|
25.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 110/37 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/856
tat-18 ta’ April 2023
dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Nikkollegaw il-kapitali u n-nies Ewropej kollha permezz ta’ network tal-ferroviji ta’ veloċità għolja”
(notifikata bid-dokument C(2023)2617)
(It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Nikkollegaw il-kapitali u n-nies Ewropej kollha permezz ta’ network tal-ferroviji ta’ veloċità għolja” ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fl-10 ta’ Marzu 2023. |
|
(2) |
L-objettivi tal-inizjattiva kif ġew spjegati mill-organizzaturi huma: ‘‘nikkollegaw il-kapitali Ewropej kollha permezz ta’ linji ferrovjarji ta’ veloċità għolja. Qed nappellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel proposta għal att legalment vinkolanti li jistabbilixxi network ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja kemm jista’ jkun malajr. Dan ifisser il-konnessjoni tan-networks ferrovjarji eżistenti ta’ veloċità għolja u l-bini ta’ linji ferrovjarji ta’ veloċità għolja fejn dawn għadhom ma jeżistux.” |
|
(3) |
L-inizjattiva tinkludi anness li jipprovdi dettalji ulterjuri dwar is-suġġett, l-objettivi u l-isfond tal-inizjattiva. Huwa jispjega li filwaqt li l-Ewropej kollha għandhom id-dritt li jiċċaqilqu liberament fi ħdan il-fruntieri tal-UE, jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħmlu dan ukoll irrispettivament mill-età, il-mezzi finanzjarji u l-istat fiżiku jew il-kapaċità mentali tagħhom. L-organizzaturi jsostnu li filwaqt li n-network ferrovjarju ta’ veloċità għolja fl-Ewropa huwa twil aktar minn 11 500 km, dan jikkollega prinċipalment bliet f’għadd limitat ta’ Stati Membri u li ħafna Stati Membri mhumiex parti min-network ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja. L-organizzaturi jqisu li jenħtieġ li jiġi stabbilit network ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja minħabba li: (i) l-ivvjaġġar bil-ferrovija huwa sostenibbli u sikur; (ii) ferroviji ta’ veloċità għolja joffru alternattiva komda għal titjiriet fuq distanza medja; (iii) il-ferroviji ta’ veloċità għolja huma inklużivi u aċċessibbli għal kulħadd; (iv) il-konnessjonijiet b’veloċità għolja jikkontribwixxu għall-iżvilupp reġjonali u t-tkabbir ekonomiku distribwit b’mod ugwali fl-UE; (v) il-linji ferrovjarji ta’ veloċità għolja jwasslu għal koeżjoni akbar u jkunu ta’ benefiċċju għall-popolazzjoni kollha kemm hi. L-organizzaturi jgħidu li biex ikun hemm konnessjonijiet sikuri u sostenibbli bejn in-nies fl-Ewropa, huwa importanti li jingħaqdu n-networks varji tal-Istati Membri individwali u li jiġi estiż in-network ġenerali bil-ħsieb tal-għadd dejjem jikber ta’ passiġġieri. |
|
(4) |
Fir-rigward tal-objettivi tal-inizjattiva, il-Kummissjoni għandha s-setgħa skont l-Artikoli minn 170 sa 172 tat-Trattat li tippreżenta proposta għal att legali li jikkontribwixxi għall-istabbiliment u l-iżvilupp ta’ networks trans-Ewropej fil-qasam tat-trasport u li tippromwovi l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà ta’ networks nazzjonali. Fuq il-bażi tal-Artikolu 171(2) tat-Trattat, l-Istati Membri jridu, flimkien mal-Kummissjoni, jikkoordinaw bejniethom il-politiki segwiti fil-livell nazzjonali li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-kisba ta’ dawn l-objettivi. Il-Kummissjoni tista’, b’ħidma mill-qrib mal-Istati Membri, tieħu kull inizjattiva utli biex tippromwovi tali koordinazzjoni. Barra minn hekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 tat-Trattat jipprevedi li l-linji gwida u l-proġetti ta’ interess komuni relatati mat-territorju ta’ Stat Membru jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni tqis li l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. |
|
(6) |
Dik il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inklużi l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ. |
|
(7) |
Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament. |
|
(8) |
L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew kontra d-drittijiet minquxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(9) |
Jenħtieġ li għalhekk tiġi rreġistrata l-inizjattiva intitolata ‘‘Nikkollegaw il-kapitali u n-nies Ewropej kollha permezz ta’ network tal-ferroviji ta’ veloċità għolja”. |
|
(10) |
Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għalhekk għandha tiġi rreġistrata l-inizjattiva intitolata ‘‘Nikkollegaw il-kapitali u n-nies Ewropej kollha permezz ta’ network tal-ferroviji ta’ veloċità għolja”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Nikkollegaw il-kapitali u n-nies Ewropej kollha permezz ta’ network tal-ferroviji ta’ veloċità għolja”, irrappreżentat mis-Sa Afryea UITERLOO u mis-Sur Rogier VERGOUWEN li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.
Magħmul fi Strasburgu, it-18 ta’ April 2023.
Għall-Kummissjoni
Věra JOUROVÁ
Viċi President