9.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 149/46


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1131

tal-5 ta’ Ġunju 2023

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif imniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Gummies tal-vitamini fil-forma ta’ orsijiet oranġjo, b’piż medju ta’ madwar 3 g kull waħda, u gummy waħda li tikkonsisti fi (% skont il-piż):

—

ġulepp tal-malt (54,3)

—

sukrożju (35,0)

—

glukożju (5,6)

Barra minn hekk, gummy waħda għandha kontenut ta’ bejn 10 u 100 % tad-doża rakkomandata ta’ kuljum tal-vitamini u l-minerali li ġejjin:

—

vitamina A (bħala aċetat tar-retinol) 375 μg

—

vitamina B3 5 mg

—

vitamina B6 1 mg

—

vitamina B7 5 μg

—

vitamina C 20 mg

—

vitamina D 5 μg

—

vitamina E 10 mg

—

Selenju 10 μg

Addizzjonalment, huma preżenti s-sustanzi li ġejjin: Beta-karoten, luteina, likopen, pektina, ċitrat tas-sodju, aċidu ċitriku, żejt veġetali u togħma ta’ larinġ naturali.

Il-prodott huwa ppreżentat għall-bejgħ bl-imnut biex tinżamm is-saħħa jew il-benesseri ġenerali. Il-konċentrazzjoni ta’ vitamini, minerali u d-doża rakkomandata ta’ kuljum (gummy waħda kuljum) huma indikati fuq it-tikketta.

2106 90 98

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota Addizzjonali 5 tal-Kapitolu 21, in-Nota Addizzjonali 1 tal-Kapitolu 30, u l-kliem tal-kodiċijiet NM 2106 , 2106 90 u 2106 90 98 .

Minħabba l-kontenut għoli ta’ vitamini tiegħu, il-prodott tilef il-karatteristiċi ta’ ħlewwiet taz-zokkor tal-intestatura 1704 (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-Kapitolu 17, Ġenerali (esklużjoni), il-punt (b)).

Il-kompożizzjoni tal-prodott u t-tikkettar, li inter alia jinkludi informazzjoni dwar l-ammont ta’ vitamini għal kull unità ta’ doża, jindikaw li l-prodott huwa preparat tal-ikel għaż-żamma tas-saħħa jew tal-benesseri ġenerali (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-intestatura 2106 , il-punt (16)).

Il-prodott ma jissodisfax ir-rekwiżiti tan-Nota Addizzjonali 1 tal-Kapitolu 30, u għalhekk ma jistax jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 3004 .

Konsegwentement, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 2106 90 98 bħala preparat tal-ikel mhux speċifikati jew inklużi banda oħra.