25.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/156


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-5 ta’ Mejju 2010

li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2008

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2008,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mat-tweġibiet tal-Awtorità (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2010 (5827/2010 – C7-0061/2010),

wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE u l-Artikolu 319 tat-Trattat FUE,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b ’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, u b ’mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (4), u b ’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0086/2010),

A.

billi l-Qorti tal-Awdituri (minn hawn ’il quddiem “il-Qorti”) tindika li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2008 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari,

B.

billi, fit-23 ta’ April 2009, il-Parlament ta kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2007 (5) u billi fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni ta’ kwittanza, il-Parlament innota b ’mod partikolari li:

—

l-approprjazzjonijiet trasferiti fl-2007 kienu jikkorrispondu għal EUR 8 600 000 (jew 17 % tal-baġit tal-2007) u l-approprjazzjonijiet ikkanċellati kienu jammontaw għal EUR 4 800 000;

—

il-fatt li, fl-2007, il-ħlasijiet intużaw inqas milli kien mistenni jista’ jiġi spjegat prinċipalment minħabba l-ittardjar fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tal-2007 fir-rigward tas-sussidji u t-trasferiment ta’ EUR 7 900 000 ta’ approprjazzjonijiet mis-sena finanzjarja ta’ qabel (2006), inklużi EUR 4 500 000 fl-attivitajiet operattivi;

Prestazzjoni, ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jenfasizza r-rwol tal-Awtorità fil-ħidma tagħha fejn tipprovdi pariri xjentifiċi indipendenti dwar il-kwistjonijiet kollha li għandhom impatt dirett jew indirett fuq is-sikurezza tal-ikel, inklużi s-saħħa u l-benesseri tal-annimali u l-ħarsien tal-pjanti, u l-ħtieġa li l-pariri xjentifiċi jiġu kkomunikati kif għandu jkun;

2.

Isostni li matul l-2008, is-sitt sena operattiva tagħha, l-Awtorità tejbet il-prestazzjoni tagħha b ’mod kostanti; jinnota li dan it-titjib huwa kjarament rifless fl-indikaturi tal-prestazzjoni, b ’żieda ta’ 57 % fin-numru ta’ opinjonijiet u dikjarazzjonijiet xjentifiċi matul l-2007, flimkien ma’ metodoloġiji aħjar tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-koordinazzjoni tan-netwerk xjentifika (eż. dokumenti gwida u rapporti għall-ġbir tad-data), komunikazzjoni aħjar tal-pariri xjentifiċi u djalogu aħjar mal-istakeholders (eż. kopertura usa ’ fl-artikli fil-mezzi tax-xandir u fix-xandiriet, aktar stqarrijiet stampa u żieda ta’ 21 % fil-għadda tal-abbonati għall-bulletin “EFSA Highlights” matul l-2007); isostni li din iż-żieda fil-kisbiet hija bbilanċjata minn żieda (27 %) fir-riżorsi umani meta mqabbla mal-2007;

3.

Jinnota li fl-2008 l-Awtorità laħqet livell għoli ta’ eżekuzzjoni tal-baġit kemm fir-rigward tal-krediti għall-impenji u kemm fir-rigward tal-krediti għall-ħlasijiet: 97 % u 95 % rispettivament; jenfasizza li meta mqabbel mas-sena ta’ qabel il-baġit żdied b ’EUR 9 000 000;

4.

Jinnota, b ’danakollu, li għat-tielet sena konsekuttiva l-Qorti tal-Awdituri mmarkat it-trasferimenti ta’ approprjazzjonijiet għas-sena ta’ wara (23 % tal-baġit tal-2008 kien trasferit għall-2009); 16 % tal-approprjazzjonijiet baġitarji tal-2007 ġew trasferiti għas-sena finanzjarja 2008; 20 % tal-approprjazzjonijiet baġitarji tal-2006 ġew trasferiti għas-sena finanzjarja 2007); jinnota li fl-2008, din is-sitwazzjoni seħħet minħabba fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni tardivi ta “miżuri dwar żvilupp ta” software, il-kooperazzjoni xjentifika ma’ esperti esterni, u għotjiet għal studji u proġetti ta’ ġbir tad-data; iħeġġeġ lill-Awtorità biex ittejjeb il-ġestjoni tagħha tal-baġit sabiex tnaqqas ammonti għolja ta’ trasferiment bħal dawn;

5.

Jinnota wkoll li, għat-tieni sena konsekuttiva, il-Qorti tal-Awdituri tosserva li l-impenji għall-attivitajiet operattivi trasferiti mis-sena preċedenti kellhom jiġu kkanċellati (37 % ta’ impenji għall-attivitajiet operattivi trasferiti mill-2007 u 26 % ta’ impenji għall-attivitajiet operattivi trasferiti mill-2006); jinnota li għas-sena finanzjarja 2008, is-sitwazzjoni seħħet prinċipalment minħabba dewmien konsiderevoli fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ sussidju tal-2007 matul is-sena finanzjarja 2008;

6.

Huwa mħasseb, għaldaqstant, li din is-sitwazzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ annwalità u tikxef nuqqasijiet fl-ippjanar, il-monitoraġġ tal-iskadenzi kuntrattwali stabbiliti u l-baġit tal-Awtorità;

7.

Jifraħ lill-Awtorità talli elenkat, fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-2008, objettivi ta’ prijorità u indikaturi tal-prestazzjoni għal kull waħda mill-attivitajiet ewlenin ippjanati; iħeġġeġ lill-Awtorità biex ittejjeb id-definizzjoni tal-objettivi SMART u tal-indikaturi RACER sabiex titħeġġeġ il-kisba tar-riżultati u jkun jista’ jsir monitoraġġ effettiv tal-prestazzjonijiet; jikkunsidra bħala pożittiv l-istabbiliment mill-Awtorità tal-proċess ta’ evalwazzjoni tar-riskji li, għas-sena 2009, diġà għandu jsaħħaħ u jippermetti l-monitoraġġ mill-qrib tal-attivitajiet xjentifiċi u amministrattivi tal-Awtorità;

8.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-Awtorità, fil-futur, fil-proċeduri tagħha marbuta mal-ftehimiet ta’ sussidji, tisħaq aktar fuq l-evalwazzjoni tal-kumplessità tas-servizz, sabiex tiġi ddefinita aħjar l-iskadenza għat-tressiq tal-offerti; jinnota wkoll li l-Awtorità għandha timmonitorja aħjar l-osservanza tal-iskadenzi kuntrattwali stabbiliti fil-ftehimiet ta’ sussidji;

9.

Iqis bħala element pożittiv il-fatt li l-Awtorità introduċiet, fil-baġit tal-2009, l-approprjazzjonijiet differenzjati assenjati għas-sussidji, sabiex jiġu evitati l-kanċellazzjonijiet fis-snin futuri;

10.

Jinnota li l-kontijiet tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2008 juru dħul minn interessi ta’ 485 651,33 EUR; jikkonkludi mill-għeluq tal-kontijiet annwali u l-ammont ta’ pagamenti ta’ interessi li l-Awtorità żżomm riżervi ta’ flus kontanti għoljin ħafna għal perjodi twal; jinnota li sal-31 ta’ Diċembru 2008 l-ammont ta’ flus kontanti tal-awtorità kien ta’ 19 990 492,26 EUR; jistieden lill-Kummissjoni teżamina x’possibilitajiet jeżistu biex il-ġestjoni ta’ flus kontanti bbażata fuq il-prinċipju tal-ħtiġijiet, kif stabbilit fl-Artikolu 15(5) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tkun implimentata bis-sħiħ, u liema tibdiliet fl-approċċ huma meħtieġa biex jiżguraw li r-riżervi ta’ flus kontanti tal-Awtorità jinżammu baxxi kemm jista’ jkun għal perjodu ta’ żmien twil;

Verifika interna

11.

Iqis li l-kumitat tal-verifika (AC), maħluq mill-Awtorità fl-2006, għandu rwol importanti biex jgħin lill-Bord tat-Tmexxija billi jiżgura li x-xogħol tas-Servizzi tal-Verifika Interna (IAS) tal-Kummissjoni u tal-kapaċitajiet ta’ verifika interna (IAC) tal-Awtorità jkun twettaq sewwa u jkun tqies kif xieraq mill-Bord tat-Tmexxija u mid-Direttur Eżekuttiv; jemmen, għalhekk, illi dan l-AC fi ħdan l-Awtorità jista’ jservi bħala eżempju għal aġenziji oħra;

12.

Jinnota li 20 mill-25 rakkomandazzjoni magħmula mill-IAS u l-IAC ġew implimentati (80 %); madankollu, jistieden lill-Awtorità biex tipprovdi lill-Parlament b’informazzjoni ulterjuri dwar il-livell ta’ importanza tagħhom u l-azzjonijiet meħuda biex dawn jiġu implimentati;

Riżorsi Umani

13.

Jinnota li l-Awtorità rnexxielha timla 318 (li jirrappreżentaw ir-reklutaġġ ta’ 45 persunal temporanju meta mqabbel mal-2007) mill-335 post previst fil-pjan ta’ stabbiliment tagħha wara li kellha diffikultajiet biex tirrekluta staff xjentifiku bi kwalifiki għoljin f’Parma; jinnota li ġew irreklutati 40 membru ta’ staff ta’ appoġġ (awżiljarji, kuntrattwali, esperti nazzjonali ssekondati) sabiex jappoġġaw lill-Awtorità fil-kompiti tagħha;

14.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li n-nuqqasijiet fil-proċeduri ta’ reklutaġġ ma baqgħux jiġu rrappurtati fir-rapport attwali tal-Qorti tal-Awdituri;

15.

Iħeġġeġ lill-Awtorità tiżgura li l-ex uffiċjali kollha, skont l-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, jinfurmaw lill-Awtorità meta jieħdu pożizzjonijiet ġodda barra l-istituzzjonijiet. Jekk attivitajiet bħal dawn jistgħu jwasslu għal kunflitt mal-interessi leġittimi tal-istituzzjonijiet, l-Awtorità għandha tieħu l-miżuri xierqa.

16.

Jieħu nota tat-tieni stħarriġ dwar l-istaff li ġie mniedi f’Ottubru 2008 bil-ħsieb li jiġi vvalutat l-ambjent tax-xogħol tal-Awtorità; jinsab sodisfatt li l-livell ta’ parteċipazzjoni żdied minn 44 % fl-2007 għal 55 % fl-2008; iħeġġeġ lill-kumitat tal-istaff biex imexxi stħarriġ bħal dan fuq bażi regolari u biex iżid il-livell ta’ parteċipazzjoni, u jistenna li l-amministrazzjoni tal-Awtorità tinkorpora r-riżultati misluta mill-istħarriġ fil-ġestjoni tagħha tal-istaff u fil-ħidma tagħha ta’ kuljum;

Ir-rwol ta’ koordinatur tan-netwerk tal-aġenziji

17.

Jifraħ lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità li ħadem b’mod effiċjenti ħafna, mill-1 ta’ Marzu 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009, bħala koordinatur tan-Netwerk tal-Aġenziji;

18.

Jirreferi, għal osservazzjonijiet oħra ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta’ kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 (6) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  ĠU C 304, 15.12.2009, p. 95.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(5)  ĠU L 255, 26.9.2009, p. 185.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2010)0139 (Ara paġna 241 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).