|
8.5.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
357 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-28 ta' Frar 2006
li tagħti deroga mitluba mill-Awstrija skond id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni ta' l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli
(notifikata taħt id-dokument bin-numru C(2006) 590)
(Il-verżjoni bil-Ġermaniż biss hija awtentika)
(2006/189/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta' l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1) u b'mod partikolari t-tielet sottoparagrafu tal-paragrafu 2 ta' l-Anness III tagħha,
Billi:
|
(1) |
Jekk l-ammont ta' demel li Stat Membru biħsiebu japplika għal kull ettaru kull sena huwa differenti minn dak speċifikat fl-ewwel sentenza tat-tieni sottoparagrafu tal-paragrafu 2 ta' l-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tagħha, dak l-ammont għandu jiġi ffissat sabiex ma jippreġudikax il-kisba ta' l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 ta' dik id-Direttiva u għandu jkun ġustifikat fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi, bħalma huma, fil-każ attwali, staġuni twal ta' tkabbir u uċuħ b'rata ta' assorbiment tan-nitroġenu għolja. |
|
(2) |
L-Awstrija ressqet talba lill-Kummissjoni għal deroga taħt it-tielet sottoparagrafu tal-paragrafu 2 ta' l-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE. |
|
(3) |
Id-deroga mitluba tirrigwarda l-intenzjoni li għandha l-Awstrija li tippermetti l-applikazzjoni ta' 230 kg ta' nitroġenu mid-demel tal-bhejjem għal kull ettaru fis-sena fi stabbilimenti speċifiċi tal-bhejjem bovini u li għandhom raba' disponibbli għall-għoti tad-demel li tinżera' bil-ħaxix, b'uċuħ ta' ħaxix għall-konservazzjoni tan-nutrijenti jew pitravi jew uċuħ oħra li jinżergħu mal-ħaxix b'potenzjal baxx ta' skular ta' nitrati. Madwar 2 000 farm u 60 000 bhejjem ħajjin jikkorrispondu rispettivament għal 3 % tal-farms u 4 % tal-bhejjem ħajjin huma potenzjalment koperti mid-deroga. |
|
(4) |
Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE ġiet adottata u tapplika bl-istess mod għad-deroga li ntalbet. |
|
(5) |
It-Tielet Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati 2000-2003 fl-Awstrija juri li l-konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati għax-xtiewi fl-ilmijiet tal-wiċċ kienu taħt il-25mg/l fil-punti kollha ta' monitoraġġ. Il-konċentrazzjoni medja tas-siti kollha kienet 5.8 mg/l NO3. Il-konċentrazzjoni medja fl-ilma ta' l-art kienet ta' 19.6 mg/l. F'74 % tas-siti il-konċentrazzjoni medja kienet aktar baxxa minn 25 mg/l. L-ebda wieħed mil-lagi Awstrijaċi m'hu ewtrofiku. Analiżi tax-xejriet turi li l-kwalità ta' l-ilma hija stabbli fil-parti l-kbira tal-punti tal-postijiet minn fejn jittieħdu l-kampjuni. |
|
(6) |
In-numru ta' bhejjem ħajjin u l-utilizzazzjoni tal-fertilizzant minerali naqsu sostanzjalment fil-perjodu 1990/2003, bi tnaqqis ta' 21 % fil-bovini, 12 % fil-majjali u 6 % fin-numri ta' tjur tar-razzett. Fil-perjodu 2000-2002 l-applikazzjoni tan-Nitroġenu kienet fil-medja, rispettivament 47.8 kg kull ettaru u 35.4 kg kull ettaru fis-sena mid-demel tal-bhejjem u mill-fertilizzanti kimiċi, li jirrappreżentaw fost l-aktar ċifri baxxi fl-UE, b'xejra lejn it-tnaqqis ta' 7 % u 5 % rispettivament meta mqabbla mal-perjodu 1996/1999. |
|
(7) |
L-Awstrija, f'konformità mal-paragrafu 5 ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/676/KEE, timplimenta programm ta' azzjoni madwar it-territorju kollu tagħha. |
|
(8) |
Id-dokumenti anċillari li tressqu fin-notifika Awstrijaka juru li l-proposta għal ammont ta' 230 kg għal kull ettaru fis-sena ta' nitroġenu minn demel tal-bovini hija ġustifikata abbażi ta' kriterji oġġettivi bħalma huma staġuni twal tat-tkabbir u uċuħ b'rata ta' assorbiment tan-nitroġenu għolja. |
|
(9) |
Il-Kummissjoni, wara li eżaminat it-talba ta' l-Awstrija, tqis li l-ammont propost ta' 230 kg għal kull ettaru fis-sena mid-demel tal-bovini mhix se tippreġudika l-ksib ta' l-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KE, jekk jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet stretti. |
|
(10) |
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika f'rabta mal-programm ta' azzjoni attwali li jiskadi sa l-aħħar ta' l-2007. |
|
(11) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati stabbilit skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI
Artikolu 1
Id-deroga mitluba mill-Awstrija permezz ta' ittra tat-3 ta' Novembru 2005, bil-għan li jiġi permess ammont ogħla ta' demel tal-bhejjem minn dak previst fl-ewwel sentenza tat-tieni sottoparagrafu tal-paragrafu 2 ta' l-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, tingħata, suġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f'din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-għan ta' din id-deċiżjoni, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
|
(a) |
“farms tal-bovini” tfisser stabbilimenti b'aktar minn tliet bhejjem ħajjin, fejn mill-inqas żewġ terzi tal-bhejjem huma bovini, |
|
(b) |
“ħaxix” tfisser artijiet permanentement jew temporanjament bil-ħaxix (ġeneralment temporanja tfisser perjodu ta' erba' snin jew anqas), |
|
(ċ) |
“uċuħ miżrugħa flimkien mal-ħaxix”: ċereali tal-ħżin, qamħirrum tal-ħżin li miegħu għandu jinżara' qabel jew wara l-ħsad, ħaxix li jservi ta' catch crop, għaż-żamma bijoloġika tar-residwi tan-nitroġenu matul ix-xitwa, |
|
(d) |
“pitravi” tfisser pitravi għall-għalf. |
Artikolu 3
Ambitu
Din id-Deċiżjoni tapplika fuq bażi individwali u suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4, 5 u 6 għal farms tal-bovini fejn ir-rotazzjoni ta' l-uċuħ tinkludi aktar minn 70 % ta' uċuħ b'konsum partikolari tan-nitroġenu, li għandhom staġun twil ta' tkabbir.
Artikolu 4
Awtorizzazzjoni u impenn annwali
(1) Bdiewa li jridu jibbenefikaw minn deroga għandhom iressqu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti kull sena.
(2) Flimkien ma' l-applikazzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintrabtu bil-miktub li se jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 u 6.
Artikolu 5
Applikazzjoni tad-demel u fertilizzanti oħra
(1) L-ammont ta' demel tal-bhejjem li tingħata r-raba' fis-sena f'farms tal-bovini, inkluż mill-bhejjem infushom, m'għandux jeċċedi l-ammont ta' demel li jkun fih 230 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru, skond il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 sa 8.
(2) L-influssi totali tan-nitroġenu għandhom ikunu konformi mad-domanda għan-nutrijenti tal-wiċċ li qed jitqies kif ukoll il-provvista mill-ħamrija. L-applikazzjoni totali tan-nitroġenu mill-fertilizzanti m'għandhiex teċċedi l-280 kg għal kull ettaru fis-sena.
(3) Pjan ta' fertilizzazzjoni għandu jinżamm għal kull farm b'deskrizzjoni tar-rotazzjoni ta' l-uċuħ tar-raba' miżrugħa u l-għoti ppjanat ta' demel u fertilizzanti tan-nitroġenu u tal-fosfati. Għandu jkun disponibbli fil-farm kull sena kalendarja sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu.
Il-pjan ta' fertilizzazzjoni għandu jinkludi dan li ġej:
|
(a) |
in-numru ta' bhejjem ħajjin, deskrizzjoni tas-sistema ta' kif jinżammu u jinħażnu, inkluż il-volum disponibbli għall-ħżin tad-demel; |
|
(b) |
kalkolu tan-nitroġenu fid-demel (li minnu jitnaqqas kwalunkwe telf fiż-żamma u l-ħażna) u l-fosforu li jiġu prodotti fuq il-farm; |
|
(ċ) |
ir-rotazzjoni ta' l-uċuħ u r-raba' li jintuża għal kull wieħed, flimkien ma' tpinġija ta' mappa fejn huma indikati l-għelieqi u fejn jinsabu; |
|
(d) |
ir-rekwiżiti prevedibbli li jkollhom l-uċuħ għan-nitroġenu u l-fosforu; |
|
(e) |
l-ammont u t-tip ta' demel li jingħata barra l-artijiet tal-farm; |
|
(f) |
applikazzjoni tan-nitroġenu u l-fosforu mid-demel fuq kull għalqa (taqsimiet tal-farm li huma omoġeni f'dak li jirrigwarda ż-żrigħ u t-tip ta' ħamrija); |
|
(g) |
l-applikazzjoni tan-nitroġinu u l-fosforu b'fertilizzanti kimiċi kif ukoll fertilizzanti oħrajn fuq kull għalqa. |
Il-pjanijiet għandhom jiġu riveduti sa mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kwalunkwe bidliet fil-prassi agrikoli sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-pjanijiet u l-prassi agrikoli attwali.
(4) Kontijiet tal-fertilizzazzjoni għandhom jitħejjew minn kull farm. Għandhom jitressqu lill-awtorità kompetenti għal kull sena kalendarja.
(5) Kull farm li tibbenefika minn deroga individwali għandha taċċetta li l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' l-artikolu 4, il-pjan ta' fertilizzazzjoni u l-kontijiet tal-fertilizzazzjoni jkunu jistgħu jiġu suġġetti għall-kontroll.
(6) Għandha titwettaq perjodikament analiżi tan-nitroġenu u tal-fosforu fil-ħamrija għal kull farm li tibbenefika minn deroga individwali għallinqas darba kull erba' snin għal kull żona omoġena tal-farm, fir-rigward tar-rotazzjoni ta' l-uċuħ u l-karatteristiċi tal-ħamrija. Għandha tinħtieġ analiżi waħda għal kull 5 ettari ta' raba'.
(7) M'għandux jingħata d-demel fil-Ħarifa qabel il-koltivazzjoni tal-ħaxix.
(8) M'għandux jiġi applikat fertilizzant fuq art li hi 30 m jew inqas 'il bogħod minn lag.
Artikolu 6
Kopertura ta' l-art
70 % jew aktar mir-raba' disponibbli għall-għoti tad-demel fl-istabbiliment tal-bhejjem bovini kkonċernat għandu jiġi kkoltivat bil-ħaxix, b'uċuħ ta' ħaxix għall-konservazzjoni tan-nutrijenti jew pitravi u uċuħ oħra li jinżergħu flimkien mal-ħaxix b'potenzjal baxx ta' skular tan-nitrati. Il-bdiewa li jibbenefikaw minn deroga individwali għandhom iwettqu l-miżuri li ġejjin:
|
(a) |
Uċuħ ta' ħaxix għall-konservazzjoni tan-nutrijenti m'għandhomx jinħartu qabel l-1 ta' Marzu sabiex ikun żgurat li r-raba' tkun miksija bil-veġetazzjoni s-sena kollha sabiex jiġu rkuprati n-nitrati li jintilfu mis-saff sekondarju ta' ħamrija fil-Ħarifa u sabiex dan it-telf jiġi limitat fix-Xitwa. |
|
(b) |
Art li hi temporanjament bil-ħaxix għandha tinħarat fir-Rebbiegħa. |
|
(ċ) |
Ir-rotazzjoni ta' l-uċuħ m'għandhiex tinkludi pjanti leguminużi jew pjanti oħra li jassimilaw in-nitroġenu atmosferiku. Madankollu dan mhux se japplika għas-silla f'art bil-ħaxix li għandha inqas minn 50 % ta' silla u għall-barli u l-piżelli li jinżergħu flimkien mal-ħaxix |
Artikolu 7
Monitoraġġ
(1) Mapep li juru l-perċentwal ta' farms, il-perċentwal ta' bhejjem ħajjin u l-perċentwal ta' raba' koperti minn deroga individwali f'kull muniċipalità, għandhom jitħejjew mill-awtorità kompetenti u għandhom jiġu aġġornati kull sena.
Dawk il-mapep għandhom jitressqu quddiem il-Kummissjoni kull sena.
(2) Netwerk ta' monitoraġġ għall-kampjunar ta' l-ilma tal-wiċċ u l-ilma ta' l-art fil-baxx għandu jiġi stabbilit u miżmum sabiex jiġi evalwat l-impatt ta' deroga fuq il-kwalità ta' l-ilma. In-netwerk ta' monitoraġġ eżistenti għandu jissaħħaħ fid-distretti fejn 3 % jew aktar tal-farms kollha jibbenefikaw minn derogi individwali.
(3) Stħarriġ u analiżi tan-nutrijenti għandhom jipprovdu d-data dwar l-użu lokali tar-raba', ir-rotazzjoni ta' l-uċuħ u l-prassi agrikoli fuq farms li jibbenefikaw minn derogi individwali. Dawk id-data jistgħu jintużaw għal kalkoli bbażati fuq mudelli dwar is-serjeta' ta' skular tan-nitrati u tat-telf tal-fosforu minn għelieqi fejn jiġi applikat sa 230 kg ta' nitroġenu mid-demel tal-bhejjem għal kull ettaru fis-sena.
(4) Siti ta' monitoraġġ għandhom jiġu stabbiliti sabiex jipprovdu data dwar in-nitroġenu fl-ilma li jitlaq miż-żona ta' l-għeruq li jidħol fis-sistema ta' l-ilma ta' taħt l-art u dwar telf tan-nitroġenu minn tnixxija tal-wiċċ jew ta' taħt l-art, kemm jekk taħt kundizzjonijiet tad-deroga kif ukoll jekk le.
Artikolu 8
Rappurtar
(1) L-awtorità kompetenti għandha tressaq ir-riżultati tal-monitoraġġ lill-Kummissjoni kull sena, b'rapport konċiż dwar l-evoluzzjoni tal-kwalità ta' l-ilma u l-prassi ta' evalwazzjoni. Ir-rapport għandu jagħti informazzjoni dwar kif titwettaq l-evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-deroga permezz ta' kontrolli fuq il-livell ta' farms u għandu jinkludi informazzjoni dwar farms mhux konformi abbażi ta' riżultati ta' spezzjonijiet amministrattivi u fuq il-post.
(2) Ir-riżultati miksuba b'dan il-mod se jitqiesu mill-Kummissjoni fir-rigward ta' talba ġdida eventwali għal deroga.
Artikolu 9
Applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fil-kuntess tat-Tielet Programm ta' Azzjoni Awstrijak 2004-2007. Tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2007.
Artikolu 10
Din id-Deċiżoni hija indirizzata lir-Repubblika ta' l-Awstrija.
Magħmula fi Brussell, it-28 ta' Frar 2006.
Għall-Kummissjoni
Stavros DIMAS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 375, tal-31.12.1991, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).