|
12.8.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 211/20 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/440/PESK
tal-11 ta' Awwissu 2010
li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28, 31(2) u 33 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fil-15 ta' Frar 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/112/PESK (1) li taħtar lis-Sur Roeland VAN DE GEER bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem “ir-RSUE”) għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani. |
|
(2) |
Fit-22 ta' Frar 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/113/PESK (2) li testendi l-mandat tar-RSUE sal-31 ta' Awwissu 2010. |
|
(3) |
Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż sal-31 ta' Awwissu 2011. Madankollu, il-mandat tar-RSUE jista' jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq proposta tar- Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (minn hawn 'il quddiem “ir-RGħ”) wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. |
|
(4) |
Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea
Il-mandat tas-Sur Roeland VAN DE GEER bħala r-RSUE għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani huwa b'dan estiż sal-31 ta' Awwissu 2011. Il-mandat tar-RSUE jista' jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq proposta tar-RGħ wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
Artikolu 2
Objettivi ta' politika
Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta' politika tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem “l-UE” jew “l-Unjoni”) fir-rigward tal-istabbilizzazzjoni u l-konsolidazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni ta' wara l-konflitt fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani, b'attenzjoni partikolari mogħtija lid-dimensjoni reġjonali tal-iżviluppi fil-pajjiżi kkonċernati. Dawn l-objettivi, filwaqt li jippromovu, b'mod partikolari, il-konformità man-normi bażiċi ta' demokrazija u governanza tajba, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat ta' dritt, jinkludu:
|
(a) |
kontribut b'mod attiv u effettiv għal politika konsistenti, sostenibbli u responsabbli tal-Unjoni fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani, u l-promozzjoni ta' approċċ ġenerali koerenti tal-Unjoni fir-reġjun. Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tar-RGħ fir-reġjun; |
|
(b) |
l-iżgurar ta' impenn kontinwu tal-Unjoni għall-proċessi ta' stabbilizzazzjoni u ta' rikostruzzjoni fir-reġjun, permezz ta' preżenza attiva fuq il-post u f'fora internazzjonali rilevanti, filwaqt li jinżamm kuntatt ma' atturi prinċipali u b'kontribut għall-maniġġar ta' kriżijiet; |
|
(c) |
kontribut għall-fażi ta' wara t-transizzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b'mod partikolari fir-rigward tal-proċess politiku ta' konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet il-ġodda u d-definizzjoni ta' qafas internazzjonali usa' għall-konsultazzjoni u l-koordinazzjoni politiċi mal-gvern il-ġdid; |
|
(d) |
kontribut, f'kooperazzjoni mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti/MONUC, għall-isforzi internazzjonali ta' appoġġ biex tinkiseb Riforma komprensiva tas-Settur tas-Sigurtà fir-RDK, b'mod partikolari minħabba r-rwol ta' koordinazzjoni li l-Unjoni hija lesta li tassumi f'dan il-kuntest; |
|
(e) |
kontribut għall-miżuri adatti ta' segwitu għall-Konferenza Internazzjonali tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, b'mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta' kuntatti mill-qrib mas-Segretarjat tal-Lagi l-Kbar u s-Segretarju Eżekuttiv tiegħu kif ukoll mat-Trojka tal-mekkaniżmu ta' segwitu u permezz tal-promozzjoni ta' relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien fir-reġjun; |
|
(f) |
l-indirizzar tal-problema li għadha konsiderevoli ta' gruppi armati li qed joperaw fuq il-fruntieri, li jikkostitwixxu r-riskju li jiddistabbilizzaw il-pajjiżi fir-reġjun u jaggravaw il-problemi interni tagħhom; |
|
(g) |
kontribut għall-istabbilizzazzjoni ta' wara l-konflitt f'Burundi, ir-Rwanda u l-Uganda, b'mod partikolari billi n-negozjati għall-paċi jiġu akkumpanjati minn gruppi armati bħall-FNL u l-LRA. |
Artikolu 3
Mandat
Sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:
|
(a) |
jistabbilixxi u jżomm kuntatt mill-qrib mal-pajjiżi tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Afrikana, pajjiżi Afrikani prinċipali u msieħba prinċipali tar-RDK u l-Unjoni, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet Afrikani reġjonali u subreġjonali, pajjiżi terzi rilevanti oħra u mexxejja reġjonali prinċipali oħra; |
|
(b) |
jipprovdi pariri u jirrapporta dwar il-possibbiltajiet biex l-Unjoni tappoġġa l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u konsolidazzjoni u dwar kif l-inizjattivi tal-Unjoni jistgħu jiġu mwettqa l-aħjar; |
|
(c) |
jipprovdi parir u assistenza għal riforma fis-settur tas-sigurtà (RSS) fir-RDK; |
|
(d) |
jikkontribwixxi għas-segwitu għall-Konferenza Internazzjonali tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, b'mod partikolari billi jappoġġa l-linji politiċi, definiti fir-reġjun, li jsegwu l-objettivi ta' non-vjolenza u ta' difiża reċiproka fir-riżoluzzjoni ta' konflitti kif ukoll, fir-rigward tal-kooperazzjoni reġjonali, bil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni, il-governanza tajba, il-kooperazzjoni ġudizzjarja, u l-ġlieda kontra l-impunità u l-isfruttament illegali ta' riżorsi naturali; |
|
(e) |
jikkontribwixxi għal fehim aħjar tar-rwol tal-Unjoni fost dawk il-mexxejja li għandhom influwenza kbira fuq l-opinjoni tan-nies fir-reġjun; |
|
(f) |
jikkontribwixxi, meta jkun mitlub, għan-negozjati u l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' paċi u ta' waqfien mill-ġlied bejn il-partijiet u jittratta magħhom diplomatikament fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mat-termini ta' dawn il-ftehimiet; fil-kuntest tan-negozjati tal-LRA li għaddejjin, tali attivitajiet għandhom jiġu segwiti f'koordinazzjoni mill-qrib mar-RSUE għas-Sudan; |
|
(g) |
jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Konflitt Armat, u l-politika tal-UE dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1325 (2000) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, inkluż permezz tal-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-iżviluppi f'dan ir-rigward. |
Artikolu 4
Implimentazzjoni tal-mandat
1. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.
2. Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (minn hawn 'il quddiem “il-KPS”) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.
Artikolu 5
Finanzjament
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta' Settembru 2010 sal-31 ta' Awwissu 2011 għandu jkun ta’ EUR 1 520 000.
2. In-nefqa għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull infiq.
Artikolu 6
Kostituzzjoni u kompożizzjoni tat-tim
1. Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-istruttura tat-tim tiegħu. It-tim għandu jinkludi t-tagħrif espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim tiegħu.
2. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta' persunal li jiġi ssekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-Unjoni lir-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernati, rispettivament. Esperti ssekondati mill-Istati Membri għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu jiġu stazzjonati wkoll mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.
3. Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-Unjoni mandanti u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.
Artikolu 7
Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tiegħu
Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu miftehmin mal-parti/partijiet, ospitanti kif adatt. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan l-għan.
Artikolu 8
Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE
Ir-RSUE u l-membri tat-tim tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards ta' sigurtà minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (3), b'mod partikolari fil-ġestjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE.
Artikolu 9
Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku
1. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.
2. Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, kif adatt, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.
Artikolu 10
Sigurtà
Konformement mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal skjerat barra l-Unjoni f'kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, konformement mal-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni ta' sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, notevolment billi:
|
(a) |
jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, il-ġestjoni tal-moviment sigur ta' persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll il-ġestjoni ta' inċidenti ta' sigurtà u pjan ta' kontinġenza u evakwazzjoni tal-missjoni; |
|
(b) |
jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni; |
|
(c) |
jiżgura li l-membri kollha tal-grupp tiegħu li ser jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu ħadu taħriġ ta' sigurtà adatt qabel u mal-wasla fiż-żona tal-missjoni, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni ta' riskju mogħtija liż-żona ta' missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill; |
|
(d) |
jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha maqbula, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà, u jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport intermedju u tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat. |
Artikolu 11
Rapportar
Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS rapporti orali u bil-miktub. Ir-RSUE għandu jippreżenta wkoll rapport, kif meħtieġ, lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-network COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin.
Artikolu 12
Koordinazzjoni
1. Ir-RSUE għandu jippromovi koerenza bejn atturi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni/Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni u koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni. Ir-RSUE għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni fil-post jaġixxu b'mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk ta' RSUE oħrajn attivi fir-reġjun skont il-każ. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni aġġornamenti regolari ta' informazzjoni.
2. Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, mal-Kummissjoni u mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.
3. Ir-RSUE għandu jiżgura konsistenza bejn l-attivitajiet tal-missjoni tal-Unjoni Ewropea sabiex tipprovdi pariri u assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUSEC RD Congo) u l-missjoni tal-pulizija tal-Unjoni Ewropea mwettqa fil-qafas tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR) u l-konvivenza tagħha mas-sistema tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo) u jipprovdi lill-Kapijiet ta' dawn il-missjonijiet bi gwida politika lokali. Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għal koordinazzjoni mal-atturi internazzjonali l-oħra involuti fl-SSR fir-RDK. Ir-RSUE u l-Kmandat tal-Operazzjoni Ċivili għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.
Artikolu 13
Reviżjoni
L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta' progress fl-aħħar ta' Frar 2011 u rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat fi tmiem il-mandat.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Awwissu 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
S. VANACKERE
(1) ĠU L 46, 16.2.2007, p. 79.