Brussell, 28.7.2025

COM(2025) 442 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2016/792 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tad-djar


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2016/792 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tad-djar

1.SFOND

Skont ir-Regolament (UE) 2016/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tad-djar ( 1 ), il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati (ara l-Artikolu 10 dwar l-eżerċizzju tad-delega).

Din is-setgħa tikkonċerna l-iskopijiet li ġejjin:

·li temenda l-Anness I, sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-indiċijiet armonizzati fil-livell internazzjonali f’konformità mal-Klassifikazzjoni tal-Konsum Individwali skont l-Iskop (COICOP, Classification of Individual Consumption by Purpose) tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) (l-Artikolu 4(3));

·li żżid punti mal-lista fl-Artikolu 4(4), l-ewwel subparagrafu;

·li timmodifika l-lista stabbilita fl-Artikolu 5(8) biex tinkludi l-“logħob tal-azzard” fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP, Harmonised Index of Consumer Prices) u fl-HICP b’rati tat-taxxa kostanti (HICP-CT, HICP at constant tax rates).

Meta teżerċita s-setgħa li tadotta atti delegati, il-Kummissjoni trid tiżgura, f’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2016/792, li dawk l-atti jkunu ġustifikati u ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq l-unitajiet li jwieġbu. L-Artikolu 10(2) jirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni ssegwi l-prattika normali tagħha u tikkonsulta mal-esperti, inkluż fl-Istati Membri, bħala parti mill-ħidma preparatorja għall-att delegat.

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 10(5), il-Kummissjoni trid tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill malli tadotta att delegat.

2.BAŻI LEGALI

Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2016/792, is-setgħa li tadotta atti delegati tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mit-13 ta’ Ġunju 2016. Din is-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ ħames snin, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill iressqu oġġezzjoni għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

Il-Kummissjoni hija obbligata tfassal rapport dwar l-użu tas-setgħat delegati sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem kull perjodu ta’ ħames snin.

Dan ir-rapport jissodisfa dak l-obbligu.

3.L-EŻERĊIZZJU MILL-KUMMISSJONI TAS-SETGĦAT DELEGATI

Fl-2020, il-Kummissjoni ħarġet ir-rapport COM(2020) 354 final ( 2 ) li jkopri l-ewwel perjodu ta’ ħames snin tal-użu tas-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2016/792 u nnotat li, matul dak il-perjodu, is-setgħa li tadotta atti delegati ma kinitx ġiet eżerċitata.

Għall-perjodu ta’ wara, skont l-estensjoni b’mod taċitu tad-delega tas-setgħat, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa tagħha li tadotta atti delegati, kif mogħtija lilha skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2016/792, billi adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/3159 ( 3 ).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/3159 emenda r-Regolament (UE) 2016/792 f’dak li jirrigwarda:

·l-aġġornament tal-Anness I “Klassifikazzjoni Ewropea tal-Konsum Individwali skont l-Iskop (ECOICOP, European Classification of Individual Consumption according to Purpose)” għal verżjoni ġdida (“ECOICOP, Ver. 2’), f’konformità mas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2016/792; kif ukoll

·l-inklużjoni tal-logħob tal-azzard fl-HICP u fl-HICP-CT, skont is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5(8) tar-Regolament (UE) 2016/792.

L-emenda tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/792 kienet meħtieġa biex tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-indiċijiet tal-prezzijiet armonizzati fil-livell internazzjonali wara l-adozzjoni tal-COICOP 2018 tan-NU ( 4 ). L-emenda tippermetti allinjament tal-ECOICOP mal-COICOP riveduta tan-NU li jirrifletti l-bidliet sinifikanti fix-xejriet tal-konsum tal-unitajiet domestiċi minn mindu ġiet stabbilita l-COICOP oriġinali tan-NU fl-1999.

Il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-gruppi ta’ esperti, żviluppat gwida metodoloġika u b’hekk tiżgura livell suffiċjenti ta’ armonizzazzjoni għall-kompilazzjoni ta’ subindiċi għal-logħob tal-azzard. Għal din ir-raġuni, għamlet użu mis-setgħa tagħha li tadotta atti delegati stabbilit fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2016/792 biex tneħħi l-logħob tal-azzard mit-tabella tal-oġġetti esklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-HICP f’konformità mal-Artikolu 5(8) tal-istess Regolament. Għalhekk, il-logħob tal-azzard issa huwa inkluż fl-HICP bħala parti min-nefqa monetarja finali tal-unitajiet domestiċi għall-konsum.

L-att delegat se jibda japplika mix-xahar ta’ referenza ta’ Jannar 2026.

Bl-inklużjoni tal-logħob tal-azzard fl-HICP u fl-HICP-CT, is-setgħa ddelegata mogħtija biex jiġi emendat l-Artikolu 5(8) hija tterminata, peress li l-bidliet li saru possibbli permezz tiegħu diġà twettqu.

Il-konsistenza bejn il-klassifikazzjoni l-ġdida u l-lista ta’ oġġetti eżentati fit-tabella fl-Artikolu 5(8) tista’ tintlaqat mill-emenda tal-klassifikazzjoni. Għalhekk, kif stabbilit fir-raba’ preambolu tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/3159, f’każ ta’ differenzi, it-tabella jenħtieġ li tinftiehem bħala li tirreferi għall-klassifikazzjoni emendata għall-prodotti elenkati li jifdal.

Biex jiġu indirizzati l-kost u l-piż fuq l-Istati Membri, kif stabbilit fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2016/792, ġie allokat appoġġ finanzjarju mill-baġit ġenerali tal-UE permezz ta’ għotjiet, abbażi tal-proposti tal-Istati Membri u skont il-ħtiġijiet biex jiġu appoġġati l-bidliet meħtieġa fis-sistemi tal-produzzjoni nazzjonali tagħhom biex jakkomodaw it-tranżizzjoni għall-klassifikazzjoni l-ġdida tal-COICOP u biex iħejju għall-inklużjoni tal-logħob tal-azzard.

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar it-trattament tal-logħob tal-azzard ( 5 ) saru disponibbli wkoll għall-Istati Membri u għal dawk li wieġbu biex jappoġġawhom fl-implimentazzjoni ta’ din il-bidla.

Il-bidliet għar-Regolament (UE) 2016/792, li tqiesu meħtieġa biex jinżammu standards għoljin ta’ preċiżjoni statistika tal-HICP, ġew diskussi ma’ esperti mill-Istati Membri, kif meħtieġ skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 10(2) tal-istess Regolament.

Ġew osservati wkoll sinerġiji fl-adozzjoni taż-żewġ bidliet flimkien.

B’mod ġenerali, l-użu tas-setgħat delegati mill-Kummissjoni se jtejjeb ir-rilevanza tal-indiċijiet tal-prezzijiet armonizzati biex jirriflettu l-istrutturi ekonomiċi attwali u l-ogħla standards statistiċi.

4.KONKLUŻJONI

Bl-adozzjoni tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/3159, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa tagħha li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/792.

Il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li żżomm is-setgħat delegati previsti mir-Regolament (UE) 2016/792. Is-setgħat biex jiġi mmodifikat l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2016/792 jew biex ikompli jinbidel l-Anness I jibqgħu essenzjali biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet futuri li jirriżultaw mill-iżviluppi fl-inflazzjoni. B’riżultat ta’ dan, l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi tal-prezzijiet tad-djar se jittejbu, sabiex ikomplu jissodisfaw standards għoljin f’termini ta’ kwalità u komparabbiltà.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)

() Regolament (UE) 2016/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tad-djar, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 11, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2016/792/oj ).

(2)

()    Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2016/792 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tad-djar, COM(2020)354 final .

(3)

()    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/3159 tat-2 ta’ Settembru 2024, li jemenda r-Regolament (UE) 2016/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tad-djar, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-konsum u l-inklużjoni tal-logħob tal-azzard (ĠU L, 2024/3159, 20.12.2024, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg_del/2024/3159/oj/eng?eliuri=eli%3Areg_del%3A2024%3A3159%3Aoj&locale=mt ) .

(4)

()    Ara l-pubblikazzjoni tad-Diviżjoni tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti, UNSD — COICOP .

(5)

()     Recommendations on the treatment of games of chance in the HICP - December 2024