DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
22 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )
“Appell – Artikolu 182 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Servizz pubbliku – Pensjoni – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20 tal-Anness VIII – Għoti ta’ pensjoni tas-superstiti – Konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal li jirċievi allowance tal-invalidità – Żwieġ konkluż wara l-eliġibbiltà ta’ dan l-uffiċjal għall-benefiċċju ta’ allowance tal-invalidità – Kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ ta’ ħames snin mid-data tal-mewt tal-uffiċjal – Artikolu 19 tal-Anness VIII – Żwieġ konkluż preċedentement għall-eliġibbiltà tal-uffiċjal għall-benefiċċju ta’ allowance tal-invalidità – Assenza ta’ kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ – Eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20– Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Artikolu 21(1) – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Artikolu 52(1) – Assenza ta’ differenza arbitrarja jew manifestament inadegwata fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawżi magħquda C‑313/21 P u C‑314/21 P,
li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fid‑19 ta’ Mejju 2021,
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Alver u M. Bauer, bħala aġenti,
rikorrent fil-Kawża C‑313/21 P,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
FI,
rikorrent fl-ewwel istanza,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. S. Bohr u B. Mongin, bħala aġenti,
konvenut fl-ewwel istanza,
Il‑Parlament Ewropew,
intervenjent fl-ewwel istanza,
u
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. S. Bohr u B. Mongin, bħala aġenti,
rikorrenti fil-Kawża C‑314/21 P,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
FI,
rikorrent fl-ewwel istanza,
Il‑Parlament Ewropew,
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Alver u M. Bauer, bħala aġenti,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn M. Safjan (Relatur), President tal-Awla, N. Piçarra u N. Jääskinen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tingħata deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat konformement mal-Artikolu 182 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
|
1 |
Permezz tal-appelli tagħhom, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (C‑313/21 P) u l-Kummissjoni Ewropea (C‑314/21 P) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑10 ta’ Marzu 2021, FI vs Il‑Kummissjoni (T‑694/19, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2021:122), li permezz tagħha l-istess qorti annullat id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat‑8 ta’ Marzu 2019 u tal‑1 ta’ April 2019 li jiċħdu t-talba għall-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti lil FI (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”). |
Il‑kuntest ġuridiku
|
2 |
L-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), huwa fformulat kif ġej: “1. Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni bbażata fuq kull raġuni, bħas-sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, fatturi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew kull opinjoni oħra, sħubija f’minorita nazzjonali, proprjetà, twelid, disabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali, hija pprojbita. Għall-iskopijiet ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, sħubija mhux maritali [matrimonjali] għandha tkun ittrattata bħala żwieġ sakemm il-kondizzjonijiet kollha mniżżla fl-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII jitħarsu. 2. Bil-ħsieb li tkun żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn rġiel u nisa fil-ħajja tax-xogħol, li għandu jkun element essenzali li għandu jkun ikkunsidrat fl-implimentazzjoni ta’ l-aspetti kollha ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal il-prinċipju ta’ trattament indaqs m’għandux jipprojbixxi l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea milli jżommu jew jadottaw miżuri li jipprovdu vantaġġi speċifiċi sabiex jagħmluha aktar faċli għas-sess li m’għandux rappreżentanza li jfittex attivita’ vokazzjonali jew sabiex jipprevjenu jew jikkompensaw għal svantaġġi f’karrieri professjonali. […] 5. Meta persuni koperti minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, li jikkunsidraw li saret inġustizzja magħhom għax il-prinċipju tat-trattament indaqs kif ipreżentat hawn fuq ma kienx applikat magħhom, jistabbilixxu l-fatti li jista’ jkun presunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ikun fuq l-istituzzjoni li tipprova li ma kienx hemm ksur fil-prinċipju tat-trattament indaqs. Din id-disposizzjoni ma tgħoddx fil-proċeduri dixxiplinarji. 6. Waqt li jkun irrispettat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-prinċipju tal-proporzjonalità, kull limitazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom trid tkun iġġustifikata fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli, u trid tkun immirata lejn oġġetti leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal. It-tali oġġettivi jistgħu partikolarment jiġġustifikaw li tkun stipulata età mandatarja ta’ rtirar u età minima biex tieħu pensjoni ta’ rtirar.” |
|
3 |
L-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal jiddisponi: “L-uffiċjali għandhom ikunu assenjati wieħed mill-istati amministrattivi li ġejjin:
|
|
4 |
L-Artikolu 47 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi: “Is-servizz ġħandu jintemm b’:
|
|
5 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi: “Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50, uffiċjal għandu jirtira:
Madanakollu, uffiċjal jista’, fuq it-talba tiegħu stess u fil-każ li l-awtorità tal-ħatra tikkunsidraha ġġustifikata fl-interessi tas-servizz, ikompli jaħdem sal-età ta’ 67, jew eċċezzjonalment sal-età ta’ 70, f’liema każ huwa għandu jirtira awtomatikament fl-aħħar jum tax-xahar li fih jagħlaq dak iż-żmien.” |
|
6 |
L-Artikolu 53 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa redatt kif ġej: “Uffiċal li l-Kumitat ta’ Invalidità ssib li d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 78 japplikaw għalih għandu awtomatikament ikun irtirat fl-aħħar ġurnata tax-xahar li fih l-awtorità li taħtar tirrikonoxxi l-inkapaċità permanenti tiegħu biex jaqdi d-dmirijiet tiegħu.” |
|
7 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal: “Uffiċjal ikun intitolat, bil-mod li jiddisponu l-Artikoli 13 sa 16 tal-Anness VIII, għal allowance ta’ invalidità fil-każ ta’ invalidità permanenti totali, li ma tħallihx jaqdi dmirijietu li jkun jikkorrispondu għal pożizzjoni fil-grupp tal-funzjoni tiegħu. |
|
8 |
L-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi li: “L-allowancetal-familja għand[ha] [t]ingħata lil: […]
[…]” |
|
9 |
L-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar l-i“Skema tal-pensjoni”, jinkludi, b’mod partikolari, Kapitolu 4, intitolat “Pensjoni għas-Sopravissut”, li jinkludi l-Artikoli 17 sa 29 ta’ dan l-anness. L-Artikolu 17 huwa redatt kif ġej: “Meta uffiċjali imut waqt li jkollu wieħed mill-istatus amministrattivi mniżżla fl-Artikolu 35 tar-Regolament tal-Persunal, is-sieħeb li jibqa’ ħaj għandu jkun intitolat, sakemm il-koppja kienu miżżewġin għall-anqas sena fil-ħin tal-mewt tiegħu u suġġett għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(1) u 22, għal pensjoni tas-sieħeb li għadu ħaj daqs 60 % tal-pensjoni ta’ l-irtirar li l-uffiċjali ikun jiġi mħallas kieku kien kwalifikat, irrispettivament mid-dewmien tas-servizz jew l-, għal tali pensjoni fil-ħin tal-mewt tiegħu. Id-dewmien taż-żwieġ m’ għandhux jittieħed in konsiderazzjoni jekk hemm wild wieħed jew aktar miż-żwieġ jew minn żwieġ ieħor ta’ l-uffiċjal sakemm is-sieħeb li jibqa’ ħaj imantni jew kien imantni dawk l-ulied, jew jekk il-mewt ta’ l-uffiċjal tirriżulta jew minn disabilta fiżika jew mard li ġie waqt it-twettiq tad-doveri tiegħu jew minn aċċident.” |
|
10 |
L-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jiddisponi: “Meta wieħed li qabel kien uffiċjal rċieva pensjoni ta’ l-irtirar, is-sieħeb li jibqa’ ħaj għandu jkun intitolat, sakemm il-koppja kienet diġà miżżewġa qabel l-uffiċjal telaq mis-servizz ta’ l-istituzzjoni u li ż-żwieġ dam għal mill-anqas sena, u suġġett għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 22, għal pensjoni ta’ min jibqa’ ħaj daqs 60 % tal-pensjoni ta’ l-irtirar li kien jirċievi qabel miet. L-anqas pensjoni għal min jibqa’ ħaj għandha tkun 35 % ta’ l-aħħar salarju bażiku; l-ammont tal-pensjoni għal min jibqa’ ħaj m’għandu, iżda, fl-ebda każ, jaqbeż l-ammont tal-pensjoni ta’ l-irtirar li s-sieħeb kien jirċievi qabel miet. It-tul taż-żwieġ m’għandux ikun ikkunsidrat jekk hemm tifel wieħed jew aktar minn żwieġ ikkuntrattat mill-uffiċjal qabel telaq mis-servizz, sakemm is-sieħeb li jibqa’ ħaj imantni jew mantna dawk it-tfal.” |
|
11 |
L-Artikolu 19 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi: “Meta wieħed li qabel kien uffiċjal rċieva pensjoni ta’ l-invalidità, is-sieħeb li jibqa’ ħaj għandu jkun intitolat, suġġett għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 22 ta’ dan l-Anness, sakemm il-koppja kienet miżżewġa qabel l-uffiċjal sar eliġibbli għall-benedfiċċju, għal pensjoni ta’ min jibqa’ ħaj daqs 60 % tal-pensjoni ta’ l-invalidità li s-sieħeb kien jirċievi fil-mument qabel miet. L-anqas pensjoni għal min jibqa’ ħaj għandha tkun 35 % ta’ l-aħħar salarju bażiku; l-ammont tal-pensjoni għal min jibqa’ ħaj m’għandu, iżda, fl-ebda każ, jaqbeż l-ammont tal-benefiċċju ta’ l-invalidità li s-sieħeb kien jirċievi qabel miet.” |
|
12 |
L-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi: “Għall-iskopijiet ta’ l-Artikoli 17a, 18, 18a u 19, it-tul taż-żwieġ ma jkunx ikkunsidrat meta ż-żwieġ, għalkemm ikkuntrattat wara li jintemm is-servizz ta’ l-uffiċjal, dam għal mill-anqas ħames snin.” |
|
13 |
Skont l-Artikolu 27 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal: “Is-sieħba ddivorzjata ta’ uffiċjal jew ta’ wieħed li qabel kien uffiċjal, għandha tkun intitolata għall-pensjoni għal min għadu ħaj, kif definit f’dan il-Kapitolu, sakemm, mal-mewt tas-sieħeb ta’ qabel, huwa/hija tist’ tiġġustifika l-intitolament lejh/lejha li tirċievi manteniment mingħandu bis-saħħa ta’ ordni mill-qorti jew bħala riżultat ta’ ftehim uffiċjali rreġistrat bejnu/bejnha u s-sieħeb tiegħu/tagħha ta’ qabel. Il-pensjoni għal min għadu ħaj ma tistax, madankollu, taqbeż l-ammont ta’ manteniment imħallas mal-mewt tas-ieħeb ta’ qabel, l-ammont kien aġġornat skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 82 tar-Regolamenti tal-Persunal. L-intitolament tas-sieħeb iddivorzjat jieqaf, jekk huwa jew hija tiżżewweġ qabel is-sieħeb ta’ qabel imut. L-Artikolu 26 għandu japplika fil-każ ta’ żwieġ mill-ġdid wara l-mewt tas-sieħeb ta’ qabel.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawżi u d-deċiżjonijiet kontenzjużi
|
14 |
Mill‑2001, FI għex f’konkubinaġġ ma’ uffiċjal ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, li ġiet irtirat ta’ bil-fors matul l‑2005 minħabba invalidità u ngħatat il-benefiċċju tal-allowance tal-invalidità. |
|
15 |
Fit‑12 ta’ Mejju 2014, FI u din l-uffiċjal iżżewġu. Din tal-aħħar mietet fil‑25 ta’ Jannar 2019, jiġifieri inqas minn ħames snin wara d-data tal-konklużjoni taż-żwieġ. |
|
16 |
FI, bħala konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal tal-Unjoni, ressaq talba għall-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti skont il-Kapitolu 4 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
17 |
Permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, l-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni ċaħad it-talba ta’ FI, minħabba li dawn ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex ikun jista’ jibbenefika minn pensjoni tas-superstiti, peress li ż-żwieġ tiegħu mal-uffiċjal mejta, li sar t-tmiem tas-servizz tagħha, kien dam inqas minn ħames snin. |
|
18 |
L-ilment imressaq minn FI kontra dawn id-deċiżjonijiet ġie miċħud. |
Ir‑rikors fl‑ewwel istanza u s‑sentenza appellata
|
19 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Ottubru 2019, FI ippreżenta rikors għall-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. |
|
20 |
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. |
|
21 |
Insostenn tar-rikors tiegħu, FI qajjem tliet motivi, l-ewwel wieħed ibbażat, essenzjalment, fuq l-illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
|
22 |
Meta ddeċidiet fuq dan l-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti, is-sitwazzjoni koperta mill-Artikolu 19 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri dik tal-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal tal-Unjoni li jirċievi allowance ta’ invalidita’ li żżewweġ qabel it-tmiem tas-servizz tiegħu, kienet komparabbli għas-sitwazzjoni koperta mill-Artikolu 20 ta’ dan l-anness, jiġifieri dik tal-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal li jirċievi allowance tal-invalidità li żżewweġ wara li kien iddikjarat invalidu. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kienet teżisti differenza fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet komparabbli skont id-data tal-konklużjoni taż-żwieġ, peress li l-pensjoni tas-superstiti tingħata lill-konjuġi superstiti mingħajr kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ fil-kuntest tal-Artikolu 19 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal filwaqt li, tingħata lilu bil-kundizzjoni li ż-żwieġ kien dam mill-inqas ħames snin, fil-kuntest tal-Artikolu 20 ta’ dan l-anness. Il-Qorti Ġenerali żiedet li tali differenza fit-trattament kienet toħloq żvantaġġ għall-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal li żżewweġ wara li ġie ddikjarat invalidu meta mqabbel mal-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal li żżewweġ qabel din id-dikjarazzjoni ta’ invalidità. |
|
23 |
Wara li indikat li d-differenza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kienet prevista mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk id-differenza fit-trattament osservata setgħetx tiġi ġġustifikata minn għan ta’ interess ġenerali u jekk kinitx proporzjonata fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq, b’mod partikolari fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 48 tas-sentenza appellata. |
|
24 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-għan ta’ interess ġenerali intiż għall-prevenzjoni tal-frodi, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li rrikonoxxiet li l-kundizzjoni li tgħid li ż-żwieġ għandu jkun issodisfa kundizzjoni ta’ tul minimu sabiex jingħata d-dritt għal pensjoni tas-superstiti tippermetti li jiġi żgurat li dan iż-żwieġ ma jkunx ibbażat esklużivament fuq kunsiderazzjonijiet li ma jkunux relatati ma’ pjan ta’ ħajja komuni, bħal kunsiderazzjonijiet purament finanzjarji jew marbuta mal-kisba ta’ dritt ta’ residenza, iddeċidiet li ma huwiex raġonevoli li jitqies li l-kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ ħames snin ta’ żwieġ prevista fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li hija assenti fl-Artikolu 19 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u li ma hija suġġetta għal ebda eċċezzjoni li tippermetti li tiġi stabbilita l-assenza ta’ frodi, irrispettivament mill-provi oġġettivi prodotti, tista’ tkun neċessarja għall-finijiet tat-twettiq tal-għan tal-ġlieda kontra l-frodi. |
|
25 |
Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kien jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija laqgħet l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma minn FI u annullat id-deċiżjonijiet ikkontestati. |
It‑talbiet tal‑partijiet fl‑appelli u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
26 |
Permezz tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑313/21 P, il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
27 |
Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑314/21 P, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
28 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ Ġunju 2021, dawn il-kawżi ġew sospiżi sakemm tingħata s-sentenza fil-Kawżi magħquda C‑116/21 P sa C‑118/21 P, C‑138/21 P u C‑139/21 P. Wara l-għoti tas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Il-Kummissjoni vs VW et (C‑116/21 P sa C‑118/21 P, C‑138/21 P u C‑139/21 P, EU:C:2022:557), il-proċedura tkompliet b’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Lulju 2022. |
|
29 |
Skont l-Artikolu 54(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fit‑30 ta’ Ġunju 2021, li jgħaqqad il-Kawżi C‑313/21 P sa C‑314/21 P għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza. |
Fuq l‑appelli
Fuq l‑applikazzjoni tal-Artikolu 182 tar-Regoli tal-Proċedura
|
30 |
Skont l-Artikolu 182 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà ddeċidiet dwar punt jew diversi punti ta’ liġi identiċi għal dawk imqajma fl-aggravji tal-appell, prinċipali jew inċidentali, u meta tqis li l-appell huwa manifestament fondat, hija tista’, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstemgħu l-partijiet u l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi li tiddikjara l-appell manifestament fondat permezz ta’ digriet motivat li jinkludi referenzi għall-ġurisprudenza rilevanti. |
|
31 |
Il-Kummissjoni tippreċiża li hija ma għandhiex oġġezzjoni għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. |
|
32 |
Il-Kunsill u FI ma wieġbux għall-istedina tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiddeċiedu fuq dan is-suġġett. |
|
33 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-aggravji invokati fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi jqajmu kwistjonijiet ta’ liġi identiċi għal dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwarhom fis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Il‑Kummissjoni vs VW et (C‑116/21 P sa C‑118/21 P, C‑138/21 P u C‑139/21 P, EU:C:2022:557). Konsegwentement, għandu jiġi applikat l-Artikolu 182 tar-Regoli tal-Proċedura f’dawn il-kawżi. |
Fuq il‑mertu
|
34 |
Insostenn tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑313/12, il-Kunsill iqajjem tliet aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-eżistenza ta’ differenza fit-trattament, it-tieni wieħed, fuq żbalji ta’ liġi li jirrigwardaw il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti Ġenerali tal-għażliet magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni u, it-tielet wieħed, fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament. |
|
35 |
Min-naħa tagħha, insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑314/21 P, il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-legalità tal-għażliet magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, it-tielet wieħed, fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 52(1) tal-Karta u fuq diversi okkorrenzi ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. |
Fuq l‑ewwel aggravju fil‑Kawża C‑313/21 P kif ukoll fuq it‑tielet parti tal‑ewwel aggravju u fuq it‑tieni aggravju fil-Kawża C‑314/21 P
– L‑argumenti tal‑partijiet
|
36 |
Permezz ta’ dawn l-aggravji u dawn il-partijiet, il-Kummissjoni ssostni li, permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sa fejn hija kkonkludiet, b’mod żbaljat, li s-sitwazzjonijiet koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 19 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huma komparabbli u, għaldaqstant, li kienet teżisti differenza fit-trattament ibbażata fuq l-applikazzjoni ta’ skemi differenti minn dawn is-sitwazzjonijiet komparabbli. |
|
37 |
Dawn l-istituzzjonijiet jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 57 u 58 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li d-data tal-konklużjoni taż-żwieġ kienet l-uniku element determinanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 19 jew tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u li, għaldaqstant, is-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet kienu komparabbli. Issa, kieku l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw dawn is-sitwazzjonijiet, hija kellha tikkonstata li teżisti differenza essenzjali u oġġettiva bejn l-uffiċjali fis-servizz u dawk li jibbenefikaw minn allowance tal-invalidità u li ma baqgħux fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni. Din id-differenza hija marbuta mas-sitwazzjoni ġuridika rispettiva ta’ dawn l-uffiċjali, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet u tal-obbligi professjonali li tal-ewwel, għall-kuntrarju tat-tieni, huma marbuta bihom skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal matul il-perijodu kollu tas-servizz tagħhom. |
|
38 |
B’mod partikolari, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Kunsill jenfasizzaw, b’mod partikolari, il-fatt li l-uffiċjal fis-servizz, għall-kuntrarju tal-ex uffiċjali li ma għandhomx iktar l-obbligu li jaħdmu, għandu jikkontribwixxi għall-iskema tal-pensjonijiet, jirċievi salarju bażiku ogħla mill-pensjoni tal-irtirar li tingħatalu meta ser jirtira, għandu l-obbligu li jirrisjedi fil-post ta’ assenjazzjoni tiegħu u għandu dritt għal allowances tal-espatrijazzjoni, ta’ residenza barra mill-pajjiż u tal-ivvjaġġar. Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha juru li s-sitwazzjoni ta’ uffiċjal li jiżżewweġ wara li jkun ġie ddikjarat invalidu u t-tmiem tas-servizz tiegħu ma teħtieġx, bl-istess provi bħal fil-każ ta’ uffiċjal li jiżżewweġ meta jkun għadu fis-servizz, li dħul ta’ sostituzzjoni biss jiġi offrut lill-konjuġi superstiti bl-għoti tal-pensjoni tas-superstiti. |
|
39 |
Il-Kummissjoni tqis ukoll li s-sitwazzjoni tal-uffiċjali fis-sitwazzjoni tal-uffiċjali li jaqgħu taħt l-Artikolu 19 dik tal-uffiċjali li jaqgħu taħt l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal hija differenti fuq il-livell personali. Minn naħa, l-ex uffiċjali li jibbenefikaw minn allowance tal-invalidità għandhom aspettattiva fil-ħajja ġeneralment iktar limitata minn dik tal-uffiċjali li ma jibbenefikawx minn tali allokazzjoni, peress li din il-limitazzjoni neċessarjament tikkontribwixxi sabiex taggrava r-riskju ta’ frodi u b’hekk tispjega d-differenza fit-trattament inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li r-riskju ta’ abbużi jew ta’ frodi huwa iktar limitat fil-każ fejn il-konjuġi superstiti żżewweġ qabel id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-konjuġi tiegħu u, sussegwentement, assista lil dan tal-aħħar matul iż-żmien kollu taż-żwieġ sal-mewt tiegħu, filwaqt li, fil-każ ta’ unjoni li seħħet wara li ġiet iddikjarata l-invalidità u t-terminazzjoni tal-attività ta’ dan il-konjuġi, ma jkunx manifestament inadegwat li jiġi rikjest li ż-żwieġ idum ħames snin sabiex jistenna li s-solidarjetà u l-assistenza reċiproka jiġu stabbiliti b’mod oġġettiv. |
|
40 |
Il-Kunsill u l-Kummissjoni jżidu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta rrifjutat, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li tislet il-konsegwenzi mill-punt 33 tas-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Ġunju 1993, Arauxo-Dumay vs Il‑Kummissjoni (T‑65/92, EU:T:1993:47), li fiha hija kienet enfasizzat l-eżistenza ta’ differenza bejn is-sitwazzjonijiet irregolati, rispettivament, mill-Artikolu 19 u mill-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, il-loġika wara din is-sentenza tista’ tiġi trasposta għal dan il-każ minkejja d-differenza tal-fatti inkwistjoni. |
|
41 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali injorat b’mod żbaljat, fl-analiżi tagħha, l-iskop tat-tul minimu taż-żwieġ previst fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri, hekk kif jirriżulta mill-punti 87 u 88 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni (C‑460/18 P, EU:C:2019:1119), dak li jiġu evitati patti ta’ suċċessjoni u, għaldaqstant, li jsir żwieġ għall-uniku għan li jkun jista’ jinkiseb il-ħlas ta’ pensjoni tas-superstiti mingħajr ma dan iż-żwieġ jikkorrispondi għal xi realtà jew xi stabbiltà tar-relazzjonijiet bejn il-persuni kkonċernati. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma osservatx il-kriterju li bih, fl-evalwazzjoni tan-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzawhom kif ukoll id-dispożizzjonijiet legali kollha li jirregolaw il-pożizzjonijiet ta’ kull waħda mis-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu kkomparati. B’mod partikolari, billi kkunsidrat, f’dan l-istess punt tas-sentenza appellata, li żwieġ konkluż wara l-eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ allowance tal-invalidità ma jbiddilx b’mod essenzjali s-sitwazzjoni tal-konjuġi superstiti f’dak li jikkonċerna d-drittijiet patrimonjali tiegħu meta mqabbel mas-sitwazzjoni li hija s-suġġett tal-Artikolu 19 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali, minbarra l-assenza totali ta’ motivazzjoni għal din il-kunsiderazzjoni, injorat ir-riskju li tali żwieġ ikun il-pretest għall-konklużjoni ta’ patti ta’ suċċessjoni. Fil-fatt, ma jistax jiġi miċħud li, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-uffiċjal li jiżżewweġ wara tali ammissjoni, ir-riskju ta’ frodi u ta’ abbużi huwa ikbar milli fil-każ tal-uffiċjal li żżewweġ qabel l-imsemmija ammissjoni. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal-Ġustizzja
|
42 |
Preliminarjament, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta, hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm differenza fit-trattament ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Il‑Kummissjoni vs VW et, C‑116/21 P sa C‑118/21 P, C‑138/21 P u C‑139/21 P, EU:C:2022:557, punt 95 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Ir-rekwiżit dwar in-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom u, b’mod partikolari, fid-dawl tas-suġġett u tal-għan li għandu jintlaħaq mill-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni, peress li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan l-għan, il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ dan l-att. Sakemm is-sitwazzjonijiet ma jkunux komparabbli, differenza fit-trattament tas-sitwazzjonijiet ikkonċernati ma tiksirx l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Il‑Kummissjoni vs VW et, C‑116/21 P sa C‑118/21 P, C‑138/21 P u C‑139/21 P, EU:C:2022:557, punt 96 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandhom jiġu eżaminati l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, li bihom il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat, fis-sentenza appellata, li hemm il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 19 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u dwar l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament ta’ dawn is-sitwazzjonijiet komparabbli skont id-data tal-konklużjoni taż-żwieġ. |
|
45 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 50, 51 u 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Artikoli 19 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom bħala għan, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ prevista mit-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, l-għoti ta’ pensjonijiet tas-superstiti lill-konjuġi superstiti skont in-natura legali tar-rabtiet li jgħaqqdu lil dan il-konjuġi mal-konjuġi li miet. Il-Qorti Ġenerali indikat ukoll li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jagħtu lill-konjuġi superstiti dħul ta’ sostituzzjoni intiż sabiex jikkumpensa parzjalment it-telf tad-dħul tal-konjuġi li miet, peress li dan, qabel ma miet, kien ex uffiċjal li ma kienx għadux fis-servizz. |
|
46 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kellhom għan u skop sostanzjalment identiċi fir-rigward tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza u mfakkra mill-Qorti Ġenerali stess fil-punt 44 tas-sentenza appellata. Skont il-Qorti Ġenerali, l-element prinċipali li jikkaratterizza l-pensjonijiet tas-superstiti kkonċernati jinsab fin-natura legali tar-rabtiet li jgħaqqdu lill-konjuġi superstiti, bħala persuna li lilha l-imsemmija dispożizzjonijiet jagħtu dritt, lill-ex uffiċjal li miet. Dejjem skont il-Qorti Ġenerali, l-applikazzjoni tal-Artikoli 19 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tvarja biss, kif jirriżulta mingħajr ambigwità mill-punt 52 tas-sentenza appellata, skont jekk iż-żwieġ ġiex konkluż qabel jew wara d-data ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-allowance tal-invalidità tal-uffiċjal, peress li l-Artikolu 20 ta’ dan l-anness jipprevedi kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ għall-kuntrarju tal-Artikolu 19 tal-imsemmi anness. |
|
47 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkunsidra, minn naħa, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li s-sitwazzjonijiet koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 19 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kienu komparabbli u, min-naħa l-oħra, fil-punti 52 u 58 tas-sentenza appellata, li s-sitwazzjonijiet koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet kienu differenti biss fir-rigward tad-data tal-konklużjoni taż-żwieġ meta mqabbla mad-data ta’ ammissjoni għall-benefiċċju tal-allowance tal-invalidità tal-uffiċjal. |
|
48 |
Il-Kummissjoni u l-Kunsill jiddikjaraw, madankollu, fl-ewwel lok, li s-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 19 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jiddistingwu ruħhom b’mod essenzjali u oġġettiv mill-fatt li, preċiżament, fid-data tal-konklużjoni taż-żwieġ, l-uffiċjal kien, fil-kuntest tal-ewwel dispożizzjoni, għadu fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, filwaqt li, fil-kuntest tat-tieni dispożizzjoni, huwa impossibbli għalih li jeżerċita dawn il-funzjonijiet minħabba li kien iddikjarat invalidu u l-eliġibbiltà tiegħu għall-benefiċċju tal-allowance tal-invalidità. B’hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti dan l-element karatteristiku fl-evalwazzjoni tagħha tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet. |
|
49 |
Madankollu, kif ġustament indikat il-Qorti Ġenerali, fil-punt 53 tal-ewwel sentenza appellata, in-natura legali tar-rabtiet li għaqqdu lill-konjuġi superstiti mal-uffiċjal li miet ma hijiex differenti skont jekk, fid-data tal-konklużjoni taż-żwieġ, l-uffiċjal jeżerċitawx attività professjonali jew le u skont l-ammont tal-kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni li tħallsu jew li għadhom dovuti. Bl-istess mod, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 56 fl-ewwel sentenza appellata, il-fatt li l-uffiċjal mejjet iżżewweġ qabel jew wara l-eliġibbiltà tiegħu għall-benefiċċji ta’ allowance tal-invalidità ma jistax jibdel, b’mod essenzjali, is-sitwazzjoni tal-konjuġi superstiti fir-rigward tad-drittijiet patrimonjali tiegħu, fosthom id-dritt għal pensjoni tas-superstiti bħala dħul ta’ sostituzzjoni. |
|
50 |
Fil-fatt, id-data tal-konklużjoni taż-żwieġ hija ddeterminata biss mir-rieda tal-konjuġi futuri. Din id-deċiżjoni tirriżulta minn għażla libera min-naħa tal-uffiċjal abbażi ta’ diversi kunsiderazzjonijiet li ma jinvolvu la neċessarjament u lanqas biss it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi marbuta mal-eżerċizzju jew le ta’ attività professjonali. Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kummissjoni u l-Kunsill, il-fatt li dan l-uffiċjal kien jew le ġie ddikjarat invalidu f’din id-data u, b’hekk, huwa impossibbli għalih li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ma jistax, għaldaqstant, ikollu effett determinanti fuq l-evalwazzjoni tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fir-rigward tal-kriterji mfakkra fil-punt 43 ta’ dan id-digriet, u, b’mod partikolari, tal-għan u tal-iskop tal-Artikoli 19 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif imfakkra fil-punt 45 ta’ dan id-digriet. F’dan ir-rigward, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, imfakkar fil-punt preċedenti ta’ dan id-digriet, huwa bbażat, essenzjalment, fuq dan is-suġġett u dan l-għan kif ukoll fuq l-element karatteristiku prinċipali tad-dritt għal pensjoni tas-superstiti, indikat fil-punt 46 ta’ dan id-digriet. |
|
51 |
Huwa minnu li, kif jirriżulta minn dan l-istess punt 46 ta’ dan id-digriet, il-fatt li, fid-data tal-konklużjoni taż-żwieġ, l-uffiċjal huwa intitolat għall-benefiċċju ta’ allowance tal-invalidità jew le u, għaldaqstant, huwa impossibbli jew le għalih li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu jaffettwa l-kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ. Filwaqt li din il-kundizzjoni ma hijiex rikjesta fil-każ fejn iż-żwieġ ikun seħħ meta l-uffiċjal ikun għadu ma ngħatax il-benefiċċju ta’ allowance tal-invalidità u, għaldaqstant, ikun wettaq il-funzjonijiet tiegħu, iż-żwieġ għandu jkun dam mill-inqas ħames snin fil-każ fejn l-uffiċjal jiżżewweġ wara li jkun ġie ammess għall-benefiċċju ta’ tali allowance u, għaldaqstant, ma jkunx iktar f’pożizzjoni li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu. |
|
52 |
Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 49 u 50 ta’ dan id-digriet, la l-kwistjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet u lanqas id-data tal-konklużjoni taż-żwieġ ma huma elementi rilevanti fl-istadju tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet peress li dawn huma nieqsa minn rabta diretta mas-suġġett, mal-għan u mal-element prinċipali karatteristiku tad-dritt għal pensjoni tas-superstiti msemmi fl-Artikoli 19 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
53 |
Huwa għal din ir-raġuni li għandu jiġi kkunsidrat, b’analoġija, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-pensjoni tas-superstiti prevista fl-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-punt 70 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni (C‑460/18 P, EU:C:2019:1119), li l-għoti tal-pensjoni tas-superstiti jiddependi “biss”, fil-prinċipju tiegħu stess, min-natura legali tar-rabtiet li jorbtu lill-persuna kkonċernata mal-uffiċjal li miet, u dan minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll, fil-punt 89 ta’ dik is-sentenza, li t-tul minimu taż-żwieġ jikkostitwixxi wkoll kundizzjoni sabiex il-konjuġi superstiti jibbenefika mill-pensjoni tas-superstiti. |
|
54 |
Fil-fatt, hija n-natura legali tar-rabtiet bejn il-konjuġi li hija l-bażi tal-iskema tal-pensjonijiet tas-superstiti tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, peress li din il-kundizzjoni għall-għoti hija komuni għall-pensjonijiet tas-superstiti kollha msemmija fl-Artikoli 17 sa 20 u fl-Artikolu 27 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-kundizzjoni tat-tul minimu taż-żwieġ, min-naħa tagħha, hija ta’ natura anċillari għall-kundizzjoni dwar in-natura legali tar-rabtiet bejn il-konjuġi, sa fejn din hija intiża biss sabiex tippreċiża t-tul li matulu għandha tibqa’ teżisti r-rabta legali għall-finijiet tal-għoti tal-pensjoni tas-superstiti. Din il-kundizzjoni anċillari ma hijiex inkluża fi wħud mill-pensjonijiet tas-superstiti, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 19 u 27 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
55 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament insistiet, fil-punti 51 u 53 tal-ewwel sentenza appellata, fil-motivazzjoni tagħha, fuq l-importanza tar-rabta legali bejn il-konjuġi bħala element prinċipali li jikkaratterizza l-iskema tal-pensjonijiet tas-superstiti tal-Unjoni u kkonkludiet li kien hemm assenza ta’ effett fuq l-eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ allowance tal-invalidità jew fuq l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet fuq din ir-rabta. |
|
56 |
Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu, fit-tieni lok, li s-sitwazzjoni ta’ ex uffiċjal li jiżżewweġ wara li jkun eliġibbli għall-benefiċċju ta’ allowance tal-invalidità u li b’hekk ikun impossibbli għalih li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ma teħtieġx li dħul sostituttiv jiġi offrut lill-konjuġi superstiti bl-istess mod bħal fil-każ tal-uffiċjal li jiżżewweġ waqt li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar, kif indikat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 56 tas-sentenza appellata, b’riferiment għall-punt 69 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni (C‑460/18 P, EU:C:2019:1119), li d-dritt għall-pensjonijiet tas-superstiti msemmija fl-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex suġġett għal kundizzjonijiet ta’ riżorsi jew ta’ patrimonju li għandhom jikkaratterizzaw l-inkapaċità tal-konjuġi superstiti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu u li juri għalhekk id-dipendenza finanzjarja preċedenti tiegħu fuq il-mejjet. |
|
57 |
Il-Kummissjoni ssostni, fit-tielet lok, li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-iskop tat-tul minimu taż-żwieġ previst fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-kuntrarju tal-Artikolu 19 ta’ dan l-anness, tul li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-punt 89 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni (C‑460/18 P, EU:C:2019:1119), f’li tiġi evitata l-konklużjoni ta’ pattijiet ta’ suċċessjoni frawdolenti jew abbużivi, peress li tali riskju ta’ abbużi jew ta’ frodi jiddistingwi, fil-livell personali, is-sitwazzjonijiet koperti minn dawn iż-żewġ artikoli. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan l-aspett ma huwiex rilevanti fl-istadju tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet. Dan l-argument fil-fatt jirrigwarda l-ġustifikazzjoni tal-kundizzjoni tat-tul minimu taż-żwieġ, b’tali mod li dan jista’ jiġi kkunsidrat biss fl-istadju tal-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tad-differenza possibbli fit-trattament ikkonstatata. |
|
58 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kummissjoni u l-Kunsill, il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali, fil-punti 57 u 58 tas-sentenza appellata, ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ liġi. |
|
59 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li jgħid li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, irrifjutat, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li tislet il-konsegwenzi mill-punt 33 tas-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1993, Arauxo-Dumay vs Il‑Kummissjoni (T‑65/92, EU:T:1993:47) għandu jiġi kklassifikat bħala ineffettiv. Fil-fatt, anki jekk jitqies li dak l-argument huwa fondat, il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet huma bbażati b’mod suffiċjenti fuq il-motivazzjoni li tinsab rispettivament fil-punti 50 sa 54 u 56 tas-sentenza appellata, indipendentement mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 55 ta’ din is-sentenza. |
|
60 |
Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑313/21 P kif ukoll it-tielet parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju fil-Kawża C‑314/21 P għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
Fuq it‑tieni aggravju fil-Kawża C‑313/21 P kif ukoll fuq l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel aggravju fil‑Kawża C‑314/21 P
– L‑argumenti tal-partijiet
|
61 |
Permezz ta’ dawn l-aggravji, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli wettqet, fis-sentenzi appellati, żball ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju. |
|
62 |
Dawn iż-żewġ istituzzjonijiet isostnu li, fit-tieni sentenza tal-punt 48 tas-sentenzi appellata, il-Qorti Ġenerali applikat ġurisprudenza tal-Unjoni żviluppata fil-kuntest radikalment differenti tal-għażliet ta’ politika dwar il-persunal f’sitwazzjonijiet fejn diversi għażliet huma miftuħa għal-leġiżlatur. Huwa b’hekk li l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punt 80 tas-sentenza appellata, ikkonkludiet b’mod żbaljat li l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni dwar it-tul minimu taż-żwieġ imsemmi fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kienet sempliċement “irraġonevoli”. B’dan il-mod, hija wettqet stħarriġ li jmur lil hinn min-natura “manifestament inadegwata jew mhux xierqa” tad-dispożizzjoni inkwistjoni meta mqabbla mal-għan li għandu jintlaħaq mill-istituzzjonijiet kompetenti, jiġifieri, f’dan il-każ, il-prevenzjoni tal-abbuż ta’ dritt u tal-frodi B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha nnifisha għal dik tal-leġiżlatur tal-Unjoni u għalhekk qabżet il-limiti tal-istħarriġ tal-legalità. |
|
63 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, filwaqt li affermat li bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-legalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII fuq l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, tbiegħdet mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li biha l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ att tal-Unjoni fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ma tistax, fi kwalunkwe każ, tkun ibbażata fuq allegazzjonijiet ibbażati fuq konsegwenzi ta’ dak l-att f’każ partikolari. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali bbażat argument fuq il-partikolarità taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, sabiex tiddeċiedi li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa illegali. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal-Ġustizzja
|
64 |
Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 46 sa 48 tas-sentenza appellata, ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 52(1) tal-Karta kif ukoll il-ġurisprudenza applikabbli għall-finijiet tal-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ differenza fit-trattament. Sussegwentement, hija ddeċidiet, fil-punt 49 tas-sentenza li, jekk is-sitwazzjonijiet imsemmija rispettivament fl-Artikoli 19 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kienu komparabbli, allura għandu jiġi vverifikat li ma kienx jidher irraġonevoli li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li d-differenza fit-trattament stabbilita tista’ tkun adegwata u neċessarja għall-finijiet tat-twettiq tal-għan ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq mill-kundizzjoni dwar it-tul minimu taż-żwieġ prevista fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Peress li kkonkludiet li s-sitwazzjonijiet huma komparabbli, hija wettqet din l-analiżi mill-punt 62 tas-sentenza appellata. |
|
65 |
Issa, kif isostnu l-Kunsill u l-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-preżenza ta’ regoli stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, jinkiser biss meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħmel distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata meta mqabbel mal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Il‑Kummissjoni vs VW et, C‑116/21 P sa C‑118/21 P, C‑138/21 P u C‑139/21 P, EU:C:2022:557, punt 127 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
66 |
Din il-ġurisprudenza hija applikabbli fil-kuntest tal-verifika tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità impost fl-Artikolu 52(1) tal-Karta (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Il‑Kummissjoni vs VW et, C‑116/21 P sa C‑118/21 P, C‑138/21 P u C‑139/21 P, EU:C:2022:557, punt 128). |
|
67 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li hija kellha tivverifika jekk ma kienx jidher irraġonevoli għal-leġiżlatur tal-Unjoni li jqis li d-differenza fit-trattament stabbilita tista’ tkun adegwata u neċessarja għall-finijiet tat-twettiq tal-għan ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq mill-kundizzjoni dwar it-tul minimu taż-żwieġ prevista fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
68 |
Issa, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 65 u 66 ta’ dan id-digriet, hija kellha tillimita ruħha li tivverifika jekk id-differenzazzjoni mwettqa f’din id-dispożizzjoni, ikkunsidrata flimkien mal-Artikolu 19 ta’ dan l-anness, ma kinitx tidher arbitrarja jew manifestament inadegwata fid-dawl tal-għan ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq. Billi għamlet b’mod skorrett għall-eżami tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mill-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u b’hekk wettqet żball ta’ liġi. Fil-fatt, mingħajr dan l-iżball, il-Qorti Ġenerali kienet tadotta raġunament differenti u tasal eventwalment għal konklużjonijiet differenti minn dawk li waslet għalihom fil-punti 80, 81 u 83 tas-sentenza appellata. |
|
69 |
Dan in-nuqqas ta’ osservanza tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju ġie rifless ukoll fil-punt 67 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali fittxet li teżamina, minn dawn il-punti, jekk il-kundizzjoni tat-tul minimu ta’ ħames snin ta’ żwieġ prevista fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, meħuda waħedha u indipendentement mill-Artikolu 19 ta’ dan l-anness, kinitx, fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, proporzjonata fis-sens li hija ma kinitx manifestament tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Issa, kif jirriżulta mill-punt 66ta’ dan id-digriet, anki fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni tal-Karta, il-Qorti Ġenerali kellha sempliċement teżamina jekk id-differenza kkonstatata f’dan il-każ, jiġifieri l-fatt li l-kundizzjoni tat-tul minimu taż-żwieġ hija rikjesta fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal filwaqt li ma hijiex fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 19 ta’ dan l-anness, meta dawn is-sitwazzjonijiet kollha huma barra minn hekk komparabbli, kellhiex titqies li hija arbitrarja jew manifestament inadegwata fir-rigward tal-għan, komuni għal dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, li għandu jintlaħaq mil-leġiżlatur tal-Unjoni. |
|
70 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi u mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mqajma mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, hemm lok li jintlaqa’ t-tieni aggravju fil-Kawża C‑313/21 P kif ukoll it-tieni parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑341/21 P. |
|
71 |
Għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat it-tielet aggravju fil-Kawża C‑313/21 P u lanqas l-ewwel parti tal-ewwel aggravju u t-tielet aggravju fil-Kawża C‑314/21 P, l-appelli għandhom jintlaqgħu u s-sentenza appellata għandha tiġi annullata. |
Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali
|
72 |
Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament it-tilwima hija stess meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. |
|
73 |
F’dan il-każ, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li r-rikors għal annullament fil-Kawżi T‑694/19 huwa bbażat fuq motivi li kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-eżami tagħhom ma jirrikjedix li tiġi adottata l-ebda miżura supplimentari ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ investigazzjoni tal-proċess, għandu jiġi kkunsidrat li dan ir-rikors huma fi stat li jiġi deċiż u li hemm lok li tingħata deċiżjoni definittiva dwarhom. |
|
74 |
Insostenn tar-rikors tiegħu, quddiem il-Qorti Ġenerali, FI qajjem erba’ motivi bbażati, l-ewwel, fuq l-illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tieni fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikoli 18 u 20 ta’ dan l-anness, it-tielet, fuq żball ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konjuġi” kif użat fl-iskema tal-Unjoni dwar il-pensjonijiet tas-superstiti u, ir-raba’, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dovut għall-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari tiegħu. |
Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq l‑illegalità tal‑Artikolu 20 tal‑Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal
|
75 |
Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, FI isostni li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn jimponi kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ ta’ ħames snin, jikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, fuq in-natura tar-rabta ġuridika tal-ħajja flimkien kif ukoll fuq id-diżabbiltà. |
Fuq ir‑raba’ parti tal‑ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament.
|
76 |
Permezz ta’ din il-parti, FI jargumenta li, billi jeskludi l-ħlas ta’ pensjoni tas-superstiti lill-konjuġi superstiti fil-każ fejn iż-żwieġ konkluż wara l-eliġibbiltà tal-konjuġi tiegħu għall-benefiċċju ta’ allowance tal-invalidità jkun dam inqas minn ħames snin, filwaqt li, konformement mal-Artikolu 19 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, din il-kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ ma hijiex imposta meta ż-żwieġ ikun konkluż qabel din l-eliġibbiltà, l-Artikolu 20 ta’ dan l-anness jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst b’mod partikolari fl-Artikolu 20 tal-Karta u fl-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal u, b’hekk, ivvizzjat b’illegalità. |
|
77 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament u mill-Kunsill, tikkontesta dan l-argument. |
|
78 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u tirrispetta l-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet. Fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikunu meħtieġa u jintlaħqu effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. |
|
79 |
Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, li tiegħu l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta huwa espressjoni partikolari. Dawn iż-żewġ prinċipji huma mfakkra wkoll fl-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Il‑Kummissjoni vs VW et, C‑116/21 P sa C‑118/21 P, C‑138/21 P u C‑139/21 P, EU:C:2022:557, punt 140 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
80 |
Kif diġà ġie indikat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi mil-leġiżlatur tal-Unjoni, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm differenza fit-trattament ma tkunx oġġettivament iġġustifikata. Differenza fit-trattament tkun ġustifikata meta tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata għall-għan li għandu jintlaħaq mit-trattament ikkonċernat (sentenza tal-14 ta’ Lulju 2022, il‑Kummissjoni vs VW et, C‑116/21 P sa C‑118/21 P, C‑138/21 P u C‑139/21 P, EU:C:2022:557, punt 142 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
81 |
Kif ġie espost fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżit dwar in-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom u, b’mod partikolari, fid-dawl tas-suġġett u tal-għan li għandu jintlaħaq mill-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni, peress li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan l-għan, il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ dan l-att. Sa fejn is-sitwazzjonijiet ma humiex komparabbli, differenza fit-trattament tas-sitwazzjonijiet ikkonċernati ma tiksirx l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta. |
|
82 |
Barra minn hekk, għandha titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imsemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, li tgħid li, fil-preżenza ta’ regoli stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħmel distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata meta mqabbel mal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. |
|
83 |
Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza u tar-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta li għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, imqajma minn FI, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikoli 20 tal-Karta u mfakkar fl-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
84 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 19 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi kkunsidrat, għar-raġunijiet indikati fil-punti 45 sa 60 ta’ dan id-digriet, li dawn is-sitwazzjonijiet huma komparabbli. |
|
85 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma pprevediex, fl-Artikolu 19 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ żwieġ kuntrarjament għall-Artikolu 20 ta’ dan l-anness, il-leġiżlatur tal-Unjoni ttratta sitwazzjonijiet komparabbli b’mod differenti. |
|
86 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex konformi mal-Artikolu 20 tal-Karta sa fejn tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tagħha u mfakkra fil-punt 78 ta’ din is-sentenza. |
|
87 |
L-ewwel, huwa stabbilit li l-imsemmija differenza fit-trattament hija prevista mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, peress li tirriżulta mill-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 19 ta’ dan l-anness. Filwaqt li dan l-aħħar artikolu ma jipprovdix għal kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ, l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ f’ċifri b’mod preċiż li jiddefinixxu l-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament (ara, fir-rigward tal-portata tar-rekwiżit li jgħid li kwalunkwe limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun prevista mil-liġi, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑401/19, EU:C:2022:297, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
88 |
It-tieni, il-limitazzjoni imposta fuq l-iskema tal-pensjonijiet tas-superstiti permezz tad-differenza fit-trattament inkwistjoni tosserva l-kontenut essenzjali tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Fil-fatt, din il-limitazzjoni ma tikkonfutax dan il-prinċipju bħala tali sa fejn din tirrigwarda biss il-kwistjoni, limitata, tal-kundizzjoni minima ta’ tul taż-żwieġ li l-konjuġi superstiti ta’ uffiċjali jew ta’ ex uffiċjali li mietu għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn pensjoni tas-superstiti, mingħajr ma dawn il-konjuġi li jaqgħu taħt l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jkunu mċaħħda mill-possibbiltà li jibbenefikaw minn tali pensjoni, bħal dawk li jaqgħu taħt l-Artikolu 19 ta’ tali anness. |
|
89 |
It-tielet, l-imsemmija limitazzjoni tissodisfa għan ta’ interess ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġifieri dak intiż għall-prevenzjoni tal-abbuż ta’ dritt u tal-frodi, peress li l-projbizzjoni tagħhom tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu hija meħtieġa mill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 49). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kundizzjoni li ż-żwieġ għandu jkun dam ċertu żmien sabiex il-konjuġi superstiti jibbenefika mill-pensjoni tas-superstiti hija intiża sabiex tiżgura r-realtà u l-istabbiltà tar-relazzjonijiet bejn il-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni, C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punt 89). Dan huwa kriterju uniformi u indistintament applikabbli għall-konjuġi superstiti kollha koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal li ma huwiex intiż li jippreżumi l-eżistenza ta’ abbużi jew ta’ frodi fir-rigward tal-konjuġi superstiti, iżda sabiex jipprevjeni t-twettiq ta’ tali abbużi jew frodi. |
|
90 |
Fir-rigward, ir-raba’, tal-eżami ta’ proporzjonalità, jeħtieġ, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u minħabba s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tar-regoli stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal, li jiġi vverifikat, kif tfakkar fil-punti 65 u 82 ta’ dan id-digriet, jekk, bl-impożizzjoni ta’ tul minimu ta’ ħames snin taż-żwieġ fuq il-konjuġi superstiti li żżewweġ uffiċjal wara l-eliġibbiltà ta’ dan tal-aħħar għall-benefiċċju ta’ allowance tal-invalidità, filwaqt li, konformement mal-Artikolu 19 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jipprevedix tali kundizzjoni fil-każ ta’ żwieġ ikkuntrattat ma’ uffiċjali qabel tali ammissjoni, l-Artikolu 20 ta’ dan l-anness jipprevedix distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata meta mqabbel mal-għan ta’ interess ġenerali mfakkar fil-punt preċedenti ta’ dan id-digriet. |
|
91 |
Kif essenzjalment indikat il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament u l-Kunsill, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, la jidher arbitrarju u lanqas manifestament inadegwat li jkun rikjest, fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, tul minimu taż-żwieġ, filwaqt li tali kundizzjoni ta’ tul ma hijiex rikjesta fl-Artikolu 19 ta’ dan l-anness. Fil-fatt, fl-ipoteżi msemmija f’dan l-Artikolu 20, ikkaratterizzata mill-fatt li ż-żwieġ ikun seħħ wara l-eliġibbiltà tal-uffiċjal għall-benefiċċju ta’ allowance tal-invalidità, l-inċentiv għall-abbużi jew għall-frodi jista’ jiġi ffavorit, minn naħa, mill-istat ta’ dgħufija u ta’ dipendenza li fiha jista’ jinsab uffiċjal li marad serjament sal-punt li huwa ġie rrikonoxxut invalidu u, għaldaqstant, ikun impossibbli għalih li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 78(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, u, min-naħa l-oħra, minħabba l-implikazzjonijiet finanzjarji li jistgħu jirriżultaw minn dan l-istatus ta’ invalidità, il-konjuġi tal-uffiċjal jista’ jasal sabiex jiżżewweġ bit-tama li, skont il-marda li minnha jbati dan l-uffiċjal, l-aspettattiva tal-ħajja ta’ dan tal-aħħar tkun ferm iktar baxxa mill-medja u b’hekk tippermettilu jibbenefika minn pensjoni tas-superstiti f’età bikrija u għal perijodu potenzjalment twil ħafna. |
|
92 |
Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Artikolu 19 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedix, kuntrarjament għall-Artikolu 20 ta’ dan l-anness, kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ huwa spjegat, kif jirriżulta mid-dokumenti tal-Kummissjoni u mill-Parlament, mill-fatt li, peress li d-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ uffiċjal tal-Unjoni hija ħafna drabi imprevedibbli għal koppja diġà miżżewġa u tasal li tħarbat is-sitwazzjoni ta’ din il-koppja, ir-riskju ta’ abbużi jew ta’ frodi ikun jidher negliġibbli, b’tali mod li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jeskludi din l-istess kundizzjoni, bl-istess mod kif eskluda din il-kundizzjoni fil-kuntest tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jittieħed kont ta’ sitwazzjonijiet li fihom, minn naħa, il-mewt tal-uffiċjal tirriżulta jew minn diżabbiltà fiżika jew marda li ġiet waqt it-twettiq tad-doveri tiegħu jew minn aċċident, u min-naħa l-oħra, il-konjuġi superstiti jmantni jew kien imantni l-ulied miż-żwieġ li sar qabel jintemm is-servizz tal-uffiċjal. |
|
93 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, billi stabbilixxa fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tul minimu ta’ ħames snin taż-żwieġ sabiex jiġu evitati l-abbużi u l-frodi filwaqt li dan it-tul huwa biss ta’ sena fis-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 19 ta’ dan l-anness, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, ma wettaqx distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata. |
|
94 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-differenza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal hija konformi mal-Artikolu 20 tal-Karta u li, għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
Fuq it‑tieni parti tal‑ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l‑età
|
95 |
FI jallega ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta u mfakkar fl-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ikopri uffiċjali anzjani minħabba l-fatt li jiżżewġu wara li jirtiraw, filwaqt li l-Artikolu 19 ta’ dan l-anness japplika fl-ipoteżi ta’ żwieġ iċċelebrat qabel l-eliġibbiltà tal-uffiċjal għall-benefiċċju tal-allowance tal-invalidità u b’hekk ikopri uffiċjali li għadhom fis-servizz u, għaldaqstant, ħafna iżgħar fl-età. Li tiġi imposta, kif jagħmel l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ fis-sitwazzjonijiet li fihom iż-żwieġ ikun sar wara t-tmiem tal-funzjonijiet tal-uffiċjal li miet jiddiskrimina b’hekk lill-koppji li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni minħabba l-età tagħhom. |
|
96 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament u mill-Kunsill, tikkontesta dan l-argument. |
|
97 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif indikat il-Kummissjoni fir-risposta tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, it-tieni parti tal-ewwel motiv ta’ FI huwa bbażat fuq premessa ineżatta. |
|
98 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 47 ta’ dan id-digriet, is-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikoli 19 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huma distinti biss fir-rigward tad-data tal-konklużjoni taż-żwieġ mhux fir-rigward tad-data tat-tmiem tal-funzjonijiet tal-uffiċjal minħabba l-irtirar, iżda fir-rigward tad-data ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-allowance tal-invalidità ta’ dan l-uffiċjal. |
|
99 |
Issa, l-eliġibbiltà tal-uffiċjal għall-benefiċċju ta’ allowance tal-invalidità hija indipendenti mill-età tal-uffiċjal, sa fejn l-uffiċjali tal-etajiet kollha jistgħu ikunu eliġibbli li jibbenefikaw minn tali allowance. |
|
100 |
Dan japplika wkoll meta, skont l-Artikolu 53 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjal, hekk kif seħħ f’dan il-każ, jirtira awtomatikament simultanjament mad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tiegħu u mal-eliġibbiltà tiegħu għall-benefiċċju ta’ allowance tal-invalidità. Fil-fatt, f’tali każ, l-irtirar isir mhux skont l-età tal-irtirar imsemmija fl-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda biss skont id-data ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-allowance, li, kif tfakkar fil-punt preċedenti, tista’ sseħħ f’kull età. |
|
101 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-allegat ksur tal-ugwaljanza fit-trattament invokat minn FI ma huwiex ibbażat fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 21(1) tal-Karta u tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, u li, għaldaqstant, l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jitqies li huwa vvizzjat b’illegalità minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq il-kriterju tal-età. Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
Fuq it‑tielet parti tal‑ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq in‑natura tar‑rabta ġuridika tal‑ħajja komuni
|
102 |
Fil-kuntest ta’ din il-parti, FI jsostni, minn naħa, li huwa s-suġġett ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-istat ċivili tiegħu minħabba d-distinzjoni li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jagħmel bejn il-konjuġi miżżewġin u l-konjuġi li jgħixu f’konkubinaġġ, peress li s-sitwazzjoni fattwali, reali u konkreta ta’ kuljum ta’ dawn il-kategoriji ta’ konjuġi hija strettament l-istess. |
|
103 |
Min-naħa l-oħra, FI jfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ġie estiż, permezz tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, għal tipi oħra ta’ ħajja differenti miż-żwieġ ċivili, jiġifieri għal ċerti sħubijiet mhux matrimonjali rreġistrati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għandu jiġi interpretat b’mod konformi mat-tibdil tan-normi tas-soċjetà u għandu jiġi applikat l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-koppji mhux miżżewġa kollha, li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli u b’hekk għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod. |
|
104 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament u mill-Kunsill, tikkontesta dan l-argument. |
|
105 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fir-rigward tal-pensjoni tas-superstiti, il-konkubini ma humiex f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ persuni miżżewġa u lanqas ma’ dik tal-imsieħba li kkonkludew sħubija mhux matrimonjali rreġistrata, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, u li din id-dispożizzjoni b’hekk ma tiksirx il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u lanqas il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Barra minn hekk, FI ma jallegax, fi kwalunkwe każ, li l-konkubinaġġ joħloq, fid-dritt nazzjonali li fih huwa jaqa’, obbligi tal-istess natura bħal dawk li jirriżultaw miż-żwieġ (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni, C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punti 80, 84 u 85). |
|
106 |
Barra minn hekk, għall-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk esposti fil-punti 91 sa 94 tad-digriet tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill vs KM (C‑341/21 P u C‑357/21 P), koppja ta’ konkubini li, bħal FI u l-konjuġi tiegħu qabel iż-żwieġ tagħhom, ma hijiex imċaħħda mill-possibbiltà li tiżżewweġ fl-Istat Membru li huwa jaqa’ taħtu ma tinsabx f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ koppja tal-istess sess li tingħaqad fi sħubija mhux matrimonjali rreġistrata iżda li hija mċaħħda minn tali possibbiltà u li, għaldaqstant, l-Artikolu 20 tal-Anness VIII ma jistax jiġi vvizzjat b’illegalità minħabba ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali. |
|
107 |
Fir-rigward tal-interpretazzjoni estensiva li FI għandu l-intenzjoni li jissuġġerixxi, fid-dawl tan-normi tas-soċjetà, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal fis-sens li dan tal-aħħar għandu jkopri l-koppji mhux miżżewġa kollha, inklużi l-koppji tal-konkubini, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-preżent, dejjem teżisti, fid-diversi Stati Membri tal-Unjoni, assenza ġenerali ta’ assimilazzjoni bejn iż-żwieġ, minn naħa, u l-forom l-oħra ta’ unjoni legali kif ukoll ta’ unjoni ċivili, min-naħa l-oħra. Sa fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu biss l-intenzjoni li jirriżerva l-benefiċċju tal-pensjonijiet tas-superstiti għall-persuni miżżewġin u għall-persuni li jkunu kkonkludew sħubija mhux matrimonjali rreġistrata, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li tinterpreta r-Regolamenti tal-Persunal fis-sens li jkunu assimilati maż-żwieġ u ma’ tali sħubiji sitwazzjonijiet legali jew fattwali li huma distinti minnha. Għall-kuntrarju, huwa biss il-leġiżlatur li għandu jadotta, jekk ikun il-każ, miżuri emendatorji f’dan is-sens (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2001, D u L-Isvezja vs Il‑Kunsill, C‑122/99 P u C‑125/99 P, EU:C:2001:304, punti 37, 38 u 50). |
|
108 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
Fuq ir‑raba’ parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq id‑diżabbiltà
|
109 |
Permezz ta’ din il-parti kif spjegata wkoll fl-osservazzjonijiet ta’ FI dwar in-noti ta’ intervent tal-Parlament u tal-Kunsill kif ukoll fit-tweġiba ta’ FI tat‑23 ta’ Novembru 2020 għall-mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, FI jikkunsidra, minn naħa, li, filwaqt li l-konjuġi superstiti li jaqgħu rispettivament taħt l-Artikolu 19 u taħt l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jinsabu fl-istess sitwazzjoni sa fejn huma assistew lil uffiċjal b’diżabbiltà benefiċjarju ta’ allowance tal-invalidità fil-mument tal-mewt tiegħu, it-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà sa fejn iċċaħħad lil konjuġi superstiti bħal FI mill-benefiċċju ta’ pensjoni tas-superstiti minħabba l-fatt biss li żżewweġ lil tali uffiċjal wara l-eliġibbiltà ta’ din tal-aħħar għall-benfiċċju ta’ allowance tal-invalidità. |
|
110 |
Min-naħa l-oħra, FI jqis li huwa s-suġġett ta’ diskriminazzjoni “b’assoċjazzjoni” minħabba d-diżabbiltà li minnha ssofri l-mara tiegħu li mietet u jinvoka f’dan ir-rigward is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415). FI jsostni li fil-fatt kien okkupat kuljum u full-time b’persuna li tbati minn diżabbiltà bħallikieku l-koppja kienet iżżewġet mill-ewwel jum tal-ħajja komuni tagħhom u bl-istess dedikazzjoni bħal dik mogħtija minn konjuġi superstiti li jaqgħu taħt l-Artikolu 19 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. FI jippreċiża f’dan ir-rigward li d-diżabbiltà tal-konjuġi tiegħu kienet il-kawża fattwali li, minħabba l-fatt li kienet prijorità fuq kull kunsiderazzjoni oħra relatata mal-istatus legali tal-koppja, wasslet għaż-żwieġ tardiv tagħhom. |
|
111 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament u mill-Kunsill, tikkontesta dan l-argument. |
|
112 |
Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull każ ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, fis-sens tal-Artikolu 21(1) tal-Karta u tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jippreżumi li, f’sitwazzjonijiet komparabbli, trattament sfavorevoli jew żvantaġġ partikolari għandu jkun jew ġie subit minn persuna skont id-diżabbiltà li tagħha din il-persuna jew membru tal-familja tagħha ssofri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman, C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 56, u tas‑26 ta’ Jannar 2021, Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie, C‑16/19, EU:C:2021:64, punt 29). |
|
113 |
Issa, anki jekk jiġi preżunt li l-marda li wasslet għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-konjuġi ta’ FI u l-eliġibbiltà tagħha għall-benefiċċju ta’ allowance tal-invalidità tista’ tiġi kklassifikata bħala diżabbiltà, l-allegat ksur tal-ugwaljanza fit-trattament li FI jiddikjara li kien vittma tiegħu minħabba d-diżabbiltà tal-konjuġi tiegħu bl-ebda mod ma huwa bbażat fuq din id-diżabbiltà. |
|
114 |
Fil-fatt, kif spjegat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rifjut tagħha li tagħti pensjoni tas-superstiti lil FI ma huwiex marbut mad-diżabbiltà tal-konjuġi ta’ dan tal-aħħar, iżda mal-fatt li l-koppja ddeċidiet li tibqa’ f’konkubinaġġ u li jsir żwieġ biss wara l-eliġibbiltà ta’ dan il-konjuġi għall-benefiċċju ta’ allowance tal-invalidità, liema żwieġ dam inqas minn ħames snin qabel il-mewt ta’ dan il-konjuġi. |
|
115 |
Fir-rigward tal-effett li l-allegat diżabbiltà tal-konjuġi ta’ FI seta’ kellu fuq id-deċiżjoni tal-koppja li tiżżewweġ tardivament, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif ġie indikat fil-punt 50 ta’ dan id-digriet, id-data tal-konklużjoni taż-żwieġ hija ddeterminata biss mir-rieda tal-konjuġi futuri, peress li d-deċiżjoni tagħhom tirriżulta minn għażla libera abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet multipli li ma jimplikawx neċessarjament u lanqas unikament it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi marbuta mad-diżabbiltà ta’ wieħed minnhom. Jista’ jkun mod ieħor biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, bħall-impossibbiltà għall-persuna b’diżabbiltà li tesprimi r-rieda tagħha li tiżżewweġ, madankollu tali ċirkustanzi ma ġewx allegati f’dan il-każ minn FI. |
|
116 |
Għaldaqstant, ir-raba’ parti tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, l-ewwel motiv kollu kemm hu, ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni. |
Fuq it‑tieni u t‑tielet motiv, ibbażati rispettivament fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal‑Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar‑Regolamenti tal‑Persunal kif ukoll fuq żball ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konjuġi” fis-sens tal-iskema prevista mir‑Regolamenti tal-Persunal għall-pensjonijiet tas‑superstiti
|
117 |
Permezz ta’ dawn iż-żewġ motivi, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, FI jsostni li l-artikoli tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-iskema tal-pensjonijiet tas-superstiti, bħall-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom jiġu interpretati bħala li jirreferu għall-ħajja komuni f’koppja, kemm jekk dawn huma unjonijiet legali jew ċivili. B’mod partikolari, għandhom jiġu rrikonoxxuti l-istess drittijiet għall-persuni li, mingħajr ma jkunu miżżewġin jew magħquda permezz ta’ sħubija mhux matrimonjali rreġistrata, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, qasmu, matul il-perijodu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-ħajja komuni ma’ uffiċjal tal-Unjoni li fil-frattemp miet. |
|
118 |
L-assimilazzjoni tal-kunċett ta’ “konjuġi” mal-forom kollha ta’ unjoni legali kif ukoll mal-unjonijiet ċivili hija barra minn hekk iġġustifikata mit-tibdil soċjali tal-aħħar snin, li wasslet lil diversi Stati Membri sabiex jallinjaw iż-żwieġ mal-forom l-oħra ta’ unjoni jew, tal-inqas, sabiex ir-reġim matrimonjali tar-reġimi mhux matrimonjali jiġi approssimat, b’tali mod li llum ma jkunx iktar possibbli li l-kunċett ta’ “koppja” jiġi kklassifikat biss fir-relazzjoni bbażata fuq iż-żwieġ ċivili. FI iżid li l-leġiżlatur tal-Unjoni stess akkumpanja dan it-tibdil billi emenda r-Regolamenti tal-Persunal b’mod li jassimila, fil-kuntest tal-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-uffiċjali tal-Unjoni, is-sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal mal-konjuġi. |
|
119 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament u mill-Kunsill, tikkontesta dan l-argument. |
|
120 |
Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, minkejja li FI jinvoka, fil-kuntest tat-tieni motiv tiegħu, żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kemm mill-istruttura loġika tar-rikors kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn FI fir-risposta tiegħu tat‑23 ta’ Novembru 2020 għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li FI kellu l-intenzjoni li jinkludi wkoll fl-argumenti tiegħu l-Artikolu 19 ta’ dan l-anness, sa fejn l-Artikoli 18 sa 20 tal-imsemmi anness jifformaw ġabra ta’ regoli marbuta b’mod inseparabbli. Fid-dawl tal-fatt li l-istituzzjonijiet kienu wkoll fehmu, fin-noti tagħhom, li t-tieni motiv ta’ FI kien jirrigwarda wkoll l-Artikolu 19 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi kkunsidrat li FI jikkritika lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 20 ta’ dan l-anness, moqri flimkien mal-Artikoli 18 u 19 ta’ dan tal-aħħar. |
|
121 |
Fuq il-mertu, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 105 sa 107 ta’ dan id-digriet, għandhom jiġu miċħuda t-tieni u t-tielet motiv bħala infondati, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li, fir-rigward tal-argument ta’ FI bbażat fuq l-assimilazzjoni, fil-kuntest tal-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-uffiċjali tal-Unjoni, tas-sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal mal-konjuġi, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din l-assimilazzjoni, limitata għal qasam speċifiku tar-Regolamenti tal-Persunal, tirriżulta mis-sempliċi rieda tal-leġiżlatur u li, fl-assenza ta’ emendi speċifiċi magħmula minn dan tal-aħħar għall-kumplament tar-Regolamenti tal-Persunal, l-imsemmija assimilazzjoni ma tistax tiġi invokata insostenn ta’ ġeneralizzazzjoni trasversali fil-kumplament tar-Regolamenti tal-Persunal. |
Fuq ir‑raba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba l‑assenza li s‑sitwazzjoni partikolari ta’ FI tiġi kkunsidrata.
|
122 |
FI jfakkar li, sal-mewt tal-konjuġi tiegħu li seħħet matul l‑2019, huwa għex f’konkubinaġġ magħha qabel ma l-koppja daħlet f’relazzjoni ta’ żwieġ li damet kważi ħames snin, bejn wieħed u ieħor tliet xhur. Matul il-ħajja flimkien tagħhom, FI jindika li huwa pprovda l-kura tal-mara tiegħu. B’hekk, il-fatt li għex flimkien magħha f’tali ċirkustanzi juri bħala partikolarment inġust ir-rifjut li tingħatalu pensjoni tas-superstiti minħabba li jonqsu inqas minn erba’ xhur sabiex jissodisfa l-kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ ta’ ħames snin imposta fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. B’dan il-mod, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
|
123 |
Mingħajr ma tikkontradixxi l-fatti esposti minn FI, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament u mill-Kunsill, tikkontesta dan l-argument. |
|
124 |
Għandu jitfakkar, kif ġie indikat fil-punt 89 ta’ dan id-digriet, li l-kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ ta’ ħames snin prevista fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal hija kriterju uniformi u applikabbli indistintament għall-konjuġi superstiti kollha koperti minn din id-dispożizzjoni, li ma hijiex intiża li tippreżumi l-eżistenza ta’ abbużi jew ta’ frodi fir-rigward tal-konjuġi superstiti, iżda sabiex tipprevjeni t-twettiq ta’ tali abbużi jew frodi. |
|
125 |
Għandu wkoll jiġi osservat li, mingħajr ħsara għal każijiet partikolari espressament previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni, id-dritt tal-Unjoni ma għandux prinċipju ġenerali tad-dritt li jgħid li regola fis-seħħ tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tkun applikata mill-awtorità nazzjonali meta din ir-regola twassal, għal persuna kkonċernata, għal piż li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien manifestament jipprova jevita li kieku kien ikkunsidra dan il-każ meta adotta r-regola (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Ezernieki, C‑273/15, EU:C:2016:364, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
126 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, anki jekk f’sitwazzjonijiet marġinali, problemi okkażjonali għandhom jirriżultaw mill-istabbiliment ta’ leġiżlazzjoni ġenerali u astratta, il-leġiżlatur ma jistax jiġi kkritikat li uża kategorizzazzjoni, peress li, kif ġie deċiż fil-punti 78 sa 116 ta’ dan id-digriet fir-rigward tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, din ma hijiex essenzjalment diskriminatorja fid-dawl tal-għan imfittex minnha (sentenza tal‑15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il‑Kummissjoni, C‑485/08 P, EU:C:2010:188, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
127 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li lil FI tagħtih pensjoni tas-superstiti minħabba li l-kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ ta’ ħames snin prevista fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma kinitx issodisfatta. |
|
128 |
Minn dan isegwi li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat, kif ukoll, konsegwentement, ir-rikors ta’ FI fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
|
129 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. |
|
130 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
131 |
Peress li l-aggravji ta’ FI ma ntlaqgħux wara li ntlaqgħu l-appelli u l-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni talbu rispettivament il-kundanna tiegħu għall-ispejjeż, hemm lok li jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet kemm fl-ewwel istanza kif ukoll f’dawn l-appelli. |
|
132 |
Minkejja li ma pparteċipax fil-proċedura ta’ appell, il-Parlament intervjena fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali. Wara l-annullament tas-sentenza appellata u tal-evokazzjoni tal-Kawża T‑694/19 f’dan id-digriet, għandha tingħata deċiżjoni mill-ġdid dwar l-ispejjeż ta’ din l-istituzzjoni fl-ewwel istanza, konformement mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 137 u tal-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura. |
|
133 |
F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Parlament għandu jbati l-ispejjeż sostnuti minnu fl-ewwel istanza. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tordna: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.