18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 100/6


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 317/2009

tas-17 ta' April 2009

li jibdel l-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta’ importazzjoni addizzjonali ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 tal-25 ta' April 2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta’ importazzjoni addizzjonali ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi:

(1)

B’konsegwenza tal-falliment min-naħa tal-Istati Uniti biex iġibu l-Att dwar il-Kumpens għall-Persistenza tad-Dumping u għaż-Żamma tas-Sussidji (CDSOA) konformi mal-obbligi tagħhom skont il-ftehimiet tad-WTO, ir-Regolament (KE) Nru 673/2005 impona dazju doganali addizzjonali ad valorem ta' 15 % fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika mill-1 ta’ Mejju 2005. Bi qbil mal-awtorizzazzjoni tad-WTO biex tissospendi l-applikazzjoni ta’ konċessjonijiet lill-Istati Uniti, il-Kummissjoni kull sena għandha tirranġa l-livell ta’ sospensjoni għal-livell ta' tixjin jew ħsara kkawżat mis-CDSOA lill-Komunità f’dak il-waqt.

(2)

Il-ħlasijiet tas-CDSOA għall-aktar sena riċenti li għaliha hemm dejta disponibbli għandhom x’jaqsmu mad-distribuzzjoni ta' dazji kontra d-dumping u ta' kontrobilanċ miġbura matul is-Sena Fiskali 2008 (mill-1 ta' Ottubru 2007 sat-30 ta' Settembru 2008). Abbażi tad-dejta ppubblikata mid-Dwana u l-Protezzjoni tal-Fruntieri tal-Istati Uniti, il-livell ta' tixjin jew ħsara kkawżat lill-Komunità huwa kkalkulat li jammonta għal USD 16,31 miljun.

(3)

Billi l-livell ta’ tixjin jew ta’ ħsara u għaldaqstant dak ta’ sospensjoni naqas, il-prodotti fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 673/2005 li kienu miżjuda fl-2006 u l-2007 mal-lista fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 673/2005 għandhom jitneħħew l-ewwel mil-lista fl-Anness I għal dak ir-Regolament. Erba' prodotti tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 673/2005 għandhom imbagħad jitneħħew mill-Anness I għal dak ir-Regolament b'segwiment tal-ordni ta' dik il-lista.

(4)

L-effett ta' dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni ta’ 15 % ad valorem fuq importazzjonijiet mill-Istati Uniti tal-prodotti fl-Anness I emendat jirrappreżenta, fuq tul ta' sena, valur ta’ kummerċ li ma jisboqx is-USD 16,31 miljun.

(5)

Biex ikun żgurat li ma jkun hemm ebda dewmien fl-iżdoganar ta' merkanzija mneħħija mill-ambitu ta' dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni ta’ 15 % ad valorem, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(6)

Il-miżuri msemmija f'dan ir-Regolament huma fi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat tar-ritaljazzjoni kummerċjali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 673/2005 huwa sostitwit bit-test tal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ April 2009.

Għall-Kummissjoni

Catherine ASHTON

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 110, 30.4.2005, p. 1.


ANNESS

“ANNESS I

Il-prodotti li fuqhom għandhom japplikaw id-dazji addizzjonali huma identifikati permezz tal-kodiċi NM tagħhom bi tmien numri. Id-deskrizzjoni tal-prodotti klassifikati taħt dawn il-kodiċi tista' tinstab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffi u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 493/2005 (2).

4820 10 50

6204 63 11

6204 69 18

6204 63 90

6104 63 00

6203 43 11

6103 43 00

6204 63 18

6203 43 19

6204 69 90

6203 43 90

0710 40 00

9003 19 30

8705 10 00


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)   ĠU L 82, 31.3.2005, p. 1.”