SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 15(2)(b) – Detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għall-finijiet ta’ tneħħija – Direttiva 2013/33/UE – Artikolu 9 – Tqegħid taħt detenzjoni ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikolu 28(2) – Tqegħid taħt detenzjoni għall-finijiet ta’ trasferiment – Illegalità tad-detenzjoni – Artikoli 6 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawża C‑387/24 PPU [Bouskoura] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Roermond (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Roermond, il-Pajjiżi l-Baxxi) permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Ġunju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Ġunju 2024, fil-proċedura
C
vs
Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal C, minn P. H. Hillen u R. M. Seth Paul, advocaten, |
|
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u A. Hanje, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Baeckelmans, A. Katsimerou u F. van Schaik, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Settembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96), kif ukoll tal-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”), moqrija flimkien mal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn C, ċittadin ta’ pajjiż terz suġġett għal proċedura ta’ ritorn, u l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) rigward il-legalità ta’ żewġ miżuri ta’ detenzjoni konsekuttivi imposti minn din l-awtorità. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2008/115
|
3 |
Il-premessa 9 tad-Direttiva 2008/115 tipprovdi: “Skond id-[Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2006, L 175M, p. 168)], ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun applika għal asil fi Stat Membru ma għandux ikun meqjus bħala li qiegħed illegalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru sakemm ma tidħolx fis-seħħ deċiżjoni negattiva fir-rigward ta’ l-applikazzjoni jew deċiżjoni li ttemm id-dritt ta’ soġġorn tiegħu jew tagħha biex ifittex asil.” |
|
4 |
L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.” |
|
5 |
L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “1. Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:
Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta. 2. Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji. Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata bil-miktub bir-raġunijiet fil-fatt u fid-dritt. Meta d-detenzjoni tkun ġiet ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom:
Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jiġi rilaxxat minnufih jekk id-detenzjoni ma tkunx legali. 3. F’kull każ, id-detenzjoni għandha tiġi riveduta f’intervalli raġonevoli ta’ żmien jew b’applikazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew ex officio. Fil-każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla, ir-reviżjonijiet għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja. 4. Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l-persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih. 5. Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur. 6. L-Istati Membri jistgħu ma jestendux il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta’ tneħħija tista’ ddum minħabba:
|
Id‑Direttiva 2013/33
|
6 |
L-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33 jiddefinixxi d-detenzjoni bħala “restrizzjoni ta’ applikant minn Stat Membru f’post partikulari, fejn l-applikant ikun imċaħħad mil-libertà ta’ moviment tiegħu jew tagħha”. |
|
7 |
L-Artikolu 8(1) sa (3) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. L-Istati Membri m’għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija applikant(a) skont id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali [(ĠU 2013, L 180, p. 60)]. 2. Meta jkun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali ta’ kull każ, l-Istati Membri jistgħu jżommu applikant f’detenzjoni, sakemm miżuri inqas dixxiplinari oħra ma jistgħux ikunu applikati b’mod effettiv. 3. Applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni biss:
Ir-raġunijiet għad-detenzjoni għandhom jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali.” |
|
8 |
L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33 jipprovdi: “Fejn id-detenzjoni tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom jipprevedu rieżami ġudizzjarju minnufih tal-legalità tad-detenzjoni li jiġi mwettaq ex officio u/jew fuq talba tal-applikant. Meta jitwettaq ex officio tali rieżami għandu jiġi deċiż mill-aktar fis possibbli mill-bidu tad-detenzjoni. Meta jitwettaq fuq talba tal-applikant, huwa għandu jiġi deċiż mill-aktar fis possibbli wara t-tnehdija tal-proċedimenti rilevanti. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu fil-liġi nazzjonali l-perjodu li fih għandhom jitwettqu r-rieżami ex officio u/jew ir-rieżami fuq talba tal-applikant. Meta, b’riżultat tar-rieżami ġudizzjarju, id-detenzjoni tinstab li kienet illegali, l-applikant ikkonċernat għandu jinħeles minnufih.” |
Ir‑Regolament Dublin III
|
9 |
L-Artikolu 28(2) sa (4) tar-Regolament Dublin III huwa fformulat kif ġej: “2. Meta jkun hemm riskju sinifikanti li l-persuna taħrab, l-Istati Membri jistgħu jżommu lill-persuna kkonċernata taħt detenzjoni sabiex jiżguraw proċeduri ta’ trasferiment skont dan ir-Regolament, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali u biss sa fejn id-detenzjoni tkun proporzjonali, jekk ma jkunux jistgħu jiġu applikati effettivament miżuri alternattivi oħra inqas koerżivi. 3. Id-detenzjoni għandha tkun għal żmien qasir kemm jista’ jkun u m’għandiex tkun għal iżjed miż-żmien li raġonevolment huwa meħtieġ sabiex jiġu ssodisfati l-proċeduri amministrattivi meħtieġa b’diliġenza dovuta sakemm jitwettaq it-trasferiment taħt dan ir-Regolament. Fejn persuna tinżamm taħt detenzjoni skont dan l-Artikolu, il-perijodu għall-preżentazzjoni ta’ talba biex jittieħed inkarigu jew jittieħed lura ma għandux ikun itwal minn xahar minn meta t-talba tiġi ppreżentata. L-Istat Membru li jwettaq l-proċedura f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandu jitolob tweġiba urġenti f’dawn il-każijiet. Tali tweġiba għandha tingħata fi żmien ġimgħatejn minn meta jirċievi t-talba. Nuqqas ta’ tweġiba fil-perijodu ta’ ġimgħatejn għandu l-istess effett ta’ aċċettazzjoni tat-talba, u għandu jinvolvi l-obbligu li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna, inkluż l-obbligu li jagħmel arranġamenti xierqa għall-wasla. Meta persuna tinżamm taħt detezjoni skont dan l-Artikolu, it-trasferiment ta’ dik il-persuna mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli għandu jkun eżegwit mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u mhux aktar tard minn sitt ġimgħat mill-aċċettazzjoni impliċita jew espliċita tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew mill-mument meta l-appell jew reviżjoni ma jkollux jew ma jkollhiex aktar effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3). Meta l-Istat Membru rikjedenti jonqas milli jikkonforma mat-termini ta’ żmien biex jippreżenta talba biex jittieħed inkarigu jew jittieħed lura jew fejn it-trasferiment ma jseħħx fl-iskadenza ta’ sitt ġimgħat imsemmija fit-tielet subparagrafu, il-persuna ma għandhiex tinżamm aktar taħt detenzjoni. L-Artikoli 21, 23, 24 u 29 għandhom jinqgħu japplikaw kif adatt. 4. Fir-rigward tal-kondizzjonijiet għad-detenzjoni, u l-garanziji applikabbli għal persuni taħt detenzjoni, sabiex jiġu żgurati l-proċeduri ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli, għandhom japplikaw l-Artikolu 9, 10 u 11 tad-Direttiva 2013/33/UE.” |
Id‑dritt Olandiż
|
10 |
L-Artikolu 59a(1) tal-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin), tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”) jipprovdi li ċ-ċittadini barranin li għalihom japplika r-Regolament Dublin III jistgħu, b’osservanza tal-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, jinżammu f’detenzjoni sabiex jiġu ttrasferiti lejn l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata fit-territorju Olandiż. |
|
11 |
Il-parti introduttiva tal-Artikolu 59(1) u l-Artikolu 59(1)(a) ta’ din il-liġi jipprovdu li ċ-ċittadin barrani li jirrisjedi irregolarment jista’, jekk ikun meħtieġ fl-interess tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali, jitqiegħed f’detenzjoni mis-Segretarju tal-Istat bl-għan tat-tneħħija tiegħu mit-territorju Olandiż. |
|
12 |
L-Artikolu 94(1) u (6) tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej: “1. Meta jkun ħa deċiżjoni li timponi ordni ta’ detenzjoni prevista fl-Artikoli 6, 6a, 58, 59, 59a u 59b, il-Ministru għandu javża lill-qorti kompetenti mhux iktar tard minn tmienja u għoxrin jum min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, ħlief jekk iċ-ċittadin barrani jkun diġà ppreżenta rikors huwa stess. Hekk kif il-qorti tiġi nnotifikata, iċ-ċittadin barrani jitqies li appella kontra d-deċiżjoni li timponi ordni ta’ detenzjoni. Ir-rikors huwa intiż ukoll sabiex jinkiseb kumpens. […] 6. Jekk tqis li l-applikazzjoni jew l-eżekuzzjoni tal-miżura kkonċernata tmur kontra din il-liġi jew jekk tqis, wara li tikkunsidra l-interessi preżenti kollha, li din il-miżura ma hijiex iġġustifikata, il-qorti adita tilqa’ r-rikors. F’dan il-każ, il-qorti tordna t-tneħħija tal-miżura jew l-emenda tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tagħha.” |
|
13 |
L-Artikolu 96(1) u (3) tal-istess liġi jipprevedi: “1. Jekk ir-rikors imsemmi fl-Artikolu 94 huwa ddikjarat infondat u ċ-ċittadin barrani jippreżenta rikors kontra l-estensjoni tad-detenzjoni, il-qorti ttemm l-investigazzjoni preliminari fi żmien ġimgħa mid-data li fiha tirċievi r-rikors. B’deroga mill-Artikolu 8:57 tal-Algemene wet bestuursrecht [(il-Liġi Ġenerali dwar id-Dritt Amministrattiv)], il-qorti tista’ tiddeċiedi wkoll, mingħajr il-kunsens tal-partijiet, li ma tinżamx seduta. […] 3. Jekk tqis li l-applikazzjoni jew l-eżekuzzjoni tal-miżura kkonċernata tmur kontra din il-liġi jew jekk tqis, wara li tikkunsidra l-interessi kollha preżenti, li din il-miżura ma hijiex raġonevolment iġġustifikata, il-qorti adita tilqa’ r-rikors. F’dan il-każ, il-qorti tordna t-tneħħija tal-miżura jew l-emenda tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tagħha.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
14 |
Fit‑2 ta’ Mejju 2024, C kien is-suġġett ta’ miżura ta’ detenzjoni skont l-Artikolu 59a(1) tal-Liġi dwar il-Barranin (iktar ’il quddiem l-“ewwel miżura ta’ detenzjoni”). Billi adotta din il-miżura, is-Segretarju tal-Istat qies, l-ewwel nett, li C seta’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin III, it-tieni nett, li kien jippreżenta riskju sinjifikattiv għall-ordni pubbliku minħabba riskju li jaħrab u, it-tielet nett, li r-Renju ta’ Spanja kien l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-detenzjoni ġiet imposta fuq il-persuna kkonċernata sabiex tiġi ttrasferita lejn dan l-Istat Membru. |
|
15 |
Fit‑3 ta’ Mejju 2024, is-Segretarju tal-Istat talab lill-awtoritajiet Spanjoli jieħdu inkarigu ta’ C skont l-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Dublin III. Dawn l-awtoritajiet ċaħdu din it-talba fl‑14 ta’ Mejju 2024. |
|
16 |
Fis‑17 ta’ Mejju 2024, fit-14.51 is-Segretarju tal-Istat adotta deċiżjoni ta’ ritorn kontra C, fejn indika lill-Marokk bħala l-pajjiż ta’ destinazzjoni. Peress li qieset li kien jeżisti riskju li l-persuna kkonċernata, li ma kinitx f’sitwazzjoni ta’ residenza regolari, setgħet taħrab qabel it-tneħħija tagħha, din l-awtorità kienet sussegwentement imponiet, fit-14.52, miżura ta’ detenzjoni, abbażi tal-parti introduttiva tal-Artikolu 59(1) u tal-Artikolu 59(1)(a) tal-Liġi dwar il-Barranin (iktar ’il quddiem it-“tieni miżura ta’ detenzjoni”). Din il-miżura għadha fis-seħħ. Fl-istess jum fit-14.55, l-imsemmija awtorità rtirat l-ewwel miżura ta’ detenzjoni. |
|
17 |
Il-persuna kkonċernata ppreżentat żewġ rikorsi kontra l-ewwel u t-tieni miżura ta’ detenzjoni quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Roermond (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Roermond, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
18 |
C isostni, quddiem din il-qorti, li l-ewwel miżura ta’ detenzjoni saret illegali fl‑14 ta’ Mejju 2024, data li minnha, fid-dawl tar-rifjut tar-Renju ta’ Spanja li jieħdu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, din il-miżura ma setgħetx iktar tiġi ġġustifikata bit-trasferiment tal-persuna kkonċernata lejn dan l-Istat Membru. Minn din id-data, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Afdeling Bestuursrechtspraak van de Raad van State (it-Taqsima tal-Kontenzjuż Amministrattiv tal-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), is-Segretarju tal-Istat għandu terminu ta’ 48 siegħa sabiex jimponi ż-żamma f’detenzjoni tal-persuna kkonċernata abbażi ta’ raġuni differenti minn dik li ġġustifikat l-ewwel miżura ta’ detenzjoni. Fil-każ ineżami, dan it-terminu ma ġiex osservat, peress li din l-awtorità adottat it-tieni miżura ta’ detenzjoni biss fis‑17 ta’ Mejju 2024. Konsegwentement, C ma setax jinżamm f’detenzjoni u kellu jinħeles qabel l-adozzjoni tat-tieni miżura ta’ detenzjoni. |
|
19 |
Quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Segretarju tal-Istat isostni li l-illegalità tal-ewwel miżura ta’ detenzjoni ma taffettwax il-legalità tat-tieni miżura ta’ detenzjoni, li tiġġustifika, b’mod awtonomu, iż-żamma f’detenzjoni tal-persuna kkonċernata. Din l-awtorità, filwaqt li tammetti l-eżistenza tad-difett li jaffettwa l-ewwel miżura ta’ detenzjoni u filwaqt li tipproponi lil C somma ta’ EUR 100 bħala danni sabiex tikkumpensa lil dan tal-aħħar għad-detenzjoni illegali li għaliha kien suġġett, issostni li l-ewwel miżura ta’ detenzjoni kienet diġà ġiet irtirata fil-mument meta l-qorti tar-rinviju ġiet adita u li din il-miżura ma tistax, konsegwentement, tiġi annullata. |
|
20 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont prattika nazzjonali kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Afdeling bestuursrechtspraak van de Raad van State (it-Taqsima tal-Kontenzjuż Amministrattiv tal-Kunsill tal-Istat), l-illegalità ta’ miżura ta’ detenzjoni mogħtija kontra ċittadin ta’ pajjiż terz ma tistax, bħala prinċipju, taffettwa l-legalità ta’ miżura ta’ detenzjoni adottata sussegwentement fil-konfront tiegħu, b’tali mod li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni ma tistax teħles lil dan iċ-ċittadin minħabba din l-illegalità. Din il-prattika u din il-ġurisprudenza huma, barra minn hekk, konformi mal-Artikoli 59, 59a, 94 u 96 tal-Liġi dwar il-Barranin, li ma tipprevedix espliċitament l-obbligu li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti teħles immedjatament lill-persuna kkonċernata jekk hija tqis li d-detenzjoni tagħha hija illegali. |
|
21 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva madankollu li, skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115 kif ukoll l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33, il-persuna kkonċernata għandha tinħeles “immedjatament” jekk jirriżulta li d-detenzjoni tagħha hija illegali. |
|
22 |
Fid-dawl tal-obbligu ta’ ħelsien immedjat previst minn dawn id-dispożizzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hija għandhiex tipproċedi għall-ħelsien tal-persuna kkonċernata, minkejja li l-miżura ta’ detenzjoni li abbażi tagħha din il-persuna hija attwalment imċaħħda mil-libertà ma hijiex ivvizzjata b’illegalità, għas-sempliċi raġuni li miżura preċedenti ta’ detenzjoni, li abbażi tagħha l-imsemmija persuna ġiet imċaħħda mil-libertà, ma kinitx tissodisfa iktar il-kundizzjonijiet ta’ legalità. |
|
23 |
F’dan ir-rigward, hija tirrileva, l-ewwel nett, li din il-kwistjoni tinvolvi li jiġi ddeterminat jekk is-suġġett tal-istħarriġ tal-awtorità ġudizzjarja kompetenti huwiex il-kundizzjoni għal “detenzjoni” jew jekk din l-awtorità għandhiex tillimita l-istħarriġ tagħha għan-natura possibbilment illegali tal-miżura ta’ detenzjoni fis-seħħ. Skont il-qorti tar-rinviju, f’dan l-aħħar każ, il-possibbiltà li l-persuna kkonċernata tinħeles tkun tiddependi, b’mod definittiv, mill-mument li fih hija tinvoka l-illegalità ta’ din il-miżura u l-fatt li d-detenzjoni kienet, fil-passat, ivvizzjata b’illegalità ma jikkostitwixxix element rilevanti għall-analiżi tal-awtorità ġudizzjarja kompetenti. F’dan il-każ, din il-qorti ma tkunx f’pożizzjoni li tiggarantixxi d-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
24 |
It-tieni nett, l-imsemmija qorti tfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix il-possibbiltà li d-detenzjoni tinżamm għal raġunijiet amministrattivi jew sabiex titħejja l-adozzjoni ta’ miżura ta’ detenzjoni ġdida, iżda timponi l-ħelsien immedjat ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li d-detenzjoni tiegħu tkun illegali, indipendentement mill-mument li fih tiġi eżaminata l-legalità tad-detenzjoni. |
|
25 |
It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Afdeling bestuursrechtspraak van de Raad van State (it-Taqsima tal-Kontenzjuż Amministrattiv tal-Kunsill tal-Istat), fil-każ ta’ ksur serju tad-dritt għall-ħelsien, huwa possibbli li ssir deroga mir-regola li l-illegalità tal-ewwel miżura ta’ detenzjoni ma taffettwax il-legalità tat-tieni miżura ta’ detenzjoni. |
|
26 |
Skont il-qorti tar-rinviju, in-natura fundamentali tad-dritt għal-libertà, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta, kif ukoll tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, timmilita fis-sens li jitqies li kull detenzjoni ordnata bis-saħħa ta’ miżura ta’ detenzjoni illegali tinvolvi ksur serju ta’ dawn id-drittijiet. Għaldaqstant, il-persuna kkonċernata għandha tiġi lliberata immedjatament meta d-detenzjoni tkun ġiet, fil-passat, ivvizzjata b’illegalità, anki jekk l-awtorità kompetenti tkun finalment irrimedjat għal din l-illegalità. |
|
27 |
F’dan il-kuntest, il-ħlas ta’ kumpens ma jiggarantixxix protezzjoni adegwata tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 u 47 tal-Karta. It-tul u l-gravità tal-illegalità tad-detenzjoni jinħtieġ li jitqiesu għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ kumpens li għandu jingħata lill-persuna kkonċernata. |
|
28 |
Fil-każ ineżami, sa fejn id-detenzjoni nżammet għal perijodu ta’ iktar minn 48 siegħa minkejja n-natura illegali tal-ewwel miżura ta’ detenzjoni, u peress li t-tieni miżura ta’ detenzjoni ġiet imposta biss wara l-irtirar tal-ewwel miżura, huwa biss il-ħelsien immedjat tal-persuna kkonċernata li jippermetti li jiġi protett b’mod adegwat id-dritt tagħha għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
|
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Roermond (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Roermond) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-parti introduttiva tal-Artikolu 15(2) u [l-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(2)] tad-Direttiva [2008/115], l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva [2013/33] u l-Artikolu 28(4) tar-Regolament [Dublin III], moqrija flimkien mal-Artikoli 6 u 47 tal-[Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja hija dejjem obbligata li tillibera immedjatament il-persuna mqiegħda f’detenzjoni jekk id-detenzjoni kienet jew kienet saret illegali fi kwalunkwe mument matul l-eżekuzzjoni mhux interrotta ta’ sensiela ta’ miżuri ta’ detenzjoni suċċessivi?” |
Fuq it‑talba għal proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari
|
30 |
Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl‑Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
31 |
Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti sostniet, qabel kollox, li d-domanda preliminari tikkonċerna dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt wieħed mill-oqsma msemmija fit-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat FUE. Sussegwentement, l-imsemmija qorti rrilevat li C tqiegħed f’detenzjoni mingħajr interruzzjoni sa mit‑2 ta’ Mejju 2024. Fl-aħħar nett, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari hija determinanti sabiex jiġi deċiż jekk l-istess qorti hijiex marbuta, skont id-dritt tal-Unjoni, li tillibera immedjatament lill-persuna kkonċernata. |
|
32 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva 2008/115, ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva 2013/33 kif ukoll ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Dublin III. Sa fejn dawn id-direttivi u dan ir-regolament jaqgħu taħt it-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jista’ jkun is-suġġett tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura. |
|
33 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni dwar l-urġenza, għandu jiġi enfasizzat li din il-kundizzjoni tkun issodisfatta, b’mod partikolari, meta l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali tkun attwalment imċaħħda mil-libertà u meta ż-żamma tagħha taħt arrest tkun tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, filwaqt li huwa ppreċiżat li s-sitwazzjoni ta’ din il-persuna għandha tiġi evalwata hekk kif tkun fid-data tal-eżami tat-talba intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Breian,C‑318/24 PPU, EU:C:2024:658, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Fil-każ ineżami, mid-deskrizzjoni tal-fatti pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li C ilu effettivament imċaħħad mil-libertà mit‑2 ta’ Mejju 2024 u li kien jinsab f’din il-kundizzjoni fid-data tal-eżami tat-talba intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju indikat li, skont ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari, hija jista’ jkollha tillibera lil din il-persuna. |
|
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl‑14 ta’ Ġunju 2024, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex dan ir-rinviju jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
Fuq id‑domanda preliminari
|
36 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tat‑30 ta’ April 2024, M.N. (EncroChat), C‑670/22, EU:C:2024:372, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-punt 53 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, għandu jiġi rrilevat li għalkemm, fid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi biss għall-paragrafu 2 tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu 15, sa fejn jeżiġi l-ħelsien immedjat tal-persuna kkonċernata meta l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 15 ma jibqgħux issodisfatti u meta d-detenzjoni ma tibqax iġġustifikata, huwa wkoll rilevanti fil-kawża preżenti. |
|
38 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mistoqsija dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tat-terminu ta’ 48 siegħa previst mid-dritt Olandiż u msemmi fil-punt 18 tas-sentenza preżenti. Konsegwentement, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-kompatibbiltà mal-obbligu ta’ ħelsien “immedjat” tal-persuna kkonċernata previst fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33, li għalih jirreferi l-Artikolu 28(4) tar-Regolament Dublin III, ta’ prattika nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jżommu applikant għal protezzjoni internazzjonali f’detenzjoni għal terminu massimu ta’ 48 siegħa wara li tkun seħħet iċ-ċirkustanza li tiddetermina l-illegalità ta’ miżura ta’ detenzjoni adottata abbażi ta’ dan ir-regolament. |
|
39 |
Fil-fatt, tali eżami jikkonċerna, essenzjalment, ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-illegalità ta’ miżura ta’ detenzjoni adottata abbażi tar-Regolament Dublin III filwaqt li, fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li l-ewwel miżura ta’ detenzjoni hija illegali u li hija tixtieq tiddetermina jekk tali illegalità taffettwax il-legalità tat-tieni miżura ta’ detenzjoni, adottata abbażi tad-Direttiva 2008/115. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-illegalità tal-ewwel miżura ta’ detenzjoni ma tirriżultax, skont il-qorti tar-rinviju, mill-inkompatibbiltà possibbli ta’ dan il-perijodu ta’ 48 siegħa mal-obbligu ta’ ħelsien immedjat, iżda mill-fatt li t-tieni miżura ta’ detenzjoni ġiet imposta 24 siegħa wara l-iskadenza ta’ tal-imsemmi terminu. |
|
40 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(2) u (4) tad-Direttiva 2008/115, l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33 u l-Artikolu 28(4) tar-Regolament Dublin III, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix l-obbligu, għall-awtorità ġudizzjarja kompetenti, li tordna l-ħelsien ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun jinsab f’detenzjoni skont miżura adottata abbażi tad-Direttiva 2008/115, għar-raġuni li din il-persuna, li d-detenzjoni tagħha kienet ġiet ordnata inizjalment permezz ta’ miżura adottata abbażi tar-Regolament Dublin III, ma kinitx ġiet illiberata immedjatament wara l-konstatazzjoni li din il-miżura tal-aħħar kienet saret illegali. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kwalunkwe detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, kemm jekk abbażi tad-Direttiva 2008/115 fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn wara soġġorn irregolari, abbażi tad-Direttiva 2013/33 fil-kuntest tal-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew abbażi tar-Regolament Dublin III fil-kuntest tat-trasferiment ta’ applikant għal tali protezzjoni lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, tikkostitwixxi ndħil serju fid-dritt għal-libertà, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Eżami ex officio tad-detenzjoni), C‑704/20 u C‑39/21, EU:C:2022:858, punt 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
Fil-fatt, hekk kif jipprevedi l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33, miżura ta’ detenzjoni tikkonsisti fl-iżolament ta’ persuna f’post speċifiku. Mill-formulazzjoni, mill-oriġini u mill-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, jirriżulta li l-portata tagħha tista’, barra minn hekk, tiġi trasposta għall-kunċett ta’ “detenzjoni” li jinsab fid-Direttiva 2008/115 u fir-Regolament Dublin III, li d-detenzjoni timponi fuq il-persuna kkonċernata li tibqa’ tirrisjedi b’mod permanenti f’perimetru ristrett u magħluq, b’tali mod, li din il-persuna tiġi iżolata mill-bqija tal-popolazzjoni u mċaħħda mil-libertà ta’ moviment tagħha (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Eżami ex officio tad-detenzjoni), C‑704/20 u C‑39/21, EU:C:2022:858, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Fid-dawl tal-gravità ta’ dan l-indħil fid-dritt għal-libertà sanċit fl-Artikolu 6 tal-Karta u fid-dawl tal-importanza ta’ dan id-dritt, is-setgħa mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jqiegħdu f’detenzjoni ċittadini ta’ pajjiżi terzi hija strettament limitata. Miżura ta’ detenzjoni għalhekk tista’ tiġi ordnata jew estiża biss b’osservanza tar-regoli ġenerali u astratti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tagħha (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Eżami ex officio tad-detenzjoni), C‑704/20 u C‑39/21, EU:C:2022:858, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Barra minn hekk, meta jidher li l-kundizzjonijiet tal-legalità tad-detenzjoni previsti mid-Direttiva 2008/115, mid-Direttiva 2013/33 u mir-Regolament Dublin III, kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimplimentawhom ma jkunux ġew jew ma jkunux għadhom issodisfatti, il-persuna kkonċernata għandha, hekk kif jindika wkoll il-leġiżlatur tal-Unjoni espressament fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(2) u (4) tad-Direttiva 2008/115 u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33, tinħeles immedjatament (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Eżami ex officio tad-detenzjoni), C‑704/20 u C‑39/21, EU:C:2022:858, punt 79). |
|
45 |
Ir-regoli ġenerali u astratti msemmija fil-punt 43 tas-sentenza preżenti li jistabbilixxu, bħala standards komuni tal-Unjoni Ewropea, il-kundizzjonijiet għad-detenzjoni jinsabu, minn naħa, f’dak li jirrigwarda d-detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment, fl-Artikolu 15(1), fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2) u fl-Artikolu 15(4) sa (6) tad-Direttiva 2008/115. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun talab il-protezzjoni internazzjonali, ir-regoli rilevanti huma stabbiliti fl-Artikolu 8(2) u (3) u fl-Artikolu 9(1), (2) u (4) tad-Direttiva 2013/33 u, meta tkun inkwistjoni d-detenzjoni ordnata fil-kuntest tat-trasferiment ta’ applikant għal tali protezzjoni lejn l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu skont ir-Regolament Dublin III, fl-Artikolu 28(2) sa (4) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid u X (Eżami ex officio tad-detenzjoni) (C‑704/20 u C‑39/21, EU:C:2022:858, punt 76). Għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 28(4) tar-Regolament Dublin III jipprevedi espressament li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33 japplika fil-kuntest tal-proċeduri ta’ trasferiment irregolati minn dan ir-regolament tal-aħħar. |
|
46 |
Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-illegalità ta’ miżura ta’ detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali adottata, abbażi tar-Regolament Dublin III, bil-perspettiva tat-trasferiment ta’ dan l-applikant lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu taffettwax il-legalità ta’ miżura ta’ detenzjoni ulterjuri, adottata abbażi tad-Direttiva 2008/115 u li tikkonċerna lil din il-persuna, li nżammet f’detenzjoni mingħajr interruzzjoni u li ma għadx għandha l-istatus ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali iżda li issa tista’ titqies bħala ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li d-detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija rregolata mid-Direttiva 2008/115 u d-detenzjoni ordnata fil-konfront ta’ applikant għall-ażil, b’mod partikolari skont id-Direttiva 2013/33 u d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, jaqgħu taħt sistemi legali distinti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2009, Kadzoev (C‑357/09 PPU, EU:C:2009:741, punt 45). |
|
47 |
Għaldaqstant, miżura ta’ detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment, adottata bl-għan tar-ritorn tiegħu, għandha tosserva r-regoli li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/115. Il-miżura ta’ detenzjoni adottata fil-konfront ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali għandha tosserva, min-naħa tagħha, ir-regoli li jirriżultaw mid-Direttiva 2013/33 u mir-Regolament Dublin III. |
|
48 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 15(2) u (4) tad-Direttiva 2008/115 la jsemmi u lanqas jirreferi għall-kundizzjonijiet tal-legalità tad-detenzjoni stabbiliti skont l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2013/33 kif ukoll tal-Artikolu 28 tar-Regolament Dublin III, li jirregolaw id-detenzjoni ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali. |
|
49 |
Fit-tieni lok, mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-premessa 9 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru u li applikant għal protezzjoni internazzjonali ma għandux jitqies li qiegħed illegalment fit-territorju tal-Istat Membru fejn huwa jkun talab din il-protezzjoni qabel ma tkun daħlet fis-seħħ deċiżjoni negattiva fuq l-applikazzjoni tiegħu jew deċiżjoni li ttemm id-dritt ta’ residenza tiegħu bħala applikant għall-ażil. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2008/115 ma tapplikax għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tad-Direttiva 2013/32, u dan matul il-perijodu li jkopri mill-preżentata ta’ din l-applikazzjoni sal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza li tiddeċiedi dwar l-imsemmija applikazzjoni jew, jekk ikun il-każ, sal-eżitu tar-rikors li jkun ġie ippreżentat kontra l-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343, punt 49). |
|
50 |
Minn dan isegwi li applikant għal protezzjoni internazzjonali, sakemm huwa jkollu dan l-istatus, ma jistax jitqiegħed f’detenzjoni skont id-Direttiva 2013/33 jew ir-Regolament Dublin III u, fl-istess ħin, skont id-Direttiva 2008/115 bħala ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment. |
|
51 |
Fit-tielet lok, hekk kif jirriżulta mill-punti 58, 59 u 61 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, miżura ta’ detenzjoni tista’ tiġi adottata skont id-Direttiva 2008/115 wara detenzjoni eżegwita skont id-Direttiva 2013/33 jew ir-Regolament Dublin III. Fil-fatt, għalkemm id-Direttiva 2008/115 ma hijiex applikabbli matul l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għall-ażil, dan bl-ebda mod ma jfisser li, minħabba f’hekk, il-proċedura għar-ritorn ser tiġi definittivament mitmuma, għaliex din tal-aħħar tista’ titkompla fl-ipoteżi li fiha l-applikazzjoni għall-ażil tiġi miċħuda. Fil-fatt, l-għan ta’ din id-direttiva, jiġifieri r-ritorn effikaċi ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu qegħdin fil-pajjiż b’mod illegali, jista’ jiġi ppreġudikat li kieku kien impossibbli għall-Istati Membri li jevitaw li l-persuna kkonċernata tkun tista’, permezz tal-preżentata ta’ applikazzjoni għall-ażil, tikseb awtomatikament il-ħelsien tagħha (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Arslan, C‑534/11, EU:C:2013:343, punt 60). |
|
52 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-possibbiltà li tinżamm id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-għan tad-Direttiva 2008/115 jiġi ppreġudikat, kieku jkun impossibbli għall-Istati Membri li jevitaw, permezz ta’ ċaħda tal-libertà, li persuna ssuspettata b’residenza irregolari taħrab saħansitra qabel ma s-sitwazzjoni tagħha tkun tista’ tiġi ċċarata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 30). |
|
53 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-illegalità ta’ miżura ta’ detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali adottata, abbażi tar-Regolament Dublin III, bil-perspettiva tat-trasferiment ta’ dan l-applikant lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu ma taffettwax, bħala prinċipju, il-legalità ta’ miżura ta’ detenzjoni ulterjuri, adottata abbażi tad-Direttiva 2008/115 u li tikkonċerna lil din il-persuna, li nżammet f’detenzjoni mingħajr interruzzjoni u li ma għadx għandha l-istatus ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali iżda li issa tista’ titqies bħala ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment. Għaldaqstant, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti ma hijiex obbligata li teħles immedjatament lill-imsemmija persuna minħabba s-sempliċi fatt tal-illegalità ta’ miżura ta’ detenzjoni preċedenti adottata abbażi tar-Regolament Dublin III. |
|
54 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi ppreċiżat li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iż-żamma ta’ miżura ta’ ċaħda tal-libertà, sabiex tkun konformi mal-għan li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-individwu kontra l-arbitrarjetà, timplika, b’mod partikolari, li hija tkun nieqsa minn kull element ta’ mala fide jew ta’ qerq min-naħa tal-awtoritajiet, li hija tkun konformi mal-għan tar-restrizzjonijiet awtorizzati mis-subparagrafu rilevanti tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, u li jkun hemm rabta ta’ proporzjonalità bejn ir-raġuni invokata u ċ-ċaħda tal-libertà inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 81). |
|
55 |
Il-konklużjoni li tinsab fil-punt 53 tas-sentenza preżenti ma hijiex ikkontestata mill-kunsiderazzjoni tal-qorti tar-rinviju li l-għoti ta’ kumpens lill-persuna li kienet is-suġġett ta’ detenzjoni illegali ma jservix sabiex jirrimedja b’mod adegwat il-ksur tad-dritt għal-libertà subit u ma jiżgurax is-salvagwardja tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
56 |
Ċertament, hija ġurisprudenza ferm stabbilita li, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, l-Istati Membri għandhom jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet individwali dderivati mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Eżami ex officio tad-detenzjoni), C‑704/20 u C‑39/21, EU:C:2022:858, punt 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma llimitax ruħu li jistabbilixxi regoli komuni sostantivi, iżda stabbilixxa wkoll regoli komuni proċedurali, li għandhom l-għan li jiżguraw li teżisti, f’kull Stat Membru, sistema li tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti li teħles, jekk ikun il-każ wara eżami ex officio, lill-persuna kkonċernata hekk kif jirriżulta li d-detenzjoni tagħha ma tkunx jew ma tkunx għadha, legali. Sabiex tali sistema ta’ protezzjoni tiżgura b’mod effettiv l-osservanza tal-kundizzjonijiet stretti li għalihom għandha tirrispondi l-legalità ta’ miżura ta’ detenzjoni msemmija mid-Direttiva 2008/115, mid-Direttiva 2013/33 jew mir-Regolament Dublin III, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi fuq kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sabiex tivverifika din il-legalità. Għal dan il-għan, hija għandha tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt u l-provi prodotti mill-awtorità amministrattiva li tkun ordnat id-detenzjoni inizjali (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Eżami ex officio tad-detenzjoni) (C‑704/20 u C‑39/21, EU:C:2022:858, punt 86 u 87). |
|
58 |
Madankollu, minn naħa, fir-rigward tad-dritt għal-libertà, hekk kif irrileva, essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ miżura ta’ detenzjoni ma timplikax, fil-każijiet kollha, il-ħelsien immedjat tal-persuna kkonċernata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punti 39 u 40), li tippermetti l-istabbiliment mill-ġdid tad-drittijiet ta’ din tal-aħħar, meta tali stabbiliment mill-ġdid ma jkunx għadu materjalment possibbli, peress li ż-żamma tad-detenzjoni ta’ din il-persuna tkun validament iġġustifikata abbażi ta’ bażi legali awtonoma oħra. Din hija r-raġuni għaliex kumpens għandu, bħala prinċipju, ikun previst għall-persuni li jkunu nżammu mingħajr bażi sabiex jiġi kkumpensat id-dannu subit minħabba ċ-ċaħda illegali tal-libertà. |
|
59 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi rrilevat li, kif ikkonferma l-Gvern Olandiż waqt is-seduta, il-qorti tar-rinviju tista’ tordna lis-Segretarju tal-Istat iħallas ammont ta’ kumpens ikbar minn dak propost konkretament, f’dan il-każ, minn din l-awtorità. Għaldaqstant, il-fatt li s-Segretarju tal-Istat kien ippropona ammont ta’ EUR 100 bħala kumpens għad-dannu mġarrab minn C, minħabba li t-terminu għall-ħelsien previst mid-dritt nazzjonali kien inqabeż b’24 siegħa, ma jidhirx li huwa suffiċjenti sabiex juri, fih innifsu, l-eżistenza ta’ ksur ta’ dan id-dritt fiċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-każ preżenti. |
|
60 |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, għar-raġunijiet li wasslu għall-konklużjoni fformulata fil-punt 53 tas-sentenza preżenti, f’ċirkustanzi bħal dawk li jikkaratterizzaw il-kawża prinċipali, l-illegalità tal-ewwel miżura ta’ detenzjoni ma tistax taffettwa, bħala prinċipju, il-legalità tat-tieni miżura ta’ detenzjoni, adottata abbażi tad-Direttiva 2008/115. |
|
61 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 15(2) u (4) tad-Direttiva 2008/115, l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33 u l-Artikolu 28(4) tar-Regolament Dublin III, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix l-obbligu, għall-awtorità ġudizzjarja kompetenti, li tordna l-ħelsien ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun jinsab f’detenzjoni skont miżura adottata abbażi tad-Direttiva 2008/115, għar-raġuni li din il-persuna, li d-detenzjoni tagħha kienet ġiet ordnata inizjalment permezz ta’ miżura adottata abbażi tar-Regolament Dublin III, ma kinitx ġiet illiberata immedjatament wara l-konstatazzjoni li din il-miżura tal-aħħar kienet saret illegali. |
Fuq l-ispejjeż
|
62 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 15(2) u (4) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, l-Artikoli 9(3) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, u l-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqrija flimkien mal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix l-obbligu, għall-awtorità ġudizzjarja kompetenti, li tordna l-ħelsien ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun jinsab f’detenzjoni skont miżura adottata abbażi tad-Direttiva 2008/115, għar-raġuni li din il-persuna, li d-detenzjoni tagħha kienet ġiet ordnata inizjalment permezz ta’ miżura adottata abbażi tar-Regolament Dublin III, ma kinitx ġiet illiberata immedjatament wara l-konstatazzjoni li din id-deċiżjoni tal-aħħar kienet saret illegali. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.