IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.12.2025
COM(2025) 752 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
li jevalwa u jivvaluta l-impatt operazzjonali tal-implimentazzjoni tal-kompiti previsti fir-Regolament (UE) 2022/991, b’mod partikolari fl-Artikolu 4(1), il-punt (t), l-Artikolu 18(2), il-punt (e), l-Artikolu 18(6a), u l-Artikoli 18a, 26, 26a u 26b, fir-rigward tal-objettivi tal-Europol kif ukoll l-impatt ta' dawk il-kompiti fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali kif previst mill-Karta, skont l-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2016/794
{SWD(2025) 404 final}
1.Ambitu tal-evalwazzjoni
Minn mindu bdiet topera fl-1999, l-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) kellha rwol ċentrali fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera serja u t-terroriżmu, u saret xprunatur ewlieni tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi fl-Ewropa. Matul dawn l-aħħar 30 sena, ix-xenarju tas-sigurtà għadda minn bidliet drastiċi b’bidla korrispondenti fid-DNA tal-kriminalità serja u organizzata. L-Istati Membri għandhom ħtiġijiet operazzjonali ġodda biex jindirizzaw it-theddid emerġenti b’mod effettiv, u l-aspettattivi tagħhom għall-appoġġ tal-Europol evolvew ukoll. Għalhekk, il-mandat tal-Europol ġie sostitwit jew emendat diversi drabi biex tinżamm u tittejjeb ir-rilevanza tal-Aġenzija.
Il-mandat tal-Europol, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/794
(“ir-Regolament tal-Europol” jew “ER”), ġie emendat l-aħħar fl-2022 bir-Regolament (UE) 2022/991
biex jindirizza theddid ġdid għas-sigurtà. Ir-Regolament tal-Europol ma kienx għadu adattat għall-iskop tiegħu f’realtà ġdida, li fiha l-kriminali jisfruttaw il-vantaġġi tat-trasformazzjoni diġitali, tat-teknoloġiji l-ġodda, tal-globalizzazzjoni u tal-mobbiltà.
L-objettivi speċifiċi tar-Regolament (UE) 2022/991
kienu li:
-jippermetti kooperazzjoni effettiva bejn il-partijiet privati u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex jiġi miġġieled l-abbuż tas-servizzi transfruntieri mill-kriminali;
-jippermetti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi janalizzaw settijiet ta’ data kbar u kumplessi sabiex jidentifikaw rabtiet transfruntieri, f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali;
-jippermetti lill-Istati Membri jużaw teknoloġiji ġodda għall-infurzar tal-liġi.
Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2022/991 emenda r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għall-Europol biex jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tad-data, u laħaq bilanċ bejn is-setgħat il-ġodda tal-Aġenzija biex tipproċessa d-data personali u l-privatezza tal-individwi u l-protezzjoni tad-data personali. Fil-biċċa l-kbira tiegħu, dan allinja r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għall-Europol ma’ dawk applikabbli għal aġenziji u korpi oħrajn tal-UE għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (ĠAI) skont il-Kapitolu IX tar-Regolament (UE) 2018/1875 (“ir-Regolament tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data”, jew l-“EUDPR”), u dawk applikabbli għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri (“awtoritajiet kompetenti”) skont il-liġi nazzjonali tagħhom li tittrasponi d-Direttiva (UE) 2016/680 (id-“Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi” jew l-“LED”)
biex jiġi ffaċilitat il-fluss tal-informazzjoni.
Dan ir-rapport ġie adottat f’konformità mal-obbligu tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 68(3) tal-ER, li tevalwa u tivvaluta l-impatt operazzjonali tal-kompiti tal-Europol kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2022/991 3 snin wara li jkun daħal fis-seħħ. Kif ordnat mill-koleġiżlaturi, il-Kummissjoni: l-ewwel nett, evalwat u vvalutat l-impatt operazzjonali ta’ xi wħud mir-regoli l-ġodda għall-ipproċessar tad-data personali, fir-rigward tal-objettivi tal-Europol, skont l-Artikolu 3 tal-ER (jiġifieri: li ssostni u ssaħħaħ l-azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni reċiproka tagħhom fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra reati kriminali li jaqgħu taħt il-mandat tal-Europol); it-tieni, ivvalutat l-impatt ta’ dawk ir-regoli fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali (id-“drittijiet fundamentali”) kif stabbilit fil-Karta, u t-tielet, wettqet analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji tal-kompiti relatati mal-ipproċessar tad-data.
Sabiex iħejju r-rieżami, is-servizzi tal-Kummissjoni ġabru informazzjoni u feedback minn diversi sorsi u wettqu konsultazzjonijiet ad hoc mal-Europol u mal-Istati Membri. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal ta’ akkumpanjament jipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-kuntest ġenerali u tal-metodoloġija tar-rieżami, kif ukoll rendikont komprensiv tas-sorsi ta’ evidenza u konsultazzjonijiet li jikkorroboraw is-sejbiet ewlenin miġbura fil-qosor f’dan ir-rapport.
2.Kuntest ġenerali
F’konformità mal-Artikolu 68(3) tal-ER, dan ir-rapport tal-Kummissjoni jkopri dispożizzjonijiet magħżula tar-Regolament (UE) 2022/991, li jiffokaw fuq ħames aspetti ewlenin tal-ħidma tal-Europol.
(1)Dimensjoni esterna: L-Artikolu 4(1)(t) tal-ER dwar allerti ta’ informazzjoni fis-Sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen (SIS, Schengen Information System) dwar nazzjonali ta’ pajjiżi terzi fuq proposta mill-Europol
Minħabba n-natura globali tal-kriminalità serja u tat-terroriżmu, l-informazzjoni miżmuma minn pajjiżi terzi u minn organizzazzjonijiet internazzjonali dwar l-awturi u l-persuni ssuspettati b’tali reati qiegħda ssir dejjem aktar rilevanti għas-sigurtà interna tal-UE. Għalhekk, id-dimensjoni esterna tal-kooperazzjoni tal-UE fl-infurzar tal-liġi saret kruċjali għall-Istati Membri, kif sar ir-rwol tal-Europol li tappoġġa lill-Istati Membri fis-sħubijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi jew ma’ entitajiet li jinsabu f’dawk il-pajjiżi. Fil-futur se jkun essenzjali li jsiru aktar sforzi biex tissaħħaħ is-sigurtà globali.
Ir-Regolament (UE) 2022/991 introduċa emendi diġà sostanzjali għar-Regolament tal-Europol sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni esterna tal-attivitajiet tal-Europol, b’mod partikolari l-iffaċilitar tal-iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi terzi u l-ħtieġa li l-Europol tinkludi strateġija għar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali fil-programmazzjoni pluriennali u fil-programmi ta’ ħidma annwali tagħha.
L-Artikolu 4(1)(t) tal-ER assenja kompitu ġdid lill-Europol: li tappoġġa lill-Istati Membri fl-ipproċessar ta’ data dwar individwi involuti fit-terroriżmu jew f’reati serji pprovduta minn pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali. Dan jinkludi li l-Istati Membri jiġu proposti l-possibbiltà li jdaħħlu allerti ta’ informazzjoni dwar nazzjonali ta’ pajjiżi terzi fl-interess tal-Unjoni fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS). Din il-kategorija ġdida ta’ allerti ta’ informazzjoni ġiet introdotta fl-2022, wara emenda fir-Regolament (UE) 2018/1862 dwar l-użu tas-SIS fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.
Ċerta informazzjoni, speċjalment meta l-individwu kkonċernat ma jkunx ċittadin tal-UE u ma jkun hemm l-ebda relazzjoni ma’ każ nazzjonali, tiġi kondiviża mill-pajjiż terz mal-Europol biss, li tipproċessa d-data u tikkondividi r-riżultati tal-analiżi tagħha mal-Istati Membri kollha. L-għan tad-dispożizzjonijiet il-ġodda kien li jiġi massimizzat l-isfruttament tal-informazzjoni li l-Europol tirċievi mingħand pajjiżi terzi billi ssir aktar aċċessibbli milli kieku kienet disponibbli biss permezz tas-sistema proprja tal-Europol. Dan ikkomplementa miżuri oħrajn, bħall-Portal Ewropew tat-Tfittxija (ESP, European Search Portal) u l-qafas ta’ interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE għall-ġestjoni tas-sigurtà, tal-fruntieri u tal-migrazzjoni, li jindirizzaw in-nuqqasijiet strutturali relatati ma’ dawk is-sistemi li jimpedixxu l-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali u b’mod partikolari tal-gwardji tal-fruntieri.
Is-SIS titqies bħala mezz ta’ tixrid addizzjonali ewlieni: hija l-aktar bażi tad-data użata fl-Ewropa għall-infurzar tal-liġi, il-kontroll tal-fruntieri u l-migrazzjoni. Fl-2024, saru aktar minn 15-il biljun tfittxija fis-SIS, meta mqabbla ma’ madwar 14-il miljun tfittxija fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol (EIS, Europol Information System) u anqas minn 3 biljun tfittxija (madwar id-dinja) fid-19-il bażi ta’ data tal-INTERPOL, li huma ż-żewġ sistemi ewlenin l-oħrajn ta’ informazzjoni għall-awtoritajiet kompetenti.
(2)Innovazzjoni: L-Artikoli 18(2)(e) u 33a tal-ER dwar l-ipproċessar ta’ data personali mill-Europol għal proġetti ta’ innovazzjoni u riċerka
L-iżviluppi teknoloġiċi jippreżentaw kemm opportunitajiet enormi kif ukoll sfidi konsiderevoli għas-sigurtà interna tal-UE
u kellhom impatt tant profond fuq il-kriminalità li saħansitra biddlu n-natura profonda, id-“DNA”, tat-theddid mill-kriminalità serja u organizzata. Il-kriminali malajr jintegraw teknoloġiji ġodda fl-operazzjonijiet tagħhom, joħolqu mudelli ġodda ta’ negozju u jirfinaw it-tattiċi tagħhom. Fl-istess ħin, dawn l-avvanzi joffru opportunitajiet mingħajr preċedent għall-infurzar tal-liġi biex isaħħaħ il-kapaċitajiet tiegħu. Għalhekk, ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom rwol kruċjali fis-sigurtà interna billi jiżviluppaw soluzzjonijiet għall-ġlieda kontra t-theddid emerġenti u jżommu l-pass mal-forom u l-modus operandi li qegħdin jevolvu malajr tan-networks kriminali, inklużi dawk li jirriżultaw mill-użu ħażin tat-teknoloġija. L-Unjoni investiet, u se tkompli tinvesti, fl-iżvilupp ta’ għodod innovattivi permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni tas-sigurtà ffinanzjati mill-UE, taħt ProtectEU, l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Interna.
Il-Laboratorju tal-Innovazzjoni tal-Europol (EIL, Europol Innovation Lab), stabbilit fl-aħħar tal-2019, fuq il-mandat tal-ministri tal-ĠAI tal-Istati Membri tal-UE, għandu l-għan li jixpruna l-impenn tal-Europol għall-innovazzjoni fl-infurzar tal-liġi. Ir-Regolament (UE) 2022/991 introduċa emendi sostanzjali għar-Regolament tal-Europol biex jissaħħaħ il-mandat tal-Europol għall-innovazzjoni, kemm sabiex jiġi appoġġat il-potenzjal tal-EIL kif ukoll sabiex jiġu promossi sinerġiji ma’ attivitajiet oħrajn ta’ riċerka u innovazzjoni fil-livell tal-UE, inkluż b’mod partikolari fil-Kummissjoni, taħt iċ-Ċentru tal-Innovazzjoni tal-UE għas-Sigurtà Interna.
L-Artikolu 18(2) tal-ER dwar l-għanijiet tal-attivitajiet tal-ipproċessar tal-informazzjoni ġie emendat biex jippermetti lill-Europol tipproċessa data personali operazzjonali anke għal proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni. Id-disponibbiltà ta’ settijiet ta’ data ta’ kwalità għolja li jippermettu l-ittestjar empiriku tal-validità ta’ għodod ġodda titqies b’mod wiesa’ bħala prekundizzjoni ewlenija għall-iżvilupp tat-teknoloġiji. B’kuntrast ma’ dan, settijiet ta’ data mhux affidabbli jew preġudikati għall-ittestjar jistgħu jwasslu għall-produzzjoni ta’ teknoloġiji substandard.
Fl-Artikoli 18(3a), 30(2) u (3), u 33a tal-ER ġew stabbiliti salvagwardji mfassla apposta għall-protezzjoni tad-data għal tali pproċessar. Dan l-Artikolu tal-aħħar kien jirrikjedi li jiġi stabbilit ambjent ta’ esperimentazzjoni billi jistipula li kwalunkwe data personali pproċessata fil-kuntest ta’ proġett trid tiġi kkupjata temporanjament f’ambjent separat, iżolat u protett għall-ipproċessar tad-data fi ħdan il-Europol biex tintuża biss għal dak il-proġett.
(3)Investigazzjonijiet kriminali: L-Artikoli 18(6a) u 18a tal-ER dwar il-kundizzjonijiet għall-ipproċessar ta’ data personali li tasal mingħajr Kategorizzazzjoni tas-Suġġett tad-Data (DSC, Data Subject Categorisation)
Fir-rwol tagħha bħala ċ-ċentru ta’ informazzjoni kriminali tal-UE, il-Europol mhux biss tiffaċilita l-ġbir u l-iskambju ta’ informazzjoni iżda tgħin ukoll biex tiżdied l-effettività tal-investigazzjonijiet permezz ta’ analiżi avvanzata tad-data, u billi tidentifika rabtiet bejn ir-reati kriminali u n-networks kriminali bejn il-fruntieri li ma humiex viżibbli fil-livell nazzjonali. Dawn il-kapaċitajiet jappoġġaw lill-Istati Membri billi jsaħħu l-informazzjoni disponibbli għall-investigazzjonijiet kriminali tagħhom.
Bl-użu estensiv u intensiv tat-teknoloġija, settijiet ta’ data kbar u kumplessi saru n-normalità l-ġdida fl-aspetti kollha tal-ħajja, inkluża l-kriminalità.
L-investigazzjonijiet dwar il-kriminalità organizzata jew it-terroriżmu bdew jiffaċċjaw l-isfida li jiġu analizzati volumi kbar ta’ data maħżuna elettronikament, li spiss jammontaw għal terabytes, inkluża data awdjo, vidjo u ġġenerata mill-magni miġbura matul l-investigazzjonijiet. Pereżempju, fl-investigazzjoni konġunta biex jiġi eliminat in-network EncroChat
, l-investigaturi analizzaw miljuni ta’ messaġġi li l-kriminali skambjaw biex jippjanaw reati serji. F’dan l-isfond, id-disponibbiltà tal-għodod neċessarji tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT), l-għarfien espert u r-riżorsi biex jiġu analizzati settijiet ta’ data kbar u kumplessi (magħrufa fil-lingwaġġ tekniku bħala “big data”
) huma kruċjali għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji.
Filwaqt li r-Regolament tal-Europol adottat fl-2016 ma imponiex restrizzjonijiet bħala tali fuq l-analiżi tal-big data, dan ma kellux dispożizzjonijiet strutturati li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-analiżi ta’ din it-tip ta’ data. L-aktar punt kritiku kien ir-rekwiżit tad-DSC. Id-DSC tirreferi għall-ħtieġa li jiġu skrinjati s-settijiet tad-data biex id-data personali tiġi kklassifikata skont kategoriji differenti, elenkati b’mod eżawrjenti fl-Anness II.A. u fl-Anness II.B. tar-Regolament tal-Europol, qabel ma jsir l-ipproċessar reali tad-data għal finijiet investigattivi, inkluż qabel ma ssir kontroverifika tad-data biex jiġu identifikati rabtiet jew jitwettqu analiżijiet ta’ natura strateġika jew tematika jew analiżijiet operazzjonali. Il-kategoriji rilevanti huma marbuta ma’ tipi differenti ta’ involviment f’investigazzjonijiet kriminali, inklużi (i) persuni suspettati, trasgressuri futuri potenzjali; kif ukoll (ii) kuntatti, assoċjati, vittmi, xhieda, u informaturi assoċjati ma’ attivitajiet kriminali. B’mod ġenerali, il-Europol la tista’ tipproċessa, u lanqas taħżen, id-data personali ta’ individwi li ma jaqgħu taħt l-ebda waħda minn dawn il-kategoriji.
Il-fornituri tad-data, bħall-Istati Membri jew il-korpi u l-aġenziji tal-UE, tipikament diġà jwettqu d-DSC qabel ma jittrasferixxu d-data personali lill-Europol. Skont id-dritt tal-Unjoni, dawn ilkoll huma meħtieġa jwettqu d-DSC għall-ipproċessar u l-investigazzjonijiet tagħhom stess, irrispettivament mit-trasferiment tad-data lill-Europol, u abbażi ta’ regoli ekwivalenti iżda mhux identiċi għal dawk tal-Europol. Madankollu, għal settijiet ta’ data kbar u kumplessi, l-ipproċessar manwali minn qabel huwa eżerċizzju li jeħtieġ ħafna riżorsi u li jieħu ħafna ħin. L-analiżi tad-data f’mobile wieħed tista’ tieħu sa 3 ijiem, b’mod semiawtomatizzat, u matul investigazzjoni jistgħu jinqabdu anke mijiet ta’ mowbajls. Id-DSC għall-big data mhux dejjem hija possibbli, minħabba l-volum kbir tas-settijiet tad-data, il-mod kif id-data hija strutturata (jew le), in-nuqqas ta’ riżorsi, jew l-isforz manwali eċċessiv meħtieġ. Fil-prattika, l-unika possibbiltà hija li l-ewwel tiġi analizzata d-data f’aktar dettall mil-lat operazzjonali, jew li jiġu identifikati l-links, anke b’mod semiawtomatizzat, permezz ta’ kontroverifika tad-data disponibbli.
Ir-Regolament (UE) 2022/991 iċċara l-kundizzjonijiet għad-DSC biex jipprovdi ċertezza legali fir-rigward tal-ipproċessar ta’ settijiet ta’ data kbar u kumplessi. Il-Europol u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS, European Data Protection Supervisor) kellhom interpretazzjonijiet differenti tal-formulazzjoni u tal-ispirtu tar-Regolament tal-Europol rigward il-perjodu ta’ żamma tad-data applikabbli. Skont il-Europol, dak il-perjodu għandu jkun ta’ 3 snin; skont l-EDPS, dan għandu jkun ta’ 6 xhur. Kienu neċessarji wkoll dispożizzjonijiet ġodda biex tiġi pprovduta flessibbiltà addizzjonali, u biex jintlaħaq bilanċ xieraq bejn l-aspetti tal-protezzjoni tad-data u tas-sigurtà.
L-Artikolu 18(5a) tal-ER, flimkien mal-Artikolu 73 tal-EUDPR, l-ewwel iċċara aktar il-prinċipju ġenerali tad-DSC skont l-Artikolu 18(2) u l-Anness II. Il-Europol tingħata l-kompitu, meta jkunapplikabbli u sa fejn ikun possibbli, li tagħmel assenjazzjoni ċara tad-data personali għal kategorija speċifika ta’ suġġetti tad-data. Fil-prattika, bħala regola, il-Europol għandha tiddetermina r-rwol preċiż fl-attività kriminali (pereżempju, jekk persuna hijiex persuna suspettata, vittma jew xhud biss) għal kull persuna li d-data personali tagħha se tiġi pproċessata u mhux f’livell aggregat għall-persuni kollha f’fajl tad-data li għandu jiġi pproċessat, jew parti minnu, (pereżempju, billi sempliċiment tistabbilixxi li l-persuni kollha msemmija huma involuti f’attività kriminali li taqa’ taħt il-mandat tagħha abbażi ta’ eżaminazzjoni taċ-ċirkostanzi ġenerali li ġġeneraw il-fajl tad-data) qabel ma tkun tista’ tiġi pproċessata d-data personali.
L-Artikolu 18(6a) tal-ER jippermetti b’mod espliċitu l-ipproċessar ta’ data personali li tasal mingħajr DSC għal mhux aktar minn 18-il xahar, li jista’ jiġi estiż għal mhux aktar minn 36 xahar f’każijiet ġustifikati, esklużivament għall-finijiet tat-tlestija tad-DSC. L-Artikolu 18(6a) tal-ER ma jirreferix b’mod espliċitu għal settijiet ta’ data kbar u kumplessi iżda, b’mod aktar ġenerali, jirrikjedi test ta’ “neċessità stretta”.
L-Artikolu 18a tal-ER jipprovdi deroga billi jippermetti lill-Europol tipproċessa data personali li tasal mingħand awtorità kompetenti, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) jew mill-Eurojust, meta jkun neċessarju biex tappoġġa investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja, mingħajr il-ħtieġa li titwettaq id-DSC, jekk din ma tkunx diġà twettqet, u lil hinn mill-kategoriji ta’ suġġetti tad-data elenkati fir-Regolament tal-Europol. Il-Europol tista’ tipproċessa d-data permezz ta’ analiżi operazzjonali, jew f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, permezz ta’ kontroverifika biex jiġu identifikati konnessjonijiet jew links rilevanti oħrajn. Din id-deroga tfasslet biex tindirizza d-differenzi bejn ir-regoli dwar id-DSC applikabbli għall-Europol u dawk applikabbli għall-awtoritajiet kompetenti, l-UPPE u l-Eurojust.
(4)Kooperazzjoni ma’ partijiet terzi: L-Artikoli 26, 26a u 26b tal-ER dwar l-iskambju ta’ data personali bejn il-Europol u l-partijiet privati
Il-kriminali qegħdin jabbużaw dejjem aktar mis-servizzi (transfruntieri) ta’ partijiet privati – servizzi bbażati fuq l-internet, servizzi finanzjarji u servizzi klassiċi tat-telekomunikazzjoni. Konsegwentement, il-partijiet privati għandhom ammont kbir ta’ data personali rilevanti għall-investigazzjonijiet kriminali. B’mod partikolari, l-internet ħoloq spazju pubbliku li huwa effettivament f’idejn privati, li jagħmilha diffiċli li r-regoli online għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi jiġu infurzati b’mod effettiv daqslikieku kienu offline.
F’dan l-isfond, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-partijiet privati saret indispensabbli. Kif stabbilit fi ProtectEU, l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Interna, se jkun essenzjali li jissaħħu s-sħubijiet mas-settur privat biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-informazzjoni. Fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom dwar il-futur tal-Europol, il-Kapijiet tal-Pulizija talbu wkoll li l-Europol isservi bħala “gateway vitali biex tinkiseb informazzjoni mingħand entitajiet privati”. In-natura ta’ din il-kollaborazzjoni tvarja mill-kondiviżjoni tal-informazzjoni u mill-forniment ta’ data kummerċjali b’sors miftuħ, sal-involviment fi proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni u l-għoti ta’ servizzi li jappoġġaw il-funzjonament korporattiv.
Pereżempju, fl-2025, il-Europol sfrattat b’suċċess Lumma Stealer, l-aktar theddida sinifikanti tal-infostealer fid-dinja, permezz ta’ kooperazzjoni ma’ Microsoft, li kienet identifikat aktar minn 394 000 kompjuter Windows infettati globalment mill-malware Lumma.
Ir-Regolament (UE) 2022/991 introduċa possibbiltajiet addizzjonali għall-Europol biex tiskambja data personali ma’ partijiet privati. Qabel, il-Europol setgħet tirċievi data personali minn partijiet privati biss permezz ta’ Unità Nazzjonali tal-Europol (ENU, Europol National Unit), jew permezz ta’ punti ta’ kuntatt jew awtoritajiet identifikati minn qabel ta’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. L-iskop tal-ipproċessar tal-Europol kien limitat għall-identifikazzjoni tal-ENU rilevanti, jew tal-punt ta’ kuntatt tal-pajjiż terz u tal-organizzazzjoni internazzjonali jew tal-awtorità li tista’ tassumi r-responsabbiltà għall-każ.
L-Artikolu 26 emendat tal-ER wessa’ l-kompitu tal-Europol, li jippermettilha tipproċessa l-informazzjoni (inkluża d-data personali) minn partijiet privati b’mod komprensiv. Skop primarju tal-ipproċessar baqa’ li tiġi identifikata l-Unità Nazzjonali tal-Europol (ENU) ikkonċernata. Madankollu, il-Europol issa tista’ wkoll tissupplimenta l-informazzjoni bl-analiżi tagħha stess biex tiffaċilita l-ipproċessar ulterjuri ta’ każ fil-livell nazzjonali.
Minbarra d-dispożizzjonijiet orizzontali tal-Artikolu 26 tal-ER, l-Artikolu 26a tal-ER introduċa regoli għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi online u l-Artikolu 26b indirizza t-tixrid ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online. F’dawk il-każijiet, il-Europol tista’ tassisti lill-Istati Membri billi tipproċessa data personali li tasal direttament mingħand partijiet privati. Il-Europol tista’ wkoll tibgħat data personali lil partijiet privati fuq bażi ta’ każ b’każ.
Ir-Regolament (UE) 2022/991 introduċa l-possibbiltà li tintuża l-infrastruttura tal-Europol għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-partijiet privati, kif ukoll il-kapaċità tal-Europol li titlob li l-Istati Membri jiksbu, f’konformità mal-liġijiet nazzjonali tagħhom, data personali minn partijiet privati.
Dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati f’koerenza ma’ inizjattivi oħrajn, bħar-Regolament dwar il-Kontenut Terroristiku Online (TCO, Terrorist Content Online) u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA, Digital Services Act). Huma previsti miżuri ulterjuri li jsaħħu l-involviment ta’ partijiet privati fil-ġlieda kontra l-kriminalità u l-iffaċilitar tal-aċċess legali għad-data biex titwettaq “l-ambizzjoni ta’ bidla fil-kultura fis-sigurtà” (approċċ min-naħa tas-soċjetà kollha) skont ProtectEU, l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Interna.
(5)Sorveljanza interna u esterna dwar il-konformità tal-Europol mad-drittijiet fundamentali
Ir-Regolament (UE) 2022/991 jenfasizza l-obbligu tal-Europol li tirrispetta d-drittijiet fundamentali skont id-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-kompiti tal-Europol u salvagwardji relatati msaħħa, b’mod partikolari billi jsaħħaħ is-sorveljanza interna u esterna tal-Aġenzija.
Fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, l-allinjament tar-Regolament tal-Europol mas-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data skont l-EUDPR implika l-introduzzjoni ta’ regoli ġodda għas-sorveljanza mill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data (UPD) u mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS). Pereżempju, l-obbligu li tiġi pprovduta valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data (DPIA, Data Protection Impact Assessment) u konsultazzjoni minn qabel mal-EDPS saru sistematiċi għal kwalunkwe tip ġdid ta’ pproċessar. Ir-Regolament (UE) 2022/991 introduċa wkoll kompetenza ġdida tal-Europol għat-talbiet għad-drittijiet ta’ aċċess. Qabel, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kienu responsabbli biex jittrattaw it-talbiet għad-drittijiet ta’ aċċess jekk l-Istati Membri kienu l-fornituri tad-data.
Ir-Regolament (UE) 2022/991 stabbilixxa wkoll pożizzjoni ġdida ta’ uffiċjal għad-drittijiet fundamentali (FRO, Fundamental Rights Officer) fil-Europol, li huwa, fost l-oħrajn, inkarigat biex jinforma lid-direttur eżekuttiv tal-Europol dwar ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali matul l-attivitajiet tal-Aġenzija.
Barra minn hekk, is-sorveljanza demokratika u l-obbligu ta’ rendikont ġew imsaħħa permezz tal-monitoraġġ politiku tal-attivitajiet tal-Europol mill-Parlament Ewropew u mill-parlamenti nazzjonali, kif previst fl-Artikolu 88(2), it-tieni subparagrafu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Ir-Regolament (UE) 2022/991 saħħaħ il-monitoraġġ mill-Grupp ta’ Skrutinju Parlamentari Konġunt (JPSG, Joint Parliamentary Scrutiny Group). Pereżempju, dan ippreveda l-konsultazzjoni obbligatorja tal-JPSG dwar l-abbozz ta’ programmazzjoni pluriennali u l-programm ta’ ħidma annwali tal-Europol, il-possibbiltà li l-JPSG jindirizza rakkomandazzjonijiet speċifiċi mhux vinkolanti lill-Europol, u jissottomettihom lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali, u l-istabbiliment ta’ forum konsultattiv biex jassisti lill-JPSG, fuq talba, billi jipprovdi pariri indipendenti dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet fundamentali.
3.Sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni
3.1.Is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni operazzjonali tas-setgħat u l-kompiti l-ġodda tal-Europol għall-ipproċessar tad-data personali
Ir-Regolament (UE) 2022/991 daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Ġunju 2022. Madankollu, l-implimentazzjoni operazzjonali tiegħu kienet tiddependi minn diversi miżuri ta’ governanza, tekniċi u amministrattivi, kif ukoll rekwiżiti operazzjonali, bħal, f’xi każijiet, l-istabbiliment ta’ strutturi ġodda tal-ICT.
Tliet snin wara, kważi d-dispożizzjonijiet kollha elenkati fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2022/991 saru operazzjonali. Id-dispożizzjonijiet relatati mal-analiżi ta’ settijiet ta’ data kbar u kumplessi (l-Artikoli 18(6a) u 18a tal-ER) u l-kooperazzjoni ma’ partijiet privati (l-Artikoli 26, 26a, u 26b tal-ER) bdew japplikaw mit-28 ta’ Ġunju 2022, jew ftit wara dan. L-ipproċessar ta’ data personali għal proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni (l-Artikolu 18(2)(e) tal-ER) li beda fl-2023 wara l-ambjent ta’ esperimentazzjoni, bl-isem ODIN, ġie stabbilit biex jikkonforma mar-rekwiżiti speċifiċi għall-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 33a tal-ER. Sad-29 ta’ Ġunju 2025, il-possibbiltà għall-Europol li tipproponi allerti ta’ informazzjoni fis-SIS lill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 4(1)(t) tal-ER kienet għadha ma saritx operazzjonali, peress li l-implimentazzjoni teknika tat-tip il-ġdid ta’ allert għadha għaddejja. Id-dħul fis-seħħ huwa mistenni fl-2026.
3.2.Evalwazzjoni tal-impatt operazzjonali tas-setgħat u tal-kompiti l-ġodda tal-Europol għall-ipproċessar tad-data personali fuq l-objettivi tal-Aġenzija skont l-Artikolu 3 tal-ER
Fir-rigward tal-impatt operazzjonali tas-setgħat u l-kompiti l-ġodda tal-Europol għall-ipproċessar tad-data personali, il-konsultazzjoni indikat li l-Istati Membri ġeneralment iżommu perspettiva favorevoli tar-rilevanza, l-effettività u l-valur miżjud tagħhom, u l-appoġġ tal-Europol lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom fl-oqsma relatati.
Is-setgħat investigattivi koperti minn din l-evalwazzjoni ma jintużawx kontinwament jew sistematikament biex tiġi pproċessata d-data għal finijiet ta’ monitoraġġ; xi wħud huma saħansitra ta’ natura eċċezzjonali, filwaqt li oħrajn jintużaw b’mod aktar regolari fuq bażi ta’ ħtiġijiet fl-investigazzjonijiet. L-użu operazzjonali tad-dispożizzjonijiet il-ġodda matul il-perjodu ta’ referenza varja b’mod sinifikanti f’termini kwantitattivi, skont il-karatteristiċi tekniċi u l-kundizzjonijiet legali differenti assoċjati mad-dispożizzjonijiet il-ġodda.
Il-Europol irċeviet għadd mhux negliġibbli ta’ kontributi ġodda mingħajr id-DSC mill-Istati Membri skont l-Artikolu 18(6a) tal-ER, li ammontaw għal 653 fl-2023 u 597 fl-2024. Ma kien hemm l-ebda żieda fuq terminu qasir fil-kontributi mingħajr id-DSC, u l-għadd ta’ każijiet fejn ġie applikat l-Artikolu 18(6a) baqa’ stabbli meta mqabbel ma’ każijiet ekwivalenti fil-perjodu ta’ qabel it-28 ta’ Ġunju 2022. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda lanqas ma kellhom xi impatt negattiv fuq l-involviment tal-Istati Membri fit-twettiq tad-DSC. Bejn l-2023 u l-2024, is-sehem tal-kontributi mingħajr id-DSC ammonta għal anqas minn 1 % tal-kontributi kollha aċċettati mill-Europol mingħand l-Istati Membri (0,85 % fl-2023 u 0,71 % fl-2024). Minn Ġunju 2022, il-Europol lestiet id-DSC b’mod konsistenti fi żmien 18-il xahar, mingħajr ma użat il-perjodu ta’ żmien estiż ta’ 36 xahar. Il-Europol u sitt Stati Membri enfasizzaw li, minkejja ċ-ċertezza legali mtejba, il-piż amministrattiv baqa’ sinifikanti kemm għall-Europol kif ukoll għall-awtoritajiet kompetenti minħabba l-isforz meħtieġ biex jikkonformaw mal-kategorizzazzjoni tad-data personali permezz tal-involviment individwali fir-reat kriminali. Dan ir-rekwiżit huwa implimentat b’mod strett ħafna mill-Europol.
Il-Europol irrapportat li l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ partijiet privati kien għadu negliġibbli fl-2023, peress li ġew irreġistrati biss 26 każ tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 26 tal-ER (minbarra l-każijiet li jaqgħu taħt l-Att dwar is-Servizz Diġitali). Madankollu, fl-2024, l-istatistika wriet żieda qawwija għal 284 (kważi +1 000 %) każ li jinvolvu kooperazzjoni ma’ partijiet privati skont l-Artikolu 26 tal-ER. Dan kien partikolarment il-każ għal data minn kumpaniji privati biex jinvestigaw reati finanzjarji u ekonomiċi. Il-Europol għamlet użu sinifikanti wkoll mill-Artikolu 26b tal-ER fil-ġlieda kontra l-Isfruttament Sesswali tat-Tfal (CSE, Child Sexual Exploitation), fejn il-kooperazzjoni ma’ partijiet privati kienet diġà sostanzjali ħafna qabel. Fiż-żewġ każijiet, id-data tinkludi wkoll kooperazzjoni li kienet possibbli taħt il-qafas legali preċedenti. Id-data disponibbli ma tiżvelax sa liema punt dawn il-każijiet il-ġodda jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet il-ġodda jew użu akbar tal-possibbiltajiet eżistenti.
Fl-2025, il-Europol adottat strateġija ġdida biex tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ partijiet privati. Barra minn hekk, ittieħdu miżuri biex tiġi aġġornata l-infrastruttura tal-ICT tal-Europol disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti għall-iskambju ta’ informazzjoni ma’ partijiet privati. Fl-2023, il-Europol nediet il-Plateforme Européenne de Retraits de Contenus Illégaux sur Internet (PERCI) biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tar-Regolament TCO u, fil-futur, possibbilment ukoll l-Artikolu 18 tad-DSA, kif ukoll is-Servizz ta’ Indikazzjoni ta’ Abbuż tat-Tfal tal-UE (EU CARES). PERCI ma hijiex inkorporata fi ħdan is-Sistema ta’ informazzjoni tal-Europol (EIS).
Dispożizzjonijiet oħrajn ma ġew utilizzati bl-ebda mod (l-Artikolu 26a tal-ER), minkejja li kienu operattivi, jew ġew applikati biss b’mod eċċezzjonali (każ wieħed fejn l-Artikolu 18a tal-ER intuża fl-2024 u proġett wieħed twettaq bl-ipproċessar ta’ data personali skont l-Artikolu 18(1)(t) tal-ER fl-2025, bi tliet proġetti ġodda diġà ppjanati).
Minħabba l-perjodu limitat tal-implimentazzjoni operazzjonali tad-dispożizzjonijiet introdotti mir-Regolament (UE) 2022/991 u n-natura twila tal-investigazzjonijiet kriminali u tal-proċedimenti ġudizzjarji, l-Istati Membri ma setgħux jipprovdu data kwantitattiva dwar l-impatt ta’ dawk id-dispożizzjonijiet f’termini operazzjonali. Minflok, huma offrew xi eżempji ta’ investigazzjonijiet ta’ suċċess li juru l-benefiċċji tanġibbli tal-possibbiltajiet investigattivi l-ġodda f’sitwazzjonijiet ta’ ħajja reali għad-dispożizzjonijiet li diġà qegħdin jintużaw, jiġifieri EncroChat, Sky ECC, networks kriminali bbażati fil-Balkani involuti fit-traffikar tal-kokaina jew Lumma Stealer.
Il-Europol u tmien Stati Membri indikaw ukoll ftit oqsma għal titjib biex jiġi massimizzat l-użu effiċjenti u koerenti tal-qafas legali l-ġdid u jissaħħaħ ir-rwol tal-Europol fil-futur. Hemm tħassib, b’mod partikolari mill-Europol, li l-kumplessità eċċessiva, il-frammentazzjoni u t-tul tad-dispożizzjonijiet legali jistgħu jiskoraġġixxu lill-prattikanti jew lill-partijiet privati milli jużaw l-istrumenti ġodda disponibbli. Il-kummenti tal-Istati Membri pjuttost jikkonċernaw il-mod li bih il-Europol timplimenta b’mod restrittiv is-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data taħt is-sorveljanza tal-EDPS, li jirriskja li jimmina l-effettività u l-valur miżjud ta’ ċerti dispożizzjonijiet.
3.3.Valutazzjoni tal-impatt tas-setgħat u tal-kompiti l-ġodda tal-Europol għall-ipproċessar tad-data personali fuq id-drittijiet fundamentali
Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda evidenza ta’ impatt negattiv fuq id-drittijiet fundamentali li jirriżulta mill-użu operazzjonali tas-setgħat il-ġodda għall-ipproċessar tad-data personali mill-użu limitat li sar sa issa tas-setgħat il-ġodda għall-ipproċessar tad-data personali.
Minbarra l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti speċifiċi tal-protezzjoni tad-data assoċjati mas-setgħat il-ġodda għall-ipproċessar tad-data personali, il-Europol ħadet progressivament il-miżuri kollha neċessarji biex timplimenta l-mekkaniżmi orizzontali ta’ sorveljanza l-ġodda relatati mad-drittijiet fundamentali.
Fl-2024, il-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Europol adotta r-regoli ta’ implimentazzjoni riveduti tal-UPD bħala wieħed mill-aħħar atti ta’ implimentazzjoni neċessarji relatati mar-reġim il-ġdid tal-protezzjoni tad-data. L-evidenza miġbura tissuġġerixxi li l-Europol u l-Bord ta’ Amministrazzjoni tagħha żguraw ukoll, f’kooperazzjoni mal-UPD tal-Europol u mal-EDPS, implimentazzjoni rigoruża tas-salvagwardji l-ġodda għall-protezzjoni tad-data introdotti fl-2022. Dak l-approċċ impedixxa effettivament prima facie kwalunkwe impatt jew interferenza negattiva mill-użu inizjali tas-setgħat il-ġodda għall-ipproċessar tad-data personali mad-drittijiet tal-individwi għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali. Skont l-Istati Membri, il-Europol bħalissa għandha stabbilit qafas legali robust għall-protezzjoni tad-data, li jiżgura salvagwardji suffiċjenti għall-użu potenzjali akbar tas-setgħat il-ġodda tagħha. Seba’ Stati Membri saħqu wkoll li dan il-qafas jiffaċilita l-fluss tal-informazzjoni billi jżid il-fiduċja, għalkemm għad hemm lok għal titjib. Stat Membru wieħed biss esprima opinjoni negattiva.
Minbarra l-isfidi speċifiċi relatati mad-DSC, il-Europol u erba’ Stati Membri semmew bħala oqsma għal titjib il-kostijiet u ż-żmien assoċjati mal-Valutazzjoni tal-Impatt fuq il-Protezzjoni tad-Data (DPIA) u l-konsultazzjoni minn qabel tal-EDPS, li fil-prattika jitwettqu b’mod awtomatiku. Sfida oħrajn imqajma minn sitt Stati Membri hija t-trattament mill-Europol tat-talbiet għall-aċċess tas-suġġetti tad-data, li għalihom issa hija kompetenti anke meta Stat Membru jkun is-sid tad-data.
L-ewwel Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali nħatar f’Diċembru 2022. Fl-ewwel sentejn tal-mandat tiegħu, huwa ma rċieva jew ippreżenta l-ebda lment lid-direttur eżekuttiv. Il-JPSG kompla jimmonitorja mill-qrib l-attivitajiet tal-Europol u ma ħareġ l-ebda rakkomandazzjoni minn mindu daħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet il-ġodda. Fi Frar 2024, il-Parlament Ewropew waqqaf il-Forum Konsultattiv tal-JPSG għad-Drittijiet Fundamentali.
3.4.Analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji tas-setgħat u l-kompiti l-ġodda tal-Europol għall-ipproċessar tad-data personali
Minħabba l-istadju bikri tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet introdotti mir-Regolament (UE) 2022/991 u l-esperjenza limitata bihom, għadu kmieni wisq biex il-Kummissjoni tasal għal konklużjonijiet sinifikattivi dwar id-dispożizzjonijiet il-ġodda minn analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji.
Is-servizzi tal-Kummissjoni ġabru informazzjoni mill-Europol dwar il-kostijiet imġarrba sa issa b’rabta mal-implimentazzjoni operazzjonali tar-Regolament (UE) 2022/991, għad-dispożizzjonijiet taħt rieżami. Bejn l-2022 u l-2025, dawn il-kostijiet ammontaw għal madwar EUR 25 miljun (madwar 5 % tal-allokazzjoni totali lill-Europol), li primarjament kienu jinkludu kostijiet ta’ darba. Sal-lum, l-Istati Membri ma ġarrbu l-ebda kost ġdid rilevanti marbut speċifikament mar-Regolament (UE) 2022/991.
Il-biċċa l-kbira tal-kostijiet (kważi EUR 17-il miljun) kienu magħmula minn investimenti sinifikanti fl-iżvilupp ta’ strutturi ġodda tal-ICT, fl-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni (l-ambjent ta’ esperimentazzjoni ODIN), u għal sistemi tal-informazzjoni għall-iskambju ta’ data personali ma’ partijiet privati (PERCI u EU CARES). Il-kostijiet għar-riżorsi umani (HR), kemm relatati mal-ICT kif ukoll mal-operazzjonijiet, kienu jammontaw għal madwar terz tal-ispejjeż ġenerali (madwar EUR 8 miljun). L-HR se jirrappreżentaw il-kostijiet rikorrenti ewlenin fit-tul.
Ta’ min jinnota li l-ammont ta’ EUR 8 miljun imsemmi hawn fuq ma jinkludix il-kostijiet tal-HR għall-Unità tal-Ġestjoni tal-Informazzjoni (IMU, Information Management Unit) jew ir-riżorsi assoċjati ma’ miżuri ta’ sorveljanza (preċedenti u ġodda) li għandhom karattru orizzontali, u li għalihom ma huwiex possibbli li ssir diżaggregazzjoni fil-livell tal-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi. Il-kostijiet għal dawn ir-riżorsi ma humiex negliġibbli. Pereżempju, fl-2023, 60 ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time (FTEs, Full-Time Equivalents) (kważi 5 % tal-persunal tal-Europol) ġew stmati li kienu involuti f’attivitajiet f’korpi ta’ assigurazzjoni/superviżorji u f’entitajiet ta’ sorveljanza/konsulenza. Il-Europol assenjat 25 FTE għall-isforzi li għandhom l-għan li jirrispondu għas-superviżjoni tal-protezzjoni tad-data u għall-azzjonijiet ta’ assigurazzjoni korrispondenti. Dan jinkludi segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-EDPS, kif ukoll ħidma ġġenerata fil-kuntest ta’ konsultazzjonijiet minn qabel għall-ipproċessar tad-data operazzjonali. Sittax minn dawn il-25 FTE huma speċifikament involuti f’attivitajiet relatati mar-rekwiżiti tal-EDPS. Minn Ġunju 2025, il-Europol għandha tim iddedikat ta’ tmien membri tal-persunal full-time fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, inkluż id-DOP.
Skont il-Europol u ħmistax-il Stat Membru, il-benefiċċji tas-setgħat u tal-kompiti l-ġodda għall-ipproċessar tad-data personali, b’mod partikolari l-analiżi ta’ settijiet ta’ data kbar u kumplessi, kif ukoll il-kooperazzjoni ma’ partijiet privati, huma mistennija li jkunu sinifikanti u jaqbżu l-kostijiet assoċjati. L-ebda Stat Membru ma kellu fehma differenti. Xi titjib fl-effiċjenza huwa raġonevolment mistenni fit-tul, bis-saħħa tal-effetti tal-ekonomiji ta’ skala u t-tnaqqis tal-kostijiet marġinali. Stat Membru saħaq li “huwa importanti li l-Europol tipprovdi r-riżorsi tal-ICT neċessarji biex tipprovdi u tiżviluppa aktar l-għodod għall-implimentazzjoni tal-possibbiltajiet il-ġodda tar-Regolament (UE) 2022/991”, li kien appoġġat ukoll minn żewġ Stati Membri oħrajn u minn partijiet ikkonċernati oħrajn.
Fil-fehma tal-Europol u ta’ ħames Stati Membri, jeħtieġ ukoll li jiġu indirizzati ineffiċjenzi possibbli fl-implimentazzjoni fi ħdan il-qafas eżistenti ta’ governanza, amministrazzjoni u protezzjoni tad-data biex jiġi evitat li jiġi mminat l-impatt operazzjonali tal-kompiti l-ġodda għall-ipproċessar tad-data personali billi jiddewwem jew ristrett l-użu tagħhom. Ħames Stati Membri qajmu dubji dwar l-implimentazzjoni kawta wisq tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data mill-Europol u mill-Bord ta’ Amministrazzjoni tagħha, taħt il-gwida tal-EDPS. Huma jissuġġerixxu li l-flessibbiltà mogħtija mill-koleġiżlaturi għandha tintuża b’mod adegwat biex jiġu massimizzati l-effettività u l-effiċjenza tal-kompiti tal-Europol u jiġu żgurati r-rilevanza u l-profittabbiltà fit-tul tagħhom.
Evalwazzjoni tal-metodi ta’ ħidma tal-Europol u tal-oqsma potenzjali għas-simplifikazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 68(3) tal-ER u se titwettaq fil-qafas tal-evalwazzjoni skont l-Artikolu 68(1) tal-ER.
4.Konklużjonijiet u t-triq ’il quddiem
Kollox ma’ kollox, is-sejbiet preliminari ewlenin tal-Kummissjoni huma li l-Istati Membri jżommu l-appoġġ tagħhom għar-rwol li għandha l-Europol fl-oqsma ewlenin fejn bħalissa qiegħda tassisti lill-Istati Membri bil-kompiti l-ġodda tagħha għall-ipproċessar ta’ data personali. Madankollu, biex jiġu massimizzati l-benefiċċji tas-setgħat il-ġodda għall-ipproċessar tad-data personali, fil-fehma ta’ xi partijiet ikkonċernati, hemm il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ineffiċjenzi possibbli, b’mod partikolari fi ħdan il-qafas eżistenti ta’ governanza, amministrazzjoni u protezzjoni tad-data. Ikun utli wkoll li jittaffew il-kumplessità u l-frammentazzjoni tal-qafas legali li jistgħu jiskoraġġixxu lill-prattikanti milli jagħmlu użu mill-possibbiltajiet il-ġodda.
B’mod ġenerali, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda evidenza li r-regoli l-ġodda kellhom impatt negattiv fuq id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari bis-saħħa ta’ salvagwardji robusti għall-protezzjoni tad-data, li jiffaċilitaw ukoll il-fluss tal-informazzjoni billi jżidu l-fiduċja tas-sħab. Għal xi Stati Membri, l-Aġenzija tat privileġġ lil approċċ konservattiv, filwaqt li għandu jsir użu adegwat mill-flessibbiltà mogħtija mill-koleġiżlaturi fir-rigward tal-Kategorizzazzjoni tas-Suġġett tad-Data, il-valutazzjoni tal-impatt tal-protezzjoni tad-data, il-konsultazzjoni minn qabel mal-Kontrollur tal-Europol għall-Protezzjoni tad-Data, it-trattament tat-talbiet għad-drittijiet ta’ aċċess.
Minħabba l-perjodu ta’ implimentazzjoni ġeneralment qasir tar-regoli l-ġodda dwar il-protezzjoni tad-data personali previsti fir-Regolament (UE) 2022/991, l-evidenza miġbura madankollu ma hijiex konklużiva dwar il-mistoqsijiet kollha.
Fi ProtectEU, l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Interna
tagħha, il-Kummissjoni ħabbret li se tipproponi reviżjoni ambizzjuża tal-mandat tal-Europol biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sigurtà li qegħdin jiżdiedu. F’konformità mal-Linji Gwida tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-Kummissjoni nediet tħejjijiet biex tevalwa r-Regolament tal-Europol u l-metodi ta’ ħidma tal-Europol, u dan iwitti t-triq għal proposta tal-Kummissjoni fl-2026 biex l-Aġenzija ssir aktar operattiva, kif stabbilit fil-Linji gwida politiċi. F’Lulju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat is-sejħa għal evidenza u kkummissjonat studju estern biex tappoġġa l-evalwazzjoni tar-Regolament tal-Europol u l-valutazzjoni tal-impatt għall-proposta l-ġdida. L-evalwazzjoni tar-Regolament tal-Europol imwettqa għall-finijiet tat-tħejjija ta’ dan ir-rapport hija maħsuba biex tikkontribwixxi għal dik l-evalwazzjoni.