Opinion of the Advocate-General
Werrej
I – Introduzzjoni
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-Ftehim ta’ Lisbona
B – Il-konvenzjoni bilaterali
C – Id-dritt tal-Unjoni
III – Il-fatti tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
A – Il-fatti u l-proċedimenti quddiem l-UASI
B – Sunt tas-sentenza appellata
IV – Il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-konklużjoni tal-partijiet
V – Xi kunsiderazzjonijiet preliminari dwar l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94
A – L-oppożizzjoni bbażata fuq trade mark preċedenti rreġistrata: l-Artikolu 8(1) u (2)
B – L-oppożizzjoni bbażata fuq sinjali oħrajn: l-Artikolu 8(4)
1. Fl-ambitu tal-Artikolu 8(4), jidħlu sinjali eteroġenji ħafna
2. Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(4) huma maħsuba biex jiżguraw li s-sinjali invokati bis-saħħa ta’ dik id-dispożizzjoni huma rilevanti
C – Dwar il-possibbiltà li jiġu applikati b’analoġija l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) għall-paragrafu 4 tal-istess artikolu
VI – Analiżi tal-appell
A – Dwar l-ewwel aggravju, fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94
1. L-ewwel parti tal-ewwel aggravju: dwar il-kompetenza tal-UASI sabiex tevalwa l-validità tad-dritt invokat skont l-Artikolu 8(4) tar-regolament.
a) Definizzjoni tal-pożizzjonijiet
b) Kunsiderazzjonijiet
2. It-tieni parti tal-ewwel aggravju: dwar il-kundizzjoni rigward “li huwa wżat fil-kummerċ”
a) Kwantità u kwalità tal-użu
i) Definizzjoni tal-pożizzjonijiet
ii) Kunsiderazzjonijiet
b) It-territorju rilevanti sabiex jiġi ppruvat li huwa “wżat fil-kummerċ”
i) Definizzjonijiet tal-pożizzjonijiet
ii) Kunsiderazzjonijiet
c) Il-perijodu rilevanti sabiex jiġi evalwat li ġie “wżat fil-kummerċ”
i) Definizzjoni tal-pożizzjonijiet
ii) Kunsiderazzjonijiet
d) Korollarju
3. It-tielet parti tal-ewwel aggravju: rigward il-kundizzjoni li “mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali”.
a) Definizzjonijiet tal-pożizzjonijiet
b) Kunsiderazzjonijiet
4. Konklużjoni
B – Dwar it-tieni aggravju, rigward il-ksur tal-Artikoli 8(4), u 74(1) tar-Regolament Nru 40/94
1. Definizzjoni tat-tliet argumenti opposti
2. Kunsiderazzjonijiet
C – L-appell milqugħ u l-kawża rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali
VII – L-ispejjeż
VIII – Konklużjoni
I – Introduzzjoni
1. L-appell preżenti jifforma kapitlu ieħor fl-istorja proċesswali twila li tara kontra xulxin lill-produttriċi tal-birra mill-Istati Uniti Anheuser-Busch u dik Ċeka Budějovický Budvar, národní podnik (minn issa ’il quddiem “Budvar”), f’liema kuntest il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppronunzjat ruħha diversi drabi (2) . Minkejja li dawn is-sentenzi preċedenti jista’ jkollhom ċertu impatt fuq uħud mill-aspetti tal-kawża inkwistjoni, dak li qiegħed jiġi rrilevat f’dan il-każ partikolari huwa problema legali li sa issa għadha ma ġietx eżaminata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
2. Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-Qorti Ġenerali) tas-16 ta’ Diċembru 2008, Budějovický Budvar vs Anheuser-Busch (BUD) (3), li issa qed tiġi appellata, laqgħet it-talbiet għal annullament li saru minn Budvar fir-rigward ta’ numru ta’ deċiżjonijiet tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni) (iktar ’il quddiem “l-UASI”) li permezz tagħhom ġiet miċħuda l-oppożizzjoni li saret minn Budvar kontra l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Bud ippreżentata minn Anheuser-Busch.
3. Il-fatti partikolari tal-każ jikkonsistu fil-fatt li Budvar opponiet għal din ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Bud abbażi tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (4), billi invokat l-eżistenza ta’ dritt preċedenti għad-denominazzjoni Bud li jirriżulta minn denominazzjoni ta’ oriġini li hija protetta fl-Awstrija u fi Franza permezz ta’ diversi strumenti internazzjonali.
4. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab għall-ewwel darba tinterpreta l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 u trid tagħmel dan f’kuntest li ma jidhirx li huwa dak l-iktar tipiku għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija. Il-loġika inerenti tal-Artikolu 8(4) tadatta ruħha b’mod iktar faċli għad-drittijiet li joriġinaw mis-sempliċi użu ta’ sinjali partikolari (pereżempju t-trade marks mhux reġistrati, imma anki skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ċerti ismijiet ta’ impriżi, ismijiet ta’ stabbilimenti jew ta’ ħwienet u ċerti sinjali distintivi) kif ukoll dawk li huma protetti permezz ta’ reġistrazzjoni formali, bħal fil-każ inkwistjoni.
5. Din l-aħħar ċirkustanza forsi setgħet kellha l-effett tagħha fuq is-sens ġenerali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, imma jien insostni li din ma għandhiex tinfluwixxi fuq l-eżitu tar-rikors tal-appell. Ċertament l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(4) għandha tkun biżżejjed flessibbli sabiex tadatta ruħha għall-varjetà kbira ta’ sinjali li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni. Madankollu din l-interpretazzjoni għandha ttendi li tkun uniformi. Li ma kienx hekk, il-kundizzjonijiet imposti minn dik id-dispożizzjoni ma jkunux jistgħu jaqdu l-funzjoni essenzjali tagħhom li jiżguraw l-affidabbilità u s-sinjifikat reali ta’ dawn is-sinjali mogħtija lilhom mil-leġizlatur.
6. Dawn il-kundizzjonijiet fil-fatt, huma mqiegħda fuq livell essenzjalment fattwali u l-osservanza tagħhom tiġi vverifikata fi ħdan dak il-kuntest. Dan għandu jgħodd, fil-fehma tiegħi anki fil-każijiet bħal dan il-każ partikolari, fejn l-eżistenza ta’ protezzjoni ġuridika fformalizzata u internazzjonali tista’ twassal għall-ħtieġa li jiġu fformulati r-rekwiżiti relattivi dwar l-“użu” u s-“sinifikanza” tas-sinjal.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-Ftehim ta’ Lisbona
7. L-Artikolu 1(2) tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar il-Protezzjoni ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom (5) jipprovdi li l-pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim (6) jimpenjaw irwieħhom li fit-territorji tagħhom, skont il-kliem tal-Ftehim, jipproteġu d-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti tal-pajjiżi l-oħra tal-“Unjoni Speċjali”, irrikonoxxuti u protetti bħala tali fil-pajjiż tal-oriġini u rreġistrati mal-uffiċċju internazzjonali msemmi fil-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (iktar ’il quddiem: il-“WIPO”).
8. Skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim, ir-reġistrazzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini skont dan il-ftehim issir fuq talba tal-amministrazzjonijiet tal-pajjiżi kontraenti, f’isem il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, pubbliċi jew privati, li għandhom id-dritt jużaw dawn id-denominazzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. F’dan il-kuntest, l-amministrazzjonijiet tal-pajjiżi kontraenti jistgħu jiddikjaraw li ma jistgħux jiżguraw il-protezzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini, b’indikazzjoni tar-raġunijiet, fi żmien sena mid-data ta’ meta tiġi rċevuta n-notifika tar-reġistrazzjoni.
9. Skont l-Artikoli 6 u 7 (1), id-denominazzjoni ta’ oriġini rreġistrata skont il-Ftehim ta’ Lisbona ma tistax titqies li saret ġenerika, sakemm tibqa’ protetta bħala denominazzjoni ta’ oriġini fil-pajjiż ta’ oriġini.
10. Mill-banda l-oħra, skont ir-Regola 16 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Ftehim ta’ Lisbona, meta l-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali jkunu invalidati f’pajjiż kontraenti u meta l-invalidità ma tkun suġġetta għal ebda appell, din l-invalidità għandha tiġi nnotifikata lill-Uffiċċju Internazzjonali mill-amministrazzjoni kompetenti ta’ dan il-pajjiż kontraenti.
11. Id-denominazzjoni ta’ oriġini “Bud” ġiet irreġistrata fl-10 ta’ Marzu 1975 bin-numru 598, skont il-Ftehim ta’ Lisbona.
B – Il-konvenzjoni bilaterali
12. Fil-11 ta’ Ġunju 1976, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Soċjalista taċ-Ċekoslovakkja kkonkludew ftehim dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ta’ provenjenza, dwar id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u dwar denominazzjonijiet oħra li jirreferu għall-provenjenza tal-prodotti agrikoli u industrijali (iktar ’il quddiem, il-“konvenzjoni bilaterali”) (7) .
13. Skont l-Artikolu 2 tal-ftehim, il-kliem indikazzjonijiet ta’ provenjenza, denominazzjonijiet ta’ oriġini u denominazzjonijiet oħrajn li jindikaw il-provenjenza jintużaw, għall-finijiet tal-ftehim, għall-indikazzjonijiet kollha marbuta direttament jew indirettament mal-provenjenza ta’ prodott.
14. Skont l-Artikolu 3(1) tal-Ftehim, “id-denominazzjonijiet Ċekoslovakki elenkati fil-Ftehim ipprovdut fl-Artikolu 6 fir-Repubblika tal-Awstrija għandhom ikunu rriżervati esklużivament għall-prodotti Ċekoslovakki”. Il-punt 2 tal-Artikolu 5(1)B jirreferi għall-birer bħala waħda mill-kategoriji tal-prodotti Ċeki koperti mill-protezzjoni mogħtija mill-konvenzjoni bilaterali, u l-Anness B għall-ftehim, li jirreferi għalih fl-Artikolu 6, jinkludi “Bud” bħala waħda mid-denominazzjonijiet Ċekoslovakki marbuta mal-prodotti agrikoli u industrijali (taħt l-intestatura “birra”).
C – Id-dritt tal-Unjoni
15. B’seħħ mit-13 ta’ April 2009 it-trade mark Komunitarja hija rregolata bir-Regolament il-ġdid (KE) Nru 207/2009 (8) . Madankollu għall-finijiet tad-deċiżjoni dwar l-appell preżenti, jibqgħu jkunu applikabbli ratione temporis id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 40/94.
16. L-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, li l-interpretazzjoni tiegħu tikkostitwixxi s-suġġett tal-appell inkwistjoni, jistipula kif ġej:
“Malli ssir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark mhux reġistrata jew ta’ sinjal ieħor li huwa wżat fil-kummerċ u li mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali, it- trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi rreġistrata skont il-liġi, meta u sa fejn, skont il-liġi tal-Istat Membru li tirregola dak is-sinjal;
(a) id-drittijiet għal dak is-sinjal kienu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja jew id-data tal-prijorità mitluba għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja;
(b) dak is-sinjal jagħti lill-proprjetarju d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiva.”
17. L-Artikolu 43(2) u (3) tal-istess regolament jistipula kif ġej:
“2. Fuq talba ta’ l-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja li jkun għamel notifika [ta’ oppożizzjoni] għandu jġib provi li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel il-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit- trade mark Komunitarja preċedenti fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-opposizzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m’għandhiex tintuża, sakemm it- trade mark Komunitarja preċedenti tkun f’dik id-data ilha rreġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. F’nuqqas ta’ provi ta’ din ix-xorta, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda. Jekk it -trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat b’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun irreġistrata, hija għandha, għall-finijiet ta’ l-eżami tal-oppożizzjoni, titqies li hija reġistrata biss f’konnessjoni ma’ dik il-parti tal-prodotti jew servizzi.
3. Il-paragrafu 2 japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a), u dan billi l-użu fl-Istat Membru fejn it- trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta jiġi sostitwit b’użu fil-Komunità.”
18. Skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 “fi proċedimenti quddiemu, l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq inizjattiva tiegħu stess; madankollu fi proċedimenti li jirrigwardjaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal [eżami] ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba”.
III – Il-fatti tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
A – Il-fatti u l-proċedimenti quddiem l-UASI
19. Anheuser-Busch, Inc. ippreżentat fl-1 ta’ April 1996, fit-28 ta’ Lulju 1999, fil-11 ta’ April u fl-4 ta’ Lulju 2000, erba’ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja tat-trade mark (figurattiva u verbali) Bud.
20. Fil-5 ta’ Marzu 1999, fl-1 ta’ Awwissu 2000, fit-22 ta’ Mejju u fil-5 ta’ Ġunju 2001, Budvar ressqet oppożizzjonijiet għal dawn ir-reġistrazzjonijiet skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 billi invokat, fl-ewwel lok, abbażi tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 it-trade mark figurattiva internazzjonali Nru 361.566 li hija effettiva fl-Awstrija, fil-Benelux u fl-Italja; u, fit-tieni lok, abbażi tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, id-denominazzjoni ta‘ oriġini “Bud” irreġistrata fl-10 ta’ Marzu 1975 mal-WIPO fis-sens tal-Ftehim ta’ Lisbona, li kienet effettiva fi Franza, fl-Italja, u fil-Portugall, kif ukoll id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta bl-istess isem fl-Awstrija skont il-konvenzjoni bilaterali.
21. Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2004 (Nru 2326/2004), id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba. Għall-kuntrarju, bid-deċiżjonijiet tat-23 ta’ Diċembru 2004 (Nri 4474/2004 u 4475/2004) u tas-26 ta’ Jannar 2005 (Nru 117/2005), id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni ta’ Budvar kontra r-reġistrazzjoni tat-tliet trade marks l-oħra. Budvar appellat minn dawn l-aħħar tliet deċiżjonijiet ta’ rifjut tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u min-naħa tagħha Anheuser-Busch appellat mid-deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2004 li laqgħet parzjalement l-oppożizzjoni.
22. Permezz ta’ tliet deċiżjonijiet mogħtija fl-14 ta’ Ġunju (Każ R 234/2005-2), fit-28 ta’ Ġunju (Każ R 241/2005-2) u fl-1 ta’ Settembru 2006 (Każ R 305/2005-2), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appelli ta’ Budvar. Permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fit-28 ta’ Ġunju 2006 (Każ R 802/2004-2), il-Bord tal-Appell laqa’ l-appell ta’ Anheuser-Busch u ċaħad l-oppożizzjoni ta’ Budvar fl-intier tagħha.
23. F’dawn l-erba’ deċiżjonijiet il-Bord tal-Appell tal-UASI rrileva, fl-ewwel lok, li ma jidhirx li Budvar qed tirreferi iktar għat-trade mark figurattiva internazzjonali Nru 361556 bħala l-bażi tal-oppożizzjoni tagħha, imma biss għad-denominazzjoni ta’ oriġini “Bud”.
24. Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li kien diffiċli li jitqies li s-sinjal BUD jista’ jiġi kkunsidrat bħala li huwa denominazzjoni ta’ oriġini, jew bħala indikazzjoni indiretta ta’ provenjenza ġeografika. Minn dan il-Bord tal-Appell ikkonkluda li oppożizzjoni ma setgħetx tirnexxi, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, fuq il-bażi ta’ dritt ippreżentat bħala denominazzjoni ta’ oriġini li, madankollu, fil-fatt, ma jkunx tali.
25. Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell, bl-applikazzjoni b’analoġija tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, u tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95 (9), qies li l-provi mressqa minn Budvar fir-rigward tal-użu tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” fl-Awstrija, fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall kienu insuffiċjenti.
26. Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-oppożizzjoni kellha wkoll tiġi miċħuda peress li Budvar ma wrietx li d-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni kienet tagħtiha d-dritt li tipprekludi l-użu tal-kelma “Bud”, bħala trade mark, fl-Awstrija jew fi Franza.
B – Sunt tas-sentenza appellata
27. Fis-26 ta’ Awwissu (10), fil-15 ta’ Settembru (11) u fl-14 ta’ Novembru 2006 (12), Budvar ressqet rikors quddiem il-Qorti Ġenerali mid-deċiżjonijiet imsemmija tal-Bord tal-Appell. Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ressqet motiv wieħed għar-rigward tal-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. Dan il-motiv wieħed u ta’ Budvar kien ifformulat f’żewġ partijiet: l-ewwel waħda kienet ibbażata fuq il-validità tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Bud” (il-Bord tal-Appell kien irrifjuta li jirrikonoxxi li t-trade mark “Bud” kienet tikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini); filwaqt li t-tieni parti kienet tirrigwarda l-applikabbiltà tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 (li ġiet eskluża mill-Bord tal-Appell u sostnuta minn Budvar).
28. Permezz tas-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, li ġiet appellata permezz tal-appell preżenti, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors dwar l-invalidità ppreżentat minn Budvar u laqgħet l-ewwel u t-tieni parti tal-uniku motiv hawn fuq imsemmi.
29. Il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel parti tal-motiv billi ddistingwiet għall-finijiet tal-analiżi tagħha bejn id-denominazzjoni tal-oriġini “bud” irreġistrata skont il-Ftehim ta’ Lisbona u d-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” protetta bis-saħħa tal-konvenzjoni bilaterali.
30. Fir-rigward tal-ewwel denominazzjoni, il-Qorti Ġenerali fakkret li skont il-ġurisprudenza tagħha, “il-validità ta’ trade mark nazzjonali ma setgħetx tiġi kkontestata fl-ambitu ta’ proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja” (punt 88), bir-riżultat li “Regolament Nru 40/94 jippresupponi li l-UASI jieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza tad-drittijiet preċedenti protetti fil-livell nazzjonali” (punt 89). Peress li, fi Franza, l-effetti tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” ma kinux ġew definittavament invalidati, il-Qorti tal-Appell ikkunsidrat li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-liġi nazzjonali rilevanti u r-reġistrazzjoni magħmula skont il-Ftehim ta’ Lisbona, mingħajr ma seta’ jqajjem dubju li d-dritt invokat jikkostitwixxi “denominazzjoni ta’ oriġini” (punt 90).
31. Għal dak li jirrigwardja t-tieni denominazzjoni, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, skont l-Artikolu 2 tal-konvenzjoni bilaterali, “huwa biżżejjed li l-indikazzjonijiet jew id-denominazzjonijiet ikkonċernati jkunu marbuta direttament jew indirettament mal-provenjenza ta’ prodott sabiex ikunu jistgħu jiġu elenkati fil-konvenzjoni bilaterali u sabiex jibbenefikaw, fuq din il-bażi, mill-protezzjoni mogħtija mill-konvenzjoni bilaterali” (punt 94). Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Bord tal-Appell kien ikkunsidra b’mod żbaljat li d-denominazzjoni “Bud” kienet speċifikament protetta bħala “denominazzjoni ta’ oriġini” skont il-konvenzjoni bilaterali (punt 95). Mill-banda l-oħra l-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-konvenzjoni bilaterali għandha l-effetti tagħha fl-Awstrija għall-finijiet tal-protezzjoni tad-denominazzjoni “Bud”, ladarba xejn ma jindika li l-Awstrija jew ir-Repubblika Ċeka ħarġu mill-imsemmi ftehim, u l-kawżi pendenti fl-Awstrija ma wasslux għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva (punt 98).
32. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 meta kkunsidra, l-ewwel, li d-drittijiet preċedenti invokati ma kinux jikkostitwixxu “denominazzjoni ta’ oriġini”, it-tieni, meta kkunsidrat li l-kwistjoni ta’ jekk is-sinjal BUD ġiex meqjus bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta, b’mod partikolari fi Franza u fl-Awstrija, kellha “importanza sekondarja” u, fl-aħħar lok, meta kkonkluda li oppożizzjoni ma setgħetx tirnexxi fuq din il-bażi (punti 92 u 97 tas-sentenza appellata).
33. Barra minn hekk il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni parti tal-uniku motiv dwar l-invalidità, għar-rigward tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. F’din it-tieni parti, Budvar kienet ifformulat żewġ oġġezzjonijiet.
34. L-ewwel oġġezzjoni kienet tirrigwardja l-kundizzjonijiet relattivi għall-użu fil-kummerċ tat-trade mark u “s-sinjifikat mhux biss lokali” tagħha.
35. Fir-rigward tal-verifika tal-kundizzjoni rigward l-użu ta’ trade marks ikkontestati fil-kummerċ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Bord tal-Appell kien ikkommetta żball ta’ liġi meta ddeċieda li japplika b’analoġija d-dispożizzjonijiet Komunitarji rigward l-użu “ġenwin” tat-trade mark preċedenti (Artikolu 43(2)(3), tar-Regolament Nru 40/94). L-ewwel nett, l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma jistipulax l-użu “ġenwin” tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni (punt 164 tas-sentenza appellata). It-tieni nett, għar-rigward tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/104/KEE (13), il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ddikjaraw b’mod kostanti li “l-użu ta’ sinjal ikun ‘fil-kummerċ’ meta jsir fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża sabiex ikollha gwadann ekonomiku u mhux fil-qasam privat” (punt 165). It-tielet nett, għar-rigward tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, “ċerti sinjali jistgħu ma jitilfux id-drittijiet marbuta magħhom, u dan minkejja l-fatt li ma jkunux ġew suġġetti għal użu ‘ġenwin’”(punt 166). U r-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, bl-applikazzjoni b’analoġija għall-każ inkwistjoni tal-Artikolu 43(2) u (3), tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95, il-Bord tal-Appell analizza b’mod partikolari l-użu tat-trade mark inkwistjoni fl-Awstrija, fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall separatament, u ċjoè f’kull wieħed mit-territorji li għalih tapplika, skont Budvar, il-protezzjoni tad-denominazzjoni “bud”, u dan minkejja li t-trade marks li qed isir riferiment għalihom fl-Artikolu 8(4) tar-regolament “jistgħu jikkostitwixxu oġġett ta’ protezzjoni f’territorju speċifiku, anki jekk ma ġewx użati f’dak it-territorju speċifiku, imma biss f’territorju differenti” (punt 167).
36. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li “indikazzjoni intiża sabiex tindika l-provenjenza ġeografika ta’ prodott tista’ tintuża, bħal fil-każ ta’ trade mark, fil-kummerċ”, u dan ma jfissirx madankollu, li d-denominazzjoni kkonċernata tintuża “bħala trade mark” u għalhekk tilfet il-funzjoni prinċipali tagħha (punt 175 tas-sentenza appellata).
37. Għar-rigward tal-kundizzjoni rigward is-sinjifikat, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 huwa intiż għas-sinjifikat tas-sinjal inkwistjoni u mhux is-sinjifikat tal-użu tiegħu. Is-sinjifikat tas-sinjal inkwistjoni jkopri l-ambitu ġeografiku tal-protezzjoni tiegħu, u dan ma għandux ikun biss lokali. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet għaldaqstant li l-Bord tal-Appell wettaq ukoll żball ta’ liġi meta, fir-rigward ta’ Franza, ħoloq rabta bejn il-prova tal-użu tas-sinjal ikkonċernat u l-kundizzjoni marbuta mal-fatt li d-dritt inkwistjoni għandu jkollu sinjifikat li mhuwiex biss lokali (punti 180 u 181).
38. Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ewwel oġġezzjoni tat-tieni parti tal-uniku motiv kellha tintlaqa’ peress li hija fondata.
39. It-tieni oġġezzjoni tat-tieni parti tal-uniku motiv kienet tikkonċerna d-dritt li joriġina mis-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni. Dwar dan il-punt, il-Bord tal-Appell għamel referiment għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-Awstrija u fi Franza sabiex jikkonkludi li Budvar ma tatx prova li s-sinjal inkwistjoni kien taha xi dritt li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti. Madankollu l-Qorti Ġenerali fakkret li l-ebda waħda mid-deċiżjonijiet invokati ma kienet saret res judicata , u għalhekk il-Bord tal-Appell ma setax jibbaża ruħu biss fuq dawn id-deċiżjonijiet sabiex jasal għall-konklużjoni tiegħu u kellu jikkunsidra wkoll id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali invokati minn Budvar, inklużi l-Ftehim ta’ Lisbona u l-konvenzjoni bilaterali (punt 192). F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-UASI għandu jinforma ruħu ex officio , bil-mezzi li jidhirlu li jkunu utli għal dan il-għan, dwar il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat (punt 193). Għaldaqstant hija kkonkudiet għal dawn ir-raġunijiet kollha li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta ma kkunsidrax l-elementi fattwali u legali rilevanti kollha sabiex jiddetermina jekk, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat tagħtix id-dritt lil Budvar li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti (punt 199).
IV – Il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-konklużjoni tal-partijiet
40. Ir-rikors ta’ Anheuser-Busch wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Marzu 2009 u r-risposti ta’ Budvar u tal-UASI waslu, rispettivament, fit-22 u fil-25 ta’ Mejju sussegwenti. La ġiet ippreżentata replika u lanqas kontroreplika.
41. Anheuser-Busch qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla s-sentenza appellata (bl-eċċezzjoni tal-ewwel punt tad-dispożittiv rigward li jingħaqdu l-kawżi) u biex tiġi deċiża b’mod definittiv il-kawża billi jiġi miċħud ir-rikors li sar fl-ewwel istanza jew, subordinatament, li tiġi rrinvijata l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u fiż-żewġ każijiet Budvar tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.
42. L-UASI għamlet talbiet simili, filwaqt li Budvar qed titlob il-konferma tas-sentenza appellata u l-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
43. Waqt is-seduta li saret fit-2 ta’ Ġunju 2010, ir-rappreżentanti ta’ Anheuser-Busch, ta’ Budvar u tal-UASI għamlu t-trattazzjoni orali tagħhom u wieġbu għad-domandi li sarulhom mill-membri tal-Awla Manja u mill-Avukat Ġenerali.
V – Xi kunsiderazzjonijiet preliminari dwar l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94
44. Qabel ma wieħed jipproċedi għall-analiżi tal-appell preżenti, jeħtieġ li ssir riflessjoni ġenerali dwar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ladarba d-diskussjoni kienet iċċentrata fuq l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li saret għall-ewwel darba fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Biex dan jinftiehem eżattament, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati paragrafi oħrajn tal-imsemmi Artikolu 8.
A – L-oppożizzjoni bbażata fuq trade mark preċedenti rreġistrata: l-Artikolu 8(1) u (2)
45. L-Artikolu 8(1)(2) tar-Regolament Nru 40/94 jirregola l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja bbażata fuq trade mark preċedenti. B’mod partikolari s-subparagrafu (2) jippermetti oppożizzjoni bbażata fuq trade mark preċedenti rreġistrata (Komunitarju, nazzjonali jew internazzjonali) u jistipula l-istess trattament għal trade marks nazzjonali li, għalhemm ma jkunux ġew irreġistrati (14), huma magħrufa sew fi Stat Membru konsegwenza ta’ użu partikolarment intens (15) .
46. Ir-Regolament 40/94 jistipula numru ta’ kundizzjonijiet li hija suġġetta għalihom l-oppożizzjoni bbażata fuq waħda minn dawn it-trade marks preċedenti.
47. Fl-ewwel lok, konformi mal-Artikolu 43(2)(3) tar-regolament, it-trade mark preċedenti invokata teħtieġ li jkun sar minnha “użu ġenwin” fl-Unjoni Ewropea jew fl-Istat Membru inkwistjoni, għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom tkun ġiet irreġistrat, waqt il-perijodu ta’ ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.
48. Fit-tieni lok, skont kif stabbilit fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament, il-proprjetarju ta’ xi waħda minn dawn it-trade marks preċedenti jeħtieġ minbarra dan juri li t-trade mark li jkun qiegħed jopponi għar-reġistrazzjoni tagħha hija identika jew simili għal tiegħu u li jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fit-territorju fejn it-trade mark p reċedenti hija protetta minħabba l-identità jew ix-xebh tal-prodotti jew servizzi li għalihom intalbu ż-żewġ trade marks (16) .
49. It-tielet kundizzjoni, għalhekk, hija l-hekk imsejjaħ prinċipju tal-ispeċjalità: huwa biss possibbli li wieħed jopponi jekk ir-reġistrazzjoni tintalab għall-oġġetti jew servizzi identiċi jew simili għal dawk li fir-rigward tagħhom hija protetta t-trade mark preċedenti. Għalhekk, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju tal-ispeċjalità hija suġġetta għal deroga fejn ikun hemm involuti trade marks li għandhom reputazzjoni fil-Komunità jew fi Stat Membru. F’dan il-każ, l-oġġezzjoni tintlaqa’ anki jekk il-prodotti jew is-servizzi ma jkunux jixxiebhu, sakemm l-użu tat-trade mark mingħajr dritt ikun jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew jikkawża ħsara lilha stess [l-Artikolu 8(5)].
B – L-oppożizzjoni bbażata fuq sinjali oħrajn: l-Artikolu 8(4)
50. Indipendentement minn dak li ntqal iktar qabel, l-Artikolu 8(4) tar-Regolament 40/94 jipprovdi wkoll għall-possibbiltà li tiġi invokata, b’oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarju, sinjali oħrajn li ma humiex trade marks irreġistrati u lanqas trade marks magħrufa sew.
51. B’mod iktar konkret, l-Artikolu 8(4), jistipula li jista’ jippreżenta oppożizzjoni “proprjetarju ta’ trade mark mhux reġistrata jew ta’ sinjal ieħor li huwa wżat fil-kummerċ u li mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali”. Din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għall-kategorija relattivament indefinita ta’ sinjali (1), waqt li tistipula diversi kundizzjonijiet maħsuba biex jiżguraw ir-rilevanza tagħhom (2).
1. Fl-ambitu tal-Artikolu 8(4), jidħlu sinjali eteroġenji ħafna
52. Fin-nuqqas ta’ preċiżjoni rigward in-natura tas-sinjali li jistgħu jiġu invokati taħt din id-dispożizzjoni, is-subartikolu (4) fil-fatt jopera bħal tip ta’ klawżola residwali, jew bħala grupp eteroġenju ta’ sinjali li jinkludu mhux biss it-trade marks irreġistrati li jissodisfaw l-obbligu li huma magħrufa sew (17), iżda kwalunkwe sinjal ieħor użat fil-kummerċ u li ma huwiex biss ta’ sinjifikat lokali.
53. Din in-nuqqas ta’ preċiżjoni fid-definizzjoni tal-ambitu tal-applikazzjoni ratione materiae hija dovuta prinċipalment għall-fatt li t-trade marks mhux irreġistrati u s-sinjali l-oħra msemmija fis-subartikolu (4) jiġu maħluqin, rikonoxxuti u protetti mil-liġijiet nazzjonali u għalhekk jistgħu jkunu eteroġenji ħafna. Din l-eteroġenjità hija kkonfermata mill-“Opposition Guidelines” ippubblikati mill-UASI (18), li jinkludu lista mhux eżawrjenti tas-sinjali li jikkostitwixxu, fl-Istati Membri differenti “drittijiet preċedenti” fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. Minbarra t-trade marks mhux reġistrati, l-imsemmija linji gwida jsemmu fost dawn is-sinjali, l-ismijiet kummerċjali u tal-impriżi, l-insinji, it-titoli tal-pubblikazzjonijiet u l-indikazzjonijiet ġeografiċi. B’mod ġenerali, għalhekk, id-dispożizzjoni tinkludi kemm is-sinjali differenti li jaqdu funzjoni distintiva jew ta’ identifikazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali li jirreferu għalihom, kif ukoll sinjali oħrajn li jindikaw l-oriġini tal-prodott jew tas-servizzi li għalihom jiġu użati.
54. Il-parti l-kbira ta’ dawn is-sinjali (kemm jekk huma trade marks kemm jekk ma humiex) ma jaqgħux taħt l-iskema klassika tar-reġistrazzjoni, peress li d-dritt għall-użu esklużiv tagħhom jiġi akkwistat u jikkonsolida ruħu bl-użu, mingħajr in-neċessità ta’ reġistrazzjoni formali (19) . Madankollu, jaqgħu taħt l-Artikolu 8(4), anki s-sinjali li kienu l-oġġett ta’ reġistrazzjoni preċedenti, inkluż, anki jekk ma huwiex il-każ l-iktar tipiku ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola, l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti fi Stat Membru li jkunu reġistrati fis-sens tal-Ftehim ta’ Lisbona jew ta’ xi strument internazzjonali ieħor.
55. F’dan ir-rigward forsi jkun xieraq li tinfetaħ parenteżi sabiex jiġi stabbilit liema indikazzjonijiet ġeografiċi, fil-konkret, jistgħu jiġu invokati jew le bis-saħħa tal-Artikolu 8(4).
56. Fl-ewwel lok, huma esklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati fil-livell Komunitarju, peress li, filwaqt li r-Regolament Nru 40/94 ma jipprovdi ebda ħjiel f’dan ir-rigward, l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (20) jistipula li “[f]ejn denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika hija reġistrata skont dan ir-Regolament, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark li tikkorrispondi għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 13 u li hija relatata ma’ l-istess klassi ta’ prodott għandha tiġi rifjutata jekk l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat- trade mark tiġi ppreżentata wara d-data tas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni reġistrata lill-Kummissjoni”. Konformi ma’ dak li ntqal iktar qabel, fl-Artikolu 7(1)(k) tar-regolament il-ġdid dwar it-trade mark Komunitarja (21) hemm inklużi d-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi mar-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.
57. Konsegwentement, huwa possibbli li wieħed jirrikorri għall-Artikolu 8(4), fil-każ biss li l-indikazzjonijiet ġeografiċi li ma humiex reġistrati fil-livell Komunitarju, imma li jiġu protetti fil-livell nazzjonali, u li fosthom jistgħu jiġu inklużi wkoll dawk reġistrati fis-sens tal-Ftehim ta’ Lisbona jew ta’ xi strument internazzjonali ieħor (22) .
58. Dan it-tip ta’ sinjal igawdi minn protezzjoni iktar formalizzata, bir-reġistrazzjoni minn qabel. Fil-fehma tiegħi, peress li din ir-reġistrazzjoni hija ta’ natura kostituttiva, il-permanenza tar-reġistrazzjoni tikkostitwixxi l-uniku element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi vverifikata l-validità tal-indikazzjoni ġeografika inkwistjoni. Madankollu, dan ma jfissirx li s-sempliċi reġistrazzjoni hija biżżejjed sabiex jiġi applikat l-Artikolu 8(4): il-kundizzjonijiet rigward l-użu, l-ambitu u l-karatteristiċi tad-dritt imposti minn din id-dispożizzjoni huma meħtieġa anki fil-każ ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi mhux Komunitarji, l-uniċi li jistgħu jiġu invokati kontra talba għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja permezz tal-Artikolu 8(4).
59. Konsegwentement, u kuntrarjament għal dak li ġie ssuġġerit minn Budvar waqt is-seduta (23), insostni li n-natura partikolari ta’ dan it-tip ta’ sinjali u l-protezzjoni li dawn jistgħu jgawdu bis-saħħa tar-reġistrazzjoni tagħhom fuq il-livell internazzjonali, ma teżenthomx milli josservaw il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni. Hija biss l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet li tippermetti li jiġi żgurat li, minkejja li dawn is-sinjali huma indikazzjonijiet ġeografiċi sempliċi (esklużi, għal din ir-raġuni, mill-possibbiltà ta’ protezzjoni Komunitarja), in-natura u r-rilevanza tagħhom huma tali li jistgħu jiġu protetti minn din il-protezzjoni speċjali. Altrimenti, dawn jibqgħu ekwiparati mad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u mal-indikazzjonijiet ġeografiċi Komunitarji.
2. Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(4) huma maħsuba biex jiżguraw li s-sinjali invokati bis-saħħa ta’ dik id-dispożizzjoni huma rilevanti
60. Il-kuntest wiesa’ inizjali tal-Artikolu 8(4), li huwa ġeneruż għar-rigward tat-tip ta’ sinjali li jagħtu dritt li tiġi fformulata oppożizzjoni b’dan il-mod, jiġi rridimensjonat immedjatament billi jintroduċi diversi kundizzjonijiet li għandhom jeżistu kumulattivament sabiex tiġi ġġustifikata ċ-ċaħda ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.
61. L-għan prinċipali tal-imsemmija kundizzjonijiet huwa preċiżament li jiġi limitat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-raġuni ta’ oppożizzjoni, b’tali mod li jistgħu jinvokawha biss il-proprjetarji ta’ sinjali partikolarment rilevanti u importanti. Fil-fatt l-imsemmi Artikolu 4 jistipula:
– Minn banda, żewġ kundizzjonijiet maħsuba biex jiżguraw li s-sinjal igawdi protezzjoni speċjali fil-livell nazzjonali (b’mod partikolari, li dan jagħti “lill-proprjetarju id-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv”) u li l-proprjetarju jkun kiseb id-dritt li jużaha qabel id-data tal-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, jew id-data tal-prijorità mitluba. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, stipulati fl-Artikolu 8(4)(a) u (b), għandhom jiġu eżaminati, kif inhu loġiku, fid-dawl tal-“liġi ta’ l-Istat Membru li tirregola dak is-sinjal”.
– Mill-banda l-oħra, żewġ kundizzjonijiet (“li huwa wżat fil-kummerċ” u “li mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali”) maħsuba biex jiżguraw li, lil hinn mill-protezzjoni nazzjonali tagħhom, dawn ikunu sinjali li għandhom ċerta preżenza u importanza kummerċjali.
62. Il-leġiżlatur Komunitarju telaq għalhekk mill-bżonn li jiġu protetti s-sinjali rikonoxxuti fil-livell nazzjonali, imma stabbilixxa żewġ livelli ta’ protezzjoni: wieħed għal sinjali li għandhom importanza partikolari, peress li “huma wżati fil-kummerċ”, li jistgħu jostakolaw ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarju fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, u ieħor għad-drittijiet ta’ sinjifikat lokali li ma jistgħux jimpedixxu r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, imma jistgħu jimpedixxu l-użu fit-territorju fejn id-dritt inkwistjoni huwa protett, fis-sens tal-Artikolu 107 tal-istess regolament.
63. Fost dawn is-sinjali nazzjonali jispikkaw u jgawdu minn protezzjoni speċjali, permezz tal-kriterju doppju ta’ “wżat” u tas-“sinifikanza”, dawk li jkollhom karatteristiċi tali li jiġġustifikaw l-imblukkar tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark fil-livell Komunitarju. Kif tosserva ġustament ir-rikorrenti, kieku kwalunkwe sinjal nazzjonali jista’ jostakola r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, prattikament ikun impossibbli li tinkiseb trade mark unifikata għall-Unjoni Ewropea kollha. Ġaladarba tiġi rreġistrata, it-trade mark Komunitarja hija valida u tiġi protetta fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 40/94). Konsegwentement, sabiex sinjal nazzjonali, jew li hu protett f’diversi Stati Membri, ikun jista’ jostakola l-imsemmi proċess ta’ reġistrazzjoni, dan għandu jkollu forza partikolari, u ċjoè karatteristiċi li jippermettulu li jimblokka, b’mod effettiv fl-Unjoni Ewropea kollha, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark.
64. Fil-fehma tiegħi, dawn il-karatteristiċi ma humiex il-konsegwenza diretta tar-reġistrazzjoni eventwali. Mill-kliem użati mil-leġiżlatur jidher li hemm ħtieġa li ssir analiżi iktar fattwali, marbuta mal-importanza fil-kummerċ. Dawn huma, definittivament, kundizzjonijiet li l-leġiżlatur jimponi b’mod konxju fuq il-livell fattwali, iktar viċin tal-fatti mill-kwistjoni astratta tal-protezzjoni legali.
65. Fil-parti l-kbira tas-sinjali li jaqgħu taħt dan l-artikolu, iż-żewġ elementi jikkoeżistu parallelament. Meta dan ma jkunx il-każ, bħal fl-każ inkwistjoni, l-Artikolu 8(4) jimponi verifika ulterjuri tal-elementi ta’ fatt rigward il-lok, il-mument u l-kundizzjonijiet li fihom ikun ġie użat is-sinjal inkwistjoni. Għalkemm il-protezzjoni legali fil-livell nazzjonali hija indipendenti minn dawn iċ-ċirkustanzi, u teżisti mingħajr il-bżonn li jkun hemm użu, tista’ ssir oppożizzjoni għas-sinjal fil-każ biss li jiġu sodisfatti l-imsemmija kundizzjonijiet maħsuba biex jiżguraw li dan għandu minimu ta’ rilevanza.
66. Fl-aħħar nett, inħoss li huwa meħtieġ li jiġi ppreċiżat, li anki f’dan l-istadju ta’ din l-espożizzjoni preliminari, li l-imsemmija kundizzjonijiet u karatteristiċi taħt l-Artikolu 8(4) jikkostitwixxu qafas maħluq ad hoc mil-leġiżlatur u ma humiex komparabbli mal-kundizzjonijiet stabbiliti għal raġunijiet oħra ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.
C – Dwar il-possibbiltà li jiġu applikati b’analoġija l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) għall-paragrafu 4 tal-istess artikolu
67. Is-sentenza appellata u l-istess rikors tal-appell jużaw f’diversi waqtiet l-argument tan-neċessità jew in-nuqqas tagħha, skont il-każ, li jiġu applikati fil-kuntest tal-Artikolu 8(4), il-kundizzjonijiet imposti, għall-oppożizzjoni bbażata fuq trade mark preċedenti, mill-Artikolu 8(1), u minn dispożizzjonijiet oħra konnessi, bħall-Artikolu 43. Din l-applikazzjoni parzjali bbażata fuq analoġija tat lok, bħalma se naraw iktar ’il quddiem, għal soluzzjonijiet li ma humiex koerenti. L-argument prinċipali użat insostenn tal-applikazzjoni b’analoġija tal-imsemmija Artikoli 8(1), u 43(2) u (3) huwa li t-trade marks jistħoqqilhom trattament iktar favorevoli minn sinjali oħra, peress li kemm it-trade marks nazzjonali (armonizzati) kif ukoll it-trade mark Komunitarja huma rregolati minn regoli omoġenji u aċċettabbli fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea u joffru għalhekk garanziji ikbar milli dawk offerti għal trade mark mhux irreġistrata jew għal kwalunkwe sinjali oħrajn intiżi mill-Artikolu 8(4).
68. Fil-fehma tiegħi, dawn l-argumenti, kollha kemm huma, ma humiex fondati suffiċjentement. Ir-Regolament Nru 40/94 ikklassifika r-raġunijiet għal oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja fi gruppi differenti, u rabat magħhom kundizzjonijiet differenti, u tikkostitwixxi semplifikazzjoni eċċessiva li dawn jitqiegħdu fi gradi differenti mill-ogħla livell sal-inqas livell tal-kundizzjoni skont l-ogħla livell jew l-inqas livell tal-fiduċja li l-leġiżlatur jista’ jkollu fis-sinjal inkwistjoni. Jekk jiġu eżaminati b’mod aħjar il-kundizzjonijiet iċċitati, dan l-argument ma jreġix.
69. Huwa veru li l-eżistenza ta’ reġistrazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni Komunitarja huma elementi li l-leġiżlatur ħa inkunsiderazzjoni, iżda dan sar flimkien man-natura tas-sinjal inkwistjoni: huwa b’hekk biss li jista’ jiġi spjegat għalfejn għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini Komunitarji ma jiġux imposti kundizzjonijiet dwar l-użu (24), filwaqt li għat-trade marks irreġistrati huwa meħtieġ l-użu effettiv għal ħames snin. Fir-rigward ta’ sinjali intiżi mill-Artikolu 8(4) il-leġiżlatur ried joħloq serje ta’ kundizzjonijiet differenti, suffiċjentement rigoruża li ma tiġix estiża l-applikazzjoni tar-regola lil hinn minn dak li huwa meħtieġ, imma li tkun anki suffiċjentement flessibbli sabiex tadatta ruħha għall-karatteristiċi differenti tas-sinjali li għalihom tista’ tkun applikabbli.
70. Din id-diversità, fil-fehma tiegħi, hija l-uniku element li jippermetti li wieħed jispjega għaliex l-Artikolu 8(4) ma jimponix il-prinċipju tal-ispeċjalità fir-rigward tal-oppożizzjonijiet ifformulati abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Għal kuntrarju tal-oppożizzjoni bbażata fuq trade mark irreġistrata preċedentement, li hija possibbli biss jekk din tal-aħħar tikkonċerna prodotti jew servizzi identiċi jew simili għal dawk tat-trade mark li r-reġistrazzjoni tagħha qed tiġi opposta, meta tiġi invokata trade mark mhux irreġistrata jew xi sinjal differenti ieħor, l-obbligu tal-identità jew tax-xebh tal-oġġett ma jirriżultax li huwa neċessarju (sakemm ma jkunx ġie stipulat mid-dritt nazzjonali “d-dritt li jiprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv”). Dan jista’ jidher iktar sorprendenti minħabba l-fatt li r-rispett għall-prinċipju tal-ispeċjalità huwa neċessarju sabiex denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika Komunitarja tkun tista’ tiġi invokata b’mod effikaċi bħala raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja sussegwenti (25) .
71. Fil-fehma tiegħi, minn dak kollu li ntqal hawn fuq, jirriżulta li l-“garanziji” ikbar offruti, għall-inqas fit-teorija, mit-trade marks Komunitarji jew dawk armonizzati ma jikkostitwixxux l-uniku element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jista’ jintuża sinjal partikulari b’oppożizzjoni għal trade mark sussegwenti. B’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) għandhom jiġu kkunsidrati bħala ħaġa waħda u ma jistax isir tqabbil mas-soluzzjonijiet magħżula mil-leġiżlatur għal sitwazzjonijiet differenti.
VI – Analiżi tal-appell
72. L-appellanti qed tinvoka żewġ aggravji, ibbażati, l-ewwel fuq il-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 u, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikoli 8(4) u 74(1) tal-istess regolament.
A – Dwar l-ewwel aggravju, fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94
73. L-ewwel aggravju, rigward il-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, huwa mqassam fi tliet partijiet.
1. L-ewwel parti tal-ewwel aggravju: dwar il-kompetenza tal-UASI sabiex tevalwa l-validità tad-dritt invokat skont l-Artikolu 8(4) tar-regolament.
a) Definizzjoni tal-pożizzjonijiet
74. Anheuser-Busch tafferma illi l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 79 sa 100 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell ma kienx kompetenti biex jivverifika jekk Budvar kinitx ippruvat il-validità tad-drittijiet preċedenti invokati skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.
75. Fl-appell tagħha, Anheuser-Busch ssostni li l-UASI għandha tivverifika jekk id-drittijiet li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni jeżistux realment kif ġie affermat, jekk dawn humiex applikabbli u jekk jistgħux jiġu invokati kontra l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Is-sempliċi riferiment għar-reġistrazzjoni tad-dritt fil-livell nazzjonali, fil-fehma tal-appellanti, ma jkunx biżżejjed biex tipprova l-eżistenza ta’ dan id-dritt: ir-reġistrazzjoni toħloq biss sempliċi preżunzjoni legali.
76. Barra minn hekk Anheuser-Busch tikkritika l-fatt li l-Qorti Ġenerali, insostenn għall-argument tagħha, tfakkar il-ġurisprudenza tagħha rigward l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94 (26), u tissuġġerixxi l-applikazzjoni b’analoġija. Skont din il-ġurisprudenza, il-validità ta’ trade mark nazzjonali ma tistax tiġi kkontestata fl-ambitu ta’ proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja. L-appellanti ssostni li ma teżisti ebda bażi legali sabiex tiġi stabbilita din l-analoġija mal-Artikolu 8(1) peress li l-eżistenza ta’ armonizzazzjoni f’materja ta’ trade marks tiggarantixxi li l-istess kriterji u standards jiġu applikati għal trade marks reġistrati fit-territorju kollu tal-Unjoni, filwaqt li s-sinjali taħt l-Artikolu 8(4) ma humiex armonizzati.
b) Kunsiderazzjonijiet
77. Fil-fehma tiegħi, ma jistax jingħad li l-Qorti Ġenerali għamlet applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94. Fir-realtà, is-sentenza appellata tillimita ruħha sabiex testendi għas-sinjali intiżi fl-Artikolu 8(4) ir-raġunament segwit mill-ġurisprudenza rigward trade marks nazzjonali reġistrati, peress li l-UASI ma huwiex kompetenti sabiex jiddeċiedi dwar il-validità ta’ dawn is-sinjali, peress li dawn, bħat-trade marks hawn fuq imsemmija, huma rregolati mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, u huwa biss f’dak il-kuntest li tista’ tiddeċiedi dwar il-validità tagħhom.
78. Il-fatt li t-trade marks nazzjonali huma armonizzati filwaqt li s-sinjali l-oħra ma humiex, fil-fehma tiegħi, ma jammontax għal fattur deċisiv f’dan ir-rigward.
79. Meta fformula r-raġuni għall-oppożizzjoni skont l-Artikolu 8(4), il-leġiżlatur Komunitarju wkoll irrikonoxxa fiduċja fil-liġijiet nazzjonali hemm imsemmija, u ħoloq biss l-obbligu li tiġi ppruvata l-eżistenza tal-kundizzjonijiet maħsuba biex jillimitaw l-ambitu tar-regolament (ċjoè l-prijorità temporali tad-dritt, iċ-ċirkustanza li jkun hemm involut sinjal li jgawdi protezzjoni speċifika fil-livell purament lokali, l-użu tiegħu fil-kummerċ u l-portata tiegħu li ma tistax tkun lokali biss). L-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea jistgħu jivverifikaw biss jekk jeżistux dawn il-kundizzjonijiet, imma ma jistgħux jikkontestaw il-validità tad-dritt nazzjonali inkwistjoni, lanqas it-tul tal-protezzjoni tiegħu fl-Istat Membru. Kieku ma kienx hekk, dan ikun ifisser li l-UASI jkollu d-dritt li jinterpreta u japplika regoli nazzjonali, u dan ikun għalkollox barra mill-qasam tal-kompetenzi tiegħu u jista’ joħloq indħil serju fl-eżistenza u l-protezzjoni tas-sinjal fil-livell nazzjonali.
80. Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, huwa biss fil-każ fejn il-protezzjoni tas-sinjal tkun ġiet definittivament invalidata fl-Istat Membru inkwistjoni (permezz ta’ sentenza res judicata jew permezz tal-proċedura applikabbli) l-UASI seta’ u kellu jieħu inkunsiderazzjoni dan il-fattur u jiċħad l-oġġezzjoni bbażata fuq dan is-sinjal.
81. Dak li ntqal iktar qabel jirriżulta b’mod partikolari fejn, bħal f’dan il-każ, il-protezzjoni tas-sinjal issegwi att formali, bħar-reġistrazzjoni. F’dan il-kuntest, huwa normali li l-validità ta’ din ir-reġistrazzjoni ma għandhiex tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, imma biss fl-ambitu ta’ proċedimenti ta’ invalidità fis-sens tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw dik ir-reġistrazzjoni.
82. Fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Lisbona, hija biss awtorità amministrattiva tal-pajjiżi kontraenti li tista’ tinvalida l-effetti ta’ denominazzjoni ta’ oriġini li tkun diġà ġiet reġistrata, kemm billi tiddikjara, fit-terminu ta’ sena li jibda jiddekorri mid-data li tkun waslet in-notifika tar-reġistrazzjoni, li ma tistax tiżgura l-protezzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini (l-Artikolu 5 tal-Ftehim ta’ Lisbona), kemm jekk tiddikjara invalida l-protezzjoni fil-pajjiż tal-oriġini (l-Artikoli 6 u 7 tal-Ftehim ta’ Lisbona). Minbarra dawn iż-żewġ eventwalitajiet, ma huwiex possibbli li tiġi kkontestata l-validità tar-reġistrazzjoni internazzjonali u l-effikaċja tal-protezzjoni li din tiżgura fid-diversi pajjiżi kontraenti.
83. Għar-rigward tal-protezzjoni bbażata fuq il-konvenzjoni bilaterali, fil-fehma tiegħi, huma biss it-terminazzjoni tal-konvenzjoni, it-tibdil tagħha jew sentenza li tkun saret res judicata li tiddikjara estinta l-protezzjoni fil-pajjiż inkwistjoni li jippermettu l-esklużjoni tal-eżistenza ta’ sinjal utli għall-finijiet tal-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.
84. Fil-każ inkwistjoni l-Bord tal-Appell sostna li hija ta’ “importanza sekondarja” l-kwistjoni jekk is-sinjal Bud kienx ġie ttrattat bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall, skont il-Ftehim ta’ Lisbona, u fl-Awstrija, skont il-konvenzjoni bilaterali konkluż bejn dak l-Istat Membru u r-Repubblika Ċeka, peress li “oġġezzjoni ma tistax tiġi milqugħha abbażi ta’ dritt ippreżentat bħala denominazzjoni tal-oriġini, imma li, fil-fatt, ma tkunx hekk”. Għal dan l-iskop, l-UASI bbaża fuq il-karatteristiċi mitluba mill-ġurisprudenza u mill-istess regolament Komunitarju (27) biex sinjal jikkwalifika bħala denominazzjoni ta’ oriġini u kkonkluda li dawn ma kinux jeżistu fis-sinjal invokat. Issa, fid-dawl tas-suespost, dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżultaw li bl-ebda mod ma huma deċiżivi. Peress li d-drittijiet invokati ma kinux ġew iddikjarati definittivament invalidi skont il-proċeduri attwali tar-regolament li jagħtihom protezzjoni, il-Bord tal-Appell ma setax jikkontesta l-validità tagħhom u lanqas ma seta’ jeżamina jekk dawn jikkostitwixxux “denominazzjoni ta’ oriġini”.
85. Għalhekk, insostni li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.
2. It-tieni parti tal-ewwel aggravju: dwar il-kundizzjoni rigward “li huwa wżat fil-kummerċ”
86. Ir-rikorrenti tafferma li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kundizzjoni “li huwa wżat fil-kummerċ” imposta bl-Artikolu 8(4), fi tliet aspetti: fl-ewwel lok, għar-rigward tal-kwantità u l-kwalità tal-użu, peress li ma qisitx dan bl-istess mod bħall-“użu ġenwin” mitlub għal trade marks irreġistrati; fit-tieni lok, fir-rigward tal-post tal-użu, billi affermat li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi ġejjin mill-Istati Membri barra minn dawk fejn hu protett id-dritt invokat, u fit-tielet lok, fir-rigward tal-perijodu rilevanti biex jiġi ppruvat l-użu, billi ma kkunsidratx id-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala d-data rilevanti u ssostitwixxietha bid-data tal-pubblikazzjoni tal-imsemmija applikazzjoni.
87. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali interpretat il-kundizzjoni dwar “l-użu fil-kummerċ” fis-sens l-inqas rigoruż possibbli, u wettqet żball ta’ liġi.
a) Kwantità u kwalità tal-użu
i) Definizzjoni tal-pożizzjonijiet
88. L-ewwel minn dawn it-tliet oġġezzjonijiet tikkonċerna l-punti 160 sa 178 tas-sentenza appellata. F’dawn il-punti l-Qorti Ġenerali sostniet li, fil-każ ta’ oppożizzjoni bbażata fuq trade mark preċedenti, il-kundizzjoni dwar “użu kummerċjali” li hemm fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma għandhiex tiġi interpretata bl-istess mod bħall-kundizzjoni dwar l-“użu ġenwin” li l-Artikolu 43(2) u (3) tal-istess regolament jimponi fil-każ ta’ oppożizzjoni bbażata fuq trade mark preċedenti, kif għamel il-Bord tal-Appell.
89. Ir-rikorrenti tikkritika din l-għażla fl-interpretazzjoni billi ssostni illi jekk il-kundizzjoni dwar l-“użu ġenwin” ma tkunx applikabbli fil-kuntest tal-Artikolu 8(4), it-trade marks reġistrati kienu jkunu suġġetti għal kundizzjonijiet iktar rigorużi mis-sinjali intiżi mill-imsemmi paragrafu 4 għall-finijiet tal-użu tagħhom f’oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarju sussegwenti. Bl-istess mod bħal meta biex jiġi kkonstatat il-ksur ta’ trade mark (Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 40/94) jiġi rikjest inqas milli jiġi rikjest għaż-żamma tiegħu (Artikoli 15 u 43(2) u (3) tar-regolament), b’hekk Anheuser-Busch issostni li għandu jkun hemm severità stretta, meta, bħal fil-każ tal-Artikolu 8(4), ikun qiegħed jiġi “kkostitwit dritt li jista’ jfixkel l-attivitajiet kummerċjali ta’ impriża oħra”.
90. B’dan il-mod, fil-fehma ta’ Anheuser-Busch, l-applikazzjoni tal-imsemmija kundizzjoni dwar l-“użu ġenwin” twassal, minn banda, biex ma tkunx tista’ tiġi kkunsidrata, bħala prova dwar dan l-użu, l-għoti ta’ kampjuni b’xejn, li skont ir-rikorrenti, huma esklużi minn dan il-kunċett bis-sentenza Silberquelle (28) . Barra minn hekk, sabiex l-użu ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew ta’ indikazzjoni ġeografika invokata skont l-Artikolu 8(4) ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala effettiv, dan irid ikun konformi mal-funzjoni essenzjali tas-sinjal inkwistjoni, li hija dik biss li tiġi ggarantita lill-konsumaturi l-oriġini ġeografika tal-prodotti u tal-kwalitajiet partikolari tagħhom.
ii) Kunsiderazzjonijiet
91. L-interpretazzjoni tal-espressjoni “wżat fil-kummerċ” ġiet interpretata minn Budvar bl-istess mod li ġiet interpretata fl-istess sentenza appellata. Sostanzjalment, dawn jużaw din l-espressjoni fis-sens ta’ alternattiva bejn l-assimilazzjoni tal-kunċett ta’ “użu ġenwin” taħt l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94, jew l-interpretazzjoni mogħtija mill-ġurisprudenza għall-kliem analogi “wżati fil-kummerċ” skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll mal-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva 89/104.
92. Effettivament, jeżistu differenzi sostanzjali bejn iż-żewġ livelli ta’ użu. Minn banda, il-ġurisprudenza tikkunsidra li trade mark hija oġġett ta’ “użu ġenwin” fis-sens tal-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94 “meta tiġi użata, b’konformità mal-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiggarantixxi l-identità ta’ l-oriġini tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm opportunità għal dawn il-prodotti jew servizzi, bl-eċċezzjoni ta’ użu ta’ natura simbolika li għandu l-uniku skop li jżomm id-drittijiet mogħtija mit-trade mark” (29) . Fir-rigward tal-kunċett ta’ “użu fil-kummerċ”, sa issa l-ġurisprudenza kellha l-okkażjoni li tinterpreta din l-espressjoni fil-kuntest biss tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva 89/104, fejn ġie kkonstatat li dan l-użu jseħħ biss jekk is-sinjal inkwistjoni jiġi użat “fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża sabiex tikseb vantaġġ ekonomiku u mhux fil-kuntest privat”.
93. Fil-fehma tiegħi, madankollu, dan l-approċċ duwalistiku ma jikkunsidrax ir- ratio legis tal-Artikolu 8(4). Din id-dispożizzjoni, minn banda, tistipula numru ta’ kundizzjonijiet speċjali li għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu minn dawk rikjesti għar-raġunijiet l-oħra għal oppożizzjoni, mill-banda l-oħra, għandha loġika tagħha li ma hijiex dik tal-Artikolu 43(2), imma fuq kollox li ma hijiex dik tal-Artikolu 9(1) tar-regolament.
94. Ċertament, l-argument rigward iċ-ċertezza legali li ġie invokat minn Budvar (il-kundizzjoni trid tiġi interpretata bl-istess mod għad-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament fejn tissemma) ma huwiex jiġi mwarrab, imma ma jistax isostni t-teżi tal-Qorti Ġenerali. Bħala regola ġenerali, il-prinċipju msemmi jirrikjedi li l-interpretazzjoni ta’ kunċett legali indeterminat tkun waħda uniformi, b’mod partikolari meta żewġ dispożizzjonijiet tal-istess regola jew regoli li jkollhom kontenut relatat jużaw l-istess terminoloġija (kif ċertament jiġri f’din il-kawża bl-Artikoli 8(4) u 9(1) tar-Regolament Nru 40/94 u l-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva 89/104). Madankollu, dan il-kriterju ta’ interpretazzjoni, li abbażi tiegħu għandha tiġi applikata l-istess tifsira għal terminoloġija identika, ma tistax tkun daqshekk riġida li tipprexxindi għalkollox mill-kuntest li fih il-kunċett inkwistjoni jiġi użat. F’dan il-każ, il-kundizzjoni tiżvolġi funzjonijiet kompletament differenti u skont id-dispozzjoni li tistipulaha.
95. L-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jistipula, bħala kundizzjoni biex issir oppożizzjoni għal applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja ġdida, li s-sinjal jiġi “wżat fil-kummerċ”; għalhekk f’dan il-każ trid tinġieb raġuni ta’ oppożizzjoni fir-rigward tat-tentattiv li tiġi rreġistrata trade mark Komunitarja. L-Artikolu 9(1) tal-istess regolament juża, minflok, din l-espressjoni biex jiddeskrivi l-użu ta’ sinjal identiku jew simili għal trade mark Komunitarja li l-proprjetarju ta’ din tal-aħħar jista’ jipprojbixxi; f’din l-eventwalità differenti, għalhekk, l-għan huwa li jiġi żgurat, loġikament fit-termini l-iktar wiesa’ possibbli, is-sinjifikat tad-dritt tal-użu esklużiv li jmiss lill-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja (30) .
96. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(4) juża l-espressjoni f’sens pożittiv, u jeżiġi li jkun hemm “limitu fl-użu” minimu biex tkun tista’ ssir oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja. Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 9(1) juża l-espressjoni f’sens negattiv, għall-finijiet li tiġi pprojbita tip ta’ aġir “ostili” għat-trade mark irreġistrata bl-iktar mod wiesa’ possibbli.
97. Dan ma jfissirx però, li huwa korrett li l-Artikolu 8(4) jiġi interpretat abbażi tal-Artikolu 43(2) kif għamlet is-sentenza appellata. Irrid ngħid li l-użu fil-kummerċ jeħtieġ li jingħata interpretazzjoni għalih proprja, li ma tistax tkun ħlief dik li l-oppożizzjoni bbażata fuq wieħed minn dawk is-sinjali trid tagħti prova ta’ “użu” li jistħoqqlu dan l-isem.
98. Fil-fehma tiegħi, għalhekk, il-kundizzjoni “wżat fil-kummerċ” ipprovduta fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 tikkostitwixxi, bħat-tliet kundizzjonijiet l-oħra stipulati permezz ta’ din id-dispożizzjoni, kunċett awtonomu (31) li jeħtieġ interpretazzjoni tiegħu proprja.
99. L-ewwel nett, fil-fehma tiegħi, mingħajr ma jkun indispensabbli li s-sinjal jiġi użat bil-għan li “joħloq jew jikkonserva suq”, effettivament huwa mitlub li jkun hemm użu determinat f’kuntest kummerċjali, bl-esklużjoni tal-użu fl-isfera privata, imma ma huwiex suffiċjenti, pereżempju, id-distribuzzjoni ta’ kampjuni bla ħlas.
100. It-tieni nett, jidher li huwa raġonevoli li anki jiġi rikjest li jkun hemm użu li huwa konformi mal-funzjoni essenzjali tas-sinjal inkwistjoni. Fil-każ tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, din il-funzjoni tikkonsisti filli tiżgura l-identifikazzjoni mill-pubbliku tal-oriġini ġeografika u/jew ta’ ċerti karatteristiċi speċifiċi tal-prodott.
101. Interpretazzjoni bħal din (li, fil-fehma tiegħi, għandha l-mertu li tadatta ruħha għall-multipliċità ta’ sinjali li jidħlu fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4)) tista’ tirrendi rilevanti, jekk tintwera prova ta’ dan, l-argumenti ta’ Anheuser-Busch fir-rigward tal-fatt li Budvar użat is-sinjal BUD bħala trade mark u mhux għall-għan li tiġi indikata l-oriġini ġeografika tal-prodott.
b) It-territorju rilevanti sabiex jiġi ppruvat li huwa “wżat fil-kummerċ”
i) Definizzjonijiet tal-pożizzjonijiet
102. It-tieni oġġezzjoni ddur madwar it-territorju rilevanti sabiex tiġi pprovata l-kundizzjoni msemmija li huwa “wżat fil-kummerċ”.
103. Ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tat-territorjalità u interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 meta sostniet fil-punti 167 u 168 tas-sentenza appellata, li mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li “ s-sinjal inkwistjoni għandu jkun suġġett għal użu fit-territorju li l-liġi tiegħu tkun invokata insostenn tal-protezzjoni tal-istess sinjal.”. Il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari għamlet riferiment għan-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi prodotti minn Budvar fir-rigward tal-użu ta’ “Bud” fil-Benelux, fi Spanja u fir-Renju Unit, anki jekk l-oppożizzjoni tkun ibbażata fuq drittijiet esklużivi li jeżistu unikament fl-Awstrija u fi Franza.
104. Fil-fehma ta’ Anheuser-Busch, il-kundizzjoni li ġie “wżat fil-kummerċ” tirreferi neċessarjament għall-użu tas-sinjal fit-territorju fejn dan igawdi l-protezzjoni invokata. Għalhekk jiġi impost il-prinċipju tat-territorjalità applikabbli għad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali b’mod ġenerali u għad-denominazzjonijiet tal-oriġini b’mod partikolari. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti terġa’ tagħmel l-argument tal-paragun mar-regoli tat-trade marks: jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu f’dawn it-territorji l-oħrajn, tas-sinjali mhux armonizzati taħt l-Artikolu 8(4), dawn jiġu ttrattati b’mod iktar favorevoli mit-trade marks fl-Artikolu 8(1) u (2) peress li, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar l-istess artikolu jirrikjedi l-użu ġenwin fit-territorju inkwistjoni.
ii) Kunsiderazzjonijiet
105. Rigward din it-tieni oġġezzjoni, naqbel mal-argument tar-rikorrenti li hu bbażat fuq il-prinċipju tat-territorjalità, imma mhux ma’ dak li huwa bbażat fuq il-paragun mar-regoli tat-trade marks, għar-raġunijiet li ssemmew iktar qabel.
106. Fil-fehma tiegħi, evalwazzjoni territorjali tal-kundizzjoni dwar l-użu, hija indispensabbli indipendentement mis-sinjal invokat. Fil-każ tat-trade marks, l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 jistipula espressament li għandu jiġi pprovat l-użu effettiv “fil-Komunità” (ladarba tkun qed tiġi nfurzata trade mark Komunitarja) jew “fl-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta”. Madankollu, is-silenzju tal-Artikolu 8(4), fuq dan il-punt ma jistax jiġi interpretat bħala rieda li tiġi eskluża kundizzjoni li naturalment hija imposta bis-saħħa tal-prinċipju tat-territorjalità, applikabbli b’mod ġenerali għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kollha (32) .
107. Id-dritt Komunitarju u l-ġurisprudenza nnifisha jagħtu diversi eżempji tal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju.
108. Mill-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, pereżempju, jirriżulta li l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni tirriżulta mix-xebh, bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u trade mark preċedenti u, bejn il-prodotti jew is-servizzi li jaqgħu taħt dawn it-trade marks, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-fehma tal-pubbliku tat-territorju li fih it-trade mark preċedenti hija protetta (33) .
109. L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 89/104, li jistipula deroga mill-applikazzjoni tar-raġunijiet għall-invalidità jew ta’ rifjut għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li jkun kiseb karattru distintiv “wara l-użu magħmul minnha”, ma jispeċifikax f’liema territorju trid issir din il-verifika ta’ dan l-użu. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li għal dan il-għan “hija rilevanti biss is-sitwazzjoni eżistenti fil-parti tat-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat (jew, fil-kawża preżenti, fil-parti tat-territorju Benelux) fejn ir-raġunijiet għal rifjut ġew ikkonstatati” (34) .
110. B’mod parallel ma’ dan, l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 jistipula deroga mill-applikazzjoni tar-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark li tkun saret distintiva “minħabba l-użu li jkun sar ta’ din it-trade mark”, u l-ġurisprudenza speċifikat li t-trade mark tista’ tiġi rreġistrata skont l-imsemmija dispożizzjoni fil-każ biss li titressaq il-prova li “tkun kisbet, permezz ta’ l-użu li jkun sar minnha, karattru distintiv fil-parti tal-Komunità li fiha għal bidu ma kelliex tali karattru fis-sens tal-paragrafu 1(b) ta’ l-istess Artikolu […]. Il-parti tal-Komunità prevista fil-paragrafu 2 ta’ l-imsemmi Artikolu tista’, f’kull każ, tkun magħmula minn Stat Membru wieħed” (35) . Għalhekk, huwa biżżejjed li trade mark tkun nieqsa mill-karattru distintiv fi Stat Membru wieħed biex timblokka r-reġistrazzjoni fil-livell Komunitarju; għall-kuntrarju, mill-mument li fih it-trade mark li tagħha qed tintalab ir-reġistrazzjoni tkun kisbet dan il-karattru distintiv fit-territorju li fih ma kelliex dan il-karattru, ir-raġuni għal rifjut ma tkunx iktar applikabbli.
111. Fl-aħħar nett, insostni li hija biss applikazzjoni rigoruża tal-prinċipju tat-territorjalità li tippermetti li jiġi osservat l-għan tal-Artikolu 8(4). Jekk il-kundizzjoni li ġie “wżat fil-kummerċ” saret bil-għan li jiġi żgurat li s-sinjal invokat b’dan il-mod ikollu ċerta reputazzjoni pubblika, huwa loġiku li din ir-reputazzjoni li tinkiseb bl-użu trid tiġi pprovata fir-rigward tat-territorju fejn is-sinjal huwa protett u li ma huwiex biżżejjed li dak is-sinjal ikun ġie użat f’territorju differenti (li jista’ jkun jinsab barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea), fejn ma huwiex protett.
c) Il-perijodu rilevanti sabiex jiġi evalwat li ġie “wżat fil-kummerċ”
i) Definizzjoni tal-pożizzjonijiet
112. It-tielet oġġezzjoni tirreferi għall-perijodu rilevanti għall-finijiet li tiġi evalwata l-kundizzjoni li ġie “wżat fil-kummerċ” u, b’mod partikolari, dik tat- dies ad quem.
113. Fil-fehma ta’ Anheuser-Busch, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 fejn sostniet fil-punt 169 tas-sentenza appellata, li minn dik id-dispożizzjoni ma jirriżultax li “min jopponi għandu juri li s-sinjal inkwistjoni ntuża qabel l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja”, imma li “[l]-iktar l-iktar jista’ jkun rikjest, bħalma huwa mitlub fir-rigward tat-trade marks preċedenti, u dan sabiex jiġu evitati użi tad-dritt preċedenti pprovokati biss minn proċedimenti ta’ oppożizzjoni, li s-sinjal inkwistjoni jkun intuża qabel il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark fil-Bulettin ta’ trade marks Komunitarji”.
114. Ir-rikorrenti ssostni, minflok, li l-kundizzjonijiet kollha għall-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandhom jeżistu fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni rigward it-trade mark sussegwenti u li min jopponi ma jistax jingħata terminu itwal biex juża fil-kummerċ is-sinjal li jmur kontra t-trade mark li tagħha tintalab ir-reġistrazzjoni.
ii) Kunsiderazzjonijiet
115. Dwar dan il-punt, nikkunsidra li hija korretta l-evalwazzjoni tar-rikorrenti li trid issir il-prova tal-użu tas-sinjal qabel ma tiġi ppreżentata l-applikazzjoni, jekk ikun il-każ, u mhux li dan jista’ jsir fi kwalunkwe mument sal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.
116. L-ewwel nett, u għar-raġunijiet li diġà ġew mogħtija fit-taqsima V ta’ dawn il-konklużjonijiet, fis-silenzju tal-leġiżlatur ikun meħtieġ f’dan ir-rigward li tingħata interpretazzjoni awtonoma dwar ir-raġuni ta’ oppożizzjoni li hemm fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.
117. Minn banda, għandha tiġi eskluża l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 43 li ġiet proposta fis-sentenza appellata (36) . B’dan l-argument, il-Qorti Ġenerali tikkontradixxi lilha nfisha fejn, ftit punti qabel biss, hija rrifjutat din l-istess applikazzjoni b’analoġija fir-rigward tal-kunċett ta’ “wżat fil-kummerċ”. Għall-koerenza, meta “wżat fil-kummerċ” jiġi interpretat bħala xi ħaġa differenti mill-“użu ġenwin” li jinsab fl-Artikolu 43(2), għandha trid tiġi rifjutata l-interpretazzjoni dwar il-kundizzjoni temporali mogħtija mis-sentenza appellata. Mill-banda l-oħra, dan ma jfissirx lanqas li wieħed jista’ jasal għal din is-soluzzjoni bis-sempliċi applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza rigward l-Artikolu 8(5) (37), elaborata f’kuntest totalment differenti (l-oppożizzjoni bbażata fuq trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni). Issa, is-sentenzi ċċitati mir-rikorrenti jikkostitwixxu applikazzjoni ċara tal-prinċipju tal-prijorità li jirregola d-drittijiet ta’ proprjetà industrijali u li għandu jingħata jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll fil-kuntest tal-Artikolu 8(4).
118. Fil-fehma tiegħi, dan il-kriterju ta’ prijorità għandu jagħmel riferiment għad-data tal-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark ġdida Komunitarja, u mhux għad-data tal-pubblikazzjoni fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji. Fil-fatt, jekk l-għan huwa li jiġi żgurat li s-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien ġie użat fil-kummerċ b’mod li jiġi kkonsolidat u tiġi attribwita lilu l-importanza neċessarja sabiex ikun jista’ jiġi invokat sabiex tiġi opposta reġistrazzjoni ta’ trade mark ġdida, jidher li jkun raġonevoli li jiġi rikjest li s-sinjal inkwistjoni jkun diġà ġie użat qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni inkwistjoni.
119. Soluzzjoni differenti minn din tista’ tiffaċilita l-frodi, u tippermetti lill-proprjetarju tad-dritt preċedenti li “jimprovizza”, bl-għan uniku li jinforza permezz ta’ oppożizzjoni, l-użu artifiċjali tas-sinjal tiegħu fil-perijodu tranżitorju bejn il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni (li, kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, huwa possibbli li wieħed isir jaf bih b’mezzi informali) u dik tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji (38) .
120. Fin-nota ta’ intervent tagħha, Budvar issostni li l-Artikolu 8(4)(a) jistipula espressament li d-dritt li jiġi użat is-sinjal irid ikun inkiseb qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jew, eventwalment, qabel id-data tal-prijorità invokata insostenn tal-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja, imma din l-istess kundizzjoni temporali ma tapplikax għar-rekwiżit tal-użu fil-kummerċ. Fil-fehma ta’ Budvar ikun, għalhekk, biżżejjed li d-dritt li fuqu hija bbażata l-oppożizzjoni jkun inkiseb qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, anki jekk l-użu ta’ dan id-dritt ikun seħħ biss sussegwentement, fil-perijodu li jwassal sal-pubblikazzjoni uffiċjali ta’ din l-applikazzjoni. Ma naqbilx ma’ din l-interpretazzjoni ta’ din ir-regola. Fil-fehma tiegħi, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex ta’ ostakolu għall-estensjoni ta’ din l-istess kundizzjoni temporali għar-rekwiżit tal-użu; barra minn hekk, ikun iktar loġiku li l-kundizzjonijiet kollha taħt l-Artikolu 8(4) ikunu kkoordinati mil-lat temporali. Fil-każ kuntrarju, kif ġie rilevat, is-sistema tista’ tippresta ruħha faċilment għall-frodi: jekk l-għan segwit ikun, kif tindika l-istess sentenza appellata, li “jiġu evitati użi tad-dritt preċedenti pprovokati biss minn proċedimenti ta’ oppożizzjoni”, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-użu tas-sinjal konfliġġenti jkun seħħ indipendentement mill-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarju, li jista’ jiġi żgurat biss jekk ikun rikjest li jkun hemm użu preċedenti għall-preżentata tal-imsemmija applikazzjoni.
121. Fl-aħħar nett, Budvar ssostni wkoll li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tista’ ssir oppożizzjoni għaliha minn terzi fil-każ biss jekk tkun ġiet ipppubblikata. Dan l-argument, fil-fehma tiegħi ma huwiex rilevanti, għaliex f’dan il-każ ma jridx jiġi stabbilit il-fatt li jagħti lok għall-oppożizzjoni eventwali, imma jiġi pprovat li s-sinjal invokat iġorr miegħu ċerta importanza fil-kummerċ.
d) Korollarju
122. Peress li t-tliet oġġezzjonijiet huma fondati, jien insostni li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandu jintlaqa’.
3. It-tielet parti tal-ewwel aggravju: rigward il-kundizzjoni li “mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali”.
a) Definizzjonijiet tal-pożizzjonijiet
123. Fit-tielet parti tal-ewwel aggravju, Anheuser‑Busch issostni li l-punti 179 sa 183 tas-sentenza appellata jinterpretaw b’mod żbaljat l-espressjoni “mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali”.
124. Għalkemm ammettiet li, skont l-Artikolu 8(4), il-kundizzjoni li “mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali” tapplika għas-sinjal (u mhux għall-użu), il-kelma “sinifikanza” għandha neċessarjament tkun relatata mas-suq tal-pajjiż fejn dan is-sinjal huwa protett u li sinjal jista’ jkollu “sinifikanza” fil-kummerċ fil-każ biss li jiġi użat f’dan il-pajjiż. Is-sempliċi ċirkustanza li l-liġijiet ta’ żewġ Stati Membri jew iktar jagħtu drittijiet esklużivi lil persuna fir-rigward ta’ sinjal speċifiku, ma jfissirx li dak is-sinjal, minħabba dan il-fatt biss, ikollu “sinifikanza” fil-kummerċ f’dawn l-Istati.
125. Bl-istess mod, Anheuser-Busch ssostni li l-kuntest tal-applikazzjoni ġeografika tal-protezzjoni offruta mid-dritt nazzjonali ma huwiex kriterju adegwat, ġaladarba, kieku dan ma kienx il-każ, il-kundizzjoni tkun suġġetta għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, li jmur kontra l-ġurisprudenza li ssostni li d-dritt tat-trade marks Komunitarji huwa awtonomu u ma huwiex suġġett għall-applikazzjoni tar-regolamenti nazzjonali [sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI (C‑238/06 P, Ġabra p. I-9375, punti 65 u 66)].
b) Kunsiderazzjonijiet
126. Fil-fehma tiegħi, is-sentenza appellata tipprovdi interpretazzjoni li hija litterali ż-żejjed u torbot mat-test tal-Artikolu 8(4).
127. Minn banda, ma hemmx dubju li, kif issostni s-sentenza appellata (39), l-espressjoni “mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali” tikkwalifika s-sinjal u mhux l-użu tiegħu jew il-kummerċ; din tirreferi, definittivament, għas-sinjifikat tas-sinjal, u mhux għal dak tal-użu tiegħu. Dan hu kkonfermat minn uħud mill-verżjonijiet lingwistiċi tad-dispożizzjoni: il-verżjoni bit-Taljan hija waħda mill-iktar ċari, peress li tintroduċi l-konġunżjoni “u” (“contrassegno utilizzato nella normale prassi commerciale e di portata non puramente locale”), imma lanqas ma jagħtu lok għal dubji l-verżjonijiet bil-Franċiż (“signe utilisé dans la vie des affaires dont la portée n’est pas seulement locale”), bil-Portugiż (“sinal utilizado na vida comercial cujo alcance não seja apenas local”) jew bil-Ġermaniż (“eingetragenen Marke oder eines sonstigen im geschäftlichen Verkehr benutzten Kennzeichenrechts von mehr als lediglich örtlicher Bedeutung”), u jkun diffiċli wieħed imur għall-interpretazzjoni differenti anki fil-każ ta’ formulazzjonijiet li jistgħu jqajmu xi dubju, bħal dawk użati fil-verżjoni bl-Ispanjol (“signo utilizado en el tráfico económico de alcance no únicamente local”) jew bl-Inġliż (“sign used in the course of trade of more than mere local significance”).
128. Għalhekk, minkejja dak li ġie deċiż mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, il-kunsiderazzjonijiet hawn fuq imsemmija ma jistgħux jimplikaw li s-sinjifikat tas-sinjal huwa ekwivalenti għall-ambitu ġeografiku tal-protezzjoni legali tiegħu, u lanqas li sinjal għandu sinjifikat ikbar minn wieħed lokali għas-sempliċi fatt li jkun protett legalment f’iktar minn pajjiż wieħed.
129. Kif diġà ntqal, il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(4) ma humiex limitati għall-ambitu strettament legali. L-espressjonijiet użati mil-leġiżlatur Komunitarju u l-għan innifsu tad-dispożizzjoni jirrikjedu interpretazzjoni marbuta mal-fatti u mal-importanza tas-sinjal fil-kummerċ (40) .
130. Fl-ewwel lok il-kelma “sinifikanza” u l-kelmiet l-oħrajn użati fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra jidhru li jaqgħu f’kuntest fattwali, u mhux f’dak tal-ambitu territorjali ta’ applikazzjoni ta’ regolament ta’ protezzjoni (41) . Din it-teżi hija bbażata fuq il-fatt, li kif diġà ġie enfasizzat, li l-Artikolu 8(4) jikkonċerna għadd ta’ sinjali eteroġenji, uħud minnhom protetti sempliċement bl-użu u oħrajn permezz tar-reġistrazzjoni.
131. Fit-tieni lok, wieħed jasal għall-istess konklużjoni, wara li jiġi eżaminat il-kumpless ta’ kundizzjonijiet li r-Regolament Nru 40/94 jissuġġetta għalihom il-possibbiltà li jiġi invokat bħala raġuni relattiva għal rifjut permezz tal-Artikolu 8(4). Kif ġie rrilevat iktar qabel, dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati f’żewġ gruppi kbar: fuq naħa minnhom, tnejn taħt id-dritt nazzjonali [dawk ikkontemplati fis-subparagrafi (a) u (b) tad-dispożizzjoni] maħsuba biex jiżguraw li s-sinjal huwa jew kien preċedentement l-oġġett ta’ protezzjoni speċjali fil-livell nazzjonali u, mill-banda l-oħra, żewġ kundizzjonijiet (“wżat fil-kummerċ” u “mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali”) li r-rikorrenti korrettement tqis li huma kundizzjonijiet awtonomi “ta’ dritt Komunitarju” u li huma maħsuba biex jirriżervaw dawn il-metodi ta’ oppożizzjoni għas-sinjali li, lil hinn mill-protezzjoni nazzjonali tagħhom, għandhom ċerta preżenza u importanza kummerċjali.
132. Il-kelma “sinifikanza” diffiċilment tista’ tiġi sseparata mis-suq li fih jintuża s-sinjal u mill-użu tal-istess sinjal. Mhux kumbinazzjoni li jissemma l-użu tas-sinjal “fil-kummerċ”: għalkemm il-kundizzjoni tirreferi għas-sinjal, l-interpretazzjoni tagħha ma tistax tiġi maqlugħa mill-kuntest tagħha. Id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata bħala ħaġa sħiħa.
133. Għalhekk, it-trade marks mhux reġistrati u s-sinjali l-oħra intiżi mill-Artikolu 8(4) jistgħu jiġu invokati bħala raġunijiet relattivi għal rifjut sakemm dawn iġorru magħhom fil-kummerċ sinjifikat li ma huwiex biss lokali (42) . L-ambitu territorjali li fir-rigward tiegħu jrid jiġi analizzat dan is-sinjifikat huwa dak li fih is-sinjal igawdi protezzjoni legali (43), imma s-sempliċi eżistenza ta’ din il-protezzjoni fit-territorju kollu ta’ Stat Membru, jew anki f’iktar minn Stat Membru wieħed, ma jiżgurax li tkun ġiet osservata l-kundizzjoni rigward is-sinjifikat.
134. Dak li ntqal iktar ’il fuq huwa kkonfermat anki meta, fit-tielet lok, tiġi adottata interpretazzjoni teleoloġika. L-introduzzjoni tal-kundizzjoni rigward is-sinjifikat tikkorrispondi, kif irrilevajt kemm ’il darba, għar-rieda tal-leġiżlatur li jeskludi l-possibbiltà li wieħed jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 8(4), fil-każ ta’ sinjali li ma “jistħoqqilhomx” li jkunu jistgħu jimblukkaw ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark simili fil-livell Komunitarju (44) .
135. Fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 40/94, it-trade mark Komunitarja, ġaladarba tkun ġiet reġistrata, hija valida u tiġi protetta fit-territorju kollu tal-Unjoni. Għaldaqstant, sabiex dritt preċedenti mhux reġistrat ikun jista’ jimblokka r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja maħsuba biex tkopri t-territorju tas-27 Stat Membru, dan għandu jkollu importanza tali li tkun tiġġustifika li dan jipprevali fuq l-imsemmija trade mark Komunitarja sussegwenti. Is-“sinifikanza” tiegħu trid tkun tali li tippermettilu li jimblokka, b’effett fl-Unjoni kollha kemm hi, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark, u dan is-sinjifikat ma jistax jirreferi biss għall-ambitu territorjali tal-protezzjoni tad-dritt invokat.
136. L-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali bħala soluzzjoni tadatta ruħha faċilment għal sinjali li, bħal Bud, igawdu minn protezzjoni internazzjonali formalizzata permezz ta’ reġistrazzjoni. Madankollu, il-parti l-kbira tas-sinjali li jidħlu fl-ambitu tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4), ma għandhomx dawn il-karatteristiċi.
137. Minn banda, id-dispożizzjoni li qed issir riferiment għaliha, tidher li kienet maħsuba essenzjalment għal sinjali protetti fi Stat Membru wieħed (45), u mhux għall-każijiet kwantitattivament anqas importanti fejn teżisti protezzjoni transnazzjonali. L-interpretazzjoni tal-kundizzjoni tas-“sinifikanza” bħala sinonima għall-ambitu territorjali tal-protezzjoni legali twassal sabiex tiġi eskluża a priori l-possibbiltà li jiġu invokati bis-saħħa tal-Artikolu 8(4) is-sinjali protetti fit-territorju kollu ta’ Stat Membru imma mhux ’il barra mill-konfini tiegħu, għaliex dawn is-sinjali ma jkollhom qatt sinjifikat li jmur lil hinn minn wieħed lokali (46) . Sabiex jiġu inklużi dawk is-sinjali jeħtieġ li tingħata tifsira iktar fattwali għall-kelma “sinifikattiv”, billi jkun meħtieġ li s-sinjal jiġi rrikonoxxut f’territorju iktar estiż minn pereżempju dak ta’ belt jew ta’ reġjun.
138. Mill-banda l-oħra, is-soluzzjoni proposta fis-sentenza appellata ma hijiex addattata lanqas għas-sinjali li, bħat-trade marks mhux reġistrati, jinħolqu u huma protetti għall-użu tagħhom, mingħajr il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni minn qabel. F’dawn il-każijiet, li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-każijiet li huma suġġetti għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni, ma huwiex faċli li jiġu delineati l-konfini tas-sinjifikat tal-użu u tas-sinjifikat tal-protezzjoni legali.
139. Fl-aħħarnett, u kuntrarju għal dak li ġie dikjarat fil-punt 180 tas-sentenza appellata, insostni li l-Artikolu 107 tar-Regolament Nru 40/94 ma huwiex ta’ ostaklu għall-interpretazzjoni proposta minni.
140. L-Artikolu 8(4) jopera b’mod parallel mal-Artikolu 107, li jippermetti l-“koeżistenza” tat-trade mark Komunitarja ġdida ma’ sinjal preċedenti ta’ sinjifikat lokali biss, u jistipula li l-proprjetarju ta’ dan id-dritt preċedenti (u, għalhekk ma jistax jintuża bħala l-bażi għall-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarju, imma li huwa protett fi Stat Membru), “jista’ jopponi l-użu tat-trade mark Komunitarja fit-territorju fejn id-dritt tiegħu huwa protett sa fejn il-liġi ta’ l-Istat Membru konċernat tippermetti”. Minn din id-dispożizzjoni wieħed jista’ jiddeduċi li għal sinjal b’sinjifikat lokali tikkorrispondi protezzjoni limitata għat-territorju tal-Istat Membru u għal sinjifikat li jmur lil hinn minn dak lokali tikkorrispondi protezzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha (47), però mhux il-protezzjoni fil-livell Komunitarju (b’riżultat tal-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti) li għandha tingħata biss meta tkun teżisti protezzjoni legali f’iktar minn Stat Membru wieħed. L-Artikolu 107 ma huwiex biżżejjed, fil-fehma tiegħi, sabiex jidentifika rabta indissolubbli bejn is-sinjifikat u l-ambitu territorjali fis-sens propost fis-sentenza appellata.
141. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar qabel, insostni li, peress li indikazzjoni ġeografika bħal Bud hija protetta f’iktar minn Stat wieħed bis-saħħa ta’ ftehim internazzjonali, din ma tissodisfax il-kundizzjoni li “mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali” la darba jkun jista’ jiġi ppruvat biss (kif jidher li qed jiġri f’din il-kawża) li l-imsemmija indikazzjoni hija magħrufa u użata f’wieħed mill-Istati fejn tgawdi protezzjoni.
142. Insostni, għalhekk, li t-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi milqugħha.
4. Konklużjoni
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar qabel, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-tieni u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravju u li tiċħad l-ewwel parti.
B – Dwar it-tieni aggravju, rigward il-ksur tal-Artikoli 8(4), u 74(1) tar-Regolament Nru 40/94
1. Definizzjoni tat-tliet argumenti opposti
143. Bit-tieni aggravju, rigward il-ksur tal-Artikoli 8(4), u 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, ir-rikorrenti ssostni li l-punt 199 tas-sentenza appellata tinkludi żball ta’ liġi fejn timponi fuq il-Bord tal-Appell tal-UASI l-obbligu li janalizza fuq inizjattiva tiegħu stess id-dritt nazzjonali applikabbli, inkluża l-ġurisprudenza rigward id-dritt ta’ Budvar li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti billi tinvoka indikazzjoni ġeografika. Meta kkunsidrat li r-riżultat tal-proċedimenti nazzjonali seta’ jkun magħruf permezz tas-sorsi li huma ġeneralment aċċessibbli u li, għalhekk, kien jikkostitwixxi fatt magħruf eskluż mill-oneru tal-prova impost fuq il-persuna li topponi bl-Artikolu 74 tar-regolament, il-Qorti Ġenerali kisret dik id-dispożizzjoni, li tistipula, li fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni, l-eżami tal-UASI għandu jkun limitat għall-eżami tal-fatti, tal-provi u tal-argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.
2. Kunsiderazzjonijiet
144. Dan it-tieni aggravju jqajjem, fir-realtà, żewġ kwistjonijiet distinti.
145. Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 jobbligax jew le lill-UASI li teżamina ex officio l-istat u r-riżultati tal-proċedimenti legali mibdija fl-Istat Membru inkwistjoni u, konsegwentement, jekk id-deċizjonijiet tal-qrati nazzjonali jikkostitwixxux, għal dak l-iskop, fatti notorji.
146. Fid-deċiżjonijiet annullati, il-Bord tal-Appell tal-UASI ħa inkunsiderazzjoni biss numru ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji Franċiżi u Ġermaniżi li permezz tagħhom il-propjetarji tas-sinjal Bud ġew imċaħħda mill-possibbiltà li jipprojbixxu lil Anheuser-Busch l-użu tiegħu fit-territorji nazzjonali rispettivi. F’dak iż-żmien, is-sentenzi nazzjonali ma kinux definittivi, iżda l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni dan il-fatt, li ma kienx ġie rrilevat minn Budvar.
147. Fil-fehma tiegħi, il- modus operandi tal-Bord tal-Appell tal-UASI kien perfettament konformi mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċediment tal-oppożizzjoni u, b’mod partikolari, mar-regoli ġenerali tal-oneru tal-prova skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94. Wara li ġie stabbilit, bħala regola ġenerali, l-obbliġu tal-UASI li tipproċedi b’eżami fuq inizjattiva tagħha stess tal-fatti, dik id-dispożizzjoni tistipula li “[m]adankollu fi proċedimenti li jirrigwardjaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jiġi ristrett għall-eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba”.
148. Għaldaqstant, l-oneru tal-prova jaqa’ għalkollox fuq min jopponi, u ma jistax jiġi kkontestat li l-Uffiċċju ma ħax inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li, minkejja dak li ġie sostnut mill-Qorti Ġenerali, ma kienux jikkostitwixxu “fatti magħrufa”. Anki fejn is-sorsi li setgħu jipprovdu din l-informazzjoni kienu “aċċessibbli” għall-Bord tal-Appell, ma huwiex dan tal-aħħar, iżda l-parti interessata, li għandha tivverifika l-elementi kollha mressqa fil-proċediment u, b’mod partikolari, tivverifika jekk sentenza mogħtija f’kawża nazzjonali tkunx saret res judicata jew le.
149. Fit-tieni lok, fil-kuntest ta’ dan l-argument prinċipali tat-tieni aggravju, ir-rikorrenti tintroduċi direttament, fuq livell ta’ provi, it-tieni oġġezzjoni. B’mod partikolari Anheuser-Busch ssostni li “l-Bord tal-Appell għandu quddiemu provi tal-fatt li Budvar għamlet tentattiv quddiem il-qrati nazzjonali sabiex jiġu rikonoxxuti d-drittijiet attwalment invokati minnha kontra l-applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji ppreżentati minn Anheuser-Busch [...] Budvar ma ppreżentat l-ebda deċiżjoni li awtorizzatha li tirrikonoxxi d-drittijiet tagħha skont l-Artikolu 8(4)(b)”. Il-formulazzjoni tar-rikors tal-appell tista’ tagħti x’tifhem li, għal Anheuser-Busch, l-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li min jopponi għandu jipprova li rnexxilu jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti, u li ma huwiex suffiċjenti li jkun hemm dritt astratt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.
150. Jekk din hija l-interpretazzjoni li qed issostni r-rikorrenti, ma naqbilx magħha. Fil-fehma tiegħi, huwa evidenti li l-Artikolu 8(4)(b) jistipula esklużivament li min jopponi jrid ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu dan id-dritt fl-astratt, bħala possibbiltà li jikseb protezzjoni għas-sinjal tiegħu fil-livell nazzjonali. L-oppożizzjoni tkun possibbli dejjem jekk ikun jeżisti dan id-dritt, anki meta ma jkunx ġie eżerċitat jew espliċitament rikonoxxut mill-qrati.
151. Wieħed jista’ jsostni illi, jekk jiġi rikjest sempliċement id-dritt fl-astratt, tintilef ir-rilevanza tal-argumentazzjoni kollha dwar is-sitwazzjoni proċesswali nazzjonali (il-karattru definittiv jew le tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jirrikonoxxu d-dritt). Għalhekk, l-eżistenza ta’ sentenzi nazzjonali (li saru res judicata jew le) li jeskludu, bħal fil-każ inkwistjoni, id-dritt li jipprojbixxu l-użu ta’ trade mark sussegwenti tista’ tammonta għal indikazzjoni tan-nuqqas ta’ eżistenza ta’ dan id-dritt.
152. Mingħajr ħsara għal din l-aħħar preċiżazzjoni, insostni li t-tieni aggravju għandu jintlaqa’.
C – L-appell milqugħ u l-kawża rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali
153. Meta jiġi kkunsidrat dak li ntqal iktar qabel, insostni li r-rikors għandu jintlaqa’, billi jiġu ddikjarati fondati t-tieni aggravju, kif ukoll it-tieni u t-tielet parti tal-ewwel aggravju, u li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata.
154. Peress li l-iżbalji rilevati jidhru li huma rimedjabbli biss permezz ta’ evalwazzjonijiet ta’ fatt, insostni li, kif jirriżulta mill-atti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi l-kawża fis-sens tal-Artikolu 61(1) tal-Istatut tagħha, għalhekk nipproponi li din tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tipproċedi ħa tagħmel dawn il-verifiki u tiddeċiedi mill-ġdid b’mod konformi magħhom.
155. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali għandha tivverifika jekk Budvar ressqitx prova li kien hemm użu tas-sinjal Bud “fil-kummerċ” qabel id-data li fiha Anheuser-Busch ippreżentat l-ewwel applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ Bud bħala trade mark Komunitarja. Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali għandha tapplika interpretazzjoni awtonoma tal-kundizzjoni “wżat fil-kummerċ”, jiġifieri mhux b’analoġija għal dik mogħtija mill-ġurisprudenza fir-rigward ta’ din l-istess espressjoni, iżda fil-kuntest tal-Artikolu 9(1) tal-istess regolament.
VII – L-ispejjeż
156. Peress li qiegħed nipproponi li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, jeħtieġ li tiġi rriżervata d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż rigward dan l-appell.
VIII – Konklużjoni
157. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
1) tilqa’ l-appell ippreżentat minn Anheuser-Busch mis-sentenzi tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2008, Kawżi maqgħuda T‑225/06, T-255/06, T-257/06 u T‑309/06;
2) tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea;
3) tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.
(1) .
(2) – L-aħħar deċiżjoni ngħatat bis-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, Anheuser-Busch Inc. vs UASI u Budějovický Budvar, (C-214/09 P, Ġabra p. I‑7665). Għal iktar dettalji dwar l-oriġini storika tat-tilwima u dwar l-aħħar kapitoli ġudizzjarji tagħha, jistgħu jiġu kkonsultati l-konklużjonijiet tal-5 ta’ Frar 2000 ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, (C-478/07, Ġabra p. I‑7721).
(3) – Kawżi maqgħuda T‑225/06, T‑255/06, T‑257/06 u T‑309/06, Ġabra p. II‑3555.
(4) – ĠU 1994 L 11, p. 1.
(5) – Adottat fil-31 ta’ Ottubru 1958, rivedut fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u emendat fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 13172, p. 205).
(6) – Fil-preżent, l-hekk imsejħa “Unjoni ta’ Lisbona” (http://www.wipo.int/treaties/en), li hi komposta minn 26 pajjiż, li fosthom hemm ir-Repubblika Ċeka.
(7) – Ippubblikat għal dak li jikkonċerna l-Awstrija, fil- Bundesgesetzblatt für die Republik Österreich tad-19 ta’ Frar 1981 (BGBI. Nru 75/1981) u li daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Frar 1981 għal żmien indeterminat.
(8) – Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78 p. 1).
(9) – Regolament tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189).
(10) – Kawża T-225/06.
(11) – Kawżi T-255/06 u T-257/06.
(12) – Kawża T-309/06.
(13) – L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).
(14) – L-Artikolu 8(2)(ċ) ma jipprovdi l-ebda preċiżazzjoni f’dan ir-rigward.
(15) – L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali tal-20 ta’ Marzu 1883 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11847, p. 108), li għalih jagħmel riferiment ir-regolament Komunitarju dwar dan il-punt, jimponi li jiġu protetti t-trade marks magħrufa sew, li jappartjenu għall-benefiċjarji tal-Konvenzjoni.
(16) – Madankollu meta kemm it-trade marks u anki l-prodotti u s-servizzi jkunu identiċi, ir-riskju ta’ konfużjoni huwa preżunt: hekk jidher li wieħed jista’ jiddeduċi mill-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament.
(17) – Fin-nuqqas, l-oppożizzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 2(ċ).
(18) – Guidelines Concerning Proceedings before the Office for Harmonization in the Internal Market (Trade Marks and Designs). Part C: OPPOSITION GUIDELINES (paġni 312 sa 339).
(19) – Informazzjoni meħuda mil-lista ta’ sinjali li tinsab fid-direttivi dwar il-proċediment tal-oppożizzjoni.
(20) – Ir-Regolament tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (ĠU L 445M, p. 213).
(21) – Ir-Regolament Nru 207/2009, iċċitat iktar ’il fuq.
(22) – Jien insostni, li fid-dawl ta’ dak li ġie ddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, l-eżistenza ta’ dan it-tip ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi hija possibbli fil-każ ta’ indikazzjonijiet sempliċi, li ma humiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 510/2006. Kuntrarju għal dan, mis-sentenza ċċitata wieħed jista’ jiddeduċi li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi kkwalifikati li, għalkemm jistgħu jkunu reġistrati, ma humiex reġistrati fuq livell nazzjonali, b’mod partikolari permezz ta’ konvenzjoni bilaterali bejn żewġ Stati membri. Mill-proċess jirriżulta li s-sinjal BUD ġie espressament invokat minn Budvar bħala “denominazzjoni tal-oriġini”. Apparti d-dubji li jistgħu jitqajmu dwar in-natura reali tiegħu, is-sempliċi fatt li s-sinjal ġie ppreżentat bħala denominazzjoni ta’ oriġini mhux irreġistrata fil-livell Komunitarju, jista’ jwassal, bl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija rigward in-natura eżawrjenti tar-Regolament Nru 510/2006, sabiex tinnega l-validità tagħha għall-finijiet tal-oppożizzjoni. Għalhekk, huwa evidenti li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma għandhom l-ebda effett fuq il-proċedimenti preżenti, ladarba Anheuser-Busch ma sostnietx dan id-difett possibbli fis-sinjal invokat u ma huwiex il-każ ta’ motiv li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew għandha tivvaluta ex officio , b’mod partikolari fil-kuntest ta’ appell.
Għar-rigward tal-motivi ta’ “ordni pubbliku”, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs, ippreżentati fit-30 ta’ Marzu 2000 fil-Kawża Salzgitter vs Il-Kummissjoni (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, C-210/98 P, Ġabra I-5843, punti 141 sa 143); il-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Mengozzi, ippreżentati fl-1 ta’ Marzu 2007, fil-Kawża Common Market Fertilizers, (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, C-443/05 P, Ġabra p. I-7209, punti 102 u 103). Barra dan wieħed jista’ jara wkoll B. Vesterdorf,: “Le relevé d'office par le juge communautaire”, f’Une Communauté de droit: Festschrift für G.C. Rodríguez Iglesias, Nomos, 2003, p. 551 et seq .
(23) – Budvar kienet diġà sostniet l-istess pożizzjoni quddiem l-UASI fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, skont ma jirriżulta mill-punt 13(b) tad-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq, tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Ġunju 2006.
(24) – L-Artikoli 14 tar-Regolament Nru 510/2006, u 7(1)(k), tar-regolament il-ġdid dwar it-trade mark Komunitarju (Ir-Regolament Nru 207/2009).
(25) – Ara d-dispożizzjonijiet iċċitati fin-nota preċedenti.
(26) – Sentenzi tat-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN) (T‑6/01, Ġabra p. II‑4335, punt 55); tat-30 ta’ Ġunju 2004, BMI Bertollo vs UASI – Diesel (DIESELIT) (T‑186/02, Ġabra p. II‑1887, punt 71); tal-21 ta’ April 2005, PepsiCo vs UASI – Intersnack Knabber-Gebäck (RUFFLES) (T‑269/02, Ġabra p. II‑1341, punt 26); tat-22 ta’ Marzu 2007, Saint-Gobain Pam vs UASI – Propamsa (PAM PLUVIAL) ( T‑364/05, Ġabra p. II‑757, punt 88).
(27) – Regolament Nru 510/2006.
(28) – Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2009 (C-495/07, Ġabra p. I-137, punti 21 u 22).
(29) – Sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider vs UASI (C‑416/04 P, Ġabra p. I‑4237, punt 70; u tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Financiaría vs UASI, (C-234/06 P, Ġabra P. I‑7333, punt 72.) Ara wkoll, fir-rigward tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 89/104, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul (C‑40/01, Ġabra p. I‑2439, punt 43), u d-digriet tas-27 ta’ Jannar 2004, La Mer Technology (C‑259/02, Ġabra p. I‑1159, punt 27).
(30) – L-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva 89/104 jsegwu l-istess għan. Naqbel ma’ dak li sostniet il-kollega tiegħi l-Avukat Ġenerali Sharpston, li fil-fehma tagħha l-interpretazzjoni tad-Direttiva 89/104 għandha tkun koerenti mar-Regolament Nru 40/94 [konklużjonijiet ippreżentati fit-12 ta’ Marzu 2009, fil-Kawża Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, C-529/07, Ġabra p. I-4893, punt 16], imma ma naħsibx li minn dan wieħed jista’ jiddeduċi, kif tidher li għamlet Budvar, li din il-“koerenza” għandha tiġi segwita mingħajr ma jingħata qies tal-funzjoni li taqdi kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet. F’din il-kawża, wieħed jista’ jeżiġi li jkun hemm koerenza bejn l-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament, li huma dawk li għandhom kontenut analogu (u li għalihom tirreferi l-ġurisprudenza attwalment eżistenti). L-estensjoni tad-definizzjoni tagħhom fil-ġurisprudenza għall-Artikolu 8(4) fil-fehma tiegħi, ma tirriżultax li hija daqshekk evidenti.
(31) – Fil-fatt, is-sinjal għandu, apparti li jissodisfa dik il-kundizzjoni Komunitarja fir-rigward tal-użu fil-kummerċ, jippreżenta l-livell ta’ użu rikjest eventwalment mir-regoli tal-Istat Membru inkwistjoni sabiex ikun jista’ jikkonferixxi fuq il-proprjetarju tiegħu “d-dritt li jiprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv” [l-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament].
(32) – Fost il-pijunieri li rrikonoxxew dan il-prinċipju, wieħed jista’ jsemmi lil Hagens, li fl-1927 kien diġà beda jikkontesta t-teżi tal-universalità tat-trade mark li tradizzjonalment kienet appoġġata mid-duttrina Ġermaniża, li kien isostni li din it-teżi ma kinitx sostenibbli peress li l-applikazzjoni tagħha kienet tfisser indħil fl-isfera ġuridika ta’ Stati sovrani barranin (Hagens, Warenzeichenrecht, Berlín u Leipzig, 1927). It-teżi ta’ Hagens kienet ġie milqugħa mill-Qorti Suprema Ġermaniża b’sentenza tal-20 ta’ Settembru 1927 u llum il-ġurnata tidher li hija iktar aċċettata bħala prinċipju tad-dritt tat-trade marks u, fil-fehma tiegħi, it-trattati internazzjonali, li fil-parti l-kbira tagħhom huma bbażati fuq ir-reċiproċità, ma jnaqqsu xejn mill-importanza tagħha.
(33) – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI (C‑412/05 P, Ġabra p. I‑3569, punt 51); u tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Financiaría vs UASI (C‑234/06 P, Ġabra p. I‑7333, punt 60).
(34) – Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Bovemij Verzekeringen (C-108/05, Ġabra p. I‑7605, punt 22). Anki l-Avukat Ġenerali Sharpston, fil-konklużjonijiet tagħha f’din il-kawża, ippreżentati fit-30 ta’ Marzu 2006, titlaq mill-evalwazzjoni territorjali neċessarja ta’ dawk il-kundizzjonijiet u tirrileva li, differenti minn x’jista’ jintalab għal trade marks nazzjonali, fil-każ ta’ trade marks Komunitarji, huwa raġonevoli li wieħed jitlob li l-proprjetarju jipprova “l-karattru distintiv li jkun inkiseb permezz tal-użu f’żona ġeografika iktar wiegħsa” (punt 45).
(35) – Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI ( C‑25/05 P, Ġabra p. I‑5719, punt 83).
(36) – Minkejja li ma jiċċitax espressament għal dan il-għan l-Artikolu 43 tar-Regolament, il-punt 169 tas-sentenza appellata jispeċifika li l-kriterju tad-data tal-pubblikazzjoni jiġi mitlub “bħalma huwa mitlub fir-rigward tat-trade marks preċedenti”, b’riferiment ċar għall-kundizzjonijiet stipulati fl-imsemmija dispożizzjoni.
(37) – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 36.
(38) – Anki waqt is-seduta ġie kkonfermat illi dan il-perijodu ta’ żmien jista’ jtawwal għal diversi xhur, jew anki għal iktar minn sena, bħal fil-każ ta’ uħud mill-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni li huma suġġett tal-kawża preżenti. F’dawn il-każijiet, ir-riskju li l-preżentata tal-applikazzjoni tkun magħrufa f’ċerti ambjenti speċifiċi qabel il-pubblikazzjoni tagħha huwa, evidentement, iktar għoli. Hemm lok għal ċertu tħassib fir-rigward tal-fatt li l-uniku użu li ġie ppruvat tas-sinjal invokat seħħ fil-perijodu bejn l-applikazzjoni għat-trade mark u l-pubblikazzjoni tagħha.
(39) – Punt 180.
(40) – Nagħmel riferiment għal ċerta tip ta’ interpretazzjoni iktar qrib, anki jekk mhux neċessarjament għalkollox identika, ta’ dik ipprovduta mill-UASI fid-“Direttivi dwar l-oppożizzjoni” li diġà ġew iċċitati. Fil-fehma tal-UASI, is-sinjifikat ta’ sinjal fis-sens tal-Artikolu 8(4), ma jistax jiġi eżaminat esklużivament mil-lat ġeografiku, u għandu jkun ibbażat ukoll fuq “id-dimensjonijiet ekonomiċi tal-użu tas-sinjal”, billi tiġi evalwata l-intensità tal-użu, it-tul ta’ żmien tiegħu, il-firxa tal-oġġetti jew servizzi li għalihom jiġi użat is-sinjal, kif ukoll il-promozzjoni pubbliċitarja li ssir fejn jiġi użat dan is-sinjal. L-istess Qorti Ġenerali qablet punt b’punt ma’ din l-interpretazzjoni tal-UASI f’sentenza oħra li ngħatat ftit wara dik appellata u jiġifieri s-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, Moreira da Fonseca vs UASI-General Óptica (kawżi maqgħuda T‑318/06 sa T‑321/06, Ġabra p. II‑649). Id-differenzi bejn iż-żewġ sentenzi tal-Qorti Ġenerali kienu s-suġġett, fuq talba tal-istess Qorti tal-Ġustizzja, ta’ ħafna mill-interventi waqt is-seduta. Anheuser-Busch u l-UASI, għalkemm jirrikonoxxu li s-sentenzi jitilqu minn sitwazzjonijiet differenti ta’ fatt u ta’ dritt, sostnew li n-natura differenti tas-sinjali invokati (indikazzjoni ġeografika fil-każ ta’ Budějovický Budvar u isem ta’ stabbiliment fil-każ ta’ General Óptica) kienet irrilevanti u ma kinitx tiġġustifika d-differenza bejn is-soluzzjonijiet. Mill-banda l-oħra, Budvar sostniet li s-sentenza General Óptica kienet tikkonċerna sinjal protett biss minħabba l-użu tiegħu, element li, fil-fehma tagħha, kien irrilevanti għal denominazzjonijiet ta’ oriġini, li jeżistu u jiġu protetti sempliċement minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom. Konsegwentement, Budvar sostniet li s-sentenzi ma kinux kontradittorji u li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) għandhom jiġu evalwati minn każ għal każ, billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tas-sinjal invokat. Jien ma naqbilx ma’ dil-fehma ta’ Budvar.
(41) – Id-dizzjunarju tar-Real Academia Española jiddefinixxi l-kelma “alcance” bħala “capacidad de alcanzar o cubrir una distancia”; l-Akkademja Franċiża tinkludi, fost it-tifsiriet tal-kelma “portée”, dawk ta’ “distance maximale à laquelle une chose peut exercer son effet, étendue, champ d’action d’un phénomène”. Huwa partikolarment espressiv il-kelma “significance” li jiġi użat fil-verżjoni Ingliża, li l-Cambridge Advanced Learner’s Dictionary jikkunsidra li huwa sinonimu għal “importance” jew għal “special meaning”.
(42) – Ara f’dan is-sens, C. Fernández Novoa, El sistema comunitario de marcas , Ed. Montecorvo, Madrid, 1995, p. 167; u A. Mühlendahl, D. Ohlgart, u V. Bomhard, Die Gemeinschaftsmarke , Bech, Manchen, 1998, p. 38.
(43) – Hekk jirriżulta mill-prinċipju ta’ territorjalità, eżaminat hawn fuq.
(44) – Ara f’dan is-sens, D. Kitchin, D. Llewelyn, J. Mellor, R. Meade, T. Moody-Stuart, u D. Keeling, Kerly’s Law of Trade Marks and Trade Names , Sweet & Maxwell, London, 2005, p. 274.
(45) – Għal dan l-iskop isir riferiment għal-“liġi ta’ l-Istat Membru li tirregola dak is-sinjal”.
(46) – Mill-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali jista’ jiġi dedott li huwa biss permezz ta’ protezzjoni internazzjonali li jiġi ggarantit dan is-sinjifikat (ara f’dan is-sens, punt 181 tas-sentenza appellata: “drittijiet preċedenti invokati għandhom sinjifikat li ma huwiex biss lokali sa fejn il-protezzjoni tagħhom, fuq il-bażi tal-Artikolu 1(2) tal-Ftehim ta’ Liżbona u tal-Artikolu 1 tal-konvenzjoni bilaterali, testendi lil hinn mit-territorju ta’ oriġini tagħhom”).
(47) – Billi jitlaq minn din l-idea, Fleckenstein isostni li dawn iż-żewġ artikoli jikkostitwixxu “sistema”: J. Fleckenstein, Der Schutz territorial beschränkter Kennzeichen (Peter Lang – Europäische Hochschulschriften, Frankfurt am Main, 1999), p. 104.