Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

NORKUS

ippreżentati fil‑5 ta’ Novembru 2026 (1)

Kawża C‑546/25

Beteiligungsgesellschaft

vs

Finanzamt B,

fil-preżenza ta’:

Bundesministerium der Finanzen

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 90/435/KEE – Artikolu 4(1) – Effett dirett – Sistema fiskali – Distribuzzjoni ta’ profitti rċevuti minn kumpannija omm mingħand is-sussidjarja tagħha li tinsab fi Stat Membru ieħor – Tpaċija tat-taxxa mħallsa mis-sussidjarja fuq il-profitti ddistribwiti mat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-kumpannija omm – Dritt għal posponiment ta’ tpaċija – Fużjoni tal-kumpannija omm ma’ sussidjarja stabbilita fl-istess Stat Membru”






I.      Daħla

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) skont l-Artikolu 267 TFUE, tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat‑23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (2).

2.        Din it-talba taqa’ fil-kuntest ta’ tilwima bejn kumpannija stabbilita fil-Ġermanja u l-awtorità tat-taxxa Ġermaniża dwar it-trattament fiskali tad-dividendi ddistribwiti minn sussidjarja stabbilita fil-Greċja. Dawn id-dividendi ġew inklużi fir-riżultat fiskali tal-kumpannija omm, meta din kienet f’sitwazzjoni ta’ telf. Għalhekk, dawn id-dividendi ma wasslux għal tassazzjoni immedjata fil-Ġermanja, iżda naqqsu t-trasferiment tat-telf ta’ din il-kumpannija, b’tali mod li setgħu jipproduċu effett fiskali matul sena sussegwenti li fiha jsir profitt. Peress li l-awtorità tat-taxxa rrifjutat il-posponiment tat-tpaċija tat-taxxa mħallsa fil-Greċja mis-sussidjarja fuq il-profitti ddistribwiti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ tali sistema mad-Direttiva 90/435.

3.         Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża l-portata tal-metodu ta’ tpaċija previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. Essenzjalment, għandu jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li d-dividendi rċevuti mingħand sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jitnaqqas it-trasferiment tat-telf tal-kumpannija omm residenti, filwaqt li teskludi b’mod definittiv it-tpaċija tat-taxxa mħallsa minn din is-sussidjarja meta l-kumpannija omm ma jkollhiex, matul is-sena li fiha tirċievi d-dividendi, taxxa nazzjonali li magħha tkun tista’ ssir din it-tpaċija. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, għandu jiġi ddeterminat ukoll jekk il-kumpannija omm tistax tinvoka direttament din id-dispożizzjoni sabiex tikseb, fil-kuntest ta’ sena sussegwenti, it-tpaċija ta’ din it-taxxa sal-ammont tat-taxxa nazzjonali korrispondenti.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Id-Direttiva 90/435 hija applikabbli għall-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda s-snin fiskali 1997 sa 1999 kif ukoll is-sena 2002. Din tħassret u ġiet issostitwita, b’effett mit‑12 ta’ Jannar 2012, bid-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat‑30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (3).

5.        Il-premessi tad-Direttiva 90/435 huma redatti kif ġej:

“Billi r-raggruppament tal-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti jista’ jkun meħtieġ sabiex jinħolqu ġewwa l-Komunità l-kondizzjonijiet analogi għal dawk ta’ suq intern u sabiex b’hekk jiġi żgurat il-mod kif jiġi stabbilit u jiffunzjona b’mof effettiv is-suq komuni; billi dawn il-ħidmiet ma għandhomx jiġu mfixkla bir-restrizzjonijiiet, l-iżvantaġġi jew it-tagħwiġ li jinħolqu b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tat-taxxi ta’ l-Istati Membri; billi huwa għalhekk meħtieġ li rigward dan ir-raggruppament ta’ kumpanniji fl-Istati Membri differenti jiddaħħlu regoli tat-taxxa li jkunu newtri mill-lat tal-kompetizzjoni, sabiex l-intrapriżi jitħallew jaddattaw lilhom infushom għall-ħtiġiet tas-suq komuni, biex iżidu l-produttività tagħhom u sabiex itejbu s-saħħa kompetittiva tagħhom fil-livell internazzjonali;

Billi din ir-raggruppament jista’ jirriżulta fil-formazzjoni ta’ gruppi ta’ kumpanniji ġenituri u ta’ sussidjarji;

Billi d-dispożizzjonijiet eżistenti tat-taxxa li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji ġenituri u s-sussidjarji tagħhom fl-Istati Membri differenti ivarjaw b’mod apprezzabbli minn Stat Membru għall-ieħor u huma ġeneralment inqas vantaġġużi minn dawk li japplikaw għall-kumpanniji ġenituri u s-sussidjari fl-istess Stat Membru; billi l-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti tiġi b’hekk żvantaġġata meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji fl-istess Stat Membru; billi huwa meħtieġ li jiġi eliminat dan l-iżvantaġġ bid-dħul ta’ sistema komuni sabiex tiffaċilita r-raggruppament tal-kumpanniji;

Billi meta, bis-saħħa ta’ l-assoċjazzjoni tagħha mal-kumpannija sussidjarja tagħha, il-kumpannija ġenitur tirċievi profitti mqassma, l-Istat tal-kumpannija ġenitur irid:

–        jew jibqa’ lura milli jintaxxa dan il-qligħ,

–        jew jintaxxa dan il-qligħ filwaqt li jawtorizza lill-kumpannija ġenitur li tnaqqas mill-ammont tat-taxxa mistħoqqa dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-korporazzjoni mħallas mill-kumpannija sussidjarja li jkollu xjtaqsam ma’ dawn il-profitti;

Billi huwa barra minn hekk meħieġ, sabiex tiġi żgurata n-newtralità fiskali, illi l-profitti li kumpannija sussidjarja tqassam lill-kumpannija ġenitur tagħha jiġu eżentati mit-taxxa mnaqqsa; billi, madankollu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Ellenika, minħabba n-natura tas-sistemi tagħhom tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet, u r-Repubblika Portugiża, għal raġunijiet ta’ l-estimi finanzjarji, għandhom jiġu awtorizzati li jżommu temporanjament taxxa mnaqqsa […]”.

6.        Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“1.       Kull wieħed mill-Istati Membri għandu japplika din id-Direttiva:

–        għat-tqassim tal-qligħ irċevut mill-kumpanji ta’ dan l-Istat li jkun ġej mill-kumpanniji sussidjarji fl-Istati Membri l-oħra,

[…]”

7.        L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, fil-verżjoni inizjali tiegħu li kienet dik applikabbli fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Meta kumpannija ġenitur, bis-saħħa ta’ l-assoċjazzjoni tagħha mal-kumpannija sussidjarja tagħha, tirċievi profitti mqassma, l-Istat tal-kumpannija ġenitur għandu, għajr meta din ta’ l-aħħar tiġi llikwidata, jew:

–        iżomm lura milli jintaxxa dawn il-profitti, jew

–        jintaxxa dan il-qligħ filwaqt li jawtorizza lill-kumpannija ġenitur biex tnaqqas mill-ammont tat-taxxa mistħoqqa dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet imħallas mill-kumpannija sussidjarja li jkollu x’jaqsam ma’ dawn il-profitti […] sal-limitu ta’ l-ammont tat-taxxa domestika korrispondenti.”

8.        Skont l-Artikolu 5 tal-istess direttiva:

“1.       Il-profitti li kumpannija sussidjarja tkun qassmet lill-kumpannija ġenitur tagħha għandhom, għall-inqas fejn din ta’ l-aħħar iżżomm minimu ta’ 25 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja, jiġu eżentati mit-taxxa mnaqqsa.

2.       Minkejja l-paragrafu 1, ir-Repubblika Ellenika tista’, għal sakemm ma tordnax il-ħlas ta’ taxxa fuq il-korporazzjonijiet għall-profitti mqassma, timponi taxxa mnaqqsa fuq ill-profitti mqassma lill-kumpanniji ġenitur ta’ Stati Membri oħra. Madankollu, it-taxxa mnaqqsa ma tridx taqbeż ir-rata pprovvduta fil-ftehimiet bilaterali dwar it-taxxa doppja.

[…]”

B.      Id-dritt Ġermaniż

9.        L-Artikolu 26 tal-Körperschaftsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), fil-verżjoni ppubblikata fil‑11 ta’ Marzu 1991 (4), kif emendata bil-Liġi tal‑25 ta’ Frar 1992 (5) u fis-seħħ sal-emenda bil-Liġi tat‑23 ta’ Ottubru 2000 (6), intitolat “Tassazzjoni tal-elementi ta’ dħul barrani”, kien jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 2a tiegħu:

“(2) Jekk kumpannija suġġetta integralment għat-taxxa […] (kumpannija omm) tistabbilixxi li hija żżomm, mingħajr interruzzjoni għal mill-inqas tnax-il xahar qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tassazzjoni jew tal-perijodu differenti ta’ determinazzjoni tal-profitti, mill-inqas wieħed minn għaxra tal-kapital nominali ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li t-tmexxija u s-sede tagħha jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi (sussidjarja), […] hija għandha, fuq talba tal-kumpannija omm, tpaċi t-taxxa miġbura fuq il-profitti tas-sussidjarja mat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-kumpannija omm, sal-ammont tal-partijiet mill-profitti li s-sussidjarja tiddistribwixxilha. It-taxxa korrispondenti għat-taxxa nazzjonali fuq il-kumpanniji li s-sussidjarja ħallset għas-sena li għaliha tkun wettqet id-distribuzzjoni tista’ tiġi paċuta, sa fejn din it-taxxa tikkorrispondi għall-proporzjon bejn il-partijiet mill-profitti dovuti lill-kumpannija omm u l-profitti distribwibbli tas-sussidjarja, sa massimu tas-sehem tal-kumpannija omm fil-kapital nominali tas-sussidjarja. […] L-ammont li jista’ jiġi paċut għandu jiżdied mal-partijiet mill-profitti dovuti lill-kumpannija omm fil-kalkolu tad-dħul tagħha. […]

(2a)       Jekk kumpannija li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva 90/435], li huma indikati fl-Anness 4 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, titqies, bis-saħħa ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor […], fuq talba tal-kumpannija omm, li tistabbilixxi li hija żżomm, mingħajr interruzzjoni għal mill-inqas tnax-il xahar qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tassazzjoni jew tal-perijodu differenti ta’ determinazzjoni tal-profitti, mill-inqas wieħed minn għaxra tal-kapital ta’ din il-kumpannija, it-taxxa fuq il-kumpanniji miġbura fuq il-partijiet mill-profitti li ġejjin mid-distribuzzjonijiet tal-kumpannija l-oħra għandha tiġi paċuta mat-taxxa fuq il-profitti tal-kumpannija l-oħra konformement mat-tieni sas-seba’ sentenza tal-paragrafu 2, sa fejn dawn il-partijiet mill-profitti ma jkunux diġà eżentati bis-saħħa ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja jew ma jkunux diġà jibbenefikaw minn vantaġġ bis-saħħa tal-paragrafi 2 jew 3. […]”

C.      Il-Konvenzjoni fiskali bejn il-Ġermanja u l-Greċja

10.      Il-Konvenzjoni tat‑18 ta’ April 1966 bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Greċja dwar Ħelsien minn Taxxa Doppja u l-Prevenzjoni tal-Evitar tat-Taxxa fil-Qasam tat-Taxxi fuq id-Dħul u fuq il-Ġid kif ukoll tat-Taxxa Professjonali (7) tirregola, fl-Artikolu XVII(2) tagħha, il-modalitajiet għad-determinazzjoni tat-taxxa applikabbli għall-persuni residenti fil-Ġermanja.

11.      Il-punt 2(b) tal-Artikolu XVII(2) ta’ din il-konvenzjoni dwar ħelsien minn taxxa doppja jistipula:

“Madankollu, fir-rigward tad-dħul li ġej minn dividendi mħallsa lil kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja minn kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata stabbilita fir-Renju tal-Greċja, l-ammont ta’ 30 % tad-dividendi gross jiġi paċut mat-taxxa Ġermaniża, iżda biss jekk [(aa)] il-kumpannija b’kapital azzjonarju Ġermaniża żżomm mill-inqas 25 % tal-ishma bid-dritt tal-vot tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Griega u [(bb)] il-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Griega tikseb id-dħul tagħha esklużivament jew kważi esklużivament minn […] produzzjoni jew bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ merkanzija, ta’ servizzi […].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12.      SA hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata stabbilita fil-Ġermanja. Hija kienet l-unika azzjonista tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Ġermaniża C SA sal-fużjoni tagħha ma’ din il-kumpannija, fl‑1997. Din tal-aħħar kienet iżżomm, dak iż-żmien, 76.8 % tal-ishma tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata AE, stabbilita fil-Greċja. Wara din il-fużjoni, l-imsemmija ishma ġew ittrasferiti lil SA, li s-sehem tagħha f’AE laħaq 93.1 % fl‑1999.

13.      SA u C SA kellhom riżultat taxxabbli negattiv, rispettivament mill‑1993 sal‑2001 għall-ewwel waħda u mill‑1993 sal‑1996 għat-tieni waħda.

14.      Id-dividendi ttrasferiti minn AE lil C SA, u sussegwentement lil SA mill‑1997, ġew suġġetti, fil-Greċja, għat-taxxa fuq il-kumpanniji stabbilita minn dan l-Istat Membru.

15.      Għall-finijiet tal-impożizzjoni fuq C SA u ta’ SA tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Ġermanja għas-snin fiskali mill‑1993 sal‑2001, l-awtorità tat-taxxa ħadet inkunsiderazzjoni d-dividendi gross irċevuti minn dawn iż-żewġ kumpanniji sabiex tiddetermina d-dħul taxxabbli, li kien negattiv. Min-naħa l-oħra, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-taxxa mħallsa minn AE fil-Greċja fuq id-dividendi ddistribwiti lil C SA u sussegwentement lil SA la għas-snin li matulhom ġew irċevuti d-dividendi, u lanqas għall-ewwel sena li matulha SA għamlet profitti, li kienet is-sena 2002.

16.      Wara lmenti mressqa qabel mingħajr suċċess quddiem l-awtorità tat-taxxa dwar l-avviżi tat-taxxa għas-snin 1997 sa 1999 u 2002, SA ppreżentat rikorsi quddiem in-Niedersächsisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi tal-Land ta’ Niedersachsen, il-Ġermanja) kontra dawn l-avviżi tat-taxxa. Peress li din il-qorti ċaħdithom permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2021, SA ppreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi), li hija l-qorti tar-rinviju.

17.      Din il-qorti tistaqsi jekk it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 jipprekludix ir-rifjut li t-tpaċija ta’ taxxa barranija imposta fuq id-dividendi mħallsa lil kumpannija omm minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor tiġi posposta sabiex issir mat-taxxa dovuta għal perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti. Jekk din id-direttiva tiġi interpretata fis-sens li teżiġi tali posponiment, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk dritt dirett għal posponiment tat-tpaċija ta’ tali taxxa f’din is-sitwazzjoni jistax jirriżulta mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 jew jekk jistax ikun ibbażat fuq il-libertà ta’ stabbiliment. Hija tistaqsi wkoll dwar l-eżistenza tal-istess dritt għal posponiment tat-tpaċija tat-taxxa barranija fuq id-dividendi mħallsa minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor meta dawn id-dividendi ma jkunux ġew irċevuti direttament mill-kumpannija omm, iżda mis-sussidjarja nazzjonali miżmuma 100 % minnha, li wkoll kienet ġarrbet biss telf qabel ma ngħaqdet permezz ta’ fużjoni mal-kumpannija omm tagħha.

18.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      It-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva 90/435] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li t-tqassim imwettaq minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea favur kumpannija parent nazzjonali li tagħmel telf iwassal għal tnaqqis tat-trasferiment tat-telf tagħha sal-ammont ta’ dan it-tqassim, iżda li t-taxxi mħallsa mis-sussidjarja fuq it-tqassim la jiġu paċuti matul is-sena li fiha jiġu rċevuti d-dividendi u lanqas fis-sena li matulha l-kumpannija parent tagħmel profitti li jeċċedu t-telf ittrasferit?

2)      F’każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

meta Stat Membru għażel, għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 90/435 fid-dritt nazzjonali, is-sistema ta’ tpaċija prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 u meta dan l-Istat Membru ma wettaqx it-tpaċija skont id-direttiva minħabba l-fatt li huwa wettaq tpaċija ta’ taxxa biss matul is-sena li fiha ġew irċevuti d-dividendi, filwaqt li, minħabba l-possibbiltajiet ta’ posponiment ta’ telf previsti mid-dritt nazzjonali, tassazzjoni ta’ dawn id-dividendi tista’ sseħħ ukoll matul snin fiskali sussegwenti, din id-direttiva tagħti dritt dirett għal tpaċija ta’ taxxa taħt il-forma ta’ posponiment ta’ tpaċija?

3)      Jekk id-Direttiva 90/435 ma tagħtix dritt dirett fuq il-posponiment ta’ tpaċija (l-ewwel u t-tieni domanda):

tali dritt jirriżulta minn ksur tal-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 52 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, kif emendat bit-Trattat ta’ Maastricht, jew l-Artikolu 43 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, kif emendat bit-Trattat ta’ Amsterdam, li sar l-Artikolu 49 TFUE fil-verżjoni tat-Trattat ta’ Lisbona)?

4)      L-ewwel sat-tielet domanda għandhom jiġu evalwati b’mod differenti f’dak li jirrigwarda d-dividendi li l-kumpannija parent ma rċevietx direttament hija stess, iżda li s-sussidjarja tagħha 100 %, li hija wkoll tagħmel esklużivament telf, kienet irċeviet (f’dan il-każ: bejn is-snin 1993 u 1996) qabel il-fużjoni ta’ din mal-kumpannija parent, bit-trasferiment lill-kumpannija parent tat-telf tagħha li kien pospost?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      Id-deċiżjoni tar-rinviju tas‑26 ta’ Marzu 2025 waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Awwissu 2025.

20.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

21.       Waqt il-laqgħa ġenerali tal‑24 ta’ Ġunju 2026, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma żżommx seduta għas-sottomissjonijiet orali.

V.      Analiżi ġuridika

A.      Osservazzjonijiet preliminari

22.      Din il-kawża tirrigwarda, prima facie, kwistjoni teknika tad-dritt dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji. Madankollu, fuq il-mertu, hija tqajjem kwistjoni ta’ prinċipju dwar it-trattament, fid-dritt tal-Unjoni, tar-relazzjonijiet transkonfinali bejn kumpanniji omm u sussidjarji. Għandu jiġi ddeterminat jekk il-profitti magħmula minn sussidjarja fi Stat Membru u ddistribwiti lill-kumpannija omm tagħha fi Stat Membru ieħor jistgħux, minħabba din l-istruttura transkonfinali, ikunu suġġetti għal taxxa doppja ekonomika. Kif jirriżulta b’mod partikolari mit-tielet u mir-raba’ premessa tad-Direttiva 90/435 kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 4(1) tagħha, din id-direttiva hija intiża li telimina l-iżvantaġġi fiskali li għalihom huma esposti r-relazzjonijiet transkonfinali bejn kumpanniji omm u sussidjarji u li tevita taxxa doppja ekonomika fuq il-profitti ddistribwiti (8).

23.      L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jħalli lill-Istat Membru tal-kumpannija omm l-għażla bejn żewġ metodi intiżi li jevitaw it-taxxa doppja ekonomika (9). Dan jista’ jew iżomm lura milli jintaxxa l-profitti ddistribwiti, jew jintaxxahom filwaqt li jawtorizza t-tpaċija tat-taxxa mħallsa mis-sussidjarja fuq dawn il-profitti. Madankollu, meta Stat Membru jagħżel il-metodu ta’ tpaċija, il-modalitajiet tagħha għandhom jiggarantixxu li t-tnaqqis fiskali previst mill-imsemmija direttiva jipproduċi l-effetti tiegħu b’mod effettiv.

24.      F’dan ir-rigward, din il-kawża tirrigwarda sitwazzjoni partikolari. Matul is-sena li fiha ġew irċevuti, il-profitti ddistribwiti ma wasslu għal ebda piż fiskali immedjat minħabba s-sitwazzjoni ta’ telf tal-kumpannija omm. Madankollu, huma naqqsu t-trasferiment tat-telf ta’ din il-kumpannija u għalhekk setgħu jwasslu, matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti, għal piż fiskali ogħla. Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk it-tpaċija tat-taxxa mħallsa mis-sussidjarja fuq dawn il-profitti tistax tiġi eskluża b’mod definittiv, minkejja li l-profitti ddistribwiti jipproduċu effett fiskali ddifferit fl-Istat Membru tal-kumpannija omm.

25.      Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq l-ewwel żewġ domandi preliminari. Fl-ewwel lok (10), għandu jiġi eżaminat jekk it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 jipprekludix tali leġiżlazzjoni nazzjonali. Fit-tieni lok (11), għandu jiġi ddeterminat jekk il-kumpannija omm tistax tinvoka direttament din id-dispożizzjoni quddiem il-qrati nazzjonali. Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, fil-fehma tiegħi, l-ewwel domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv. Ċertament, din id-direttiva la teżiġi rimbors matul is-sena li fiha jsir telf u lanqas tpaċija ta’ iżjed mill-ammont tat-taxxa nazzjonali korrispondenti. Madankollu, hija tipprekludi t-telf definittiv tat-tpaċija meta l-profitti ddistribwiti jipproduċu effett fiskali matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti minħabba t-tnaqqis tat-trasferiment tat-telf.

B.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

26.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li distribuzzjonijiet ta’ profitti mwettqa minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor lil kumpannija omm residenti, li ġġarrab telf matul is-sena li fiha tirċievi d-dividendi, inaqqsu t-trasferiment tat-telf ta’ din il-kumpannija omm, filwaqt li t-taxxa mħallsa mis-sussidjarja fuq dawn il-profitti ddistribwiti ma tistax tiġi paċuta la matul is-sena li fiha jiġu rċevuti d-dividendi u lanqas matul il-perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti li fih il-kumpannija omm tagħmel profitti li jeċċedu t-telf ittrasferit tagħha.

27.      Din id-domanda ma tirrigwardax it-tfassil ġenerali tar-regoli nazzjonali dwar it-trasferiment tat-telf. Hija lanqas ma tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri humiex obbligati, fil-każijiet kollha, jagħtu rimbors ta’ taxxi barranin meta kumpannija omm iġġarrab telf matul is-sena li fiha tirċievi d-dividendi. Hija pjuttost tirrigwarda l-interazzjoni partikolari bejn żewġ mekkaniżmi, jiġifieri, minn naħa, il-metodu ta’ tpaċija previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 u, min-naħa l-oħra, leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-trasferiment tat-telf li bis-saħħa tagħha l-profitti ddistribwiti jnaqqsu, matul is-sena li fiha jiġu rċevuti, it-trasferiment tat-telf tal-kumpannija omm u għalhekk jistgħu jipproduċu effett fiskali matul perijodi ta’ tassazzjoni sussegwenti.

28.      Din il-preċiżazzjoni tikkorrispondi wkoll għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar titlaq mill-premessa li, minħabba l-possibbiltajiet ta’ trasferiment tat-telf previsti mid-dritt nazzjonali, it-tassazzjoni tal-profitti ddistribwiti ma għandhiex neċessarjament isseħħ matul is-sena li fiha jiġu rċevuti d-dividendi, iżda tista’ sseħħ ukoll matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti. Għalhekk, iċ-ċaqliq fiż-żmien tal-effett fiskali tad-dividendi ma jikkostitwixxix sempliċi konsegwenza ta’ evalwazzjoni astratta fid-dritt tal-Unjoni, iżda jikkostitwixxi l-punt ta’ tluq tad-domanda preliminari.

29.      Fil-kawża prinċipali, il-problema tirriżulta mill-fatt li d-dividendi ddistribwiti mis-sussidjarja Griega ttieħdu inkunsiderazzjoni, fid-dritt fiskali Ġermaniż, waqt id-determinazzjoni tar-riżultat taxxabbli tal-kumpanniji Ġermaniżi. Peress li dawn il-kumpanniji ġarrbu telf matul is-snin ikkonċernati, ebda taxxa Ġermaniża fuq il-kumpanniji, li magħha t-taxxa mħallsa fil-Greċja setgħet tiġi paċuta immedjatament, ma kienet dovuta matul is-sena li fiha ġew irċevuti d-dividendi. Madankollu, id-dividendi ma baqgħux fiskalment newtrali. Huma naqqsu t-telf li seta’ jiġi ttrasferit u għalhekk setgħu jwasslu, matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti, għal piż fiskali Ġermaniż ogħla.

30.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandha qabelxejn titfakkar is-sistema prevista fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435. Skont din id-dispożizzjoni, meta l-kumpannija omm tirċievi, minħabba s-sehem tagħha fis-sussidjarja tagħha, profitti ddistribwiti, l-Istat Membru tal-kumpannija omm għandu jagħżel bejn żewġ metodi. Dan jista’ jew iżomm lura milli jintaxxa dawn il-profitti, jew jintaxxahom filwaqt li jawtorizza lill-kumpannija omm tpaċi t-taxxa mħallsa mis-sussidjarja fuq dawn il-profitti sal-ammont tat-taxxa nazzjonali korrispondenti.

31.      Dawn iż-żewġ metodi huma differenti fit-teknika tagħhom. Fil-kuntest tal-metodu ta’ eżenzjoni, il-profitti ddistribwiti ma jiġux intaxxati f’idejn il-kumpannija omm. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-metodu ta’ tpaċija, dawn il-profitti huma bħala prinċipju inklużi fil-bażi taxxabbli ta’ din il-kumpannija. Madankollu, it-taxxa mħallsa mis-sussidjarja fir-rigward ta’ dawn il-profitti ddistribwiti tiġi paċuta mat-taxxa dovuta fl-Istat Membru tal-kumpannija omm. Dawn iż-żewġ metodi għandhom l-istess għan, jiġifieri li jiġi evitat li profitti magħmula minn sussidjarja u ddistribwiti lill-kumpannija omm tagħha jkunu suġġetti għal taxxa doppja ekonomika fir-relazzjonijiet transkonfinali bejn kumpanniji omm u sussidjarji (12).

32.      F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet għażlet, matul il-perijodu rilevanti, it-tieni metodu. Għalhekk, hija ma kinitx obbligata, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, teżenta sa mill-bidu l-profitti ddistribwiti mis-sussidjarja Griega. Id-Direttiva 90/435 tħalli l-għażla f’dan ir-rigward f’idejn l-Istati Membri. Madankollu, meta Stat Membru jagħżel il-metodu ta’ tpaċija, il-modalitajiet tagħha għandhom ikunu xierqa sabiex jiggarantixxu effettivament it-tnaqqis fiskali mfittex mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

33.      Għalhekk, l-ewwel domanda preliminari ma teżiġix li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellhiex tagħżel il-metodu ta’ eżenzjoni. Pjuttost, għandu jiġi eżaminat jekk Stat Membru li jkun għażel il-metodu ta’ tpaċija jistax jirrifjuta definittivament it-tpaċija meta l-profitti ddistribwiti ma jiġġeneraw, matul is-sena li fiha jiġu rċevuti, ebda piż fiskali immedjat minħabba s-sitwazzjoni ta’ telf tal-kumpannija omm, iżda jnaqqsu t-trasferiment tat-telf u għalhekk jistgħu jwasslu, matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti, għal piż fiskali nazzjonali ogħla.

34.      Dan l-eżami għandu jsir fid-dawl tal-formulazzjoni, tal-istruttura u tal-għan tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435. Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett konkret tal-mekkaniżmi nazzjonali intiżi li jevitaw it-taxxa doppja ekonomika.

35.      Fir-rigward, qabelxejn, tal-formulazzjoni, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li, fil-każ ta’ tassazzjoni tal-profitti ddistribwiti, l-Istat Membru tal-kumpannija omm għandu jawtorizza lil din tal-aħħar tpaċi t-taxxa mħallsa mis-sussidjarja fuq dawn il-profitti sal-ammont tat-taxxa nazzjonali korrispondenti. Din il-formulazzjoni tinkludi b’mod ċar limitazzjoni tal-ammont tat-tpaċija.

36.      Din il-limitazzjoni tfisser li l-Istat Membru tal-kumpannija omm ma huwiex obbligat ipaċi taxxa barranija mingħajr limitu. B’mod partikolari, huwa ma huwiex obbligat ipaċi jew jirrimborsa ammont li jeċċedi t-taxxa li, skont id-dritt fiskali tiegħu stess, tirrigwarda l-istess profitti ddistribwiti. Għalhekk, dan it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) la jistabbilixxi obbligu li jiġi nnewtralizzat integralment kull piż fiskali barrani u lanqas obbligu li jiġi rrimborsat eċċess ta’ taxxa barranija (13).

37.      Madankollu, l-espressjoni “sal-limitu ta’ l-ammont tat-taxxa domestika korrispondenti” tikkostitwixxi, skont il-formulazzjoni tagħha, limitu tal-ammont u mhux limitu ratione temporis. Hija tiddetermina sa fejn it-taxxa mħallsa mis-sussidjarja għandha tiġi paċuta. Min-naħa l-oħra, hija ma tipprevedix espressament li t-tpaċija għandha tkun possibbli esklużivament matul il-perijodu ta’ tassazzjoni li fih ikunu ġew irċevuti d-dividendi. Għalhekk, il-formulazzjoni ma tagħtix risposta definittiva għall-kwistjoni relatata maż-żmien.

38.      Dan il-punt huwa determinanti għal din il-kawża. Matul is-sena li fiha ġew irċevuti d-dividendi, ebda taxxa Ġermaniża fuq il-kumpanniji ma kienet dovuta minħabba t-telf imġarrab mill-kumpannija omm. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott mill-ewwel li t-tpaċija tista’ tiġi eskluża b’mod definittiv. Fil-fatt, id-dividendi ttieħdu inkunsiderazzjoni fis-sistema fiskali Ġermaniża. Huma naqqsu t-trasferiment tat-telf u għalhekk setgħu jwasslu, matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti, għal taxxa Ġermaniża ogħla. Għalhekk, il-piż fiskali nazzjonali marbut mad-dividendi ma ġiex eliminat, iżda sempliċement iddifferit.

39.      Għaldaqstant, il-formulazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 ma tipprekludix interpretazzjoni li tgħid li, f’tali sitwazzjoni, it-tpaċija għandha tkun tista’ tipproduċi l-effetti tagħha matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti. B’dan il-mod, il-limitu marbut mal-ammont tat-taxxa nazzjonali korrispondenti jibqa’ jiġi osservat. Ma hijiex meħtieġa tpaċija lil hinn mit-taxxa Ġermaniża, iżda biss tpaċija sa fejn il-profitti ddistribwiti jiġġeneraw sussegwentement, minħabba t-tnaqqis tat-trasferiment tat-telf, piż fiskali Ġermaniż korrispondenti.

40.      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-istruttura tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. F’din id-dispożizzjoni, il-metodu ta’ eżenzjoni u l-metodu ta’ tpaċija huma maħsuba bħala żewġ mezzi alternattivi intiżi li jevitaw it-taxxa doppja ekonomika. L-għażla bejn dawn iż-żewġ metodi tappartjeni lill-Istat Membru tal-kumpannija omm. Madankollu, din il-libertà ta’ għażla ma tippermettilux ifassal il-metodu magħżul b’mod li jċaħħdu, għal kategorija partikolari ta’ każijiet, mill-funzjoni tiegħu ta’ tnaqqis fiskali.

41.      Meta Stat Membru jagħżel il-metodu ta’ tpaċija, it-tpaċija tat-taxxa mħallsa mis-sussidjarja fuq il-profitti ddistribwiti tikkostitwixxi l-korollarju tat-tassazzjoni ta’ dawn il-profitti f’idejn il-kumpannija omm. Meta l-effett fiskali tal-profitti ddistribwiti jkun iddifferit minħabba leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-trasferiment tat-telf, il-possibbiltà ta’ tpaċija ta’ din it-taxxa għandha tkun tista’ ssegwi wkoll dan l-effett iddifferit (14). Fin-nuqqas ta’ dan, l-effett sfavorevoli tad-dividendi jittieħed inkunsiderazzjoni fuq diversi perijodi ta’ tassazzjoni, filwaqt li t-tnaqqis fiskali korrispondenti jibqa’ limitat għal perijodu ta’ tassazzjoni li matulu dan neċessarjament ikun imċaħħad minn effett minħabba s-sitwazzjoni ta’ telf.

42.      Huwa diffiċli li tali riżultat jiġi kkonċiljat mal-istruttura tad-Direttiva 90/435. Dan ikun ifisser li l-metodu ta’ tpaċija ma jaħdimx, fis-sitwazzjonijiet ta’ telf, bħala mezz effettiv sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja ekonomika. Id-dividendi jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-kumpannija omm u jnaqqsu t-trasferiment tat-telf, filwaqt li t-taxxa mħallsa mis-sussidjarja fuq l-istess profitti tibqa’ titwarrab b’mod definittiv.

43.      Din il-konklużjoni hija sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. Huwa minnu li din il-ġurisprudenza tirrigwarda direttament il-metodu ta’ eżenzjoni. Madankollu, hija għandha importanza kunsiderevoli għal din il-kawża peress li turi li, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1), il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti attenzjoni mhux biss lill-konfigurazzjoni formali ta’ mekkaniżmu fiskali nazzjonali, iżda wkoll lill-effett fiskali konkret tiegħu.

44.      Dan jirriżulta b’ċarezza partikolari mis-sentenza Cobelfret (15). Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tevalwa leġiżlazzjoni Belġjana li kienet tipprovdi li d-dividendi rċevuti minn kumpannija omm mingħand is-sussidjarja tagħha kienu l-ewwel inklużi fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija omm. Sussegwentement, bħala prinċipju, kien previst tnaqqis sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja ekonomika. Madankollu, dan it-tnaqqis seta’ jintuża biss sa fejn il-kumpannija omm kienet tagħmel profitti taxxabbli matul is-sena fiskali kkonċernata. Meta l-kumpannija omm kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ telf, it-tnaqqis ma setax isir effettivament. F’dak il-każ, id-dividendi kienu jnaqqsu t-telf li seta’ jiġi ttrasferit u setgħu, minħabba f’hekk, iwasslu għal piż fiskali ogħla matul snin fiskali sussegwenti.

45.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-effett kien inkompatibbli mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435. Dak li kien determinanti ma kienx il-fatt li d-dritt nazzjonali kien jipprevedi formalment mekkaniżmu ta’ tnaqqis fiskali. Pjuttost, kien rilevanti l-fatt li, fis-sitwazzjonijiet ta’ telf, dan il-mekkaniżmu ma kienx jiggarantixxi l-eżenzjoni tad-dividendi mit-taxxa. Peress li kienu jnaqqsu t-trasferiment tat-telf, dawn setgħu jipproduċu effetti fiskali sfavorevoli matul perijodi ta’ tassazzjoni sussegwenti. It-tnaqqis fiskali mogħti minn din id-direttiva ma setax jiddependi minn jekk il-kumpannija omm kellhiex, matul is-sena li fiha rċeviet id-dividendi, profitti taxxabbli suffiċjenti.

46.      Din il-linja ta’ ġurisprudenza ġiet ikkonfermata fil-kawża KBC Bank (16). F’dik il-kawża wkoll kienu inkwistjoni l-leġiżlazzjoni Belġjana dwar id-dħul intaxxat b’mod definittiv u l-kwistjoni dwar jekk il-vantaġġ iggarantit mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 kienx effettivament ippreżervat fis-sitwazzjonijiet ta’ telf. Il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet iffokat fuq id-determinazzjoni ta’ jekk id-dividendi kinux inaqqsu t-trasferiment tat-telf tal-kumpannija omm u jekk, b’dan il-mod, it-tnaqqis fiskali kienx prattikament jintilef. Għalhekk, hija kkonfermat li l-interazzjoni bejn it-trattament fiskali tad-dividendi u r-regoli nazzjonali dwar it-trasferiment tat-telf setgħet tkun determinanti għall-evalwazzjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

47.      Fis-sentenza Brussels Securities (17), il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet issegwi dan l-approċċ. Il-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tirrigwarda l-ordni ta’ applikazzjoni ta’ diversi sitwazzjonijiet ta’ tnaqqis fiskali fid-dritt nazzjonali. Dan l-ordni seta’ jkollu l-effett li t-tnaqqis intiż li jiżgura l-eżenzjoni tad-dividendi jiġi applikat bi prijorità u jnaqqas, jew saħansitra jeżawrixxi, il-bażi taxxabbli, u b’hekk iċaħħad totalment jew parzjalment lill-kumpannija omm minn vantaġġi fiskali oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet iffokat mhux biss fuq l-eżistenza formali ta’ mekkaniżmu nazzjonali ta’ tnaqqis fiskali, iżda wkoll fuq l-effett prattiku tiegħu. Leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax ixxejjen it-tnaqqis fiskali previst mid-Direttiva 90/435 permezz tal-koordinazzjoni teknika ma’ mekkaniżmi fiskali oħra.

48.      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta prinċipju metodoloġiku ġenerali. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 ma jipproteġix biss kontra tassazzjoni espliċita u immedjata tal-profitti ddistribwiti. Din id-dispożizzjoni teżiġi wkoll li l-mekkaniżmu nazzjonali intiż li jevita t-taxxa doppja ekonomika ma jiġix imċaħħad mill-effett konkret tiegħu permezz ta’ regoli dwar it-trasferiment tat-telf jew dwar l-ordni ta’ applikazzjoni tat-tnaqqis. Ma huwiex rilevanti biss li d-dritt nazzjonali jipprevedi, b’mod astratt, eżenzjoni jew tpaċija, iżda wkoll jekk it-tnaqqis fiskali huwiex effettivament żgurat fis-sitwazzjoni fiskali konkreta.

49.      Dan ir-raġunament jista’ jiġi traspost għall-metodu ta’ tpaċija, li huwa inkwistjoni f’din il-kawża. Ċertament, dan il-metodu għandu struttura teknika differenti minn dik tal-metodu ta’ eżenzjoni. Fil-kuntest ta’ dan tal-aħħar, id-dividendi ma jistgħux jiġu intaxxati f’idejn il-kumpannija omm. Fil-kuntest tal-metodu ta’ tpaċija, dawn jistgħu jiġu ntaxxati, iżda biss bil-kundizzjoni li t-taxxa mħallsa mis-sussidjarja fuq dawn il-profitti tittieħed inkunsiderazzjoni sal-ammont tat-taxxa nazzjonali korrispondenti. Madankollu, fiż-żewġ każijiet, l-għan huwa l-istess, jiġifieri li tiġi evitata t-taxxa doppja ekonomika fuq il-profitti ddistribwiti.

50.      Għaldaqstant, jekk, fil-kuntest tal-metodu ta’ eżenzjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali tkun inammissibbli meta tagħti formalment tnaqqis fiskali fir-rigward tad-dividendi filwaqt li tippermetti li dawn jipproduċu sussegwentement effett fiskali permezz tat-tnaqqis tat-trasferiment tat-telf, is-sitwazzjoni ma tistax tkun differenti fil-kuntest tal-metodu ta’ tpaċija, meta d-dividendi jnaqqsu t-trasferiment tat-telf, iżda t-taxxa korrispondenti mħallsa mis-sussidjarja tibqa’ eskluża b’mod definittiv minn kull tpaċija. Fiż-żewġ każijiet, l-effett rilevanti fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni jinsab fil-fatt li d-dividendi ma jwasslu, matul is-sena li fiha jsir telf, għal ebda ħlas immedjat ta’ taxxa, iżda jwasslu, matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti, għal piż fiskali ogħla minħabba l-effett tat-tnaqqis tat-trasferiment tat-telf.

51.      Din it-traspożizzjoni ma hijiex ikkontestata mill-ġurisprudenza dwar il-metodu ta’ tpaċija, iżda hija konformi mal-linji gwida tagħha. Fis-sentenzi Test Claimants in the FII Group Litigation, Accor kif ukoll Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (18), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-metodu ta’ tpaċija seta’, bħala prinċipju, jikkostitwixxi mezz ammissibbli sabiex tiġi evitata taxxa doppja ekonomika fuq il-profitti ddistribwiti. Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lill-Istati Membri, b’mod ġenerali, jagħżlu l-metodu ta’ eżenzjoni. Meta Stat Membru jagħżel it-tpaċija, huwa jista’ bħala prinċipju jillimita t-teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxa mħallsa mis-sussidjarja fuq il-profitti ddistribwiti għall-ammont tat-taxxa nazzjonali korrispondenti (19).

52.      Din il-ġurisprudenza hija importanti għal din il-kawża għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, hija tikkonferma li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx obbligata teżenta sa mill-bidu d-dividendi ddistribwiti mis-sussidjarja Griega. Min-naħa l-oħra, hija tindika l-limitu tal-obbligu li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni. L-Istat Membru tal-kumpannija omm ma huwiex obbligat ipaċi jew jirrimborsa taxxa mħallsa barra mill-pajjiż sa fejn din teċċedi t-taxxa nazzjonali korrispondenti. Għalhekk, il-metodu ta’ tpaċija ma jeżiġix in-newtralizzazzjoni integrali ta’ kull piż fiskali barrani u lanqas, b’mod partikolari, ir-rimbors ta’ eċċess ta’ taxxa barranija.

53.      Madankollu, il-kwistjoni mqajma f’dan il-każ ma hijiex b’hekk riżolta b’mod definittiv. Hija ma tirrigwardax l-ammont tat-tpaċija, iżda l-effettività tagħha fiż-żmien f’sitwazzjoni li fiha l-profitti ddistribwiti ċertament ma jiġġeneraw ebda piż fiskali immedjat matul is-sena li fiha jiġu rċevuti, iżda jnaqqsu t-trasferiment tat-telf u għalhekk jistgħu jwasslu, matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti, għal piż fiskali nazzjonali ogħla. Huwa preċiżament f’dan ir-rigward li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett prattiku tal-metodu magħżul.

54.      Għalhekk, l-interpretazzjoni proposta hawnhekk ma tmurx lil hinn mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑446/04, EU:C:2006:774), tal‑15 ta’ Settembru 2011, Accor (C‑310/09, EU:C:2011:581) kif ukoll tal‑10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C‑436/08 u C‑437/08, EU:C:2011:61). Hija la teżiġi rimbors matul is-sena li fiha jsir telf u lanqas tpaċija lil hinn mill-ammont tat-taxxa nazzjonali korrispondenti. Hija teżiġi biss li t-tpaċija tiġi ppreżervata sa fejn il-profitti ddistribwiti jiġġeneraw, matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti, piż fiskali nazzjonali korrispondenti minħabba t-tnaqqis tat-trasferiment tat-telf (20). F’din il-forma limitata, tpaċija fuq diversi perijodi ta’ tassazzjoni ma hijiex intiża li jingħata vantaġġ addizzjonali, iżda li jiġi ppreżervat it-tnaqqis fiskali previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435.

55.      Din l-interpretazzjoni tikkorrispondi wkoll għall-għan ta’ din id-direttiva. Din tal-aħħar hija intiża li telimina l-iżvantaġġi fiskali li għalihom jistgħu jkunu esposti l-kumpanniji omm u s-sussidjarji ta’ Stati Membri differenti meta mqabbla mal-gruppi ta’ kumpanniji purament interni. L-għan essenzjali tagħha huwa li tiġi evitata t-taxxa doppja ekonomika fuq il-profitti ddistribwiti u, għaldaqstant, li jiġu ffaċilitati l-istrutturi transkonfinali ta’ gruppi ta’ kumpanniji fi ħdan is-suq intern.

56.      Ikun hemm taxxa doppja ekonomika meta l-istess profitti jiġu ntaxxati f’idejn kontribwenti differenti. Dan ikun il-każ meta profitti l-ewwel jiġu ntaxxati fil-livell tas-sussidjarja u sussegwentement iwasslu, fl-Istat tal-kumpannija omm, għal piż fiskali ġdid. L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva huwa intiż preċiżament li jipprevjeni ż-żamma ta’ tali piż doppju fil-każ ta’ distribuzzjonijiet transkonfinali ta’ profitti.

57.      F’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, il-piż fl-Istat Membru tal-kumpannija omm ma jimmanifestax ruħu neċessarjament matul is-sena li fiha jiġu rċevuti d-dividendi. Għall-kuntrarju, dan jista’ jiġi ddifferit minħabba l-fatt li d-dividendi jnaqqsu t-trasferiment tat-telf tal-kumpannija omm. Dan it-tnaqqis għandu l-konsegwenza li l-kumpannija omm tista’ tnaqqas inqas telf matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti u għalhekk tkun responsabbli għall-ħlas ta’ taxxa ogħla. Għalhekk, id-dividendi ma jibqgħux fiskalment newtrali. Huma sempliċement jipproduċu l-effett fiskali tagħhom matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti.

58.      Kieku t-taxxa mħallsa mis-sussidjarja fuq dawn id-dividendi ma setgħetx tiġi paċuta matul dan il-perijodu sussegwenti, it-taxxa doppja ekonomika tibqa’ teżisti. Il-profitti diġà ntaxxati fil-livell tas-sussidjarja jwasslu wkoll, fl-Istat tal-kumpannija omm, għal piż fiskali sussegwenti minħabba l-effett tat-tnaqqis tat-trasferiment tat-telf. Għalhekk, l-assenza ta’ tpaċija twassal preċiżament għall-piż ekonomiku doppju li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 huwa intiż li jevita.

59.      Il-prinċipju tal-effett utli jimmilita wkoll favur din il-konklużjoni. It-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jkun fil-parti l-kbira mċaħħad mill-effett tiegħu fis-sitwazzjonijiet ta’ telf jekk it-tpaċija tkun possibbli biss matul is-sena li fiha jiġu rċevuti d-dividendi u tintilef definittivament ladarba ebda taxxa nazzjonali ma tkun dovuta matul dik is-sena fl-assenza ta’ dħul pożittiv. Tali interpretazzjoni ċċaħħad it-tpaċija minn effett f’kategorija ta’ każijiet li fihom id-dividendi ċertament ma jwasslu għal ebda ħlas immedjat ta’ taxxa, iżda sussegwentement jipproduċu effett fiskali sfavorevoli permezz tat-trasferiment tat-telf.

60.      Għalkemm l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sabiex jiddefinixxu l-modalitajiet tekniċi tat-tpaċija, dawn il-modalitajiet għandhom madankollu jiggarantixxu t-tnaqqis fiskali preskritt mid-dritt tal-Unjoni (21). Huma ma jistgħux iwasslu sabiex l-effett sfavorevoli tad-dividendi jittieħed inkunsiderazzjoni fuq diversi perijodi ta’ tassazzjoni, filwaqt li l-effett ta’ tnaqqis fiskali tat-tpaċija jibqa’ limitat b’mod definittiv għal perijodu li matulu dan ma jistax jintuża minħabba s-sitwazzjoni ta’ telf.

61.      Il-prinċipju ta’ annwalità invokat mill-Gvern Ġermaniż ma jwassalx għal evalwazzjoni differenti. Għalkemm huwa minnu li t-taxxa fuq il-kumpanniji hija bħala prinċipju ddeterminata separatament għal kull perijodu ta’ tassazzjoni, id-dritt fiskali nazzjonali nnifsu jipprevedi madankollu, permezz tat-trasferiment tat-telf, rabta bejn diversi perijodi ta’ tassazzjoni. Meta l-profitti ddistribwiti jiġu inklużi f’dan il-mekkaniżmu li jestendi fuq diversi perijodi, inkwantu jnaqqsu t-trasferiment tat-telf u għalhekk jistgħu jwasslu, matul snin sussegwenti, għal piż fiskali ogħla, il-prinċipju ta’ annwalità ma jistax iservi sabiex jeskludi b’mod definittiv it-tpaċija korrispondenti tat-taxxa relatata mal-istess profitti. Jekk l-effett sfavorevoli tad-dividendi jittieħed inkunsiderazzjoni fuq diversi perijodi ta’ tassazzjoni, l-effett ta’ tnaqqis fiskali tat-tpaċija ma jistax jiġi limitat, bis-sempliċi riferiment għall-prinċipju ta’ annwalità, għal perijodu ta’ tassazzjoni li matulu dan ma jistax jintuża minħabba s-sitwazzjoni ta’ telf.

62.      Fin-nuqqas ta’ dan, id-dritt nazzjonali jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċaqliq fiż-żmien biss b’mod unilaterali. Id-dividendi jnaqqsu l-użu tat-telf matul snin sussegwenti u b’hekk iżidu piż fiskali sussegwenti. Min-naħa l-oħra, it-taxxa mħallsa mis-sussidjarja fuq dawn id-dividendi ma tkunx tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fl-istess qafas ta’ żmien. Tali asimetrija tkun inkompatibbli mat-tnaqqis fiskali effettiv meħtieġ mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435.

63.      Għalhekk, din is-soluzzjoni tosserva l-limitu espressament previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. Fl-istess ħin, hija tiggarantixxi li l-metodu ta’ tpaċija magħżul mill-Istat Membru ma jiġix imċaħħad mill-effett utli tiegħu fis-sitwazzjonijiet ta’ telf. Għaldaqstant, hija tikkorrispondi għall-approċċ li t-tpaċija għandha tkun tista’ ssir fuq diversi perijodi ta’ tassazzjoni meta l-effett fiskali tal-profitti ddistribwiti nnifsu jseħħ fuq diversi perijodi.

64.      Fil-kawża prinċipali, il-profitti ddistribwiti mis-sussidjarja Griega ttieħdu inkunsiderazzjoni waqt id-determinazzjoni tar-riżultat fiskali tal-kumpanniji Ġermaniżi. Peress li dawn il-kumpanniji ġarrbu telf, it-taxxa Griega relatata ma’ dawn il-profitti ma setgħetx tiġi paċuta immedjatament mat-taxxa Ġermaniża fuq il-kumpanniji matul is-sena li fiha ġew irċevuti d-dividendi. Madankollu, fl-istess ħin, id-dividendi naqqsu t-trasferiment tat-telf. Għalhekk, dawn setgħu jwasslu, matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti, għal piż fiskali Ġermaniż ogħla.

65.      Peress li d-dritt Ġermaniż ma kien jipprevedi ebda possibbiltà li t-tpaċija tiġi posposta għal dan il-perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti, it-taxxa Griega relatata mal-istess profitti baqgħet eskluża b’mod definittiv minn kull tpaċija. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża ħadet inkunsiderazzjoni l-effett sfavorevoli tad-dividendi permezz tat-trasferiment tat-telf, filwaqt li eskludiet b’mod definittiv it-tnaqqis fiskali korrispondenti permezz tat-tpaċija.

66.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali leġiżlazzjoni ma tiggarantixxix il-prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika meħtieġa mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435.

67.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li distribuzzjonijiet ta’ profitti mwettqa minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor lil kumpannija omm residenti li ġġarrab telf matul is-sena li fiha tirċievi dawn id-distribuzzjonijiet inaqqsu t-trasferiment tat-telf ta’ din il-kumpannija omm, filwaqt li t-taxxa mħallsa mis-sussidjarja fir-rigward ta’ dawn il-profitti ddistribwiti ma tistax tiġi paċuta, sal-ammont tat-taxxa nazzjonali korrispondenti, la matul din is-sena u lanqas matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti, sa fejn dawn il-profitti ddistribwiti jwasslu, matul dan il-perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti, għal piż fiskali nazzjonali korrispondenti minħabba t-tnaqqis tat-trasferiment tat-telf.

C.      Fuq it-tieni domanda preliminari

68.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari, jekk kumpannija omm tistax tinvoka direttament, quddiem il-qrati nazzjonali, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 sabiex tikseb it-tpaċija, fil-forma ta’ posponiment ta’ tpaċija, tat-taxxa mħallsa mis-sussidjarja tagħha fi Stat Membru ieħor fuq il-profitti ddistribwiti meta l-Istat Membru tal-kumpannija omm ikun għażel il-metodu ta’ tpaċija, iżda ma jkunx fasslu b’mod konformi ma’ din id-direttiva.

69.      Din id-domanda tqum għaliex, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, id-dritt nazzjonali, għalkemm kien jipprevedi tpaċija tat-taxxa barranija matul is-sena li fiha jiġu rċevuti d-dividendi, ma kienx jippermetti l-posponiment ta’ din it-tpaċija għal perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti. Jekk l-ewwel domanda preliminari tingħata r-risposta proposta f’dawn il-konklużjonijiet, minn dan tirriżulta traspożizzjoni insuffiċjenti tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-kumpannija omm tistax tinvoka direttament l-obbligu li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni fil-konfront tal-awtorità tat-taxxa. Madankollu, tali invokazzjoni diretta hija possibbli biss meta interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali ma tippermettix li jiġi żgurat ir-riżultat preskritt mid-Direttiva 90/435.

70.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-individwi jistgħu jinvokaw, fil-konfront tal-Istat, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva meta dawn ikunu, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi u meta l-Istat Membru ma jkunx ittraspona d-direttiva fit-termini stabbiliti jew ikun ittrasponieha b’mod żbaljat (22). Dan japplika wkoll fil-qasam fiskali meta kontribwent jinvoka dispożizzjoni ta’ direttiva fil-konfront tal-awtorità tat-taxxa, jiġifieri fil-konfront tal-Istat.

71.      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet. F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva ċertament iħalli lill-Istati Membri għażla bejn żewġ metodi. L-Istat Membru tal-kumpannija omm jista’ jew iżomm lura milli jintaxxa l-profitti ddistribwiti, jew jintaxxahom filwaqt li jawtorizza t-tpaċija tat-taxxa mħallsa mis-sussidjarja fuq dawn il-profitti. Madankollu, dan id-dritt ta’ għażla ma jipprekludix l-effett dirett ta’ din id-dispożizzjoni ladarba l-Istat Membru jkun eżerċita l-għażla tiegħu (23).

72.      Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet għażlet, matul il-perijodu rilevanti, il-metodu ta’ tpaċija. Għalhekk, is-sistema prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 kienet applikabbli għad-distribuzzjonijiet ta’ profitti inkwistjoni. Sa dan il-punt, l-Istat Membru kien eżerċita d-dritt ta’ għażla tiegħu. Għalhekk, il-kwistjoni tal-effett dirett ma għandhiex tibqa’ tiġi evalwata b’mod astratt fid-dawl taż-żewġ metodi, iżda b’mod konkret fid-dawl tal-obbligu li jirriżulta mill-metodu magħżul, jiġifieri t-tpaċija.

73.      Il-fatt li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 jagħti inizjalment dritt ta’ għażla lill-Istat Membru ma jċaħħadx lill-metodu magħżul mill-preċiżjoni tiegħu. Ladarba din l-għażla tkun ġiet eżerċitata, l-Istat Membru ma jkunx għadu jista’ jinvoka l-marġni ta’ għażla li din id-direttiva tirrikonoxxilu sabiex jillimita l-effett tal-metodu li jkun għażel. Fin-nuqqas ta’ dan, l-effett utli tal-imsemmija direttiva jista’ jiġi kompromess preċiżament fil-każijiet li fihom l-Istat Membru jkun ċertament għażel il-metodu ta’ tpaċija, iżda jkun irregola l-applikazzjoni tiegħu biss b’mod mhux komplut.

74.      L-obbligu li jirriżulta mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva huwa suffiċjentement preċiż. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li, fil-każ ta’ tassazzjoni tal-profitti ddistribwiti, l-Istat Membru tal-kumpannija omm għandu jawtorizza lil din tal-aħħar tpaċi t-taxxa mħallsa mis-sussidjarja fuq dawn il-profitti sal-ammont tat-taxxa nazzjonali korrispondenti. Għalhekk, il-kontenut ta’ dan l-obbligu jista’ jiġi ddeterminat b’mod ċar. L-Istat Membru jista’ jintaxxa d-dividendi, iżda għandu jieħu inkunsiderazzjoni t-taxxa mħallsa mis-sussidjarja fuq l-istess profitti sal-ammont tat-taxxa nazzjonali korrispondenti.

75.      Din id-dispożizzjoni hija wkoll inkundizzjonata. Hija ma tissuġġettax l-obbligu ta’ tpaċija għall-adozzjoni ta’ miżuri sussegwenti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Wara li l-Istat Membru jkun eżerċita l-għażla tiegħu, dan l-obbligu lanqas ma jiddependi minn kundizzjoni addizzjonali li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni. Għalkemm l-Istati Membri jżommu marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-modalitajiet tekniċi tat-tpaċija, dan il-marġni jirrigwarda l-forma tal-implimentazzjoni, u mhux il-qofol tal-obbligu. B’mod partikolari, dan ma jippermettix li t-tpaċija tiġi eskluża b’mod definittiv f’kategorija ta’ każijiet li fihom il-profitti ddistribwiti jkollhom effett fiskali sussegwenti minħabba t-tnaqqis tat-trasferiment tat-telf.

76.      Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-ħtieġa ta’ tpaċija fuq diversi perijodi ta’ tassazzjoni tirriżulta, f’dan il-każ, mill-interazzjoni bejn it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 u t-trasferiment tat-telf previst mid-dritt nazzjonali. It-trasferiment tat-telf ma jikkostitwixxix kundizzjoni addizzjonali li għaliha d-dritt tal-Unjoni jissuġġetta t-tnissil tad-dritt invokat. Dan pjuttost jagħmel parti mill-kuntest fiskali nazzjonali li fih l-Istat Membru japplika l-metodu magħżul, jiġifieri t-tpaċija. Peress li dan il-kuntest nazzjonali għandu l-effett li l-profitti ddistribwiti ma jżidux il-piż fiskali nazzjonali matul is-sena li fiha jiġu rċevuti, iżda biss matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti, it-tpaċija preskritta mid-dritt tal-Unjoni għandha tingħata f’dan il-qafas ta’ żmien.

77.      Il-fatt li d-Direttiva 90/435 ma ssemmix espressament il-kunċett ta’ posponiment ta’ tpaċija ma jipprekludix din il-konklużjoni. F’din is-sitwazzjoni, il-posponiment tat-tpaċija ma għandux jinftiehem bħala vantaġġ awtonomu separat minn din id-direttiva. Dan pjuttost jikkostitwixxi l-forma neċessarja li fiha t-tpaċija preskritta mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva tista’ tipproduċi l-effett tagħha meta l-piż fiskali nazzjonali korrispondenti ma jirriżultax matul is-sena li fiha jiġu rċevuti d-dividendi, iżda biss matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti.

78.      Għalhekk, id-dritt li jista’ jiġi invokat direttament ma jirrigwardax il-ħolqien ta’ sistema ġenerali ta’ posponiment ta’ tpaċija separata mid-dritt nazzjonali. Huwa jirrigwarda biss l-obbligu, li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, li jingħata effett, fis-sitwazzjoni konkreta inkwistjoni, lill-metodu magħżul, jiġifieri t-tpaċija. Il-qorti nazzjonali ma għandhiex tiddetermina d-dettalji tekniċi ta’ sistema ġdida ta’ tpaċija, iżda għandha biss tipprevjeni l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li xxejjen b’mod definittiv it-tpaċija dovuta bis-saħħa tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva.

79.      Dan l-approċċ jikkorrispondi għar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari. Meta l-profitti ddistribwiti jnaqqsu t-trasferiment tat-telf tal-kumpannija omm u b’hekk iwasslu, matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti, għal piż fiskali nazzjonali korrispondenti, it-taxxa mħallsa mis-sussidjarja fuq dawn il-profitti ma tistax tiġi injorata b’mod definittiv. F’tali sitwazzjoni, it-tpaċija fuq diversi perijodi ta’ tassazzjoni ma tikkostitwixxix vantaġġ addizzjonali mogħti mid-dritt tal-Unjoni, iżda l-konsegwenza prattika tal-obbligu assunt mill-Istat Membru minħabba l-għażla tiegħu tal-metodu ta’ tpaċija.

80.      Peress li, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, id-dritt nazzjonali ma kien jipprevedi ebda bażi legali li tippermetti tali tpaċija fuq diversi perijodi ta’ tassazzjoni, l-effett utli tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 jista’ jiġi ggarantit biss jekk il-kumpannija omm tkun tista’ tinvoka direttament din id-dispożizzjoni. Fin-nuqqas ta’ dan, it-tnaqqis fiskali preskritt minn din id-direttiva jibqa’ mċaħħad minn effett preċiżament fis-sitwazzjoni li fiha huwa meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda preliminari.

81.      Madankollu, il-limitu previst mid-Direttiva 90/435 jibqa’ jiġi osservat. Il-kumpannija omm tista’ tinvoka t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva biss sabiex tikseb tpaċija sal-ammont tat-taxxa nazzjonali korrispondenti. L-effett dirett ta’ din id-dispożizzjoni la jistabbilixxi dritt għar-rimbors ta’ eċċess ta’ taxxa barranija u lanqas dritt għal tpaċija li teċċedi t-taxxa nazzjonali relatata mal-profitti ddistribwiti inkwistjoni.

82.      Minn dan lanqas ma jirriżulta neċessarjament rimbors matul is-sena li fiha jsir telf. Id-dritt invokat direttament huwa pjuttost intiż għall-għoti effettiv tat-tpaċija prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva. Meta l-piż fiskali nazzjonali korrispondenti jirriżulta, minħabba l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-trasferiment tat-telf, biss matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti, it-tpaċija għandha tkun tista’ tiġi invokata, sa dan l-ammont, ukoll matul dan il-perijodu sussegwenti.

83.      Dan ir-riżultat huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435. Fir-rigward tal-metodu ta’ eżenzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li l-obbligu tal-Istat Membru li ma jintaxxax il-profitti ddistribwiti huwa, mill-perspettiva tal-kontenut tiegħu, inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż (24). Ċertament, il-metodu ta’ tpaċija huwa strutturat b’mod differenti. Madankollu, ladarba l-Istat Membru jkun għażlu, l-obbligu li jirriżulta minnu huwa wkoll suffiċjentement ċar u preċiż: it-taxxa tas-sussidjarja għandha tiġi paċuta sal-ammont tat-taxxa nazzjonali korrispondenti.

84.      Il-fatt li l-Istati Membri jistgħu jirregolaw id-dettalji tekniċi tat-tpaċija ma jipprekludix l-effett dirett. Fin-nuqqas ta’ dan, Stat Membru jkun jista’ jaħrab mill-obbligu li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni preċiżament permezz ta’ tfassil insuffiċjenti tal-metodu ta’ tpaċija. Dan ikun inkompatibbli mal-effett utli ta’ din id-direttiva.

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-Istat Membru tal-kumpannija omm ikun għażel il-metodu ta’ tpaċija, iżda ma jkunx fasslu b’mod konformi ma’ din id-direttiva, u meta interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformi magħha ma tkunx possibbli, kumpannija omm tista’ tinvoka direttament din id-dispożizzjoni fil-konfront ta’ dan l-Istat Membru sabiex tikseb, matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti u sal-ammont tat-taxxa nazzjonali korrispondenti, it-tpaċija tat-taxxa mħallsa mis-sussidjarja tagħha fi Stat Membru ieħor fir-rigward tal-profitti ddistribwiti, sa fejn dawn il-profitti ddistribwiti jwasslu, matul dan il-perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti, għal piż fiskali nazzjonali korrispondenti minħabba t-tnaqqis tat-trasferiment tat-telf.

VI.    Konklużjoni

86.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja):

It-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat‑23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li distribuzzjonijiet ta’ profitti mwettqa minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor lil kumpannija omm residenti li ġġarrab telf matul is-sena li fiha tirċievi dawn id-distribuzzjonijiet inaqqsu t-trasferiment tat-telf ta’ din il-kumpannija omm, filwaqt li t-taxxa mħallsa mis-sussidjarja fir-rigward ta’ dawn il-profitti ddistribwiti ma tistax tiġi paċuta, sal-ammont tat-taxxa nazzjonali korrispondenti, la matul din is-sena u lanqas matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti, sa fejn dawn il-profitti ddistribwiti jwasslu, matul dan il-perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti, għal piż fiskali nazzjonali korrispondenti minħabba t-tnaqqis tat-trasferiment tat-telf;

–        meta l-Istat Membru tal-kumpannija omm ikun għażel il-metodu ta’ tpaċija, iżda ma jkunx fasslu b’mod konformi ma’ din id-direttiva, u meta interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformi magħha ma tkunx possibbli, kumpannija omm tista’ tinvoka direttament din id-dispożizzjoni fil-konfront ta’ dan l-Istat Membru sabiex tikseb, matul perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti u sal-ammont tat-taxxa nazzjonali korrispondenti, it-tpaċija tat-taxxa mħallsa mis-sussidjarja tagħha fi Stat Membru ieħor fir-rigward tal-profitti ddistribwiti, sa fejn dawn il-profitti ddistribwiti jwasslu, matul dan il-perijodu ta’ tassazzjoni sussegwenti, għal piż fiskali nazzjonali korrispondenti minħabba t-tnaqqis tat-trasferiment tat-telf.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147.


3      ĠU 2011, L 345, p. 8.


4      BGBI. 1991 I, p. 638.


5      BGBI. 1992 I, p. 297.


6      BGBI. 2000 I, p. 1433.


7      BGBI. 1967 II, p. 852.


8      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2009, Cobelfret (C‑138/07, iktar ’il quddiem is-“sentenza Cobelfret”, EU:C:2009:82, punti 28 sa 31), u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities (C‑389/18, EU:C:2019:1132, punti 35 u 36). Dwar il-kunċett ta’ “taxxa doppja ekonomika” u l-applikazzjoni tiegħu għal din il-kawża, ara l-punti 55 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


9      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cobelfret (punt 31), u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities (C‑389/18, EU:C:2019:1132, punt 31). Ara wkoll is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑446/04, EU:C:2006:774, punti 43 u 44).


10      Ara l-punti 26 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11      Ara l-punti 68 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


12      Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑446/04, EU:C:2006:774, punti 50 sa 52 u 57); tal‑15 ta’ Settembru 2011, Accor (C‑310/09, EU:C:2011:581, punt 88); kif ukoll tal‑10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C‑436/08 u C‑437/08, EU:C:2011:61, punti 86 sa 88).


14      Ara, b’mod iktar ġenerali, Luts, J., u Willems, W., “Article 4: Treatment of Dividends Received”, The EU Passive Income Tax Directives, Edward Elgar, Cheltenham, 2025, Nri 4.001, 4.003 u 4.007, li jenfasizzaw li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/96 (id-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u sussidjarji) jimponi fuq l-Istat Membru tal-kumpannija omm l-obbligu li jagħti tnaqqis tat-taxxa doppja ekonomika, permezz tal-metodu ta’ eżenzjoni jew tal-metodu ta’ tpaċija, u li, meta Stat Membru jkun għażel wieħed mill-metodi previsti fl-Artikolu 4(1), huwa għandu jimplimenta dan il-metodu konformement mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni.


15      Punti 35 sa 41, kif ukoll 45 u 57 ta’ din is-sentenza.


16      Digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2009, KBC Bank u Beleggen, Risicokapitaal, Beheer (C‑439/07 u C‑499/07, EU:C:2009:339, punti 39 u 40).


17      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities (C‑389/18, EU:C:2019:1132, punti 37, 38, 45, 49 u 53).


18      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑446/04, EU:C:2006:774, punti 43, 44, 50 sa 52 u 57); tal‑15 ta’ Settembru 2011, Accor (C‑310/09, EU:C:2011:581, punt 88); kif ukoll tal‑10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C‑436/08 u C‑437/08, EU:C:2011:61, punti 86 sa 88).


19      Ara wkoll, fid-duttrina, Helminen, M., “Taxation of passive income”, Research Handbook on European Union Taxation Law, Edward Elgar, Cheltenham, 2020, p. 232 u 233, li tfakkar li l-Istati Membri jistgħu, bħala prinċipju, jagħżlu bejn il-metodu ta’ eżenzjoni u dak ta’ tpaċija sabiex jeliminaw it-taxxa doppja fuq id-dividendi transkonfinali, bil-kundizzjoni li l-metodu ta’ tpaċija jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxa mħallsa fl-Istat tas-sors sal-ammont tat-taxxa dovuta fl-Istat ta’ residenza.


20      Ara, f’dan is-sens, Marres, O., “The Parent-Subsidiary Directive”, Terra/Wattel European Tax Law, Alphen aan den Rijn: Wolters Kluwer, 2023, Taqsima 6.4.5, p. 245, li jqis li Stat Membru li jkun għażel il-metodu ta’ tpaċija indiretta għandu jippermetti t-trasferiment għal snin fiskali sussegwenti tal-krediti ta’ taxxa indiretti li l-kumpannija omm ma setgħetx tuża matul is-sena li fiha rċeviet id-dividendi minħabba s-sitwazzjoni ta’ telf tagħha, u li huma relatati ma’ dividendi li jaqgħu taħt id-Direttiva 90/435. Ara wkoll Caziero, M., “The Elimination of Economic Double Taxation in the European Union: Non-Discrimination and Beyond”, European Taxation, 2020, p. 348 sa 350, li jqis li l-għan li tiġi eliminata t-taxxa doppja ekonomika mfittex minn din id-direttiva għandu jinftiehem b’mod wiesa’, fis-sens li jkopri wkoll is-sitwazzjonijiet indiretti u dawk li jestendu fuq diversi perijodi, u li l-loġika li tirriżulta mis-sentenza Cobelfret, mid-digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2009, KBC Bank u Beleggen, Risicokapitaal, Beheer (C‑439/07 u C‑499/07, EU:C:2009:339), kif ukoll mis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities (C‑389/18, EU:C:2019:1132) tista’ tiġi trasposta għas-sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru japplika l-metodu ta’ tpaċija.


21      Ara l-punti 23 u 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 1982, Becker (8/81, EU:C:1982:7, punt 25); tal‑11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C‑62/00, EU:C:2002:435, punt 25); kif ukoll Cobelfret (punt 58).


23      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cobelfret (punti 61 u 63 sa 65). Ara wkoll, fid-duttrina, Marres, O., “The Parent-Subsidiary Directive”, Terra/Wattel European Tax Law, Alphen aan den Rijn: Wolters Kluwer, 2023, Taqsimiet 6.4.1 u 6.9.


24      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cobelfret (punti 58, 61 u 63 sa 65). Ara wkoll, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/96, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2025, John Cockerill (C‑135/24, EU:C:2025:176, punti 52 u 53).