|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2024/890 |
19.3.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/890
tat-18 ta’ Marzu 2024
li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1), 41(2), 42(4) u 30(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, bl-appoġġ tal-Kummissjoni,
Billi:
|
(1) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-29 u t-30 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-Unjoni tinsab lesta li tipprovdi appoġġ militari sostenibbli lill-Ukrajna sakemm ikun hemm bżonn, b’mod partikolari permezz tal-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-UE b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine) u l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (il-“Faċilità”) bħala parti mill-isforzi ġenerali tal-Unjoni biex tikkontribwixxi, flimkien mas-sħab, għal impenji futuri ta’ sigurtà lill-Ukrajna, li ser jgħinu lill-Ukrajna tiddefendi lilha nnifisha fit-tul. |
|
(2) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-26 u s-27 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill Ewropew ikkonferma mill-ġdid li l-appoġġ militari għall-Ukrajna ser jitkompla, l-aktar permezz tal-Faċilità u l-EUMAM Ukraine, kif ukoll permezz ta’ assistenza bilaterali mill-Istati Membri. Il-Kunsill Ewropew issottolinja l-importanza tal-isforzi tal-Istati Membri u, fit-terminu immedjat, il-ħtieġa li jaċċelleraw l-għoti ta’ appoġġ militari lill-Ukrajna biex jgħinu sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet militari u ta’ difiża urġenti tagħha, inkluż missili u munizzjon, b’mod partikolari fi ħdan l-inizjattiva ta’ miljun balla ta’ munizzjon tal-artillerija, kif ukoll sistemi ta’ difiża tal-ajru biex tipproteġi l-poplu tagħha u l-infrastruttura kritika u tal-enerġija tagħha. Fuq terminu itwal, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ser jikkontribwixxu, flimkien mas-sħab, għal impenji futuri ta’ sigurtà għall-Ukrajna, li ser jgħinu lill-Ukrajna tiddefendi lilha nnifisha, tirreżisti l-isforzi ta’ destabbilizzazzjoni u tiskoraġġixxi atti ta’ aggressjoni fil-futur. |
|
(3) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ser ikomplu jindirizzaw il-ħtiġijiet militari u ta’ difiża urġenti tal-Ukrajna. B’mod partikolari, il-Kunsill Ewropew insista fuq l-importanza ta’ appoġġ militari f’waqtu, prevedibbli u sostenibbli għall-Ukrajna, b’mod partikolari permezz tal-Faċilità u l-EUMAM Ukraine, kif ukoll permezz ta’ assistenza bilaterali diretta minn Stati Membri. Il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kunsill jintensifika l-ħidma fuq ir-riforma tal-Faċilità u ż-żieda ulterjuri tal-finanzjament tagħha, filwaqt li jibni fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) |
|
(4) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-1 ta’ Frar 2024, Il-Kunsill Ewropew eżamina l-ħidma fil-Kunsill dwar l-appoġġ militari għall-Ukrajna taħt il-Faċilità u ż-żieda proposta tal-limitu massimu finanzjarju globali tagħha. Il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kunsill biex jilħaq qbil sal-bidu ta’ Marzu 2024 biex tiġi emendata d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) abbażi tal-proposta tar-Rappreżentant Għoli għal Fond ta’ Assistenza għall-Ukrajna u l-modalitajiet ewlenin proposti, b’kont meħud tas-suġġerimenti mill-Istati Membri. |
|
(5) |
Il-limitu massimu finanzjarju tal-Faċilità jenħtieġ għalhekk li jiżdied b’ammont ta’ EUR 5 000 miljun (fi prezzijiet attwali) iddedikat biex ikomplu jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-Forzi Armati Ukreni permezz ta’ appoġġ għall-forniment ta’ appoġġ u taħriġ militari kemm letali kif ukoll mhux letali (l-“ammont iddedikat”). |
|
(6) |
Qabel l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, ġiet pprovduta orjentazzjoni strateġika għall-ammont iddedikat, f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. Il-Kumitat tal-Faċilità stabbilit skont l-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 irid jiddeċiedi dwar l-użu tal-ammont iddedikat, skont l-Artikolu 2(3) ta’ dik id-Deċiżjoni, mhux aktar tard minn xahar wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(7) |
L-implimentazzjoni tal-limitu massimu finanzjarju miżjud tal-Faċilità jenħtieġ li tirrispetta l-limitu massimu għall-pagamenti miftiehma għall-2024 u tkun artikolata b’mod li jkun konsistenti mal-elementi u l-modalitajiet ewlenin deskritti fil-Premessi 8 sa 14 ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(8) |
L-appoġġ militari lill-Ukrajna taħt l-ammont iddedikat jenħtieġ li jkompli jkun xprunat mill-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-Forzi Armati Ukreni, filwaqt li jfittex li jimmassimizza l-valur miżjud tal-UE u jikkomplementa l-isforzi bilaterali, u jenħtieġ li jiġi artikolat permezz ta’ approċċ aktar strutturat, effiċjenti u prammatiku, bl-użu ta’ akkwist konġunt miżjud mill-industrija Ewropea tad-difiża (u n-Norveġja). |
|
(9) |
L-akkwist konġunt miżjud biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-Ukrajna skont l-ammont iddedikat jenħtieġ li jibbaża fost l-oħrajn fuq it-tagħlimiet meħuda mill-inizjattiva ta’ munizzjon fuq tliet binarji, inkluż l-importanza li jittieħed vantaġġ minn strutturi nazzjonali tal-akkwist li jiffunzjonaw tajjeb kif ukoll minn kuntratti qafas eżistenti, filwaqt li jiġu sfruttati kemm approċċ ta’ nazzjon ewlieni kif ukoll l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), u inkluż l-akkwist konġunt tat-tagħmir tad-difiża meħtieġ mill-industrija tad-difiża Ewropea u n-Norveġja, inkluż intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, filwaqt li jippermetti flessibbiltà fil-ktajjen tal-provvista li jistgħu jinkludu operaturi stabbiliti jew li jkollhom il-produzzjoni tagħhom barra mill-Unjoni jew min-Norveġja. Id-dispożizzjonijiet meħtieġa ser jiġu stabbiliti f’miżuri ta’ assistenza individwali għall-akkwist konġunt mill-industrija Ewropea tad-difiża (u n-Norveġja), filwaqt li jitqiesu l-koalizzjonijiet tal-kapaċità fil-qafas tal-Grupp ta’ Kuntatt għad-Difiża tal-Ukrajna (UDCG), u f’konformità mar-regoli ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità. Inizjattivi ta’ akkwist konġunt li jlaqqgħu flimkien is-sħab Ewropej u Ukreni tal-industrija tad-difiża, inkluż permezz ta’ impriżi konġunti, jenħtieġ li jiġu promossi, filwaqt li jitqiesu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. |
|
(10) |
Jenħtieġ li r-rimborż tal-konsenji l-oħra tal-Istati Membri minn stokkijiet, xiri unilaterali u konġunt ta’ tagħmir disponibbli fis-suq, u akkwist unilaterali taħt l-ammont iddedikat ikun limitat wara perjodu ta’ tranżizzjoni, soġġett għal valutazzjoni fil-Kumitat tal-Faċilità u filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet militari prijoritarji tal-Ukrajna, ladarba l-ammont iddedikat ikun kważi eżawrit. Dawk il-konsenji ser ikomplu jkunu eliġibbli sa data li tiġi ddeterminata mill-Kunsill skont l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2022/338 (2) u (PESK) 2022/339 (3), b’kont meħud tal-ħtiġijiet militari prijoritarji tal-Ukrajna. Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi hawn fuq, jenħtieġ li l-konsenji tal-Istati Membri mill-akkwist konġunt konklużi fil-qafas tal-koalizzjonijiet tal-kapaċità fil-qafas tal-Grupp ta’ Kuntatt għad-Difiża tal-Ukrajna (UDCG), jagħtu prijorità lill-industrija Ewropea tad-difiża (u lin-Norveġja), filwaqt li, b’mod eċċezzjonali, jippermettu flessibbiltà f’każijiet fejn ma tkunx tista’ tagħmel konsenja f’perjodu ta’ żmien kompatibbli mal-ħtiġijiet tal-Ukrajna, f’konformità mar-regoli ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità. |
|
(11) |
L-appoġġ militari taħt l-ammont iddedikat jenħtieġ li jiżgura l-kontinwazzjoni ta’ “taħriġ u tagħmir” ipprovdut permezz tal-EUMAM Ukraine, f’konformità mal-ħtiġijiet ta’ taħriġ li qed jevolvu tal-Forzi Armati Ukreni. |
|
(12) |
L-arranġamenti ta’ governanza jenħtieġ li jittejbu fl-implimentazzjoni tal-ammont iddedikat, fost l-oħrajn, permezz ta’ metodoloġija ta’ valwazzjoni riveduta, li tiġi miftiehma mill-Kumitat tal-Faċilità, għall-konsenji tal-Istati Membri mill-istokkijiet mit-18 ta’ Marzu 2024, permezz tal-istabbiliment ta’ rata fissa ta’ rimborż, u bl-użu tal-possibbiltà li l-valur tar-rimborż li jiġi riċevut għall-appoġġ mogħti in natura (4) taħt il-Faċilità minn Stat Membru jiġi kkumpensat bil-kontribuzzjonijiet finanzjarji ordinarji tiegħu dovuti fl-istess sena, f’konformità mar-regoli ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità u l-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. It-tpaċija applikata lil Stat Membru wieħed ma taffettwax il-kontribuzzjonijiet ta’ Stati Membri oħra jew il-likwidità tal-Faċilità. |
|
(13) |
Appoġġ militari ser jingħata b’rispett sħiħ għall-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża ta’ ċerti Stati Membri, filwaqt li jiġu żgurati t-trasparenza u t-traċċabbiltà tal-appoġġ iffinanzjat mill-Faċilità, u filwaqt li jitqiesu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Istati Membri kollha. |
|
(14) |
Eċċezzjonalment, meta Stat Membru jkun għamel dikjarazzjoni formali skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(1) TUE u jkun astjena mill-adozzjoni ta’ miżura ta’ assistenza li tiġi ffinanzjata b’dan l-ammont iddedikat, jenħtieġ li dak l-Istat Membru ma jikkontribwixxix għall-ispejjeż ta’ dik il-miżura. Minflok, dak l-Istat Membru jenħtieġ li jikkontribwixxi ammont addizzjonali għal miżuri oħra ta’ assistenza. |
|
(15) |
Jistgħu jiġu previsti aktar żidiet annwali komparabbli sal-2027, abbażi tal-ħtiġijiet tal-Ukrajna u soġġetti għal gwida politika mill-Kunsill. |
|
(16) |
Għaldaqstant, id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 hija emendata kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: “1. Il-limitu finanzjarju massimu għall-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-perjodu 2021 sal-2027 għandu jkun ta’ EUR 17 040 000 000 fi prezzijiet attwali.” |
|
(2) |
fl-Artikolu 73, il-paragrafu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej: “10. Mit-18 ta’ Marzu 2024, ammont ta’ EUR 5 000 000 000 fi prezzijiet attwali għandu jiġi ddedikat għall-għoti ta’ appoġġ addizzjonali lill-Ukrajna (l-“ammont iddedikat”) taħt il-limiti massimi annwali stabbiliti fl-Anness I. Il-Kumitat għandu jiddeċiedi dwar l-użu tal-ammont iddedikat skont l-Artikolu 2(3) mhux aktar tard minn xahar wara t-18 ta’ Marzu 2024. Eċċezzjonalment, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(3), f’każijiet fejn Stat Membru jkun astjena f’vot u għamel dikjarazzjoni formali f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(1) TUE fir-rigward ta’ miżura ta’ assistenza li għandha tiġi ffinanzjata mill-ammont iddedikat, dak l-Istat Membru ma għandux jikkontribwixxi għall-ispejjeż ta’ dik il-miżura ta’ assistenza. F’dak il-każ, dak l-Istat Membru għandu jagħmel kontribuzzjoni addizzjonali għal miżuri oħra ta’ assistenza. Għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikoli 26(7) u 27 għal tali kontribuzzjonijiet, referenza f’dawk l-Artikoli għall-Artikolu 5(3) għandha tinftiehem bħala referenza għal dan il-paragrafu.” |
|
(3) |
l-Anness I huwa sostitwit b’dan li ġej: “ANNESS I LIMITI MASSIMI FINANZJARJI ANNWALI L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati fil-limiti tal-ammonti li ġejjin, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17(3) u (3a) u soġġett għall-Artikolu 73(2) u (10):
|
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Marzu 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/338 tat-28 ta’ Frar 2022 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi għall-provvista lill-Forzi Armati Ukreni ta’ tagħmir u pjattaformi militari, imfassla biex iwasslu forza letali (ĠU L 60, 28.2.2022, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/339 tat-28 ta’ Frar 2022 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati Ukreni (ĠU L 61, 28.2.2022, p. 1).
(4) “ in natura” tfisser kwalunkwe appoġġ materjali kif ipprovdut taħt il-miżuri ta’ assistenza tal-Faċilità, bħal tagħmir u/jew manutenzjoni, tiswija u risistemazzjoni.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/890/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)