SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
7 ta’ Lulju 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika Agrikola Komuni — Regolament (KE) Nru 1698/2005 — Regolament (KE) Nru 65/2011 — Finanzjament mill-FAEŻR — Għajnuna għall-iżvilupp rurali — Regoli dwar l-eliġibbiltà ta’ operazzjonijiet u ta’ nfiq — Rekwiżit ratione temporis — Esklużjoni kompleta — Tnaqqis tal-għajnuna”
Fil-Kawża C‑111/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upravno sodišče (qorti amministrattiva, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Marzu 2015, fil-proċedura
Občina Gorje
vs
Republika Slovenija,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, F. Biltgen, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Jannar 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għall-Občina Gorje, minn A. Mužina, odvetnik, |
|
— |
għall-Gvern Sloven, minn V. Klemenc, bħala aġent, assistita minn B. Jovin Hrastnik, konsulent legali, |
|
— |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Simmons, bħala aġent, assistita minn G. Facenna, QC, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Aquilina u B. Rous Demiri, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ April 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 71 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 286M, p. 26). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Občina Gorje (muniċipalità ta’ Gorje, Slovenja) u r-Republika Slovenija (ir-Repubblika tas-Slovenja) rigward ir-rifjut lil din il-muniċipalità li jsirilha pagament ta’ għajnuna taħt il-programm ta’ żvilupp rurali kofinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessa 61 tar-Regolament Nru 1698/2005 kienet ifformulata kif ġej: “F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u soġġett għal eċċezzjonijiet, għandu jkun hemm regoli nazzjonali dwar l-eliġibbilità tal-ispejjeż.” |
|
4 |
Skont l-Artikolu 71 ta’ dan ir-regolament: “1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 39(1) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, nefqa għandha tkun eliġibbli għal kontribut tal-FAEŻR jekk l-għajnuna rilevanti hija fil-fatt imħallsa mill-aġenzija ta’ pagament bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2015. Operazzjonijiet kofinanzjati m’għandhomx jitlestew qabel id-data tal-bidu tal-eliġibbilità. Nefqa ġdida miżjuda fil-mument tal-modifika ta’ programm imsemmi fl-Artikolu 19, għandha tkun eliġibbli mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tirċievi t-talba għal modifika tal-programm. 2. Nefqa għandha tkun eliġibbli għal kontribut tal-FAEŻR unikament meta magħmula għal operazzjonijiet deċiżi mill-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-programm inkwistjoni jew taħt ir-responsabbiltà tagħha, f’konformità mal-kriterji ta’ selezzjoni stabbiliti mill-korp kompetenti. 3. Ir-regoli dwar l-eliġibbilità tan-nefqa għandhom jiġu stabbiliti fuq livell nazzjonali, soġġett għall-kondizzjonijiet speċjali stabbiliti minn dan ir-Regolament għal ċerti miżuri għall-iżvilupp rurali. [...]” |
|
5 |
L-Artikolu 74(1) tal-imsemmi regolament kien jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet leġislattivi, statutorji u amministrattivi kollha [...] sabiex jiżguraw li l-interessi finanzjarji tal-[Unjoni] jkunu protetti b’mod effettiv.” |
|
6 |
Ir-Regolament Nru 1698/2005 kien is-suġġett ta’ żewġ regolamenti ta’ implementazzjoni suċċessivi. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1975/2006, tas-7 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 368, p. 74), imbagħad ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011, tas-27 ta’ Jannar 2011 (ĠU 2011, L 25, p. 8), li ħassar dak preċedenti. |
|
7 |
L-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 65/2011 jipprevedi: “1. Il-pagamenti għandhom jiġu kkalkulati abbażi ta’ dak li jinstab li huwa eliġibbli matul il-kontrolli amministrattivi. L-Istat Membru għandu jeżamina t-talba għal pagament mibgħuta mill-benefiċjarju, u jistabbilixxi l-ammonti li huma eliġibbli għall-appoġġ. Dan għandu jistabbilixxi:
Jekk l-ammont stabbilit skont il-punt (a) jaqbeż l-ammont stabbilit skont il-punt (b) b’iżjed minn 3 %, għandu jiġi applikat tnaqqis mill-ammont stabbilit skont il-punt (b). L-ammont tat-tnaqqis għandu jkun id-differenza bejn dawn iż-żewġ ammonti. Madankollu, l-ebda tnaqqis m’għandu jiġi applikat jekk il-benefiċjarju jista’ juri li huwa m’għandux tort għall-inklużjoni tal-ammont mhux eliġibbli. 2. Meta jinstab li benefiċjarju għamel dikjarazzjoni falza intenzjonalment, l-operazzjoni kkonċernata għandha tiġi eskluża mill-appoġġ mill-FAEŻR u kwalunkwe ammonti mħallsa diġà għal dik l-operazzjoni għandhom jiġu rkuprati. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż milli jirċievi appoġġ taħt l-istess miżura għas-sena kalendari tas-sejba u għas-sena kalendarja ta’ wara. […]” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament: “1. Ir-Regolament (KE) Nru 1975/2006 huwa rrevokat b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011. Madankollu, dan għandu jkompli japplika fir-rigward tat-talbiet għal pagamenti sottomessi qabel l-1 ta’ Jannar 2011. [...]” |
Id-dritt Sloven
|
9 |
Iż-Zakon o kmetijstvu (liġi fuq l-agrikoltura, Uradni list RS, št. 45/2008, 57/2012, 90/2012, iktar ’il quddiem, iż-“Zkme‑1”) tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali fil-qasam tal-iżvilupp rurali. |
|
10 |
Skont l-Artikolu 10 taż-ZKme-1 : “Il-gvern jadotta, skont id-dokumenti ta’ programmazzjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-miżuri ta’ politika agrikola.” |
|
11 |
L-Artikolu 12 ta’ din il-liġi jispeċifika: “Għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-miżuri ta’ żvilupp rurali, il-gvern jistabbilixxi:
|
|
12 |
Fir-rigward tad-deċiżjoni dwar l-eliġibbiltà għas-sussidji, l-Artikolu 53(1) taż-ZKme-1 jipprevedi: “L-awtorità kompetenti għandha tadotta deċiżjoni dwar l-eliġibbiltà għas-sussidji intiża għall-partijiet li t-talbiet tagħhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet legali u s-sejħa għal offerti, u riżorsi jingħataw għal dan l-għan.” |
|
13 |
Rigward it-talbiet għal ħlas ta’ sussidji, l-Artikolu 56(4) taż-ZKme-1 huwa redatt kif ġej: “L-awtorità għandha tiċħad permezz ta’ deċiżjoni kull talba li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mid-dispożizzjonijiet legali, is-sejħa għal offerti jew id-deċiżjoni fuq l-eliġibbiltà għas-sussidji”. |
|
14 |
Abbażi taż-ZKme-1, il-Gvern Sloven adotta l-Uredba o ukrepih 1., 3. in 4. osi Programa razvoja podeželja Republike Slovenije za obdobje 2007-2013 v letih 2010-2013 (digriet fuq il-miżuri tal-assi 1, 3 u 4 tal-programm ta’ żvilupp rurali għall-perijodu 2007‑2013, Uradni list RS, št. 40/2010, 85/2010, iktar ’il quddiem, id-“digriet PRP”,). |
|
15 |
Skont l-Artikolu 79(4) tad-digriet PRP: “Infiq ta’ investiment eliġibbli huwa biss l-infiq li jkun ġie sostnut bejn id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eliġibbiltà għas-sussidji u l-ikkompletar tal-proġett ta’ investiment, jew mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2015. Il-fatt li l-benefiċjarju jidħol f’obbligu taħt eventwali sussidji mogħtija (konklużjoni ta’ kuntratt kwalunkwe, ordni ta’ materjal, ta’ apparat, ta’ servizzi jew ta’ xogħlijiet) jitqies li jikkostitwixxi l-ewwel nefqa.” |
|
16 |
Il-ministeru għall-agrikoltura, il-forestrija u l-ikel tar-Reppubblika tas-Slovenja ppubblika, taħt id-digriet PRP, sejħa għal offerti għall-miżura 322 “ir-rinnovazzjoni u l-iżvilupp tal-irħula” (iktar ’il quddiem, is-“sejħa għal offerti”). |
|
17 |
Taħt it-titolu “Kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà li għandhom jiġu ssodisfatti mal-preżentata tat-talba fil-kuntest tas-sejħa għal offerti”, il-Kapitolu IV/1 ta’ din is-sejħa għal offerti, jipprevedi, fil-punt 1 tat-taqsima “Investiment”: “It-twettiq tal-investiment ma jistax jinbeda qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eliġibbiltà għas-sussidji.” |
|
18 |
Il-Kapitolu VI tas-sejħa għal offerti jipprevedi, fil-punt 3 tiegħu: “Skont l-Artikolu 79(4) tad-digriet PRP, huwa eliġibbli għall-għajnuna biss l-infiq ta’ investiment li jkun ġie sostnut bejn id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eliġibbiltà għas-sussidji u l-ikkompletar tal-proġett ta’ investiment, jew mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2015.” |
|
19 |
Il-punti 4 u 5 tal-Kapitolu VI tas-sejħa għal offerti jipprevedu:
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
20 |
L-Agencija Republike Slovenije za kmetijske trge in razvoj podeželja (l-aġenzija tas-swieq agrikoli u tal-iżvilupp rurali tar-Repubblika tas-Slovenja, iktar ’il quddiem l-“aġenzija”) wettqet il-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għal miżuri ta’ rinnovazzjoni u ta’ żvilupp ta’ rħula fil-kuntest tal-programm rurali tar-Repubblika tas-Slovenja għas-snin 2007 sa 2013. |
|
21 |
Il-muniċipalità ta’ Gorje ppreżentat, fid-19 ta’ Awwissu 2010, talba għal għajnuna fil-kuntest ta’ din is-sejħa għal offerti, sabiex tikseb il-kofinanzjament mill-FAEŻR tal-proġett ta’ rinnovazzjoni ta’ bini li tiegħu hija kienet koproprjetarja. |
|
22 |
Qabel il-preżentata tat-talba tagħha għal għajnuna, hija organizzat proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, u fit-tmiem tagħha ntgħażel fornitur ta’ xogħlijiet. Il-muniċipalità ta’ Gorje ffirmat, fit-12 ta’ Lulju 2010, ma’ dan il-fornitur żewġ kuntratti b’kundizzjoni sospensiva ta’ eżekuzzjoni, skont liema dawn il-kuntratti jipproduċu l-effetti tagħhom biss jekk il-proġett tal-muniċipalità ta’ Gorje jkun eliġibbli għall-programm ta’ żvilupp rurali ssussidjat. |
|
23 |
B’deċiżjoni tad-19 ta’ ottubru 2010, l-aġenzija ddeċidiet favur il-proġett tal-muniċipalità ta’ Gorje u tatu kofinanzjament taħt dan il-programm għal ammont ta’ EUR 128200.52. |
|
24 |
Wara l-preżentata, fl-1 ta’ Ġunju 2011, tat-talba tal-muniċipalità ta’ Gorje intiża għall-pagament tas-somma li kienet ingħatatilha, l-aġenzija wettqet verifika fuq il-post tal-bini li kellu jiġi rrinnovat. B’dan il-mod hija kkonstatat, billi bbażat ruħha fuq il-ġurnal tas-sit, li x-xogħlijiet ta’ twaqqigħ tas-saqaf tal-bini kienu bdew fis‑16 ta’ Awwissu 2010. |
|
25 |
Kemm iż-ZKme-1 kif ukoll is-sejħa għal offerti kienu jipprevedu li huwa eliġibbli għall-kofinanzjament mill-FAEŻR biss l-infiq sostnut wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti tas-sussidju. |
|
26 |
Għaldaqstant, b’deċiżjoni tat-3 ta’ Novembru 2011, l-aġenzija rrifjutat li tipproċedi bil-pagament tal-ammont sħiħ tal-għajnuna prevista għall-operazzjoni ta’ rinnovazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
27 |
Il-qorti tar-rinviju ġiet adita għall-ewwel darba mill-muniċipalità ta’ Gorje b’rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Novembru 2011. Wara li laqgħet ir-rikors ta’ din il-muniċipalità, l-Upravno sodišče (qorti amministrattiva) bagħtet lura t-tilwima quddiem l-aġenzija sabiex din tiddeċiedi mill-ġdid. |
|
28 |
B’deċiżjoni tal-25 ta’ April 2013, l-aġenzija rrifjutat għat-tieni darba li tipproċedi bil-pagament tal-għajnuna mogħtija bid-deċiżjoni tad-19 ta’ Ottubru 2010. Il-muniċipalità ta’ Gorje kkontestat mill-ġdid dan ir-rifjut quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
29 |
Essenzjalment, il-muniċipalità ta’ Gorje ssostni, minn naħa, li l-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà applikati mill-aġenzija huma iktar stretti minn dawk previsti mir-Regolament Nru 1698/2005. Min-naħa l-oħra, huma biss ix-xogħlijiet imwettqa fuq l-inizjattiva tal-koproprjetarju tal-bini li għandu jiġi rrinnovat li bdew qabel il-preżentata tat-talba għal għajnuna, u l-muniċipalità ta’ Gorje daħlet f’impenji biss bil-kundizzjoni tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. |
|
30 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għaldaqstant, dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali sa fejn huma jipprevedu kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà li huma iktar stretti fiż-żmien minn dawk li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1698/2005. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk l-imsemmi regolament jippermettix lill-awtoritajiet nazzjonali, fil-każ tan-nuqqas ta’ eliġibbiltà ta’ ċertu nfiq, jiċħdu t-talba għal kofinanzjament fl-intier tagħha jew jekk tali sanzjoni hijiex ħarxa wisq. |
|
31 |
F’dan il-kuntest, l-Upravno sodišče (qorti amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
32 |
Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1698/2005 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema huwa eliġibbli għall-parteċipazzjoni tal-FAEŻR fil-kofinanzjament ta’ operazzjoni ta’ żvilupp rurali magħżula mill-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm ta’ żvilupp rurali kkonċernat jew taħt ir-responsabbiltà ta’ din, biss l-infiq sostnut wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ tali għajnuna. |
|
33 |
Din il-qorti tqis, b’mod partikolari, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fit-tilwima mressqa quddiemha tistabbilixxi kundizzjonijiet kunsiderevolment iktar restrittivi fil-qasam ta’ kofinanzjament tal-miżuri ta’ żvilupp rurali mir-Regolament Nru 1698/2005, u, li, għaldaqstant, għandha mnejn tikser id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm minħabba n-natura tagħhom stess u l-funzjoni tagħhom fl-iskema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ regolamenti għandhom, ġeneralment, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali mingħajr ma jkun meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu miżuri ta’ applikazzjoni, uħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom jistgħu jeħtieġu, madankollu, għall-implementazzjoni tagħhom, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2012, Ketelä, C‑592/11, EU:C:2012:673, punt 35; digriet tas-16 ta’ Jannar 2014, Dél-Zempléni Nektár Leader Nonprofit, C‑24/13, EU:C:2014:40, punt 14, u tal-15 ta’ Mejju 2014, Szatmári Malom, C‑135/13, EU:C:2014:327, punt 54). |
|
35 |
Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni ta’ regolament jekk ma jostakolawx l-applikabbiltà diretta tiegħu, jekk ma jaħbux in-natura tiegħu ta’ att ta’ dritt tal-Unjoni u jekk jispeċifikaw l-eżerċizzju ta’ marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija minn dan ir-regolament filwaqt li jibqgħu fil-parametri tad-dispożizzjonijiet tiegħu (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2012, Ketelä, C‑592/11, EU:C:2012:673, punt 36, u tal-15 ta’ Mejju 2014, Szatmári Malom, C‑135/13, EU:C:2014:327, punt 55). |
|
36 |
Huwa b’riferiment għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolament inkwistjoni, interpretati fid-dawl tal-għanijiet ta’ dan, li għandu jiġi stabbilit jekk dawn jipprojbixxux, jimponux jew jippermettux lill-Istati Membri li jadottaw ċerti miżuri ta’ applikazzjoni u, b’mod partikolari f’din l-aħħar ipoteżi, jekk il-miżura kkonċernata tidħolx fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lil kull Stat Membru (digriet tal-25 ta’ Ottubru 2012, Ketelä, C‑592/11, EU:C:2012:673, punt 37). |
|
37 |
L-ewwel nett, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolament inkwistjoni, għandu, minn naħa, jiġi osservat li, skont l-Artikolu 71(3) tal-imsemmi regolament, ir-regoli dwar l-eliġibbiltà tal-infiq huma, fil-prinċipju, ffissati fuq il-livell nazzjonali, suġġett għal kundizzjonijiet partikolari stabbiliti taħt l-imsemmi regolament għal ċerti miżuri ta’ żvilupp rurali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Szatmári Malom, C‑135/13, EU:C:2014:327, punt 27). |
|
38 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 71(1) u (2) tar-Regolament Nru 1698/2005 jipprevedi li l-“[o]perazzjonijiet kofinanzjati m’għandhomx jitlestew qabel id-data tal-bidu tal-eliġibbilità”, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2007, u li l-infiq huwa eliġibbli biss jekk isir għall-operazzjonijiet magħżula mill-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm ta’ żvilupp rurali kkonċernat jew taħt ir-responsabbiltà tagħha. |
|
39 |
Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li, sa fejn il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jagħti lill-Istati Membri l-kompetenza ġenerali li jistabbilixxu r-regoli dwar l-eliġibbiltà tal-infiq, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija Stati Membri għandhom raġun jipprevedu kundizzjoni għall-eliġibbiltà ta’ dan, marbuta b’mod partikolari mal-fatt li dan l-infiq jitwettaq wara l-approvazzjoni tat-talba għal għajnuna. |
|
40 |
Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li tali kundizzjoni tipparteċipa fit-twettiq tal-prinċipju ta’ allokazzjoni tal-infiq għal operazzjoni partikolari, kif previst mill-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 1698/2005. |
|
41 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-għan tar-Regolament Nru 1698/2005, għandu jiġi osservat li dan jikkonsisti, skont il-ħames premessa tiegħu, fil-promozzjoni tal-iżvilupp rurali. Għaldaqstant, kundizzjoni li tillimita l-eliġibbiltà tal-infiq marbut ma’ operazzjoni kofinanzjata biss għall-infiq magħmul wara d-deċiżjoni ta’ għoti tal-għajnuna hija konformi ma’ dan l-għan, sa fejn hija tiżgura, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, allokazzjoni iktar effettiva tal-fondi tal-FAEŻR. Fil-fatt, minn naħa, tali kundizzjoni tippermetti li tiġi mmirata aħjar l-allokazzjoni tal-fondi, billi jitnaqqsu r-riskji marbuta mat-tibdil fiċ-ċirkustanzi li għandu mnejn iseħħ bejn id-data ta’ eżekuzzjoni tal-infiq u dik tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija kundizzjoni tippermetti li jitnaqqas ir-riskju li l-fondi jiġu attribwiti għal investimenti li għat-twettiq tagħhom ma huwiex meħtieġ sussidju pubbliku, peress li dawn l-investimenti huma diġà pendenti, jew saħansitra magħluqa, qabel l-għoti tal-għajnuna. |
|
42 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 1698/2005, l-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari, jew amministrattivi kollha sabiex jiżguraw protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Meta għajnuna titħallas taħt il-FAEŻR għal infiq li ġie sostnut jerġa’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti, il-verifika tar-rilevanza ta’ tali nfiq tista’ tiġi reża diffiċli minħabba dan il-fatt, b’tali mod li l-effettività ta’ tali protezzjoni tista’ titnaqqas. |
|
43 |
It-tielet nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tostakola l-applikabbiltà diretta jew taħbi n-natura ta’ dritt tal-Unjoni tar-Regolament Nru 1698/2005. Bil-kontra, l-Artikolu 12 taż-ZKme‑1 jipprevedi li huwa għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-miżuri ta’ żvilupp rurali li l-gvern jistabbilixxi t-tip ta’ miżuri, il-kundizzjonijiet, il-benefiċjarji, il-kriterji u l-proċeduri ta’ introduzzjoni u ta’ implementazzjoni ta’ kull miżura ta’ żvilupp rurali. F’kull każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki meħtieġa f’dan ir-rigward. |
|
44 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li, suġġett għall-imsemmija verifiki, billi pprevediet li huwa biss l-infiq li jsir għal operazzjoni magħżula għal kofinanzjament mill-FAEŻR sostnut wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-għajnuna li huwa eliġibbli għall-imsemmi kofinanzjament, ir-Repubblika tas-Slovenja ma marritx lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilha permezz tar-Regolament Nru 1698/2005. |
|
45 |
Għaldaqstant l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1698/2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema huwa eliġibbli għall-parteċipazzjoni tal-FAEŻR fil-kofinanzjament ta’ operazzjoni magħżula mill-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm ta’ żvilupp rurali kkonċernat jew taħt ir-responsabbiltà ta’ din, biss l-infiq sostnut wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ tali għajnuna. |
Fuq it-tieni domanda
|
46 |
Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi ċ-ċaħda fl-intier tagħha tat-talba għal pagament marbuta ma’ operazzjoni magħżula għal kofinanzjament mill-FAEŻR, meta ċertu nfiq imwettaq għal din l-operazzjoni jkun ġie sostnut qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ tali għajnuna. |
|
47 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 71(2) u (3) tar-Regolament Nru 1698/2005, filwaqt li jipprevedi li huwa eliġibbli għall-parteċipazzjoni tal-FAEŻR biss l-infiq imwettaq għal operazzjoni magħżula mill-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm ta’ żvilupp rurali kkonċernat jew taħt ir-responsabbiltà ta’ din, iħalli f’idejn l-Istati Membri, fil-prinċipju, sabiex jistabbilixxu r-regoli dwar l-eliġibbiltà tal-infiq. |
|
48 |
Għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu l-qafas rigward il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà tal-infiq għall-parteċipazzjoni tal-FAEŻR li jista’ jkun is-suġġett ta’ talba għal pagament, huma ma jispeċifikawx madankollu l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet rigward l-ammont tal-pagament. |
|
49 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 65/2011, applikabbli, skont l-Artikolu 34(1) tal-istess regolament, għat-talbiet għal pagament ippreżentati mill-1 ta’ Jannar 2011, jirrigwarda b’mod speċifiku t-tnaqqis u l-esklużjonijiet tal-infiq imwettaq għal operazzjonijiet eliġibbli għal kofinanzjament mill-FAEŻR. |
|
50 |
L-imsemmi Artikolu 30 jipprevedi, essenzjalment, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri jeżaminaw it-talba għal pagament sabiex jistabbilixxu l-ammonti ammissibbli għall-għajnuna. B’dan il-mod, jekk l-ammont pagabbli taħt il-kofinanzjament mill-FAEŻR biss abbażi tat-talba għal pagament ikun superjuri b’iktar minn 3 % tal-ammont pagabbli wara verifika tal-ammissibbiltà tat-talba għal pagament, tnaqqis ta’ dan l-ammont imsemmi l-aħħar li jikkorrispondi għad-differenza bejn dawn iż-żewġ ammonti jiġi applikat. |
|
51 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 65/2011 jindika li kull dikjarazzjoni falza magħmula intenzjonalment mill-benefiċjarju tal-għajnuna twassal għall-esklużjoni tal-operazzjoni inkwistjoni fl-intier tagħha mill-għajnuna tal-FAEŻR u l-irkupru ta’ kull ammont diġà mħallas għal din l-operazzjoni. |
|
52 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ċertu nfiq imwettaq għall-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie sostnut qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-għajnuna. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju speċifikat li, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà tal-infiq, jiġifieri l-Artikolu 56(4) taż-ZKme-1, moqri flimkien mal-Artikolu 79(4) tad-digriet PRP, meta waħda min-nefqiet imwettqa għal operazzjoni magħżula għal kofinanzjament mill-FAEŻR tkun ġiet sostnuta wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-għajnuna, it-talba għal pagament marbuta mal-operazzjoni kollha magħżula tiġi miċħuda mill-awtorità kompetenti. |
|
53 |
Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw miżura ta’ rifjut ta’ pagament tant radikali għal sitwazzjonijiet oħra għajr dik prevista fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 65/2011, rigward l-ipoteżi fejn dikjarazzjoni falza ssir intenzjonalment mill-benefiċjarju tal-għajnuna. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament jipprevedi tnaqqis tal-ammont tal-għajnuna, ikkalkolat skont il-metodu stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. |
|
54 |
Tali metodu, li jikkonsisti fl-esklużjoni tal-infiq li ma huwiex eliġibbli, jiġifieri, fiċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali, dak sostnut qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-għajnuna, jinvolvi element dissważiv, għaliex l-ammont effettivament pagabbli jitnaqqas b’ammont kunsiderevolment ogħla minn dak li jikkorrispondi għan-nefqa mhux eliġibbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali metodu huwa intiż sabiex jipprevjeni l-effetti msejħa “ta’ deadweight” filwaqt li jżomm in-natura proporzjonata, peress li l-infiq effettivament eliġibbli ma huwiex eskluż kollu mill-benefiċċju tal-għajnuna. |
|
55 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005 moqri flimkien mal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 65/2011, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi ċ-ċaħda fl-intier tagħha tat-talba għal pagament marbuta ma’ operazzjoni magħżula għal kofinanzjament mill-FAEŻR, meta ċertu nfiq imwettaq għal din l-operazzjoni jkun ġie sostnut qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ tali għajnuna, sakemm il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jkunx għamel intenzjonalment dikjarazzjoni falza fit-talba tiegħu għal pagament. |
Fuq l-ispejjeż
|
56 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Sloven.