12004V/PRO/10

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - Protokolli u annessi - 10.Protokoll dwar il-proċedura dwar id-deficit eċċessiv

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0337 - 0338


10. PROTOKOLL DWAR IL-PROĊEDURA DWAR ID-DEFICIT EĊĊESSIV

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BIX-XEWQA li jistabbilixxu d-dettalji tal-proċedura dwar id-deficit eċċessiv prevista fl-Artikolu III-184 tal-Kostituzzjoni,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu 1

Il-valuri ta' referenza previsti fl-Artikolu III-184(2) tal Kostituzzjoni huma:

a) 3 % għall-proporzjon bejn id-deficit pubbliku ippjanat jew attwali u l-prodott gross domestiku bil-prezzijiet tas-suq;

b) 60 % għall-proporzjon bejn id-dejn pubbliku u l-prodott gross domestiku bil-prezzijiet tas-suq.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' l-Artikolu III-184 tal-Kostituzzjoni u ta' dan il-Protokoll:

a) "gvern" tfisser il-gvern in ġenerali, jiġifieri l-gvern ċentrali, reġjonali jew lokali u l-fondi ta' sigurtà soċjali, minbarra l-attivitajiet kummerċjali, kif definiti fis-Sistema Ewropea ta' Kontijiet Ekonomiċi Integrati;

b) "deficit" tfisser bżonn nett ta' finanzjament kif definit fis-Sistema Ewropea ta' Kontijiet Ekonomiċi Integrati;

ċ) "investiment" tfisser formazzjoni komplessiva ta' kapital fiss kif definit fis-Sistema Ewropea ta' Kontijiet Ekonomiċi Integrati;

d) "dejn" tfisser dejn gross totali f'valur nominali pendenti fl-aħħar tas-sena u kkonsolidat bejn u fis-setturi tal-gvern in ġenerali hekk kif definit fil-punt (a).

Artikolu 3

Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-proċedura dwar id-deficit eċċessivi, l-gvernijiet ta' l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli taħt din il-proċedura għad-deficit tal-gvern in ġenerali kif definit fil-punt (a) ta' l-Artikolu 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri nazzjonali fil-qasam tal-budget jippermettulhom li jonoraw l-obbligi tagħhom f'dan ir-rigward kif jirriżultaw mill-Kostituzzjoni. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw fil-pront u regolarment lill-Kummissjoni dwar id-deficit ippjanat u attwali u l-livell ta' dejn tagħhom.

Artikolu 4

L-informazzjoni statistika li għandha tintuża għall-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll għandha tingħata mill-Kummissjoni.

--------------------------------------------------