożizzjonijiet, li operazzjonijiet komparabbli skont dak il-ftehim qed jipproċedu b’mod eżemplari u li derogi simili jew identiċi ġew aċċettati għall-ġirien kollha tas-Serbja li reċentement innegozjaw ftehimiet simili mal-Unjoni. Il-proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill tikkostitwixxi l-bażi legali għall-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar Attivitajiet Operazzjonali Mwettqin mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja.

Is-sitwazzjoni tal-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen

Din il-proposta tibni fuq l-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni. Madankollu, l-Unjoni ma għandha l-ebda setgħa li tikkonkludi ftehim dwar l-istatus mas-Serbja b’mod li jorbot lin-Norveġja, lill-Iżlanda, lill-Iżvizzera u lil-Liechtenstein. Sabiex jiġi żgurat li l-gwardji tal-fruntiera u persunal rilevanti ieħor li jintbagħtu minn dawk il-pajjiżi lejn is-Serbja jibbenefikaw mill-istess status kif previst fil-ftehim dwar l-istatus, dikjarazzjoni konġunta mehmuża mal-Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-ftehim dwar l-istatus jenħtieġ li tiddikjara x-xewqa li jiġu konklużi ftehimiet simili bejn is-Serbja u kull wieħed minn dawk il-pajjiżi assoċjati.

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 12 ; għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha u lanqas soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha u lanqas soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

It-tisħiħ tal-kontrolli fit-territorju tas-Serbja se jkollu impatt pożittiv fuq il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni kif ukoll fuq il-fruntieri tas-Serbja nnifisha. Il-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-istatus tkun marbuta mal-objettivi u l-prijoritajiet usa’ għall-kooperazzjoni kif stabbiliti fil-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea mas-Serbja 13 ..

Il-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-istatus tista’ wkoll tappoġġa l-isforzi u l-impenji usa’ tal-Unjoni Ewropea biex tkompli tiżviluppa l-kooperazzjoni u l-kapaċitajiet 14 sabiex tikkontribwixxi għall-maniġġar ta’ rispons għall-kriżijiet u tippromwovi l-konverġenza dwar kwistjonijiet barranin u ta’ sigurtà bejn l-Unjoni u s-Serbja.

2.BAŻI LEGALI U PROPORZJONALITÀ

Il-bażi legali għal din il-proposta hija l-Artikolu 77(2)(b) u (d) u l-Artikolu 79(2)(c) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(5) TFUE.

Il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea li tikkonkludi ftehim dwar l-istatus hija prevista b’mod espliċitu fl-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896, li jiddikjara “[f]’ċirkostanzi li jirrikjedu l-istazzjonament f’pajjiż terz ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti meta l-membri tat-timijiet se jeżerċitaw setgħat eżekuttivi, l-Unjoni għandha […] tikkonkludi mal-pajjiż terz ikkonċernat ftehim dwar l-istatus”.

Skont l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea għandha, fost l-oħrajn, ikollha kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġiżlattiv tal-Unjoni. L-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896 jipprevedi ftehim dwar l-istatus li “l-Unjoni għandha […] tikkonkludi mal-pajjiż terz ikkonċernat”. Konsegwentement, il-ftehim li għandu jiġi ffirmat u konkluż mas-Serbja jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896, il-ftehim dwar l-istatus propost huwa bbażat fuq il-mudell ta’ ftehim adottat mill-Kummissjoni f’Diċembru 2021 15 , filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet miftiehma qabel tal-ftehim eżistenti dwar l-istatus mas-Serbja 16 .

Id-dispożizzjonijiet tal-ftehim propost ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu, jiġifieri, abbażi tal-mudell tal-ftehim dwar l-istatus, li jkopri l-aspetti kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-azzjonijiet tat-timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri magħmulin mill-korp permanenti stazzjonat f’pajjiż terz fejn il-membri tat-timijiet se jeżerċitaw setgħat eżekuttivi, b’mod partikolari, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-operazzjoni, id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà ċivili u kriminali, il-kompiti u s-setgħat tal-membri tat-timijiet, il-miżuri relatati mal-istabbiliment ta’ uffiċċju antenna u l-miżuri prattiċi relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Billi dan se jkun ftehim ġdid, ma setgħet titwettaq l-ebda evalwazzjoni jew kontroll tal-idoneità tal-istrumenti eżistenti. L-ebda valutazzjoni tal-impatt ma hija meħtieġa għan-negozjati dwar il-ftehim dwar l-istatus.

•Drittijiet fundamentali

F’konformità mal-premessa 88 tar-Regolament (UE) 2019/1896, il-Kummissjoni vvalutat is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali rilevanti għall-oqsma koperti mill-ftehim dwar l-istatus fis-Serbja u se tinforma lill-Parlament Ewropew b’dan.

Il-ftehim previst fih miżuri prattiċi relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali u jiżgura li d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati bis-sħiħ matul l-attivitajiet organizzati abbażi tal-Ftehim. Il-Ftehim jipprevedi mekkaniżmu tal-ilmenti indipendenti u effettiv f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2019/1896 biex jimmonitorja u jiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet kollha organizzati fuq il-bażi tal-Ftehim.

•Protezzjoni tad-data

Peress li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar l-istatus relatati mat-trasferiment ta’ data personali ma jvarjawx sostanzjalment mill-mudell tal-ftehim dwar l-istatus, u f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1896, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ma ġiex ikkonsultat dwar id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim dwar l-istatus.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ftehim dwar l-istatus fih innifsu ma għandu l-ebda implikazzjoni finanzjarja. L-istazzjonament effettiv tat-timijiet ta’ gwardji tal-fruntiera abbażi ta’ pjan operazzjonali jkun jinvolvi kostijiet imġarrba mill-baġit tal-Aġenzija. Operazzjonijiet fil-futur taħt ftehim dwar l-istatus se jiġu ffinanzjati permezz tar-riżorsi proprji tal-Aġenzija kif previst fiċ-ċiklu tal-baġit annwali tal-Unjoni.

Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta diġà tifforma parti mill-baġit tal-Unjoni kif stabbilit fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ftehim dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali.

5.ELEMENTI OĦRA

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-Kummissjoni se tiżgura l-monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tal-ftehim dwar l-istatus.



2024/0075 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 77(2)(b) u (d) u l-Artikolu 79(2)(c) flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)F’ċirkostanzi li jirrikjedu l-istazzjonament ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta f’pajjiż terz, li fih il-membri tat-timijiet se jeżerċitaw setgħat eżekuttivi, l-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896 17 jipprevedi l-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-istatus mill-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat abbażi tal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(2)Fit-18 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati mar-Repubblika tas-Serbja għal ftehim dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja (“il-Ftehim”) 18 .

(3)Dawn in-negozjati ġew konklużi b’suċċess.

(4)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 19 ; għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(5)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha u lanqas soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien 6 xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni, jekk hijiex se timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(6)Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. Id-dikjarazzjoni mehmuża fir-rigward tal-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein jenħtieġ li tiġi approvata f’isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja (“il-Ftehim”), huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi.

It-test tal-Ftehim li għandu jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Dikjarazzjoni mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni għandha tiġi approvata f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jistabbilixxi l-istrument ta’ setgħat sħaħ għall-iffirmar tal-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu, għall-persuna/i indikata/i mill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    L-Artikolu 10(1)(u) tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).
(2)    L-Artikolu 71(1) tar-Regolament (UE) 2019/1896.
(3)    L-Artikolu 3(g) tar-Regolament (UE) 2019/1896.
(4)    L-Artikolu 73(1) tar-Regolament (UE) 2019/1896.
(5)    Il-Komunikazzjoni COM(2021) 829 - Mudell ta’ ftehim dwar l-istatus kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624.
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/865 tas-26 ta’ Mejju 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja (ĠU L 202, 25.6.2020, p. 1).
(7)    Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).
(8)    ĠU L 300, 21.11.2022, p. 29.
(9)    Il-Komunikazzjoni COM(2021) 829 - Mudell ta’ ftehim dwar l-istatus kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624.
(10)    Ara l-Artikolu 12(3) tal-abbozz ta’ ftehim.
(11)    Ara l-Artikolu 11(5) tal-abbozz ta’ ftehim.
(12)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.
(13)    ĠU L 278, 18.10.2013, p. 16.
(14)    Bħal taħriġ, għarfien tas-sitwazzjoni, tagħmir, kapaċità ta’ reazzjoni, skjerament tal-persunal eċċ.
(15)    Il-Komunikazzjoni COM(2021) 829.
(16)    ĠU L 202, 25.6.2020, p. 3.
(17)    Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).
(18)    ĠU L 300, 21.11.2022, p. 29.
(19)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).