|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/2836 |
26.5.2026 |
Avviż tal-Kummissjoni
Gwida tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma matul il-ħruġ tal-permessi ta’ proġetti ġodda u ta’ attivitajiet eżistenti b’enfasi partikolari fuq is-settur tal-estrazzjoni
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(C/2026/2836)
Introduzzjoni
Fil-Pjan ta’ Azzjoni REsource EU (1), il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippreżenta “dokument ta’ gwida biex tippermetti implimentazzjoni aktar sempliċi u armonizzata tal-liġi tal-UE dwar il-ħruġ tal-permessi ambjentali fl-Istati Membri, li tinkludi aspetti relatati mas-settur tal-estrazzjoni”. Din il-gwida għandha l-għan li tgħin biex jitnaqqsu l-inċertezzi dwar il-proċeduri u l-kriterji ta’ valutazzjoni meħtieġa biex jitwettqu valutazzjonijiet ambjentali li jirriżultaw mid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD) (2).
Din l-inizjattiva għandha l-għan li tappoġġa r-reżiljenza ġenerali tal-Ewropa, abbażi ta’ qafas regolatorju b’saħħtu u ċar għall-politika tal-ilma, l-Istrateġija Ewropea għar-Reżiljenza tal-Ilma u l-objettiv tagħna li nnaqqsu d-dipendenzi fuq il-fjuwils fossili u fuq l-importazzjonijiet tal-materja prima kritika meħtieġa biex tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni tal-enerġija. Illum l-implimentazzjoni inkonsistenti tad-WFD fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom taffettwa r-reżiljenza tal-ilma u l-kostijiet u l-probabbiltà li jinkiseb permess, li huma kunsiderazzjonijiet ewlenin li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet ta’ investiment speċjalment fis-settur tal-Materja Prima Kritika (CRM) (3), kif definit mill-Att dwar il-Materja Prima Kritika (CRMA) (4).
Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ta’ hawn fuq, din il-gwida teżamina d-dispożizzjonijiet fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD) u ż-żewġ direttivi “derivati” tagħha, id-Direttiva dwar l-Ilma ta’ taħt l-Art (5) (GWD, Groundwater Directive) u d-Direttiva dwar l-Istandards tal-Kwalità Ambjentali (6) (EQSD) kif emendata l-aktar reċentement bid-Direttiva (UE) 2026/805 (7), li jirregolaw il-ħruġ tal-permessi ta’ proġetti jew ta’ attivitajiet ġodda.
Dan id-dokument ta’ gwida huwa bbażat fuq il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li skontha, l-interpretazzjoni tirrikjedi kunsiderazzjoni mhux biss tal-formulazzjoni ta’ dispożizzjoni, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-objettivi segwiti mill-att legali li tifforma parti minnu (8).
Dan id-dokument ta’ gwida ma jissostitwix, ma jżidx ma’ u lanqas jemenda d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li waħedhom jistabbilixxu l-obbligi legali applikabbli. Dan ma għandux jiġi kkunsidrat b’mod iżolat, iżda jrid jinqara flimkien mal-leġiżlazzjoni rilevanti u ma jikkostitwix referenza awtonoma. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss hija kompetenti biex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni b’awtorità finali.
L-għan ta’ din il-gwida huwa li jitnaqqsu l-inċertezzi rigward l-elementi u l-proċeduri sostanzjali meħtieġa biex titwettaq il-valutazzjoni ambjentali li tirriżulta mid-WFD. Din tħares ukoll lejn id-dispożizzjonijiet eżistenti li jippermettu lill-Istati Membri jistabbilixxu objettivi ambjentali aktar baxxi meta ma jkun hemm l-ebda miżura fattibbli biex jinkiseb stat tal-ilma tajjeb (jiġifieri ma teżisti l-ebda miżura biex tittejjeb is-sitwazzjoni) jew meta stat tajjeb jista’ jinkiseb biss billi jiġġarrbu kostijiet sproporzjonati. Dan huwa partikolarment importanti fir-rigward tat-tiġdid tal-permessi għal installazzjonijiet jew attivitajiet eżistenti. Barra minn hekk, l-aktar bidliet reċenti fid-WFD, fl-EQSD u fil-GWD jintroduċu possibbiltajiet ta’ eżenzjoni addizzjonali li għalihom huwa xieraq li tiġi pprovduta gwida addizzjonali bl-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni armonizzata tagħhom madwar l-Istati Membri.
Il-Kummissjoni se tikkoopera mal-Istati Membri, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Komuni (CIS,) għall-implimentazzjoni tad-WFD, pereżempju għar-reviżjoni ta’ Dokumenti ta’ gwida tas-CIS li ntlaħaq qbil dwarhom preċedentement (9), kif ukoll fi ħdan id-Djalogi Strutturati dwar l-Ilma, biex trawwem implimentazzjoni aktar effettiva u komparabbli tal-valutazzjonijiet relatati mad-WFD fil-kuntest tal-ħruġ tal-permessi ta’ proġetti tas-CRM.
L-istess interpretazzjonijiet tal-Kummissjoni jistgħu, mutatis mutandis, jiġu applikati wkoll għal proġetti jew għal attivitajiet oħrajn, inklużi dawk relatati ma’ setturi strateġiċi promossi fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli III (10), l-Att dwar iċ-Ċipep (11) jew l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti (12).
Il-gwida tikkomplementa l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex taċċellera l-ħruġ tal-permessi, inkluża l-proposta reċenti għal Regolament dwar it-tħaffif tal-valutazzjonijiet ambjentali (13), li jipproponi proċeduri simplifikati u aċċellerati, inklużi punti uniċi ta’ kuntatt, diġitalizzazzjoni u proċeduri aktar rapidi, kif ukoll, għal setturi strateġiċi, dispożizzjonijiet dwar interess pubbliku prevalenti, ftehim taċitu u soluzzjoni ta’ tilwim.
Għalkemm id-WFD tistabbilixxi erba’ definizzjonijiet differenti ta’ “stat”, jiġifieri l-istat ekoloġiku u l-istat kimiku għall-ilma tal-wiċċ u l-istat kwantitattiv u kimiku għall-ilma ta’ taħt l-art, l-enfasi tal-gwida hija fuq l-istat kimiku kemm tal-ilma tal-wiċċ kif ukoll tal-ilma ta’ taħt l-art, peress li l-biċċa l-kbira tad-diffikultajiet tqajmu fir-rigward ta’ proġetti li possibbilment jaffettwaw l-istat kimiku.
Il-gwida hija strutturata madwar tmien mistoqsijiet li jibnu fuq id-diffikultajiet irrapportati mill-partijiet ikkonċernati fil-kuntest tal-applikazzjonijiet għal permessi ġodda jew għal tiġdid ta’ permessi eżistenti. Dawn għandhom l-għan li joffru soluzzjonijiet ibbażati fuq l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet stabbiliti fid-WFD, fil-GWD u fl-EQSD. B’mod partikolari, il-gwida tispjega l-flessibbiltajiet eżistenti għall-Istati Membri meta jivvalutaw l-istat kimiku u d-deterjorament potenzjali tiegħu, u tenfasizza li l-objettivi tad-WFD iridu jintlaħqu fil-livell ta’ korp tal-ilma kollu kemm hu. F’dan ir-rigward, tenfasizza li l-EQSD tirrikonoxxi li jista’ ma jkunx possibbli għal ċerti attivitajiet ta’ estrazzjoni jew għal ċerti attivitajiet industrijali li titnaqqas il-konċentrazzjoni ta’ sustanza niġġiesa waħda jew aktar fl-effluwent tagħhom taħt l-istandard tal-kwalità ambjentali (EQS) stabbilit mil-leġiżlazzjoni, li jirriżulta fil-qbiż tal-konċentrazzjonijiet kurrenti ta’ tniġġis fil-viċinanza tal-punt ta’ skariku tal-ilma. Għalhekk, l-EQSD tipprevedi d-deżinjazzjoni ta’ “żoni ta’ taħlit” li fihom jiġi aċċettat li jinqabeż l-EQS għal sustanza niġġiesa minn dak il-punt ta’ skariku tal-ilma, dment li jiġi rrispettat l-EQS fil-korp tal-ilma kollu kemm hu. Il-gwida tisħaq ukoll fuq l-importanza li jitqiesu l-konċentrazzjonijiet ta’ sfond naturali u l-bijodisponibbiltà meta jiġu stabbiliti standards tal-kwalità jew meta tiġi vvalutata l-konformità, biex jiġi evitat li jiġu stabbiliti standards tal-kwalità f’livell strett bla bżonn u jiġi żgurat li l-konformità tiġi vvalutata kif xieraq.
Barra minn hekk, il-gwida tispjega r-rekwiżiti relatati mal-ħruġ tal-permessi skont id-WFD, il-flessibbiltajiet eżistenti skont l-Artikolu 4(7), u l-Artikoli 4(7a) u 4(7b) li għadhom kif ġew introdotti li jistgħu jintużaw mill-Istati Membri biex jawtorizzaw proġetti li jistgħu jwasslu għal deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma. Id-dokument jispjega kif jistgħu jiġu applikati dawn il-flessibbiltajiet biex jiġu ffaċilitati proġetti ta’ estrazzjoni u ta’ pproċessar tal-metall, inkluż fir-rigward tad-deterjorament kimiku indirett, filwaqt li jtenni li d-WFD ma tistax tiġi interpretata bħala li tippermetti d-deterjorament tal-istat kimiku ta’ korp tal-ilma minħabba skariki diretti ta’ sustanzi niġġiesa.
Fl-aħħar nett, il-gwida tispjega li għall-attivitajiet eżistenti, inklużi l-attivitajiet tal-estrazzjoni, jistgħu jkunu applikabbli eżenzjonijiet oħrajn meta jiġu rieżaminati l-permessi jew l-awtorizzazzjonijiet. Dan ifisser li jistgħu jiġu stabbiliti estensjonijiet taż-żmien lil hinn mill-2027 (jekk dan ikun iġġustifikat minn kundizzjonijiet naturali) u objettivi ambjentali aktar baxxi taħt ċerti kundizzjonijiet wara l-2027 f’konformità mal-Artikoli 4(4) u 4(5).
Dawn huma t-tmien mistoqsijiet li l-gwida ġiet strutturata madwarhom:
|
1. |
Kif titwettaq il-valutazzjoni tal-istat kimiku fir-rigward tan-nuqqas ta’ deterjorament? |
|
2. |
Kif jiġu identifikati mill-Istati Membri sustanzi niġġiesa speċifiċi għall-baċin tax-xmara għall-ilma tal-wiċċ u sustanzi niġġiesa ta’ tħassib nazzjonali għall-ilma ta’ taħt l-art? |
|
3. |
Kif jistgħu jitqiesu l-konċentrazzjonijiet ta’ sfond naturali u l-bijodisponibbiltà meta jiġu stabbiliti standards tal-kwalità ambjentali (EQS) jew meta tiġi vvalutata l-konformità? |
|
4. |
Kif tista’ d-deżinjazzjoni taż-żoni ta’ taħlit tgħin biex tiffaċilita l-ħruġ tal-permessi mingħajr ma tikkomprometti l-ilħuq tal-objettiv ġenerali tad-Direttiva? |
|
5. |
X’tirrikjedi d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma f’termini ta’ ħruġ tal-permessi? |
|
6. |
X’inhuma l-flessibbiltajiet previsti fid-Direttiva biex jiġu akkomodati attivitajiet ġodda ta’ żvilupp ekonomiku sostenibbli? |
|
7. |
X’inhuma l-eżenzjonijiet il-ġodda li ġew introdotti reċentement u kif jistgħu jgħinu lis-setturi tal-estrazzjoni u tal-ipproċessar tal-metall? |
|
8. |
Liema flessibbiltajiet oħrajn jeżistu fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma biex tiġi żgurata l-possibbiltà li jiġġeddu/jiġu estiżi l-permessi għal attivitajiet u installazzjonijiet eżistenti? |
1. Kif titwettaq il-valutazzjoni tal-istat kimiku fir-rigward tan-nuqqas ta’ deterjorament?
Dispożizzjonijiet legali u ġurisprudenza rilevanti tal-QĠUE:
l-Artikolu 2(10) u l-Artikolu 2(12); l-Artikolu 2(24) u l-Artikolu 2(25); l-Artikolu 4 (1) (a) (i), l-Artikolu 4 (1) (b) (i); L-Artikolu 8(1), 8(2) u l-Annessi II u V tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma 2000/60/KE (WFD); L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar l-Ilma ta’ taħt l-Art 2006/118/KE (GWD) kif emendata reċentement fl-Artikolu 3(1)(c) u fl-Artikolu 3, il-paragrafi l-ġodda (1a) u (1b) u l-Annessi relatati; L-Artikolu 3(1a) tad-Direttiva dwar l-Istandards tal-Kwalità Ambjentali 2008/105/KE (EQSD), kif emendata reċentement fl-Artikolu 3(1a) (iii) u (iv) u l-paragrafu finali tal-Artikolu 3 (1a) u l-annessi relatati kif ukoll id-definizzjoni l-ġdida fl-Artikolu 2(43) tad-WFD ta’ “deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma”.
Ġurisprudenza rilevanti tal-QĠUE: Is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2015, Weser, C-461/13 u tat-28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen, C-535/18.
Interpretazzjoni tal-Kummissjoni:
Il-valutazzjoni tal-istat kimiku tal-ilma tal-wiċċ għall-finijiet tal-objettivi ambjentali tal-Artikolu 4 tad-WFD hija bbażata fuq il-konformità mal-istandards tal-kwalità ambjentali (EQS) madwar l-UE kollha stabbiliti għal sustanzi identifikati fil-livell tal-UE u, mill-21 ta’ Diċembru 2027 (14), mal-istandards nazzjonali stabbiliti għal sustanzi identifikati mill-Istati Membri bħala sustanzi niġġiesa ta’ tħassib nazzjonali, l-hekk imsejħa sustanzi niġġiesa speċifiċi għall-baċin tax-xmara (RBSPs). Il-valutazzjoni tal-istat kimiku tal-ilma ta’ taħt l-art hija bbażata fuq il-konformità mal-istandards tal-kwalità stabbiliti fil-livell tal-UE kif ukoll mal-valuri ta’ limitu stabbiliti mill-Istati Membri għas-sustanzi niġġiesa ta’ tħassib nazzjonali. Huwa importanti li wieħed jinnota li skont id-WFD dawn l-istandards tal-kwalità japplikaw fil-livell tal-korp tal-ilma u li EQS ma jistax ikun applikabbli awtomatikament bħala valur ta’ limitu tal-emissjonijiet fil-livell ta’ installazzjonijiet jew ta’ attivitajiet individwali.
Meta ssir referenza għall-istandards tal-kwalità armonizzati tal-UE u għall-iskadenzi tal-konformità għas-sustanzi niġġiesa madwar l-UE kollha kemm fl-ilma tal-wiċċ kif ukoll fl-ilma ta’ taħt l-art (15) għandu jitqies il-fatt li, għas-sustanzi niġġiesa madwar l-UE kollha introdotti wara li ġew adottati għall-ewwel darba l-EQSD u l-GWD, jistgħu japplikaw skadenzi tal-konformità itwal u eżenzjonijiet relatati maż-żmien. Sommarju ta’ dawn l-iskadenzi jista’ jinstab fl-Anness I ta’ din il-gwida.
Sabiex jivvalutaw l-istat ta’ korp tal-ilma, l-Istati Membri jibbażaw fuq ir-riżultati tal-monitoraġġ. Sabiex jivvalutaw id-deterjorament potenzjali tal-istat b’riżultat ta’ proġett, l-Istati Membri jibbażaw fuq l-immudellar jew fuq il-ġudizzju espert tal-istat mistenni wara l-proġett. Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tagħti diskrezzjoni relattivament wiesgħa lill-Istati Membri f’termini ta’ monitoraġġ fl-ilmijiet tal-wiċċ u ta’ taħt l-art, eż. fir-rigward tar-raggruppament possibbli ta’ korpi tal-ilma, l-għadd u l-post tal-punti ta’ monitoraġġ, l-elementi ta’ kwalità li għandhom jiġu mmonitorjati u l-frekwenzi ta’ monitoraġġ rakkomandati. Dan jippermetti adattament għaċ-ċirkostanzi lokali.
Il-valutazzjoni tal-konformità għal stat kimiku tajjeb isseħħ fil-livell tal-korp tal-ilma kollu, billi jitqiesu r-riżultati tal-punti ta’ monitoraġġ rappreżentattivi li jinsabu fih u jintgħażlu sabiex jirriflettu d-daqs u l-impatt tal-pressjoni kollha kemm hi (16).
Skont id-WFD, l-Istati Membri huma responsabbli biex jistabbilixxu d-deżinjazzjoni ta’ korpi tal-ilma abbażi tal-karatteristiċi ta’ kull Distrett tal-Baċin tax-Xmara. Dan isir f’konformità mad-definizzjonijiet tad-WFD inklużi fl-Artikolu 2 tad-WFD (17) u r-regoli ġenerali stabbiliti fl-Anness II tad-WFD. Il-fini ewlieni tal-identifikazzjoni tal-“korpi tal-ilma” huwa li l-istat ikun jista’ jiġi deskritt b’mod akkurat u jitqabbel mal-objettivi ambjentali. Id-WFD tippermetti żewġ sistemi biex jiġu ddeżinjati l-korpi tal-ilma tal-wiċċ (is-sistemi A u B), waħda bbażata l-aktar fuq id-daqs u oħra fuq kriterji aktar flessibbli b’effett ekwivalenti (18). Għall-ilma ta’ taħt l-art, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, id-WFD tippermetti flessibbiltà akbar biex dawn jiġu ddeżinjati. Hija disponibbli gwida addizzjonali dwar l-identifikazzjoni tal-korpi tal-ilma (19). Ta’ min jinnota li d-daqs tal-korp tal-ilma, li jiġi ddeterminat mill-Istati Membri f’konformità mar-regoli msemmija hawn fuq, jista’ jkollu impatt fuq din il-valutazzjoni.
L-objettivi tad-WFD, inkluż il-prinċipju tan-nuqqas ta’ deterjorament kif stabbilit skont l-Artikolu 4(1), japplikaw għall-korpi tal-ilma, mhux għal installazzjonijiet individwali bħala tali. Madankollu, il-ġurisprudenza għamlitha ċara li l-obbligu fuq l-Istati Membri li jiżguraw in-nuqqas ta’ deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma jkopri proġetti individwali li jistgħu jiġu awtorizzati fejn meħtieġ skont is-sistema ta’ derogi prevista fl-Artikolu 4 (20). Fl-istess ħin, id-WFD tieħu approċċ integrat għall-kontrolli tat-tniġġis. Meta jivvalutaw l-impatt ta’ proġetti ġodda jew ta’ attivitajiet ġodda fuq l-istat kimiku ta’ korp tal-ilma partikolari, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw is-sorsi eżistenti kollha ta’ tniġġis li jaffettwaw l-istess korpi tal-ilma u l-potenzjal tat-tnaqqis tat-tniġġis ta’ dawk is-sorsi.
Dan ifisser li l-Istati Membri jistgħu jiffaċilitaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġett ġdid li jkun jinvolvi skariki ġodda billi jnaqqsu l-iskariki permessi ta’ installazzjonijiet eżistenti billi, pereżempju, jirrikjedu l-użu tal-aqwa teknoloġiji ta’ tnaqqis disponibbli. Dan jista’ jsir biss jekk l-awtoritajiet rilevanti jkollhom ħarsa ġenerali ċara tal-attivitajiet kollha li għandhom impatt fuq il-korp tal-ilma, u tal-potenzjal li jirrieżaminaw u li jaġġornaw il-permessi relatati sabiex inaqqsu l-piż tagħhom ta’ sustanzi niġġiesa u jippermettu li tidħol attività ġdida u tirrilaxxa l-istess sustanzi niġġiesa fl-istess korp tal-ilma, mingħajr ma dan b’hekk jirriżulta f’deterjorament tal-istat kimiku. Dan se jirrikjedi kooperazzjoni u koordinazzjoni tajba bejn l-awtoritajiet differenti li jissorveljaw il-kwalità tal-ilma u dawk responsabbli għall-ħruġ tal-permessi. Tali koordinazzjoni hija meħtieġa skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED) (21) u hija riflessa fl-Artikolu 10 tad-WFD. Huwa importanti li jiġi nnotat li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, bis-saħħa tal-progress teknoloġiku kontinwu appoġġat ukoll miċ-Ċentru tal-Innovazzjoni għat-Trasformazzjoni u l-Emissjonijiet Industrijali (INCITE, ) (22) li għadu kif ġie stabbilit u l-prodotti innovattivi miġjuba fis-suq ukoll minn atturi bbażati fl-UE, teknoloġiji ġodda ta’ tnaqqis tat-tniġġis qed isiru dejjem aktar disponibbli fis-suq u jistgħu jiġu applikati biex jiġu aġġornati l-installazzjonijiet eżistenti. Min-naħa tiegħu, it-tnaqqis tal-emissjonijiet minn tali installazzjonijiet jista’ jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tad-WFD, filwaqt li joħloq marġni għaż-żieda possibbli ta’ skariki minn attivitajiet ġodda mingħajr deterjorament ġenerali tal-istat.
Eżempji:
|
— |
Attività ġdida ta’ estrazzjoni jew ta’ pproċessar tal-metall għandha tikseb permess ambjentali biex tkun tista’ tirrilaxxa ilma mormi li fih is-sustanzi perfluworoalkilati u polifluworoalkilati (PFAS, per- and polyfluoroalkyl substances) fi xmara fil-qrib. Madankollu, ix-xmara diġà hija affettwata minn attivitajiet industrijali oħrajn li jirrilaxxaw ċerti ammonti ta’ PFAS li diġà huma responsabbli għal stat ħażin. Sabiex jiġi evitat id-deterjorament tal-istat b’riżultat tal-attività l-ġdida, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tirrieżamina l-permessi għall-attivitajiet eżistenti. Dawn setgħu ngħataw żmien twil ilu, meta ma kien hemm disponibbli l-ebda teknika xierqa ta’ tnaqqis tat-tniġġis biex jitnaqqsu l-iskariki tal-PFAS tagħhom u sadanittant, jista’ jkun li jkunu saru disponibbli tekniki ta’ tnaqqis ġodda u għalhekk jistgħu jiġu integrati fil-permessi rilevanti. It-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-PFAS minn attivitajiet eżistenti jista’ jippermetti li l-attività l-ġdida tkompli mingħajr ma din tirriżulta f’deterjorament tal-korp tal-ilma jew tipperikola l-konformità futura mal-EQS tal-PFAS. |
|
— |
Sabiex tawtorizza installazzjoni ġdida biex tirrilaxxa l-kobalt f’korp tal-ilma partikolari, awtorità kompetenti tista’ temenda l-permessi ta’ installazzjonijiet oħrajn li jirrilaxxaw il-kobalt fl-istess korp tal-ilma, billi tirrikjedi li huma jtejbu t-trattament tal-ilma mormi tagħhom sabiex l-iskariki totali, inklużi dawk li jirriżultaw mill-installazzjoni l-ġdida, ma jwasslux għal deterjorament tal-istat kimiku. |
|
— |
Għall-EQS oriġinali għan-nikil (stabbilit fl-2008), hemm possibbiltà li tiġi posposta l-konformità permezz ta’ estensjonijiet taż-żmien sa tmiem l-2027. Sat-22 ta’ Diċembru 2033, se jkollu jkun hemm konformità mal-EQS aġġornat (u aktar strett) għan-nikil fl-EQSD introdotta mill-aħħar reviżjoni tal-2026, b’estensjoni taż-żmien possibbli sat-22 ta’ Diċembru 2039 (jew wara, jekk dan ikun iġġustifikat minn “kundizzjonijiet naturali”). |
2. Kif jiġu identifikati mill-Istati Membri sustanzi niġġiesa speċifiċi għall-baċin tax-xmara (RBSP) għall-ilma tal-wiċċ u sustanzi niġġiesa ta’ tħassib nazzjonali għall-ilma ta’ taħt l-art?
Dispożizzjonijiet legali:
L-Artikolu 2(30b) tad-WFD emendata reċentement u l-Artikolu 3(1b) u l-Anness II tal-GWD emendata reċentement, u l-Anness II il-ġdid tal-EQSD emendata reċentement.
Interpretazzjoni tal-Kummissjoni:
Għall-ilmijiet tal-wiċċ, mid-definizzjoni l-ġdida tal-RBSPs (23) jirriżulta li hemm tliet elementi li għandhom jitqiesu meta jiġi deċiż jekk ċerta sustanza niġġiesa għandhiex tiġi ddeżinjata bħala RBSP u għandux jiġi stabbilit EQS (nazzjonali). L-ewwel nett, l-element spazjali, jiġifieri s-sustanza niġġiesa hija identifikata bħala li qed tiġi rilaxxata fi kwantità sinifikanti fil-livell ta’ baċin tax-xmara jew ta’ sottobaċir, – u mhux neċessarjament fil-livell ta’ korp tal-ilma wieħed. It-tieni, l-element ta’ “kwantità”, jiġifieri s-sustanza niġġiesa, għandha tiġi rilaxxata fi “kwantitajiet sinifikanti”. It-tielet, l-“element ta’ riskju” reali, jiġifieri tali skariki jridu jirriżultaw f’“riskju sinifikanti” lejn l-ambjent akkwatiku jew permezz tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru. Dan jimplika li, abbażi tal-valutazzjoni tagħhom tal-pressjonijiet u l-impatti mwettqa f’konformità mal-Anness II tad-WFD, l-Istati Membri ma għandhomx bżonn jiddeżinjaw ċerta sustanza niġġiesa bħala RBSP jekk dik is-sustanza niġġiesa tiġi rilaxxata fil-baċin tax-xmara kollu biss fi kwantitajiet insinifikanti li ma joħolqux riskju, anke jekk tiġi rilaxxata minn attività ġdida.
Barra minn hekk, għall-ilmijiet ta’ taħt l-art, huwa fil-livell tal-baċin tax-xmara li l-Istati Membri huma meħtieġa jagħżlu liema korpi tal-ilma jeħtieġ li jiġu mmonitorjati għal dawk il-parametri nazzjonali addizzjonali tat-tniġġis li huma indikattivi tal-impatt tal-pressjonijiet lokali li jwassluhom sabiex jisfaw f’riskju li ma jkollhomx stat kimiku tajjeb, u li jistabbilixxu kif xieraq il-valuri limitu permissibbli massimi għal tali sustanzi niġġiesa ta’ tħassib nazzjonali.
Kemm għall-RBSPs (ilmijiet tal-wiċċ) kif ukoll għas-sustanzi niġġiesa ta’ tħassib nazzjonali (ilmijiet ta’ taħt l-art) japplikaw skadenzi tal-konformità differenti skont il-mument li fih ikunu ġew identifikati s-sustanzi niġġiesa rilevanti. Għalhekk, l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ manuvra fl-ixprunar tal-konformità matul l-iskedi ta’ żmien xierqa (ara l-eżempju).
Eżempji:
|
— |
L-Istati Membri ma għandhomx bżonn jiddeżinjaw il-kobalt bħala RBSP jekk dik is-sustanza niġġiesa tiġi skarikata fil-baċin tax-xmara kollu biss fi kwantitajiet insinifikanti li ma joħolqux riskju anke jekk tiġi skarikata minn attività ġdida. |
Jekk Stat Membru jkun identifika fl-2022 l-arseniku bħala sustanza niġġiesa ta’ tħassib nazzjonali fl-ilma ta’ taħt l-art tiegħu, u jkun stabbilixxa valur ta’ limitu kif xieraq, dak il-valur ta’ limitu għandu jiġi rrispettat biss sal-2033, jiġifieri sa tmiem il-perjodu tal-RBMP (24) li jsegwi dak li matulu jkun ġie stabbilit il-valur ta’ limitu nazzjonali. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom possibbiltà li japplikaw eżenzjoni relatata maż-żmien f’każ li l-valur ta’ limitu ma jkunx jista’ jiġi ssodisfat fid-data ta’ konformità tal-2033, u jistgħu jipposponu l-konformità b’perjodu addizzjonali wieħed tal-RBMP, jiġifieri sal-2039 (ara l-Artikolu 3 il-paragrafu 1b il-ġdid tal-GWD). Dawn id-dati ta’ konformità u l-eżenzjonijiet possibbli relatati maż-żmien, jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-operaturi marġni biżżejjed biex jidentifikaw u jimplimentaw miżuri xierqa sabiex jiżguraw, eventwalment, il-konformità mal-valuri ta’ limitu stabbiliti matul iċ-ċiklu/i kurrenti (u futur(i)).
3. Kif jistgħu jitqiesu l-konċentrazzjonijiet ta’ sfond naturali u l-bijodisponibbiltà meta jiġu stabbiliti standards tal-kwalità ambjentali (EQS) jew meta tiġi vvalutata l-konformità?
Dispożizzjonijiet legali:
l-Anness 1, il-Part A, in-nota 12 f’qiegħ il-paġna u l-Anness I, il-Parti B, il-punt 3 tal-EQSD; L-Artikolu 2(5) u l-Anness II, il-Partijiet A u C tal-GWD.
Interpretazzjoni tal-Kummissjoni:
Għal sustanzi li jinsabu fin-natura (25) bħall-metalli, għandhom jitqiesu l-konċentrazzjonijiet ta’ sfond naturali u l-bijodisponibbiltà (26) biex jiġi evitat l-istabbiliment ta’ standards tal-kwalità f’livell strett bla bżonn jew biex tiġi vvalutata l-konformità kif xieraq. Il-leġiżlazzjoni tippermetti lill-Istati Membri jagħmlu dan, kemm għall-ilmijiet tal-wiċċ kif ukoll għal dawk ta’ taħt l-art.
Għall-ilmijiet tal-wiċċ, titqies il-bijodisponibbiltà meta jiġi stabbilit l-EQS fil-livell tal-UE. L-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu l-istess meta jistabbilixxu EQS nazzjonali, fejn rilevanti (27). Għandhom jitqiesu l-livelli ta’ sfond naturali meta tiġi vvalutata l-konformità mal-EQS abbażi tal-konċentrazzjonijiet immonitorjati. Il-konċentrazzjonijiet ta’ sfond naturali jistgħu jitnaqqsu mill-konċentrazzjonijiet imkejla qabel ma jsir tqabbil mal-EQS għall-ilmijiet tal-wiċċ.
Għall-ilma ta’ taħt l-art, għandhom jitqiesu l-livelli tal-isfond naturali meta jiġu stabbiliti l-valuri limitu.
Għal proġetti ġodda, l-Istati Membri għandhom għalhekk jiddeterminaw il-konċentrazzjonijiet ta’ sfond naturali għall-korpi tal-ilma affettwati qabel ma jibda l-proġett peress li dawn inevitabbilment ivarjaw minn post għall-ieħor. Dan għandu jitqies kif xieraq fil-kuntest ta’ kwalunkwe proċess ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ ħruġ tal-permessi.
Eżempji:
|
— |
Għall-ilmijiet tal-wiċċ, jekk in-nikil ikun preżenti fis-sottoswol, il-korpi tal-ilma lokali jistgħu jkunu kkaratterizzati minn livelli ta’ sfond naturali relattivament għoljin ta’ dak il-metall. L-estrazzjoni tan-nikil f’dik iż-żona tista’ tinvolvi l-iskariku ta’ ilma mormi tal-estrazzjoni li fih in-nikil f’korpi tal-ilma tal-wiċċ. Il-livelli ta’ sfond naturali diġà eżistenti f’dawk il-korpi tal-ilma jistgħu jitqiesu mill-Istati Membri meta jivvalutaw il-konformità mal-EQS (tal-UE) għan-nikil. Dan ifisser li l-Istati Membri jistgħu “jnaqqsu” l-livell ta’ sfond naturali qabel ma jaslu għal konklużjoni dwar jekk il-konċentrazzjonijiet jikkonformawx mal-istandard tal-kwalità applikabbli. |
|
— |
Għall-ilmijiet ta’ taħt l-art, fejn il-livelli ta’ sfond naturali tan-nikil f’korp tal-ilma ta’ taħt l-art affettwati minn attività ta’ estrazzjoni tan-nikil ikunu għoljin, dawn għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġi stabbilit il-valur ta’ limitu għad-determinazzjoni ta’ stat kimiku tajjeb tal-ilma ta’ taħt l-art. |
4. Kif jista’ l-użu ta’ żoni ta’ taħlit jgħin biex jiġi ffaċilitat il-ħruġ tal-permessi mingħajr ma jiġi kompromess l-ilħuq tal-objettiv ġenerali tad-Direttiva?
Dispożizzjonijiet legali:
l-Artikolu 2 (10) u l-Artikolu 10 tad-WFD u l-Artikolu 4 tal-EQSD.
Interpretazzjoni tal-Kummissjoni:
L-aktar mod sempliċi u kosteffettiv biex jiġi eliminat it-tniġġis tal-ilma huwa fis-sors tiegħu, kull fejn ikun possibbli. Ir-reġimi ta’ kontroll tal-iskariku tal-effluwent normalment jitfasslu biex jiżguraw li l-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa fil-korp tal-ilma riċevitur ma jaqbżux l-istandards tal-kwalità applikabbli. Madankollu, issir konċessjoni biex id-dilwizzjoni sseħħ qrib il-punt ta’ skariku tal-ilma. Dan għaliex jista’ ma jkunx possibbli għal ċerti attivitajiet industrijali li jnaqqsu l-konċentrazzjoni ta’ sustanza niġġiesa waħda jew aktar fl-effluwent tagħhom taħt l-EQS, li jwassal biex jinqabżu l-konċentrazzjonijiet kurrenti ta’ tniġġis fil-viċinanza tal-punt ta’ skariku tal-ilma.
Il-leġiżlazzjoni, b’mod partikolari skont l-Artikolu 4 tal-EQDS, tippermetti lill-Istati Membri jiddeżinjaw “żoni ta’ taħlit” proporzjonati maġenb il-punti ta’ skariku tal-ilma, li fihom jiġi aċċettat li jinqabeż l-EQS għal sustanza niġġiesa minn dak il-punt ta’ skariku, dment li r-riżultati ġenerali minn punti ta’ monitoraġġ oħrajn fil-korp tal-ilma (barra miż-żona ta’ taħlit) jikkonfermaw li ma jaffettwawx il-konformità tal-bqija tal-korp tal-ilma tal-wiċċ, u li jiġu ssodisfati għadd ta’ kriterji relatati. Għalhekk, iż-żoni ta’ taħlit huma għodda b’saħħitha biex jiġu indirizzati sorsi ta’ tniġġis ġodda. Kif spjegat fil-gwida tal-Kummissjoni relatata (28), prekundizzjoni għall-applikazzjoni taż-żoni ta’ taħlit tkun li jiġi żgurat li jittieħdu l-miżuri ta’ mitigazzjoni kollha possibbli u mhux għaljin b’mod sproporzjonat biex jiġi evitat id-deterjorament tal-istat kimiku. Dan jimplika, bħala minimu, li l-operaturi jikkonformaw mal-aħjar tekniki disponibbli applikabbli skont l-IED u fejn possibbli, japplikaw kontrolli tal-emissjonijiet saħansitra aktar stretti sabiex jissodisfaw l-EQS. L-applikazzjoni fit-tul tar-relazzjoni mill-qrib bejn l-iskariki tal-installazzjonijiet tal-IED u l-konformità (nuqqas ta’ konformità) mal-EQS u dwar kif din tiġi solvuta fil-proċess tal-ħruġ tal-permessi teżisti fl-Istati Membri għal ħafna setturi. Għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-effetti possibbli fuq żoni protetti jew sensittivi (eż. żoni tal-ilma tax-xorb).
Filwaqt li l-leġiżlazzjoni tipprovdi dan b’mod espliċitu biss għal sustanzi prijoritarji bi standard tal-kwalità stabbilit fil-livell tal-UE, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-istess prinċipju u kriterji relatati, b’analoġija, għall-iskariki minn sors punt tal-RBSPs. Mhux l-Istati Membri kollha qed jagħmlu użu minn din il-flessibbiltà, jiġifieri l-possibbiltà li joħolqu żoni ta’ taħlit peress li din hija biss għażla (“jistgħu’”) fid-Direttiva. Dan jista’ jxekkel il-ħruġ tal-permessi ta’ attivitajiet ġodda, jiġifieri f’każ li jkun hemm punt ta’ monitoraġġ qrib l-installazzjoni pjanata li inevitabbilment taqbad l-eċċess b’riżultat ta’ skariki ġodda.
Eżempju:
|
— |
Fejn, b’riżultat ta’ attività ġdida ta’ estrazzjoni, l-iskariki ta’ ilma mormi tal-estrazzjoni f’korp tal-ilma tal-wiċċ fil-qrib jistgħu jwasslu biex jinqabeż l-EQS għal sustanza niġġiesa waħda jew aktar fil-viċinanza tal-punt ta’ skariku tal-ilma, l-awtorità kompetenti hija mħeġġa tiddeżinja l-istabbiliment ta’ żona ta’ taħlit, fejn ma jitqisux l-eċċessi tal-EQS għal dawn is-sustanzi fil-valutazzjoni tal-istat jew fejn ma jsir l-ebda monitoraġġ, soġġett għall-iżgurar li l-istat tal-korp tal-ilma kollu kemm hu ma jiddeterjorax. |
5. X’tirrikjedi d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma f’termini ta’ ħruġ tal-permessi?
Dispożizzjonijiet legali u ġurisprudenza rilevanti tal-QĠUE:
l-Artikolu 4(1) u 4(7) tad-WFD.
Ġurisprudenza rilevanti tal-QĠUE: Is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2015, Weser, C-461/13 u tat-28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen, C-535/18.
Interpretazzjoni tal-Kummissjoni:
Il-QĠUE interpretat l-Artikolu 4(1)(a)(i) sa (iii) tad-WFD skont it-tifsira li l-Istati Membri huma meħtieġa — sakemm ma tingħatax deroga — li jirrifjutaw awtorizzazzjoni għal proġett individwali fejn dan jista’ jikkawża deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ jew fejn dan jipperikola l-ilħuq ta’ stat/potenzjal tal-ilma tajjeb sad-data stabbilita mid-Direttiva. Id-WFD la tistabbilixxi rekwiżiti proċedurali dettaljati għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti ġodda (bħal proċeduri għall-ħruġ tal-permessi, l-awtorizzazzjoni, eċċ.), u lanqas ma tipprovdi dettalji tal-valutazzjoni, bħar-rekwiżiti ta’ informazzjoni. Fl-interess tas-simplifikazzjoni, il-valutazzjonijiet rilevanti għad-WFD jistgħu jiġu kkombinati u jsiru bħala parti minn valutazzjoni tal-impatt ambjentali fejn il-proġetti jiġu soġġetti għal valutazzjoni ambjentali taħt diversi biċċiet tad-dritt tal-Unjoni, inkluż skont id-Direttiva dwar il-VIA (29) u d-Direttiva dwar il-Ħabitats (30) (31).
Il-ġurisprudenza (32) tistabbilixxi li skrinjar jew “test tal-applikabbiltà” skont l-Artikolu 4(7) tad-WFD jista’ jkun biżżejjed għal ħafna proġetti, li għalihom id-deterjorament jista’ jiġi eskluż. L-“iskrinjar” jiżgura li l-effett mistenni tal-proġett ippjanat (inklużi l-miżuri ta’ mitigazzjoni tiegħu) fuq il-korpi tal-ilma possibbilment affettwati jiġi ddeterminat b’ċertezza suffiċjenti (filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ prekawzjoni).
Għalhekk, qabel ma tagħti l-awtorizzazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tistabbilixxi b’ċertezza suffiċjenti li proġett ma huwiex se jikkawża deterjorament jew ma huwiex se jikkomprometti l-ilħuq ta’ stat/potenzjal tajjeb. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta’ evidenza dokumentata sew qabel il-bidu tal-proġett. F’ħafna każijiet, l-ewwel skrinjar jista’ jippermetti li b’mod wiesa’ jiġu ffiltrati u “ssir tfittxija għal” proġetti li jkun ċar li ma humiex se jaffettwaw l-istat/il-potenzjal tal-korp tal-ilma.
Peress li l-proġett jiġi skrinjat biss fl-istadju tal-ippjanar, l-iskrinjar x’aktarx li jsir permezz ta’ ġudizzju espert ibbażat fuq l-impatti ta’ proġetti simili fil-passat, u/jew l-immudellar tal-impatti possibbli. Huma biss il-proġetti li għalihom huwa mistenni deterjorament tal-istat, li jkollhom jiġu vvalutati fil-fond biex tiġi vverifikata l-konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(7) tad-WFD qabel ma jiġi deċiż jekk il-proġett jistax jiġi awtorizzat jew le.
Eżempju:
|
— |
Jekk l-awtorità kompetenti tkun tista’ tikkonkludi, inkluż abbażi tal-informazzjoni miġbura mill-operatur, li proġett pjanat (eż. minħabba l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni, li għandhom ikunu wieħed mill-elementi inerenti tiegħu) la jkun mistenni jikkawża deterjorament, u lanqas jikkomprometti l-ilħuq ta’ stat/potenzjal tajjeb, f’dak il-każ ma hemm l-ebda ħtieġa li l-awtorità kompetenti tinvoka l-Artikolu 4(7) tad-WFD u turi li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7) tad-WFD huma ssodisfati u li l-proġett jista’ jiġi awtorizzat. |
6. Id-Direttiva kif takkomoda attivitajiet ġodda ta’ żvilupp ekonomiku sostenibbli?
Dispożizzjonijiet legali u ġurisprudenza rilevanti tal-QĠUE:
l-Artikolu 4(7) tad-WFD; l-Anness V, it-taqsima 1.4.3 WFD.
Ġurisprudenza rilevanti tal-QĠUE: Is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2015, Weser, C-461/13 u tat-28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen, C-535/18.
Interpretazzjoni tal-Kummissjoni:
Id-WFD tippermetti deroga mill-prinċipju ta’ nuqqas ta’ deterjorament għall-proġetti, dment li a) il-proġett ikun ta’ interess pubbliku prevalenti, b) jittieħdu l-passi prattikabbli kollha biex jittaffa l-impatt negattiv; c) ma hemm l-ebda alternattiva ambjentali aħjar li hija fattibbli u li ma tinvolvix kostijiet sproporzjonati u d) ir-raġunijiet huma stabbiliti u spjegati speċifikament fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara.
It-test tal-Artikolu 4(7) tad-WFD jagħmilha ċara li l-Istati Membri jistgħu jinvokaw din l-eżenzjoni u ma jkunux qed jiksru l-liġi jekk in-nuqqas tagħhom li jiksbu stat tal-ilma ta’ taħt l-art tajjeb jew stat/potenzjal ekoloġiku tajjeb jew in-nuqqas tagħhom li jipprevjenu d-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art jew tal-wiċċ ikun marbut mal-fatt li jkunu awtorizzaw żewġ tipi ta’ proġetti:
|
a) |
“modifikazzjonijiet ġodda għall-karatteristiċi fiżiċi tal-ilma tal-wiċċ jew alterazzjonijiet ġodda sal-livelli tal-ilma ta’ taħt l-art” jew |
|
b) |
“attivitajiet sostenibbli ġodda ta’ żvilupp uman”. |
Il-kunċett ta’ “modifikazzjonijiet ġodda għall-karatteristiċi fiżiċi ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ” jeskludi modifiki fl-istat kimiku tiegħu b’riżultat ta’ sorsi punt jew diffużi ta’ tniġġis, inklużi l-iskariki diretti ta’ sustanzi niġġiesa. Madankollu, jekk dawn il-modifiki fiżiċi ġodda jibdlu indirettament il-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa diġà preżenti fil-korp tal-ilma modifikat (pereżempju, it-tħawwid ta’ sedimenti kontaminati li jirrilaxxaw sustanzi niġġiesa inkapsulati fl-ilma), dan iwassal għal deterjorament indirett fl-istat kimiku li għalih tista’ tapplika l-eżenzjoni. Fir-rigward tal-kunċett ta’ “alterazzjonijiet ġodda fil-livelli tal-ilma ta’ taħt l-art”, dan ikun pereżempju l-każ jekk tali alterazzjoni indirettament tinvolvi r-rilaxx ta’ sustanzi kimiċi mill-istrati tal-blat, u b’hekk tikkawża deterjorament jew tikkontribwixxi għal konċentrazzjoni miżjuda tat-tniġġis eżistenti.
Għal “attivitajiet sostenibbli ġodda ta’ żvilupp uman”, id-Direttiva tippermetti biss deterjorament tal-ilmijiet tal-wiċċ minn stat għoli għal tajjeb. Dan ifisser li l-eżenzjoni ma hijiex applikabbli għal proġetti li jiddeterjoraw l-istat ekoloġiku ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ taħt il-livell tajjeb. Dan ifisser ukoll li l-eżenzjoni ma hijiex applikabbli għal proġetti li jiddeterjoraw l-istat kimiku (33). Dan huwa implikat mill-fatt li l-istat kimiku huwa kklassifikat biss bħala “tajjeb” jew “ħażin”, u ma hemm l-ebda element bħal stat kimiku “għoli”.
Eżempji:
|
— |
Fil-każ ta’ attivitajiet ġodda ta’ tħammil fl-istess korp tal-ilma li jqanqlu s-sustanzi kimiċi, li qabel ma kinux identifikati fil-kampjunar tal-ilma minħabba li kienu fil-fond fis-sediment, tali deterjorament tal-istat kimiku f’ilma tal-wiċċ partikolari jista’ jiġi ġġustifikat fid-dawl tax-xogħlijiet fiżiċi meħtieġa biex titwettaq l-attività primarja. |
|
— |
Jekk l-estrazzjonijiet tal-ilma jwasslu għal alterazzjonijiet tal-livelli tal-ilma ta’ taħt l-art li indirettament jimmobilizzaw is-sustanzi niġġiesa, id-deterjorament tal-istat kimiku li jirriżulta jista’ jkun ġustifikabbli. |
7. X’inhuma l-eżenzjonijiet il-ġodda li ġew introdotti reċentement u kif jistgħu jintużaw fil-każ ta’ proġetti fis-setturi tal-estrazzjoni u tal-ipproċessar tal-metall jew fil-każ ta’ proġetti oħrajn li jiddeterjoraw l-istat kimiku?
Dispożizzjonijiet legali u ġurisprudenza rilevanti tal-QĠUE:
L-Artikolu 4 (7a) u 4 (7b) tad-WFD emendata reċentement.
Interpretazzjoni tal-Kummissjoni:
Id-Direttiva (UE) 2026/805 introduċiet żewġ eżenzjonijiet ġodda biex ikopru l-impatti fuq perjodu ta’ żmien qasir li jaffettwaw il-korpi tal-ilma u d-deterjorament tal-istat kimiku b’riżultat tar-rilokazzjoni ta’ sustanzi niġġiesa mingħajr żieda ġenerali fit-tniġġis. Dawn l-eżenzjonijiet ġew introdotti abbażi tal-esperjenza prattika tal-implimentazzjoni tal-Istati Membri bl-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv u tiġi ffaċilitata l-awtorizzazzjoni tal-proġetti anke jekk jikkawżaw xi deterjorament tal-istat kimiku. Dawn l-eżenzjonijiet il-ġodda se jiffaċilitaw b’mod partikolari l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti ġodda ta’ estrazzjoni jew ta’ pproċessar tal-metall.
Il- proċedura simplifikata għal proġetti li jkollhom biss impatti fuq perjodu ta’ żmien qasir fuq il-korpi tal-ilma ma tirrikjedix li l-proġett jew l-attività tkun ta’ “interess pubbliku prevalenti” u li l-objettivi tagħhom ma jistgħux jintlaħqu b’“mezzi oħrajn, li huma għażla ambjentali ħafna aħjar”. Soġġett għal valutazzjoni affidabbli preliminari (“skrinjar”) jista’ jiġi deċiż li jsir proġett ġdid jekk il-konklużjoni tkun li l-impatti negattivi tiegħu fuq korp tal-ilma ma jdumux aktar minn sena (jiġifieri fejn ikunu affettwati l-elementi kimiċi jew fiżikokimiċi) jew ma jdumux aktar minn 3 snin (jiġifieri fejn ikunu affettwati l-elementi ta’ kwalità bijoloġiċi). Il-bidu tal-eżekuzzjoni tal-proġett għandu jinftiehem bħala l-bidu fiżiku tax-xogħlijiet. Hija meħtieġa verifika ex post biex tiġi kkonfermata n-natura tal-impatti fuq perjodu ta’ żmien qasir. Jistgħu jintużaw l-arranġamenti ta’ monitoraġġ eżistenti stabbiliti skont l-Anness V tad-WFD. Huwa biss meta l-arranġamenti ta’ monitoraġġ eżistenti jistgħu ma jkunux biżżejjed li dawn għandhom jiġu ssupplimentati b’monitoraġġ ad hoc addizzjonali.
Il- proċedura simplifikata l-oħra , li għal darb’oħra ma tirrikjedix li l-proġett jew l-attività jkunu ta’ “interess pubbliku prevalenti”, tindirizza proġetti jew attivitajiet speċifiċi li jistgħu jirriżultaw f’ deterjorament tal-istat kimiku f’korp tal-ilma b’riżultat ta’ rilokazzjoni tal-ilma jew tas-sedimenti mniġġsa eżistenti (jiġifieri mhux minn skariki ġodda) minn korp tal-ilma tal-wiċċ għall-istess wieħed jew għal ieħor, jew minn korp tal-ilma ta’ taħt l-art għal korp tal-ilma tal-wiċċ, mingħajr ma tiġi kkawżata żieda netta fit-tagħbija ta’ sustanzi niġġiesa u dment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Ir-rilokazzjoni għandha tiġi soġġetta għal regolamentazzjoni jew awtorizzazzjoni minn qabel u ma għandux ikun hemm għażliet ambjentali ferm aħjar minħabba raġunijiet ta’ fattibbiltà teknika jew ta’ kost sproporzjonat. Għandhom jittieħdu l-passi prattikabbli kollha, b’mod partikolari fejn ikun fattibbli t-trattament tal-ilma u tas-sedimenti, biex jiġu mminimizzati l-impatti fuq il-korp tal-ilma riċevitur u biex tiġi evitata żieda fir-riskju ġenerali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Ir-rilokazzjoni tista’ taffettwa biss il-korpi tal-ilma riċevituri li diġà ma humiex fi stat tajjeb fir-rigward tal-biċċa l-kbira tas-sustanzi niġġiesa rilokati, b’mod partikolari fir-rigward tal-aktar sustanzi niġġiesa persistenti u bijoakkumulattivi rilokati, u l-istat ekoloġiku jew il-potenzjal tal-korp tal-ilma riċevitur ma huwiex mistenni li jaqa’ fi klassi aktar baxxa b’riżultat tar-rilokazzjoni ta’ dawk is-sustanzi niġġiesa. Fl-aħħar nett, ir-rilokazzjoni għandha tkun ipprojbita madwar kwalunkwe punt ta’ estrazzjoni tal-ilma tax-xorb u ma tirriżultax f’żieda fit-trattament ta’ purifikazzjoni meħtieġ għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb.
Din l-eżenzjoni hija mistennija li tiffaċilita proġetti li jeħtieġu ċ-ċaqliq ta’ sedimenti mniġġsa jew ta’ ilma mniġġes fil-korpi tal-ilma jew bejniethom. Għalhekk, din l-eżenzjoni tippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw proġetti li qabel ma kinux koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(7).
Eżempji:
|
— |
Id-dispożizzjoni l-ġdida dwar l-impatti fuq perjodu ta’ żmien qasir tista’ tintuża biex tiffaċilita x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u/jew ta’ manutenzjoni, inkluż fil-kuntest ta’ proġetti ta’ estrazzjoni (eż. pont fuq passaġġ fuq l-ilma, infrastruttura għall-protezzjoni mill-għargħar, proġetti ta’ akkomodazzjoni sostenibbli, eċċ.) li jħallu impatt biss fuq l-elementi ta’ kwalità kimiċi u fiżikokimiċi u fuq l-elementi ta’ kwalità ekoloġiċi ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ għal perjodu ta’ żmien qasir, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet legali deskritti hawn fuq. Dan jista’ jkun rilevanti wkoll fir-rigward tal-valutazzjoni tal-attivitajiet ta’ esplorazzjoni jew l-ittestjar ta’ teknoloġiji ġodda b’impatti fuq perjodu ta’ żmien qasir biss. L-awtorità kompetenti tista’ tapplika din l-eżenzjoni jekk tikkonkludi, abbażi ta’ valutazzjoni ex ante affidabbli (ibbażata pereżempju fuq esperjenza tal-passat bi proġetti simili, valutazzjoni esperta jew immudellar), li kwalunkwe impatt negattiv fuq perjodu ta’ żmien qasir ma huwiex se jibqa’ jiġi identifikat wara sena jew, għal elementi ta’ kwalità bijoloġiċi, wara massimu ta’ 3 snin wara l-bidu tal-eżekuzzjoni tal-proġett. |
|
— |
Id-dispożizzjoni l-ġdida dwar ir-rilokazzjoni tat-tniġġis tista’ tippermetti l-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni ġdida, proġetti ta’ estrazzjoni jew faċilitajiet industrijali f’żoni mniġġsa ħafna, fejn pereżempju ilma ta’ taħt l-art diġà imniġġes jrid jiġi estratt u jiġi skarikat f’korp tal-ilma tal-wiċċ fil-qrib, dment li – fost l-oħrajn - ma tiġi kkawżata l-ebda żieda netta fit-tagħbija ta’ sustanzi niġġiesa fil-korp tal-ilma riċevitur. Kif imsemmi hawn fuq, il-proċedura simplifikata prevista taħt din l-eżenzjoni ma tirrikjedix li l-proġett jew l-attività tkun rikonoxxuta bħala ta’ interess pubbliku prevalenti. Madankollu, l-awtorità kompetenti se jkollha tiżgura li l-kompożizzjoni tal-ilma jew tas-sedimenti li għandhom jiġu rilokati tkun magħrufa u se jkollha tiżgura li l-korp tal-ilma riċevitur ikun diġà fi stat kimiku ħażin fir-rigward tal-biċċa l-kbira tas-sustanzi niġġiesa rilokati, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk l-aktar persistenti u bijoakkumulattivi. |
|
— |
Fil-każ ta’ sedimenti mħammla li jiġu rilaxxati minn korp tal-ilma għal korp tal-ilma ieħor, jista’ jsir ukoll il-moviment ta’ sedimenti mniġġsa minn korp tal-ilma wieħed (parti minnu) għal ieħor minkejja l-kontribut tas-sustanzi niġġiesa. Dan huwa importanti pereżempju fiż-żoni portwarji fejn tali attivitajiet jitwettqu fuq bażi rikorrenti. Dan huwa possibbli dment li l-korp tal-ilma riċevitur ikun diġà fi stat kimiku ħażin fir-rigward tal-biċċa l-kbira tas-sustanzi niġġiesa rilokati. |
|
— |
Eżempju ieħor ta’ proġetti/attivitajiet li jistgħu jibbenefikaw mill-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni huwa t-tindif ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art wara l-għeluq ta’ mina, fejn jiġi estratt l-ilma mniġġes, jiġi ttrattat fejn fattibbli u mbagħad jiġi skarikat f’korp tal-ilma tal-wiċċ fil-qrib. Dan huwa possibbli dment li l-korp tal-ilma riċevitur ikun diġà fi stat kimiku ħażin fir-rigward tal-biċċa l-kbira tas-sustanzi niġġiesa rilokati. |
8. Liema possibbiltajiet oħrajn jeżistu fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma biex jiġġeddu/jiġu estiżi l-permessi għal attivitajiet u installazzjonijiet eżistenti?
Dispożizzjonijiet legali:
l-Artikolu 4, il-paragrafi (4) u (5), l-Artikolu 10 u l-Artikolu 11, il-paragrafi (3) u (5) tad-WFD.
Interpretazzjoni tal-Kummissjoni:
Skont l-Artikolu 11 tad-WFD, l-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu lista ta’ kontrolli obbligatorji fuq attivitajiet li jaffettwaw il-korpi tal-ilma, biex tinkiseb konformità mal-objettivi tad-Direttiva.
Dan jinkludi, pereżempju, li l-Istati Membri jkunu meħtieġa li jkollhom sistema ta’ regolamentazzjoni minn qabel, awtorizzazzjoni minn qabel, jew reġistrazzjoni bbażata fuq regoli vinkolanti ġenerali stabbiliti għall-kontroll tal-iskariki minn sors punt (eż. installazzjonijiet industrijali individwali) li jistgħu jikkawżaw tniġġis tal-ilma tal-wiċċ.
L-Artikolu 11 tad-WFD jirrikjedi wkoll li dawn il-kontrolli jiġu rieżaminati u aġġornati regolarment. Barra minn hekk, il-permessi spiss ikunu limitati fiż-żmien u jeħtieġ li jiġu rieżaminati meta jiġu estiżi.
Fil-prinċipju, meta jitwettaq tali rieżami jew aġġornament ta’ permess eżistenti, ma hemmx bżonn li wieħed jirrikorri għal awtorizzazzjoni minn qabel ġdida f’konformità mal-Artikolu 4(7) tad-WFD peress li l-attività diġà teżisti u tkun ġiet ġustifikata u ngħatat permess meta ġiet stabbilita għall-ewwel darba.
Huwa biss jekk l-attività tinbidel jew tiġi estiża b’mod li tinvolvi deterjorament possibbli tal-istat tal-korp tal-ilma, li tista’ tkun meħtieġa tali awtorizzazzjoni minn qabel f’konformità mal-Artikolu 4(7) tad-WFD. Il-bidliet fl-attivitajiet eżistenti jew l-estensjonijiet tagħhom, bħal proġetti jew attivitajiet ġodda, jistgħu jaffettwaw l-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ (eż. permezz ta’ skariki) jew tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art (eż. permezz ta’ alterazzjonijiet fil-livell li jiddeterjoraw l-istat kwantitattiv u/jew kimiku tal-ilma ta’ taħt l-art). Bħal fil-każ tal-attivitajiet kollha soġġetti għall-Artikolu 4(7) tad-WFD, irid jiġi ddeterminat mill-awtorità kompetenti jekk il-bidliet humiex tali li potenzjalment jiddeterjoraw l-istat u għalhekk jirrikjedux ġustifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 4(7) tad-WFD. Dan jista’ jiġi vvalutat permezz ta’ valutazzjoni preliminari jew skrinjar.
Dan huwa f’konformità mal-proposta reċenti tal-Kummissjoni għall-ħruġ tal-permessi (34) li tiċċara l-proċedura li għandha tiġi segwita fil-każ ta’ bidliet jew estensjonijiet għal attività eżistenti.
Bħala konklużjoni, l-attivitajiet eżistenti li ma jinvolvux xogħlijiet kbar ġodda huma soġġetti għall-kontrolli perjodiċi meħtieġa skont l-Artikolu 11(3) tad-WFD, mingħajr l-ebda ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni ulterjuri skont l-Artikolu 4(7) tad-WFD.
Barra minn hekk, meta korp tal-ilma jiġi affettwat minn attivitajiet eżistenti li jfixklu l-ilħuq ta’ stat tajjeb, inkluż l-istat kimiku, l-awtoritajiet kompetenti jista’ jkollhom jirrikorru għall-eżenzjonijiet relatati maż-żmien skont l-Artikolu 4(4)) jew l-eżenzjoni li tippermetti l-istabbiliment ta’ objettivi ambjentali aktar baxxi (l-Artikolu 4(5)), soġġett għall-konformità mal-kriterji stabbiliti fihom. Meta l-permessi jkunu jridu jiġu rieżaminati, u possibbilment aġġornati, jeħtieġ li jitqies jekk il-kriterji għall-permess ta’ tali eżenzjonijiet għadhomx issodisfati.
B’mod partikolari, skont l-Artikolu 4(4), l-awtorità kompetenti tista’ tifrex l-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali fuq diversi ċikli tal-RBMP, sa tmiem l-2027 (35). Madankollu, fil-każ ta’ estensjoni taż-żmien ibbażata fuq “kundizzjonijiet naturali” (36), jiġifieri fejn jista’ jintwera li ġew stabbiliti l-miżuri kollha biex jinkiseb stat tajjeb, iżda li n-“natura” qed tieħu aktar żmien biex tirkupra, l-estensjoni taż-żmien tista’ tapplika anke wara l-2027. Fl-aħħar nett, għall-istandards tal-kwalità introdotti biss fl-2013 jew fl-2026, jistgħu japplikaw estensjonijiet taż-żmien sa żewġ ċikli addizzjonali tal-RBMP (għall-istandards tal-kwalità introdotti fl-2013) jew sa ċiklu wieħed ieħor tal-RBMP (għall-istandards tal-kwalità introdotti fl-2026), għalhekk, rispettivament, it-tmiem tal-2039 jew it-tmiem tal-2045.
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(5) tad-WFD, l-Istati Membri jista’ jkollhom l-għan li jilħqu objettivi ambjentali anqas stretti minn dawk stabbiliti skont l-Artikolu 4(1) tad-WFD għal korpi tal-ilma speċifiċi, meta jkunu affettwati b’dan il-mod mill-attività tal-bniedem, jew il-kundizzjoni naturali tagħhom tkun tali li l-ilħuq ta’ dawn l-objettivi ma jkunx fattibbli jew ikun għali b’mod sproporzjonat, dment madankollu li jkunu stabbilew il-miżuri kollha fattibbli u li ma jkunux għaljin b’mod mhux sproporzjonat biex jiġi minimizzat id-deterjorament ulterjuri. Dan jimplika li, fir-rigward tal-attivitajiet kollha li jaffettwaw lil dak il-korp tal-ilma, l-awtorità kompetenti żgurat li l-permessi jiġu rieżaminati perjodikament u, fejn meħtieġ, aġġornati f’konformità mal-aħjar tekniki disponibbli u li jiġu implimentati l-miżuri ta’ mitigazzjoni kollha li ma jkunux għaljin b’mod sproporzjonat. Irid jitqies ukoll ir-rekwiżit ta’ “approċċ kombinat” għall-iskariki fl-ilma tal-wiċċ skont l-Artikolu 10 tad-WFD, li jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw li jiġu applikati l-aħjar tekniki disponibbli, u li tiġi żgurata l-konformità mal-objettivi u mal-istandards kollha tal-kwalità stabbiliti skont kwalunkwe leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-UE u li jiġu imposti kontrolli tal-emissjonijiet aktar stretti kull meta jkun meħtieġ.
F’dan il-kuntest għandu jiġi nnotat li xi sustanzi Persistenti, Bijoakkumulattivi u Tossiċi li jinsabu kullimkien, bħall-merkurju, jistgħu jkunu preżenti fil-korpi tal-ilma b’riżultat ta’ attivitajiet storiċi (tniġġis mirut). Fejn ma jkunx possibbli jew ikun għali b’mod sproporzjonat biex it-tniġġis mirut jiġi indirizzat, jista’ jiġi applikat l-Artikolu 4(5) tad-WFD.
Fil-qosor, għall-attivitajiet eżistenti, inklużi l-attivitajiet tal-estrazzjoni, jistgħu jkunu applikabbli eżenzjonijiet oħrajn meta jiġu rieżaminati l-permessi jew l-awtorizzazzjonijiet. Dan ifisser li jistgħu jiġu stabbiliti estensjonijiet taż-żmien lil hinn mill-2027 (jekk jiġu ġġustifikati minn kundizzjonijiet naturali) u objettivi ambjentali aktar baxxi skont ċerti kundizzjonijiet lil hinn mill-2027. Hija disponibbli gwida addizzjonali (37).
Eżempji:
|
— |
Stat Membru jkun stabbilixxa miżuri biex iwaqqaf jew inaqqas b’mod sinifikanti l-iskariki jew it-telf tan-nutrijenti marbuta ma’ operazzjoni ta’ estrazzjoni (eż. billi jiżgura li l-permess rilevanti jinkludi r-rekwiżiti f’dan ir-rigward). Madankollu, minħabba ż-żmien meħtieġ mill-proċessi naturali, il-miżuri jistgħu ma jkunux adegwati biex jippermettu l-irkupru tal-korpi tal-ilma affettwati sal-2027. Fl-RBMP rilevanti, l-Istati Membri se jinvokaw estensjoni taż-żmien f’konformità mal-Artikolu 4(4) u se jipprovdu sommarju tal-miżuri meħuda u l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom. Il-miżuri jinżammu taħt rieżami biex tiġi żgurata l-effettività tagħhom u l-ħtieġa ta’ estensjoni ulterjuri tiġi vvalutata fl-RBMPs sussegwenti. |
|
— |
Attività tal-estrazzjoni eżistenti tirrilaxxa l-fidda li għaliha ġie stabbilit standard tal-kwalità fir-reviżjoni tal-2026 bi skadenza tal-konformità tal-2039. Jekk l-awtorità kompetenti tistabbilixxi li l-istandard tal-kwalità ma jistax jintlaħaq sa din l-iskadenza minħabba raġunijiet ta’ fattibbiltà teknika jew ta’ kostijiet sproporzjonati, l-awtorità kompetenti tista’ tipposponi l-iskadenza tal-konformità sal-2045 f’konformità mal-Artikolu 4(4). |
|
— |
Korp tal-ilma tal-wiċċ jiġi affettwat mit-tniġġis mirut tal-merkurju u ma hemm l-ebda miżura teknikament fattibbli biex jiġi ssodisfat l-EQS sal-2027. Il-konċentrazzjonijiet se jitnaqqsu biss bil-mod, biex jilħqu livelli aktar baxxi (ferm wara l-2027) b’riżultat tat-tixrid u tad-dilwizzjoni mal-ilma tax-xita li mistenni jkun anqas imniġġes, fost l-oħrajn bis-saħħa tal-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni globali u tal-UE, il-ħidma skont il-Konvenzjoni ta’ Minamata u skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-merkurju. Jista’ jkun li ma tkun teżisti l-ebda miżura alternattiva biex jitnaddaf il-korp tal-ilma jew li tali miżuri huma għaljin b’mod sproporzjonat. F’dak il-każ, l-Istat Membru għandu jikkunsidra li jinvoka l-Artikolu 4(5) u jistabbilixxi objettiv ambjentali aktar baxx fir-rigward tal-merkurju bl-għan li jikseb biss l-ogħla stat possibbli. |
|
— |
Sit kritiku eżistenti minerarju tal-materja prima jew attività industrijali ilhom joperaw għal għexieren ta’ snin u wasslu għal ċerti impatti fuq l-istat kimiku tajjeb tal-korp tal-ilma tal-wiċċ. Il-permess li jirregola l-attività diġà jiggarantixxi li l-operatur japplika l-aħjar miżuri possibbli biex inaqqas l-iskariki fil-korp tal-ilma konċernat (jew, fejn applikabbli, li l-operatur ikun wettaq kwalunkwe obbligu ta’ rimedju taż-żona konċernata minn attivitajiet tal-passat) u l-awtorità kompetenti tikkonkludi li ma huwiex possibbli li jiġu stabbiliti miżuri addizzjonali li jkunu fattibbli u li ma jkunux għaljin b’mod sproporzjonat biex l-emissjonijiet jitnaqqsu ulterjorment għal livell li jista’ jiżgura l-konformità mal-EQS eżistenti. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jinvokaw l-Artikolu 4(5) u jistabbilixxu objettiv ambjentali aktar baxx fir-rigward tas-sustanzi niġġiesa inkwistjoni bl-għan li jiksbu biss l-ogħla stat possibbli. Il-miżuri jinżammu taħt rieżami biex tiġi żgurata l-effettività tagħhom u l-ħtieġa ta’ estensjoni ulterjuri tiġi vvalutata fl-RBMPs sussegwenti. |
|
— |
Mina eżistenti taffettwa korp tal-ilma tal-wiċċ fil-qrib permezz tal-iskariki tal-ilma mormi tagħha. Il-korp tal-ilma huwa soġġett għal eżenzjoni skont l-Artikolu 4(5) tad-WFD. Il-permess qed jiġi rieżaminat għall-fini ta’ estensjoni tal-attività tal-estrazzjoni. Mill-għoti tal-permess oriġinali, ġew stabbiliti teknoloġiji ġodda għat-trattament tal-ilma mormi. Sabiex tiġi evitata l-estensjoni biex jiġi kkawżat deterjorament potenzjali tal-korpi tal-ilma affettwati, il-permess se jkollu jiġi aġġornat biex jinkludi miżuri ta’ mitigazzjoni addizzjonali bbażati fuq teknoloġiji ġodda. Jekk b’riżultat ta’ dan, ma jkun hemm l-ebda deterjorament, ma jkunx hemm bżonn li jiġi applikat l-Artikolu 4(7) għall-estensjoni tas-sit minerarju. Barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ teknoloġiji ġodda se tissodisfa r-rekwiżit skont l-Artikolu 4(5) biex jiġi żgurat li jinkiseb l-aħjar stat possibbli. |
(1) COM(2025) 945 final Il-Pjan ta’ Azzjoni RESourceEU: Inħaffu l-pass tal-istrateġija tagħna dwar il-materja prima kritika biex nadattaw għal realtà ġdida.
(2) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).
(3) SWD(2023) 161 final Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, 2018/1724 u (UE) 2019/1020.
(4) Ir-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1724 u (UE) 2019/1020 (ĠU L 1252, 3.5.2024).
(5) (5) Id-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġiż u d-deterjorament (ĠU L 372, 27.12.2006, p. 19).
(6) (6) Id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 2008 dwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 84).
(7) Id-Direttiva (UE) 2026/805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2026 li temenda d-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, id-Direttiva 2006/118/KE dwar il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament u d-Direttiva 2008/105/KE dwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma, ĠU L, 2026/805, 20.4.2026, pp. 1–84. Fejn emendi reċenti biddlu d-dispożizzjonijiet eżistenti, huma diskussi biss id-dispożizzjonijiet il-ġodda għalkemm l-Istati Membri għad għandhom sa Diċembru 2027 biex jittrasponuhom.
(8) KRONE-Verlag, C-65/20, EU:C:2021:471, il-punt 25.
(10) Id-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-Regolament (UE) 2018/1999 u d-Direttiva 98/70/KE fir-rigward tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 (ĠU L, 2023/2413, 31.10.2023).
(11) Ir-Regolament (UE) 2023/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/694 (ĠU L 229, 18.9.2023, pp. 1–53).
(12) Ir-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (ĠU L, 2024/1735, 28.6.2024).
(13) Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tħaffif tal-valutazzjonijiet ambjentali (COM/2025/984 final).
(14) Id-Direttiva (UE) 2026/805. Fejn emendi reċenti biddlu d-dispożizzjonijiet eżistenti, huma diskussi d-dispożizzjonijiet il-ġodda għalkemm l-Istati Membri għad għandhom sa Diċembru 2027 biex jittrasponuhom.
(15) Ta’ min jinnota li l-EQSD u l-GWD jużaw termini differenti għall-istandards tal-kwalità rispettivi, rispettivament “standards tal-kwalità ambjentali” għall-ilmijiet tal-wiċċ u “standards tal-kwalità” għall-ilmijiet ta’ taħt l-art.
(16) Dan jirriżulta mid-definizzjoni ta’ “stat kimiku tajjeb” fl-Artikolu 2(24) u (25) tad-WFD kif ukoll mid-dispożizzjonijiet ta’ monitoraġġ stabbiliti fl-Anness V, it-taqsimiet 1.3 u 2.4 tad-WFD. Id-Dokumenti ta’ Gwida tas-CIS Nru 7 – Monitoring under the Water Framework Directive, Nru 15 - Groundwater Monitoring, Nru 19 – “Surface Water chemical monitoring” u Nru 40 – “Frequency of chemical monitoring in surface waters” – disponibbli fuq circabc jipproponu approċċ metodoloġiku ġenerali għall-monitoraġġ għall-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.
(17) Il-korpi tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma ta’ taħt l-art huma ddefiniti rispettivament fl-Artikolu 2(10) tad-WFD (“korp ta’ ilma tal-wiċċ” tfisser “element diskret [distint] u sinifikanti ta’ ilma tal-wiċċ bħal lag, reservoir, ilma kurrenti, xmara jew kanal, parti minn ilma kurrenti, xmara jew kanal, ilma tranżizzjonali jew tul ta’ ilma kostali”) u fl-Artikolu 2(12) (“korp ta’ ilma ta’ taħt l-art ifisser volum distint ta’ ilma ta’ taħt l-art b’akwifikatur jew akwifikaturi”).
(18) (18) L-Anness II, it-taqsima 1.2 tad-WFD.
(19) Id-Dokument ta’ Gwida tas-CIS Nru 2 – Identification of Water Bodies – disponibbli fuq circabc jipprovdi suġġerimenti prattiċi speċifiċi għall-identifikazzjoni tal-korpi tal-ilma skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.
(20) C-461/13 il-punt 48.
(21) Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis), ĠU L 334 17.12.2010, p. 17.
(22) Ara hawn: European Innovation Centre for Industrial Transformation and Emissions | INCITE.
(23) Ara d-definizzjoni l-ġdida tal-RBSP fl-Artikolu 2(30b) tad-WFD. Sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni permezz ta’ eżempji u l-aħjar prattiki, teżisti gwida teknika u mhux vinkolanti dwar id-derivazzjoni tal-EQS wfd - Library.
(24) L-RBMP jirreferi għall-Pjan(ijiet) ta’ Mmaniġġjar tal-Baċin tax-Xmara, li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kull 6 snin, li jistabbilixxi/u programmi ta’ miżuri għall-konformità mal-objettivi tad-WFD.
(25) Sustanzi li jinsabu fin-natura bħall-metalli, jistgħu jiġu identifikati fin-nuqqas ta’ kwalunkwe sors ta’ tniġġis. B’riżultat ta’ din il-preżenza naturali, ħafna organiżmi akkwatiċi setgħu adattaw għal konċentrazzjonijiet għoljin ta’ dawn is-sustanzi u għalhekk l-impatt ta’ dawn is-sustanzi fuq l-organiżmu akkwatiku jista’ jkun aktar baxx.
(26) Il-bijodisponibbiltà, u għalhekk it-tossiċità, jistgħu jiġu influwenzati b’mod sinifikanti mill-kimika tal-ilma (eż. kemm fih ġebla, il-pH, il-karbonju organiku mdewweb u parametri oħrajn tal-kwalità tal-ilma li jaffettwaw il-bijodisponibbiltà).
(27) Biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni permezz ta’ eżempji u l-aħjar prattiki, ġiet stabbilita gwida teknika mhux vinkolanti dwar il-kunsiderazzjoni tal-bijodisponibbiltà tal-metall u tal-konċentrazzjonijiet ta’ sfond naturali meta tiġi vvalutata l-konformità (il-gwida tas-CIS Nru 38 -Technical guidance for EQS for metals – disponibbli fuq circabc).
(28) Biex tappoġġa l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni ppubblikat Linji Gwida Tekniċi “The identification of mixing zones pursuant to Art. 4(4) of the Directive 2008/105/EC” (C(2010) 9369).
(29) Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, ĠU L 26, 28.1.2012, pp. 1–21.
(30) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ĠU L 206, 22.7.1992, pp. 7–50.
(31) Biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni permezz ta’ eżempji u l-aħjar prattiki, dokument ta’ gwida teknika mhux vinkolanti dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 4(7) tad-WFD jista’ jinstab hawnhekk.
(32) Il-Qorti tirreferi għall-valutazzjoni (preliminari) bħala pass preliminari (C-535/18) 62018CJ0535.
(33) Ġiet żviluppata gwida mhux vinkolanti fil-kuntest tal-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Komuni skont id-WFD “Guidance Document No. 36 Exemptions to the Environmental Objectives according to Article 4(7)”.
(34) Proposta għal Regolament dwar it-tħaffif tal-valutazzjonijiet ambjentali – (COM(2025)984 final).
(35) F’konformità mal-Artikolu 11(8) tad-WFD, kwalunkwe miżura ġdida jew riveduta stabbilita taħt programm aġġornat għandha ssir operazzjonali fi żmien 3 snin mill-istabbiliment tagħha (eż. sa nofs kull ċiklu), iżda jista’ jkun li l-effetti jidhru biss aktar tard (pereżempju jekk estensjoni ta’ żmien tkun ibbażata fuq il-fattibbiltà teknika u jkun jeħtieġ li jitwettaq studju, l-istudju għandu jitnieda f’nofs iċ-ċiklu iżda r-riżultati jistgħu jinkisbu biss aktar tard fiċ-ċiklu).
(36) L-Artikolu 4(4) tad-WFD jippermetti lill-Istati Membri jipposponu l-konformità sa tmiem l-2027 minħabba fattibbiltà teknika, kost sproporzjonat jew kundizzjonijiet naturali; għall-kundizzjonijiet naturali, il-konformità tista’ saħansitra tiġi posposta ulterjorment, jiġifieri fejn ikunu stabbiliti l-miżuri kollha meħtieġa, iżda n-natura tieħu aktar żmien biex tirkupra.
(37) Ġiet żviluppata gwida mhux vinkolanti fil-kuntest tal-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Komuni skont id-WFD (Guidance document on exemptions to the environmental objectives. Guidance document No 20 - l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE).
Anness, Parti A – Sustanzi niġġiesa tal-ilma ta’ taħt l-art ta’ tħassib tal-UE
Skadenza għall-konformità – eżenzjoni relatata maż-żmien possibbli skont l-Artikolu 4(4) tad-WFD
|
Numru tal-entrata Anness I tal-GWD |
Isem tas-sustanza |
Data tal-konformità |
Estensjoni taż-żmien possibbli |
|
1 |
Nitrati |
2015 |
2027 |
|
2 |
Sustanzi attivi f’pestiċidi, inklużi l-metaboliti, il-prodotti ta’ degradazzjoni u tar-reazzjoni rilevanti tagħhom |
2015 |
2027 |
|
3 |
PFAS |
2039 |
2045 |
|
4 |
Karbamażepina |
2039 |
2045 |
|
5 |
Sulfametossażol |
2039 |
2045 |
|
6 |
Primidon |
2039 |
2045 |
|
7 |
Metaboliti mhux rilevanti ta’ pestiċidi (nrMs, non-relevant metabolites of pesticides) |
2039 |
2045 |
|
8 |
Trikloroetilen u Tetrakloroetilen (it-total tat-tnejn) |
2039 |
2045 |
Anness, Parti B - Sustanzi prijoritarji fl-Ilmijiet tal-Wiċċ
Skadenza għall-konformità – eżenzjoni relatata maż-żmien possibbli skont l-Artikolu 4(4) tad-WFD
|
Numru tal-entrata Anness I tal-EQSD |
Isem tas-sustanza |
Data tal-konformità |
Estensjoni taż-żmien possibbli |
|
|
|
|
|
|
(1) |
Alaklor |
Ittrasferit għal-lista tal-RBSP 2015 (jekk preżenti fl-Istat Membru) |
2027 |
|
(2) |
Antraċen |
EQS inizjali = 2015 EQS rivedut = 2021 |
EQS inizjali = 2027 EQS rivedut = 2033 |
|
(3) |
Atrażina |
Ittrasferit għal-lista tal-RBSP 2015 (jekk preżenti fl-Istat Membru) |
2027 |
|
(4) |
Benżen |
2015 |
2027 |
|
(5) |
Difenileteri bromurati |
EQS inizjali = 2015 EQS rivedut (2013) = 2021 EQS rivedut (2026) = 2033 |
EQS inizjali = 2027 EQS rivedut (2013) = 2033 EQS rivedut (2026) = 2039 |
|
(6) |
Kadmju u l-komposti tiegħu (skont il-klassijiet tal-ebusija tal-ilma) (9) |
2015 |
2027 |
|
(6a) |
Tetraklorur tal-karbonju |
Ittrasferit għal-lista tal-RBSP 2015 (jekk preżenti fl-Istat Membru) |
2027 |
|
(7) |
C10-13 Kloroalkani |
2015 |
2027 |
|
(8) |
Klorfenvinfos |
Ittrasferit għal-lista tal-RBSP 2015 (jekk preżenti fl-Istat Membru) |
2027 |
|
(9) |
Klorpirifos (Klorpirifos-etil) |
EQS inizjali = 2015 EQS rivedut (2013) = 2021 EQS rivedut (2026) = 2033 |
EQS inizjali = 2027 EQS rivedut (2013) = 2033 EQS rivedut (2026) = 2039 |
|
(9a) |
Pestiċidi taċ-ċiklodjen: Aldrin Dieldrin Endrina Isodrina |
2015 |
2027 |
|
(9b) |
Total tad-DDT |
2015 |
2027 |
|
|
para-para-DDT |
2015 |
2027 |
|
(10) |
1,2-Dikloroetan |
2015 |
2027 |
|
(11) |
Diklorometan |
2015 |
2027 |
|
(12) |
Di(2-etileżil)-ftalat (DEHP) |
2015 |
2027 |
|
(13) |
Dijuron |
EQS inizjali = 2015 EQS rivedut (2026) = 2033 |
EQS inizjali = 2027 EQS rivedut (2026) = 2039 |
|
(14) |
Endosulfan |
2015 |
2027 |
|
(15) |
Fluworanten |
EQS inizjali = 2015 EQS rivedut (2013) = 2021 EQS rivedut (2026) = 2033 |
EQS inizjali = 2027 EQS rivedut (2013) = 2033 EQS rivedut (2026) = 2039 |
|
(16) |
Eżaklorobenżen |
2015 |
2027 |
|
(17) |
Eżaklorobutadien |
EQS inizjali = 2015 EQS rivedut (2026) = 2033 |
EQS inizjali = 2027 EQS rivedut (2026) = 2039 |
|
(18) |
Eżakloroċikloeżan |
2015 |
2027 |
|
(19) |
Isoproturon |
2015 |
2027 |
|
(20) |
Ċomb u l-komposti tiegħu |
EQS inizjali = 2015 EQS rivedut (2013) = 2021 |
EQS inizjali = 2027 EQS rivedut (2013) = 2033 |
|
(21) |
Merkurju u l-komposti tiegħu |
EQS inizjali = 2015 EQS rivedut (2026) = 2033 |
EQS inizjali = 2027 EQS rivedut (2026) = 2039 |
|
(22) |
Naftalen |
EQS inizjali = 2015 EQS rivedut (2013) = 2021 |
EQS inizjali = 2027 EQS rivedut (2013) = 2033 |
|
(23) |
Nikil u l-komposti tiegħu |
EQS inizjali = 2015 EQS rivedut (2013) = 2021 EQS rivedut (2026) = 2033 |
EQS inizjali = 2027 EQS rivedut (2013) = 2033 EQS rivedut (2026) = 2039 |
|
(24) |
Nonilfenoli (4-Nonilfenol) |
EQS inizjali = 2015 EQS rivedut (2026) = 2033 |
EQS inizjali = 2027 EQS rivedut (2026) = 2039 |
|
(25) |
Ottilfenoli ((4-(1,1',3,3'-tetrametilbutil)-fenol)) |
2015 |
2027 |
|
(26) |
Pentaklorobenżen |
2015 |
2027 |
|
(27) |
Pentaklorofenol |
2015 |
2027 |
|
(28) |
Idrokarburi poliaromatiċi (PAHs, polyaromatic hydrocarbons) |
EQS inizjali = 2015 EQS rivedut (2013) = 2021 EQS rivedut (2026) = 2033 |
EQS inizjali = 2027 EQS rivedut (2013) = 2033 EQS rivedut (2026) = 2039 |
|
|
Benżo(a)piren |
Idem |
Idem |
|
|
Benżo(b)fluworanten |
Idem |
Idem |
|
|
Benżo(k)fluworanten |
Idem |
Idem |
|
|
Benżo(g,h,i)perilen |
Idem |
Idem |
|
|
Indeno(1,2,3-cd)piren |
Idem |
Idem |
|
|
Krisen |
2039 |
2045 |
|
|
Benżo(a)antraċen |
2039 |
2045 |
|
|
Dibenż(a,h)antraċen |
2039 |
2045 |
|
|
Fluworanten |
2039 |
2045 |
|
(29) |
Simażina |
Ittrasferit għal-lista tal-RBSP 2015 (jekk preżenti fl-Istat Membru) |
2027 |
|
(29a) |
Tetrakloroetilen |
2015 |
2027 |
|
(29b) |
Trikloroetilen |
2015 |
2027 |
|
(30) |
Komposti tat-tributillanda (18) (Katjon tat-tributillanda) |
EQS inizjali = 2015 EQS rivedut (2026) = 2033 |
EQS inizjali = 2027 EQS rivedut (2026) = 2039 |
|
(31) |
Triklorobenżin |
Ittrasferit għal-lista tal-RBSPS 2015 jekk preżenti fl-Istat Membru |
2027 |
|
(32) |
Triklorometan |
2015 |
2027 |
|
(33) |
Trifluralina |
2015 |
2027 |
|
(34) |
Dikofol |
EQS inizjali = 2027 EQS rivedut (2026) = 2033 |
EQS inizjali = 2039 EQS rivedut (2026) = 2039 |
|
(35) |
Aċidu perfluworoottansulfoniku (PFOS) u d-derivattivi tiegħu |
2027 |
2039 |
|
(36) |
Kwinossifen |
2027 |
2039 |
|
(37) |
Diossini u komposti simili għad-diossini |
EQS inizjali = 2027 EQS rivedut (2026) = 2033 |
EQS inizjali = 2039 EQS rivedut (2026) = 2039 |
|
(38) |
Aklonifen |
2027 |
2039 |
|
(39) |
Bifenoks |
2027 |
2039 |
|
(40) |
Ċibutrin |
2027 |
2039 |
|
(41) |
Ċipermetrina |
EQS inizjali = 2027 EQS rivedut (2026) = 2033 |
EQS inizjali = 2039 EQS rivedut (2026) = 2039 |
|
(42) |
Diklorvos |
2027 |
2027 |
|
(43) |
Eżabromoċiklododekan (HBCDD) (24) |
EQS inizjali = 2027 EQS rivedut (2026) = 2033 |
EQS inizjali = 2039 EQS rivedut (2026) = 2039 |
|
(44) |
Ettakloru u epossidu tal-ettakloru |
2027 |
2039 |
|
(45) |
Terbutrin |
2027 |
2039 |
|
(46) |
17 alfa-etinilestradjol (EE2) |
2039 |
2045 |
|
(47) |
17 beta-estradjol (E2) |
2039 |
2045 |
|
(48) |
Aċetamiprid |
2039 |
2045 |
|
(49) |
Ażitromiċina |
2039 |
2045 |
|
(50) |
Bifentrin |
2039 |
2045 |
|
(51) |
Bisfenol-A (BPA, bisphenol-A) |
2039 |
2045 |
|
(52) |
Karbamażepina |
2039 |
2045 |
|
(53) |
Klaritromiċina |
2039 |
2045 |
|
(54) |
Klotijanidina |
2039 |
2045 |
|
(55) |
Deltametrina |
2039 |
2045 |
|
(56) |
Diklofenak |
2039 |
2045 |
|
(57) |
Eritromiċina |
2039 |
2045 |
|
(58) |
Esfenvalerat |
2039 |
2045 |
|
(59) |
Estron (E1) |
2039 |
2045 |
|
(60) |
Glifosat |
2039 |
2045 |
|
(61) |
Ibuprofen |
2039 |
2045 |
|
(62) |
Imidakloprid |
2039 |
2045 |
|
(63) |
Nikosulfuron |
2039 |
2045 |
|
(64) |
Permetrin |
2039 |
2045 |
|
(65) |
Sustanzi per- u polifluworoalkilata (PFAS) – it-total ta’ 25 |
2039 |
2045 |
|
(66) |
Fidda |
2039 |
2045 |
|
(67) |
Tijakloprid |
2039 |
2045 |
|
(68) |
Tijametossam |
2039 |
2045 |
|
(69) |
Triklosan |
2039 |
2045 |
|
(70) |
It-total tas-sustanzi attivi fil-pestiċidi elenkati f’din it-tabella |
2039 |
2045 |
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2836/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)