|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3133 |
16.12.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3133
tad-9 ta’ Diċembru 2024
dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti. |
|
(3) |
Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella. |
|
(4) |
Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ 3 xhur. |
|
(5) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.
Artikolu 2
L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ 3 xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kummissjoni
F’isem il-President,
Gerassimos THOMAS
Direttur Ġenerali
Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/2658/oj).
ANNESS
|
Deskrizzjoni tal-oġġetti |
Klassifikazzjoni (Kodiċi NM) |
Raġunijiet |
|
(1) |
(2) |
(3) |
|
Oġġett rettangolari, b’daqs ta’ madwar 185 cm × 132 cm, magħmul minn drapp tessili oħxon, minsuġ b’mod dens, b’kulur wieħed ta’ fibri magħmulin mill-bniedem (100 % poliester) li għandu l-forma ta’ qoxra (li hija mfassla biex timtela) għal cushion enormi rettangolari (l-hekk imsejjaħ beanbag). L-oġġett għandu truf b’keffa wiesgħa tul il-ġnub tiegħu. Erba’ radanċi tal-metall huma mwaħħla mal-erba’ kantunieri tat-truf bil-keffa u hemm radanċa oħra tal-metall mwaħħla ma’ kull wieħed mill-ġnub twal bil-keffa (f’punt madwar kwart tat-tul tal-ġenb imkejjel mill-kantuniera). L-oġġett għandu fetħa b’żipp biex ikun jista’ jimtela. Żewġ ċineg aġġustabbli magħmulin mill-istess drapp tessili bħall-oġġett ewlieni u li għandhom ganċ imwaħħal ma’ kull ġenb huma ppreżentati flimkien mal-oġġett. Iċ-ċineg huma mfassla biex jitwaħħlu mar-radanċi tal-metall permezz tal-ganċijiet tagħhom, sabiex jgħollu parti mill-cushion. (Ara l-istampa ta’ qoxra mimlija) (*) |
6307 90 98 |
Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (GIR), min-Nota 7(f) tat-Taqsima XI u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 6307 , 6307 90 u 6307 90 98 . Ladarba jimtela l-oġġett, minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, huwa simili għal cushions. Huwa mfassal bħala cushion rettangolari enormi u mhux bħala sit tal-intestatura 9401 minħabba l-instabbiltà tiegħu (l-oġġett iċedi għall-piż tal-ġisem u jikkollassa meta utent ikun qed jistrieħ fuqu). Għalhekk, l-oġġett mimli jista’ jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 9404 90 90 bħala irfid għas-saqqijiet u arredamenti simili (pereżempju cushions, pouffes u mħaded) bl-applikazzjoni tal-GIR 1 u 6. Madankollu, il-klassifikazzjoni tal-oġġett mhux mimli u mhux komplut taħt l-intestatura 9404 bħala oġġetti tal-friex u arredament simili hija eskluża, minħabba li l-oġġett ma għandux il-karattru essenzjali ta’ oġġett komplut tal-intestatura 9404 skont it-tifsira tal-GIR 2 (a). Għadu mhux mimli jew mgħammar internament b’xi materjal. Minħabba li l-oġġett huwa qoxra għal cushion enormi, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 6302 bħala bjankerija tas-sodda hija eskluża, minħabba li l-oġġett ma għandux il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-bjankerija tas-sodda tal-intestatura 6302 . Mhuwiex qed jgħatti mħadda jew cushion bħalma tagħmel il-bjankerija tas-sodda. (Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/966 (ĠU L, 2024/966, 27.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/966/oj)). Minħabba li l-oġġett ma jistax jiġi kklassifikat f’intestatura li hija aktar speċifika mill-intestatura 6307 , għandu għalhekk jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 6307 90 98 bħala oġġett ieħor manifatturat, ta’ drapp tessili. |
Stampa ta’ qoxra mimlija
|
(*) |
L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3133/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)