|
30.1.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 24/17 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/144
tat-28 ta' Jannar 2015
li tistabbilixxi l-proċeduri għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal għotjiet u talbiet ta' ħlas, u t-tagħrif marbut ma' dawn, fir-rigward tal-miżuri ta' emerġenza kontra l-mard tal-annimali msemmi fir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2015) 250)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 652/2014 jista' jingħata finanzjament lill-Istati Membri għall-miżuri ta' emerġenza li jittieħdu minħabba li tiġi kkonfermata waħda mill-mardiet tal-annimali elenkati fl-Anness I ta' dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Biex tkun żgurata ġestjoni finanzjarja tajba, u biex jasal malajr kull tagħrif dwar il-ġestjoni tal-mard, jixraq li jiġu stabbiliti d-dati ta' skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal għotjiet u talbiet ta' ħlas mingħand l-Istati Membri, u li jiġi speċifikat it-tagħrif li dawn iridu jagħtu. B'mod partikolari, għandhom jingħataw l-ewwel stimi tal-ispejjeż li jġarrbu l-Istati Membri u l-aġġornamenti tagħhom.. |
|
(3) |
Jeħtieġ li tiġi speċifikata r-rata li għandha tintuża għall-kambju tal-istimi u tat-talbiet għall-ħlas li jippreżentaw dawk l-Istati Membri li ma jużawx l-euro bħala munita nazzjonali. |
|
(4) |
Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Informazzjoni preliminari
Fi żmien 30 jum wara li tiġi kkonfermata uffiċjalment tifqigħa ta' waħda mill-mardiet elenkati fl-Anness I ta' dak ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jagħtu tagħrif preliminari dwar il-kategoriji ta' annimali u prodotti kkonċernati, u l-valuri tas-suq għal kull waħda minn dawn il-kategoriji, permezz ta' fajl elettroniku mfassal fuq il-mudell stabbilit fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.
Fl-istess waqt, l-Istati Membri għandhom jagħtu deskrizzjoni tal-azzjonijiet fis-seħħ u dawk ippjanati, u tal-leġiżlazzjoni dwar id-determinazzjoni tal-valuri tal-annimali u tal-prodotti li jridu jiġu kumpensati.
Artikolu 2
It-tagħrif dwar l-ispejjeż stmati
Mhux aktar tard minn xahrejn wara li tiġi kkonfermata uffiċjalment tifqigħa tal-marda, l-Istati Membri għandhom iressqu applikazzjoni għal għotja skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 652/2014 lill-Kummissjoni, permezz ta' fajl elettroniku mfassal fuq il-mudell tal-“Baġit Preliminari” stabbilit fl-Anness II dwar dawn li ġejjin:
|
(a) |
l-ispejjeż stmati ta' kumpens għas-sidien, kif imsemmi fl-Artikolu 8(1)(a) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 652/2014; |
|
(b) |
l-ispejjeż operazzjonali stmati, kif imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b) u (d) sa (g) tar-Regolament (UE) Nru 652/2014; |
|
(c) |
fejn ikun japplika, stima ta' spejjeż oħrajn li jkunu essenzjali għall-qerda tal-marda, kif imsemmi fl-Artikolu 8(1)(h) tar-Regolament (UE) Nru 652/2014, bil-ġustifikazzjonijiet rilevanti mhemużin. |
Id-deskrizzjoni tal-azzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 1 titqies bħala parti mill-applikazzjoni għal għotja.
Kull xahrejn wara l-preżentazzjoni tat-tagħrif imsemmi fl-ewwel paragrafu, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw tagħrif aġġornat dwar l-ispejjeż imsemmijin f'dak il-paragrafu.
Artikolu 3
It-talbiet ta' ħlas
Fi żmien sitt xhur wara d-data tat-tmiem stabbilita fid-deċiżjoni dwar il-finanzjament jew wara l-konferma tal-qerda tal-marda, skont liema waħda tiġi l-ewwel, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni:
|
(a) |
it-talba ta' ħlas tal-ispejjeż eliġibbli li jkunu ġġarrbu, permezz ta' fajl elettroniku mfassal fuq il-mudell stabbilit fl-Anness III ta' din id-Deċiżjoni; |
|
(b) |
id-dettalji tal-ispejjeż li jiġġustifikaw it-talba ta' ħlas, bit-tagħrif iddettaljat dwar in-nefqiet li jkunu saru fil-kategoriji differenti tan-nefqiet eliġibbli, permezz ta' fajl elettroniku mfassal fuq il-mudell stabbilit fl-Anness IV ta' din id-Deċiżjoni; |
|
(c) |
rapport tekniku bi qbil mal-Anness V ta' din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 4
Ir-rata tal-kambju
Meta l-ammonti tal-ispejjeż stmati jew tan-nefqa mġarrba minn Stat Membru jkunu f'munita differenti mill-euro, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkonvertihom għall-euro bl-aktar rata riċenti li tkun stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-ewwel jum ta' dak ix-xahar li fih l-Istat Membru jkun applika għall-għotja.
Artikolu 5
Id-destinatarji
Din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Jannar 2015.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
ANNESS I
TAGĦRIF PRELIMINARI DWAR IL-KATEGORIJI TAL-ANNIMALI JEW TAL-PRODOTTI KIF IMSEMMIJIN FL-ARTIKOLU 1
ANNESS IV
INFORMAZZJONI DETTALJATA TAL-ISPEJJEŻ KIF IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3(b)
ANNESS V
L-KONTENUT TAR-RAPPORT TEKNIKU KIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 3(c)
Ir-rapport tekniku finali għandu jkun fih mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:
|
1. |
id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-implimentazzjoni tal-miżuri; |
|
2. |
deskrizzjoni tal-miżuri tekniċi implimentati, flimkien maċ-ċifri ewlenin; |
|
3. |
Mapep epidemjoloġiċi; |
|
4. |
il-livell ta' kisba tal-miri u d-diffikultajiet tekniċi; |
|
5. |
ir-riżultati tal-inkjesti epidemjoloġiċi; |
|
6. |
informazzjoni epidemjoloġika rilevanti oħra: il-mortalità, il-morbidità, id-distribuzzjoni tal-etajiet tal-annimali mejta u r-reatturi pożittivi, il-leżjonijiet li nstabu, il-preżenza ta' vetturi, eċċ. |