31.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/19


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1236

tal-25 ta’ Awwissu 2020

li tawtorizza lin-Netherlands japplikaw estensjoni għal ċerti perjodi speċifikati fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2020) 5745)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2020/698 jestendi l-limiti taż-żmien għat-tlestija, mid-detentur ta’ ċertifikat ta’ kompetenza professjonali (CPC), ta’ taħriġ perjodiku li kieku skadew jew jiskadu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020. L-Artikolu 2(2) tar-Regolament jestendi l-validità tal-immarkar korrispondenti tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95”.

(2)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/698 jestendi l-validità tal-liċenzji tas-sewqan li kieku skadew jew jiskadu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020.

(3)

B’ittra bid-data tal-1 ta’ Lulju 2020, in-Netherlands ippreżentaw talba motivata għal awtorizzazzjoni biex japplikaw estensjoni għal ċerti perjodi speċifikati fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (UE) 2020/698. B’ittra bid-data tad-29 ta’ Lulju 2020, in-Netherlands ippreżentaw talba motivata riveduta. Permezz ta’ dik it-talba riveduta, l-ewwel nett, in-Netherlands qed ifittxu awtorizzazzjoni għal estensjoni ta’ tliet xhur tal-perjodi bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020 speċifikati fl-Artikolu 2(1), għall-finijiet ta’ dik id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 2(2), u fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/698. It-tieni, qed ifittxu awtorizzazzjoni li japplikaw estensjoni ta’ xahrejn għall-perjodi ta’ seba’ xhur speċifikati fl-Artikolu 2(1) u (2) u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/698. In-Netherlands ipprovdew informazzjoni addizzjonali biex isostnu t-talba tagħha fit-30 ta’ Lulju 2020.

(4)

Skont l-informazzjoni pprovduta min-Netherlands, it-tlestija tat-taħriġ perjodiku, l-immarkar tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni “95” u t-tiġdid tal-liċenzji tas-sewqan fin-Netherlands x’aktarx jibqgħu imprattikabbli wara l-31 ta’ Awwissu 2020 minħabba miżuri li ħadu biex jevitaw jew irażżnu t-tixrid tal-COVID-19.

(5)

B’mod partikolari, in-Netherlands issospendew temporanjament kull taħriġ perjodiku skont id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Dan irriżulta fil-kanċellazzjoni ta’ madwar 30 000 kors li kieku kienu jiġu pprovduti f’ċirkostanzi normali. Minħabba f’hekk, madwar 2 400 sewwieq professjonali naqsu milli jġeddu s-CPC tagħhom fil-ħin.

(6)

Il-korsijiet perjodiċi ta’ taħriġ issa reġgħu bdew u qed jiġu ppjanati korsijiet addizzjonali, minbarra l-klassijiet regolari li kienu diġà ppjanati minn Mejju 2020 sa tmiem l-2020. Madankollu, il-miżuri meħtieġa għat-trażżin tal-COVID-19 għadhom jimponu restrizzjonijiet f’dan ir-rigward. L-istituti tat-taħriġ iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti tal-Istitut Nazzjonali għas-Saħħa Pubblika u l-Ambjent (3), pereżempju billi jippermettu lill-persuni biex, kemm jista’ jkun, iżommu bogħod ta’ mill-inqas 1,5 metru minn xulxin.

(7)

Is-sitwazzjoni hija partikolarment problematika fir-rigward tat-taħriġ perjodiku għas-sewwieqa tal-karozzi tal-linja. Skont l-informazzjoni pprovduta min-Netherlands, ħafna sewwieqa li kienu qed iwettqu l-attività ta’ xufiera tal-vetturi li jintużaw għat-trasport tal-passiġġiera fl-10 ta’ Settembru 2008, kisbu CPC bħala dritt akkwiżit skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/59/KE. Fil-prattika, u skont l-Artikolu 4, l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2003/59/KE, ħafna mis-CPCs li ngħataw b’dan il-mod skadew fl-ewwel nofs ta’ Settembru 2015, peress li n-Netherlands għamlu użu mill-possibbiltà li jestendu l-perjodu msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2003/59/KE b’mhux aktar minn seba’ snin. Min-naħa tagħhom, is-sewwieqa b’liċenzja tal-kategorija D1, D1+E, D jew D+E li ġeddew il-liċenzja CPCs tagħhom ftit qabel l-iskadenza tagħhom fl-2015 għandhom jerġgħu jġeddu s-CPCs tagħhom qabel jiskadu fl-10 ta’ Settembru 2020. Il-maġġoranza l-kbira tas-sewwieqa tal-karozzi tal-linja fin-Netherlands jinsabu f’din is-sitwazzjoni. Mhuwiex ċert jekk il-kapaċità fl-istituti tat-taħriġ tippermettilhomx kollha jlestu t-taħriġ perjodiku tagħhom fil-ħin. Barra minn hekk, minħabba l-fatt li t-trasport pubbliku reġa’ beda jsegwi l-iskeda normali, hemm inqas żmien disponibbli għas-sewwieqa biex jipparteċipaw fil-korsijiet.

(8)

Fir-rigward tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa skont id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), in-Netherlands jirreferu għar-restrizzjonijiet temporanji fuq l-eżerċizzju tal-professjonijiet li jinvolvu kuntatt fiżiku. Dawk ir-restrizzjonijiet affettwaw l-eżamijiet mediċi neċessarji li jistabbilixxu l-kundizzjoni fiżika u mentali għas-sewqan ta’ persuna (“l-eżamijiet mediċi”). B’riżultat ta’ dan, il-medja tar-rapporti mediċi bbażati fuq tali eżamijiet sottomessi lill-awtorità nazzjonali tal-liċenzji (CBR (5)) ta’ kull ġimgħa naqset b’mod sostanzjali. Minħabba l-miżuri li ttieħdu biex jiġi evitat jew jitrażżan it-tixrid tal-COVID-19 fin-Netherlands, kien hemm 28 000 eżami mediku li ġew posposti u li għadhom iridu jitwettqu, minbarra dawk li jridu jsiru issa jew fil-futur qrib għal-liċenzji li se jiskadu dalwaqt.

(9)

Hemm madwar 25 000 tabib li jagħmlu l-eżamijiet mediċi fin-Netherlands. Iż-żmien meħtieġ biex jitwettqu t-28 000 eżami mediku li ġew posposti jiddependi ħafna fuq il-livell u l-ħeffa li bihom it-tobba jkunu jistgħu jerġgħu jibdew dawk il-kompiti. Għal bosta tobba fin-Netherlands, it-twettiq ta’ eżamijiet mediċi għat-tiġdid ta’ liċenzji tas-sewqan huwa biss wieħed mill-ħafna kompiti li għandhom. B’riżultat tax-xogħol addizzjonali involut fl-indirizzar tal-pandemija tal-COVID-19, it-tobba ma setgħux iwettqu eżamijiet mediċi daqs kemm kienu normalment iwettqu.

(10)

Skont l-informazzjoni pprovduta min-Netherlands, mhuwiex ċar sa liema punt u b’liema veloċità se tirkupra l-attività meħtieġa tat-tobba. Huwa mistenni li l-kapaċità medika gradwalment tirkupra filwaqt li d-domanda għall-eżamijiet mediċi se tiżdied bħala riżultat tal-perjodu ta’ lockdown. Għalhekk, huwa mistenni li, anke wara li l-għadd ta’ eżamijiet mediċi li jitwettqu jerġa’ lura għal-livell normali ta’ qabel il-COVID-19, l-effetti tal-posponiment tal-eżamijiet mhux se jiġu solvuti qabel Mejju 2021.

(11)

Skont in-Netherlands, huwa impossibbli li jiġi previst b’mod preċiż kemm se jkun hemm persuni li mhux se jkunu jistgħu jġeddu l-liċenzji tas-sewqan tagħhom skaduti jew li jiskadu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020, fil-ħin. Dan jiddependi ħafna fuq id-disponibbiltà tat-tobba, li hija determinata parzjalment fuq bażi reġjonali. Fi kwalunkwe każ, huwa inevitabbli li xi wħud mill-persuni li japplikaw għat-tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan tagħhom se jdumu ma jinqdew minħabba l-listi ta’ stennija fis-sistema tal-kura tas-saħħa, b’mod partikolari madwar 15 % tal-persuni li jeħtieġu jaraw aktar minn tabib wieħed. Iż-żmien medju meħtieġ għat-tiġdid ta’ liċenzja għall-persuni li jeħtieġu eżami mediku biex tiġi stabbilita l-kapaċità għas-sewqan tagħhom huwa ta’ 125 jum meta jiġi kkonsultat tabib wieħed u 179 jum meta jiġu kkonsultati diversi tobba.

(12)

Abbażi ta’ data pprovduta mis-CBR, il-Ministeri għall-Infrastruttura u l-Ġestjoni tal-Ilma (6) jistenna li x-xogħol b’lura tal-eżamijiet mediċi jkun ta’ madwar 20 000 fl-1 ta’ Diċembru 2020. Jekk wieħed jassumi li l-kapaċità medika se terġa’ tkun laħqet livell normali sal-ewwel kwart tal-2021, x’aktarx li x-xogħol b’lura jkompli jkollu impatt fuq is-sewwieqa b’liċenzji li jiskadu mill-1 ta’ Diċembru 2020. Madankollu, huwa mistenni li l-estensjoni mitluba kemm għall-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020 kif ukoll għall-perjodi li bihom tiġi estiża l-validità tal-liċenzji tas-sewqan li kieku kienu jiskadu, jew li skadew, se tkun biżżejjed biex tiżgura li l-persuni interessati kollha jkunu jistgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li n-Netherlands jiġu awtorizzati japplikaw estensjoni għall-perjodi bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020 u għall-perjodi ta’ seba’ xhur speċifikati fl-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/698.

(14)

In-Netherlands qablu li din id-Deċiżjoni tiġi adottata u notifikata bl-Ingliż,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

In-Netherlands huma awtorizzati japplikaw l-estensjonijiet li ġejjin għall-perjodi speċifikati fl-Artikolu 2(1) u (2) u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/698:

(a)

estensjoni ta’ tliet xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020 kif speċifikat fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2020/698, għall-finijiet tal-Artikolu 2(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament;

(b)

estensjoni ta’ xahrejn għall-perjodi ta’ seba’ xhur, kif speċifikat fl-Artikolu 2(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament;

(c)

estensjoni ta’ tliet xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020, kif speċifikat fl-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-Regolament;

(d)

estensjoni ta’ xahrejn għall-perjodu ta’ seba’ xhur, kif speċifikat fl-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Adina-Ioana VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 165, 27.5.2020, p. 10.

(2)  Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għall-ġarr ta’ merkanzija jew passiġġieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4).

(3)  Rijksinstituut voor Volksgezondheid en Milieu, RIVM.

(4)  Id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18).

(5)  Centraal Bureau Rijvaardigheidsbewijzen.

(6)  Ministerie van Infrastructuur en Waterstaat