|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1707 |
13.7.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/1707
tat-13 ta’ Lulju 2026
li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2024/2643 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-8 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/2643 (1). |
|
(2) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 u d-19 ta’ Ġunju 2026, il-Kunsill Ewropew ikkundanna l-attakki ibridi reċenti kollha kontra l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Fid-dawl tal-kampanji ibridi persistenti minn atturi ostili, b’mod partikolari r-Russja u l-Belarussja, il-Kunsill Ewropew appella għal sforzi akbar u urġenti biex tissaħħaħ ir-reżiljenza, tiġi intensifikata l-preparatezza, tiġi protetta l-infrastruttura kritika, u jiġu evitati, skoraġġuti u jingħata rispons għal attakki ibridi. |
|
(3) |
L-Unjoni tibqa’ soda fil-kundanna tagħha tal-attivitajiet malizzjużi tar-Russja diretti kontra l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha, organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi. |
|
(4) |
Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li persuna fiżika waħda tiżdied mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/2643. |
|
(5) |
Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2024/2643 tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness I tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/2643 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
K. KALLAS
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2643 tat-8 ta’ Ottubru 2024 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja (ĠU L, 2024/2643, 9.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2643/oj).
ANNESS
L-entrata li ġejja tiżdied mal-Anness I tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/2643 taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi”:
|
|
Isem |
Informazzjoni ta’ identifikazzjoni |
Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
|
“80. |
Ivan Sergeevich KASYANENKO (bir-Russu: Иван Сергеевич КАСЬЯНЕНКО) |
Funzjoni: viċi kmandant u uffiċċjal għoli tal-iSpecial Operations Service (SSD) tal-GRU Grad: Logutenent Ġeneral Data tat-twelid: 9.9.1975 Nazzjonalità: Russa Sess: raġel Numru tal-Kontribwent Individwali: 773471856698 |
Ivan Kasyanenko huwa l-viċi kmandant tal-iSpecial Operations Service (SSD) tal- GRU, li assorba ċerti elementi tal-Unità 29155, u huwa uffiċjal għoli li jissorvelja l-operazzjonijiet tal-SSD. Huwa ġie identifikat bħala organizzatur u superviżur prinċipali tal-attivitajiet tal-Unità 29155 marbuta mal-Afganistan, inkluż l-allegati sforzi biex jiġu pprovduti inċentivi finanzjarji għal attakki mmirati kontra l-l-Istati Uniti u persunal tal-koalizzjoni internazzjonali li topera fl-Afganistan. Ivan Kasyanenko kkoordina wkoll operazzjonijiet marbuta mal-avvelenamenti bin-Novichok tal-2018 ta’ Sergei Skripal u bintu, Yulia Skripal. Barra minn hekk, huwa ġie assoċjat mal-koordinazzjoni ta’ attivitajiet bil-moħbi Russi fl-Ewropa, il-ġestjoni u l-integrazzjoni tan-networks tal-Grupp Wagner fl-Afrika fl-2023 u inizjattivi ta’ kooperazzjoni militari-teknika li jinvolvu l-Iran. Għalhekk, Ivan Kasyanenko huwa responsabbli għal, u jimplimenta azzjonijiet jew politiki attribwibbli lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà u s-sigurtà f’pajjiżi terzi billi jdgħajfu l-ordni pubbliku u s-sikurezza pubblika, u billi jisfruttaw il-kunflitti armati, l-instabbiltà u l-insigurtà. |
13.7.2026”. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1707/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)