SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla Estiża)
13 ta’ Novembru 2024 ( *1 )
“Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Għajnuna mill-Istat – Politika komuni tas-sajd – Finanzjamenti favur sidien tal-bastimenti li jeżerċitaw sajd bix-xbieki tat-tkarkir bit-travu bl-użu ta’ impulsi ta’ kurrent elettriku – Ilment – Ammissibbiltà – Teħid ta’ pożizzjoni mill-Kummissjoni – Natura ċara u definittiva tat-teħid ta’ pożizzjoni – Kompetenza tal-Kummissjoni – Obbligu li tittieħed azzjoni”
Fil-Kawża T‑141/23,
Laurent Merlin, residenti fi Équihen-Plage (Franza), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness ( 1 ), irrappreżentati minn F.‑C. Laprévote, F. de Bure u T. Otmani, avocats,
rikorrenti,
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky, M. Abenhaïm u C. Perrin, bħala aġenti,
konvenuta,
IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla Estiża),
komposta minn S. Papasavvas, President, A. Kornezov (Relatur), G. De Baere, D. Petrlík u S. Kingston, Imħallfin,
Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tal‑15 ta’ Mejju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 265 TFUE, ir-rikorrenti, Laurent Merlin u l-persuni fiżiċi u ġuridiċi l-oħra li isimhom jidher fl-anness, jitolbu lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni Ewropea astjeniet illegalment milli tadotta, wara l-eżami tal-ilmenti tagħhom dwar għajnuna mill-Istat allegatament illegali mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lis-sidien tal-bastimenti li jipprattikaw is-sajd bix-xbieki tat-tkarkir bit-travu bl-użu ta’ impulsi ta’ kurrent elettriku (iktar ’il quddiem is-“sajd elettriku”), deċiżjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9). |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
2 |
Ir-rikorrenti huma 36 sajjied Franċiżi, Olandiżi u tar-Renju Unit kif ukoll l-Assoċjazzjoni ta’ sajjieda żgħar Ewropej Low Impact Fishers of Europe (LIFE) li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom ta’ sajd fl-ilmijiet tal-Kanal Ingliż u tal-Baħar tat-Tramuntana. |
|
3 |
Matul ix-xahar ta’ Marzu 2021, ir-rikorrenti, billi użaw il-formola li tinsab fl-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament 2015/1589 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 72, p. 89), ressqu lmenti quddiem il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem l-“ilmenti”). |
|
4 |
Fl-ilmenti tagħhom, ir-rikorrenti sostnew, l-ewwel nett, li l-awtoritajiet Olandiżi kienu taw awtorizzazzjonijiet ta’ sajd bi ksur tar-regola li tgħid li s-sajd elettriku kien permess biss għal mhux iktar minn 5 % tal-flotta ta’ bastimenti tat-tkarkir bit-travu għal kull Stat Membru previst mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat‑30 ta’ Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 217), issostitwit bir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU 2019, L 198, p. 105) (iktar ’il quddiem ir-“regola ta’ 5 %”). |
|
5 |
Sussegwentement, f’parti mill-ilmenti, intitolata “Sussidji Ewropej illegali u inkompatibbli mas-suq intern”, ir-rikorrenti ddenunzjaw il-fatt li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien ta, mill‑2007, finanzjamenti lil bastimenti tat-tkarkir bit-travu Olandiżi li jipprattikaw is-sajd elettriku bi ksur b’mod partikolari tar-regola ta’ 5 % u tar-regoli li jirregolaw il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS). Fil-fehma tagħhom, l-imsemmija bastimenti tat-tkarkir bit-travu ma setgħux għalhekk jibbenefikaw minn dawn il-finanzjamenti taħt il-FES u taħt il-FEMS, b’tali mod li l-imsemmija finanzjamenti kellhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern. |
|
6 |
Fl-aħħar nett, f’parti mill-ilmenti, intitolata “Għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern”, ir-rikorrenti ddenunzjaw l-eżistenza ta’ diversi miżuri ta’ għajnuna mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lil bastimenti tat-tkarkir bit-travu Olandiżi li jipprattikaw is-sajd elettriku li kienu qabżu sew il-limiti de minimis applikabbli u li kellhom, għaldaqstant, jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat. |
|
7 |
Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ April 2021, id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni (DĠ) “Kompetizzjoni” wieġeb lir-rikorrenti, billi indika li mill-ilmenti kien jirriżulta li l-finanzjamenti ddenunzjati kienu jidħlu fil-kuntest kemm tal-FES kif ukoll tal-FEMS u li, jekk miżura kienet ġiet iffinanzjata mill-FES jew mill-FEMS, ir-regoli li jirregolaw dawn il-fondi kienu jipprevalu fuq ir-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Skont dan id-Direttorat Ġenerali, peress li l-imsemmija lmenti qajmu kwistjonijiet dwar ir-regoli li jirregolaw il-politika komuni tas-sajd (PKS), l-eżami tagħhom kellu jitkompla skont il-proċeduri speċifiċi li jaqgħu taħt il-PKS u mhux skont ir-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Għal dan l-għan, id-DĠ “Kompetizzjoni” ssuġġerixxa lir-rikorrenti li jindirizzaw dawn l-ilmenti lid-dipartiment kompetenti tal-Kummissjoni, jiġifieri d-DĠ “Affarijiet Marittimi u Sajd”. |
|
8 |
Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Awwissu 2021, ir-rikorrenti sostnew, essenzjalment, li l-mekkaniżmi speċifiċi relatati mal-FES u mal-FEMS la kienu jeskludu l-applikabbiltà tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u lanqas il-possibbiltà li jitressaq ilment skont ir-Regolament 2015/1589. F’dan ir-rigward, huma għamlu riferiment għall-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas‑27 ta’ Lulju 2006 dwar il-FES (ĠU 2006, L 223, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament FES”), applikabbli għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2007 sa 2013, u għall-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar il-FEMS u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, FES u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 149, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 88, p. 22 u fil-ĠU 2020, L 326, p. 16, iktar ’il quddiem ir-“Regolament FEMS”), applikabbli għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2014 sa 2020, li permezz tagħhom, fil-fehma tagħhom, il-finanzjamenti mogħtija bi ksur tar-Regolament FES jew tar-Regolament FEMS kellhom jiġu eżaminati fid-dawl tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, kienet il-Kummissjoni li kellha tidentifika l-istrumenti li permezz tagħhom kienu ngħataw il-finanzjamenti, kemm fir-rigward tal-FES, tal-FEMS jew ta’ strumenti oħra, u li tiddetermina, fuq din il-bażi, dawk li kellhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat, minħabba li dawn ma kinux jidħlu fil-kuntest tal-FES jew tal-FEMS. |
|
9 |
Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Novembru 2021, id-DĠ “Kompetizzjoni” indika, filwaqt li ammetta li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien awtorizza l-eżerċizzju tas-sajd elettriku kuntrarjament għall-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 850/98, li ma setgħet tiġi stabbilita ebda rabta bejn il-finanzjamenti mwettqa fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS u l-imsemmi eżerċizzju. Huwa kkonkluda li ma kien jara l-ebda element ta’ għajnuna mill-Istat potenzjalment illegali li jeħtieġ eżami iktar fil-fond. |
|
10 |
Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ April 2022, ir-rikorrenti ppreżentaw, f’seba’ annessi mehmuża, informazzjoni supplimentari li kienet tinkludi b’mod partikolari listi ta’ bastimenti tat-tkarkir bit-travu Olandiżi li kienu jipprattikaw is-sajd elettriku li kienu bbenefikaw minn finanzjament taħt il-FES u taħt il-FEMS, skont diversi dokumenti u estratti minn fajls relatati mal-finanzjamenti mogħtija fil-kuntest ta’ dawn il-fondi. Huma ddenunzjaw ukoll l-eżistenza ta’ programm ta’ għajnuna għall-investiment kompletament iffinanzjat mill-Istat Olandiż u intiż li jgħammar ħames bastimenti tat-tkarkir bit-travu li jipprattikaw l-imsemmi sajd. |
|
11 |
Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Settembru 2022, id-DĠ “Kompetizzjoni” indika li huwa kien eżamina mill-ġdid fid-dettall il-finanzjament tal-bastimenti tat-tkarkir bit-travu Olandiżi li jipprattikaw is-sajd elettriku fuq il-bażi ta’ informazzjoni supplimentari trażmessa mir-rikorrenti fl‑4 ta’ April 2022, li huwa kien ikkonkluda li ma kien hemm ebda ksur tar-regoli dwar il-FES u l-FEMS u li, fuq din il-bażi, huwa ma kien jara ebda element li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat potenzjalment illegali li kien jeħtieġ eżami iktar fil-fond. |
|
12 |
Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Novembru 2022, ir-rikorrenti sejħu lill-Kummissjoni, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE kif ukoll mar-Regolament 2015/1589, u b’mod partikolari mal-Artikoli 4, 12 u 15 tiegħu, sabiex tadotta, bi tweġiba għall-ilmenti, deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal teħid ta’ azzjoni”). |
|
13 |
Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Frar 2023, intitolata “Ittri ta’ qabel l-għeluq lil-lanjanti li jinformawhom li d-dipartimenti tal-Kummissjoni għandhom l-intenzjoni li jagħlqu l-każ”, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kienet temmet l-eżami tal-ilmenti. |
|
14 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kummissjoni indikat li hija ma kinitx qed tipprevedi li tipproponi l-ftuħ ta’ “proċedura ta’ ksur minħabba nuqqas ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni mir-[Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi]”. It-tieni nett, hija indikat li kienet eżaminat mill-ġdid fid-dettall il-finanzjament tal-bastimenti tat-tkarkir bit-travu Olandiżi li jipprattikaw is-sajd elettriku fid-dawl tal-informazzjoni supplimentari trażmessa mir-rikorrenti fl‑4 ta’ April 2022 u kkonkludiet li ma kienx hemm ksur tar-regoli applikabbli għall-FES u għall-FEMS. Fuq din il-bażi, hija informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tagħlaq il-fajl, filwaqt li stednithom, jekk kellhom informazzjoni ġdida li tista’ tkun rilevanti għall-eżami mill-ġdid tal-fajl, li jagħmlu kuntatt magħha f’terminu ta’ erba’ ġimgħat, terminu li fi tmiemu l-każ jista’ jingħalaq. |
It‑talbiet tal‑partijiet
|
15 |
Ir-rikorrenti jitolbu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
16 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id‑dritt
|
17 |
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jsostnu li, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) u mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni kienet obbligata, minn naħa, li teżamina, f’terminu raġonevoli u b’mod komplet u diliġenti, l-informazzjoni li huma kienu ttrażmettewlha fl-ilmenti kif ukoll fl-iskambji sussegwenti tagħhom, li fihom huma ddenunzjaw l-eżistenza ta’ diversi miżuri ta’ għajnuna, u, min-naħa l-oħra, li tadotta deċiżjoni definittiva abbażi tal-Artikolu 4(2), (3) jew (4) ta’ dan ir-regolament, billi tesprimi b’mod ċar il-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward. |
|
18 |
B’mod partikolari, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-finanzjament mogħti fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS lill-bastimenti tat-tkarkir bit-travu Olandiżi li jipprattikaw is-sajd elettriku kien eżentat, fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament FES u tal-Artikolu 8 tar-Regolament FEMS, mill-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, huma jqisu li, jekk kellu jkun hemm dubju dwar il-fatt li tali finanzjament kien sar barra jew bi ksur tar-regoli li jirregolaw l-imsemmija fondi, dan għandu jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, b’tali mod li l-Kummissjoni tkun obbligata twettaq l-eżami tagħha skont ir-Regolament 2015/1589. |
|
19 |
Il-Kummissjoni, prinċipalment, teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, minħabba b’mod partikolari li hija ħadet pożizzjoni fir-rigward tal-ilmenti qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors. Sussidjarjament, hija tikkontesta l-fondatezza tal-imsemmi rikors. |
Fuq l‑ammissibbiltà tar‑rikors
|
20 |
Il-Kummissjoni tqis li hija ħadet pożizzjoni b’mod ċar u definittiv, fl-ittra tagħha tal‑14 ta’ Frar 2023, fuq is-sejħa għal teħid ta’ azzjoni, b’tali mod li dan ir-rikors huwa inammissibbli. Fil-fehma tagħha, minn qari flimkien tal-korrispondenza kollha li hija skambjat mar-rikorrenti jirriżulta li, essenzjalment, hija tqis li ma għandhiex il-kompetenza sabiex tadotta deċiżjoni skont ir-Regolament 2015/1589, peress li, konformement mal-Artikolu 42 TFUE, mal-Artikolu 7 tar-Regolament FES u mal-Artikolu 8 tar-Regolament FEMS, l-Artikoli 107 sa 109 TFUE ma kinux applikabbli għall-pagamenti magħmula mill-Istati Membri fil-kuntest tal-FES jew tal-FEMS. |
|
21 |
Ir-rikorrenti jirribattu, l-ewwel nett, li, fl-ittra tal-Kummissjoni tal‑14 ta’ Frar 2023, din ma ħaditx pożizzjoni dwar is-sejħa għal teħid ta’ azzjoni. Fil-fehma tagħhom, fl-imsemmija ittra, il-Kummissjoni lanqas ma għamlet riferiment għat-talba tagħhom li għandha bħala għan l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589, u lanqas ma indikat li hija kienet tqis lilha nnifisha inkompetenti sabiex tadotta tali deċiżjoni. It-tieni nett, huma jsostnu li, anki jekk jitqies li din l-ittra għandha tinqara bħala li tinkludi teħid ta’ pożizzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fuq l-imsemmija sejħa, il-pożizzjoni ma kinitx ġiet stabbilita b’mod ċar u definittiv. Huma jqisu, minn naħa, li, billi indikat, fl-ittra inkwistjoni, li ma tipprevedix li tiftaħ “proċedura ta’ ksur minħabba nuqqas ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni mir-[Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi]”, il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni dwar it-talba fformulata f’din is-sejħa, liema sejħa ma kellhiex l-għan li tistedinha tiftaħ tali proċedura. Huma jsostnu, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni fformulat l-ittra inkwistjoni f’termini vagi u prospettivi, sa fejn hija llimitat ruħha li tindika li hija ma kinitx qed “tipprevedi” li tilqa’ l-ilmenti, li hija kellha l-“intenzjoni” li tagħlaq il-fajl u li hija stednithom “jagħmlu kuntatt” magħha jekk kellhom “informazzjoni ġdida li tista’ tkun rilevanti għall-eżami mill-ġdid tal-fajl”, u li, fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni, il-fajl “jista’’” jingħalaq. |
|
22 |
Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 265 TFUE jirrigwarda n-nuqqas li tingħata deċiżjoni jew li tittieħed pożizzjoni, u mhux l-adozzjoni ta’ att differenti minn dak li l-persuna kkonċernata tkun xtaqet jew qieset neċessarju (sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 1971, Deutscher Komponistenverband vs Il‑Kummissjoni, 8/71, EU:C:1971:82, punt 2, u tal‑24 ta’ Novembru 1992, Buckl et vs Il‑Kummissjoni, C‑15/91 u C‑108/91, EU:C:1992:454, punt 17). Għalhekk, għandu jitqies li l-istituzzjoni ma tkunx f’sitwazzjoni ta’ nuqqas li tieħu azzjoni mhux biss meta tadotta att li jissodisfa lir-rikorrent, iżda wkoll meta tirrifjuta li tadotta dan l-att u twieġeb għat-talba li ssirilha billi tindika r-raġunijiet li għalihom hija tqis li ma għandux jiġi adottat l-imsemmi att jew li hija ma għandhiex kompetenza sabiex tagħmel dan (digrieti tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Finiconsult vs Il‑Kummissjoni, T‑504/21, mhux ippubblikat, EU:T:2021:948, punt 6, u tal‑1 ta’ Frar 2023, NO vs Il‑Kummissjoni, T‑708/21, mhux ippubblikat, EU:T:2023:49, punt 56). |
|
23 |
Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, stabbiliti fl-Artikolu 265 TFUE, ma humiex issodisfatti meta l-istituzzjoni msejħa tieħu azzjoni tkun ħadet pożizzjoni dwar din is-sejħa qabel il-preżentata tar-rikors u li l-adozzjoni ta’ att differenti minn dak li l-persuni kkonċernati jkunu xtaqu jew qiesu neċessarju, bħal rifjut, debitament motivat, ta’ azzjoni konformement mas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni, tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni li jtemm in-nuqqas li tittieħed azzjoni (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Wagenknecht vs Il‑Kummissjoni, C‑130/21 P, EU:C:2022:226, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
Barra minn hekk, teħid ta’ pożizzjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE għandu jistabbilixxi b’mod ċar u definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata fuq it-talba tar-rikorrent (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Wagenknecht vs Il‑Kummissjoni, C‑130/21 P, EU:C:2022:226, punt 33). |
|
25 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti kienu ddenunzjaw, f’partijiet distinti tal-ilmenti, l-eżistenza, minn naħa, ta’ “sussidji Ewropej illegali u inkompatibbli mas-suq intern”, mogħtija lill-bastimenti tat-tkarkir bit-travu Olandiżi li jipprattikaw is-sajd elettriku fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS, bi ksur b’mod partikolari tar-regola ta’ 5 % (iktar ’il quddiem il-“finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS”), u, min-naħa l-oħra, ta’ “sussidji nazzjonali” favur l-imsemmija bastimenti tat-tkarkir bit-travu, mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li għandhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat (iktar ’il quddiem l-“għajnuna nazzjonali ddenunzjata”). |
|
26 |
Barra minn hekk, fl-ittra tagħhom tal‑4 ta’ April 2022, ir-rikorrenti ppreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni supplimentari kemm dwar il-finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS kif ukoll dwar l-għajnuna nazzjonali ddenunzjata. |
|
27 |
Fis-sejħa għal teħid ta’ azzjoni, ir-rikorrenti, billi rreferew b’mod partikolari għall-ilmenti u għall-informazzjoni li kienet ġiet mehmuża magħhom, kif ukoll għall-informazzjoni supplimentari trażmessa lill-Kummissjoni fl-ittra tagħhom tal‑4 ta’ April 2022, inkluż is-seba’ annessi tagħha, li kienu jipproduċu, fil-fehma tagħhom, provi tanġibbli tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, stiednu lil din tal-aħħar, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE kif ukoll mar-Regolament 2015/1589, u b’mod partikolari mal-Artikoli 4, 12 u 15 tiegħu, sabiex tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament. |
|
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni ħaditx pożizzjoni, b’mod ċar u definittiv, qabel il-preżentata tar-rikors, fuq il-miżuri kollha ddenunzjati fl-ilmenti u fl-ittra tar-rikorrenti tal‑4 ta’ April 2022, jiġifieri, minn naħa, dwar il-finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS u, min-naħa l-oħra, dwar l-għajnuna nazzjonali ddenunzjata. |
Fuq l‑eżistenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni fir-rigward tal-finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS
|
29 |
Fl-ilmenti kif ukoll fil-korrispondenza sussegwenti mal-Kummissjoni, ir-rikorrenti sostnew, essenzjalment, li l-finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS kienu mhux konformi mar-regoli li jirregolaw dawn il-fondi, peress li dawn kienu tħallsu bi ksur tar-regola ta’ 5 %, u li, minħabba dan in-nuqqas ta’ konformità, dawn il-finanzjamenti kellhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat u jkunu s-suġġett ta’ eżami skont ir-Regolament 2015/1589. Fis-sejħa għal teħid ta’ azzjoni, billi għamlu riferiment b’mod partikolari għall-imsemmija lmenti u għall-ittra tagħhom tal‑4 ta’ April 2022, ir-rikorrenti stiednu lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat, essenzjalment, matul l-iskambji tagħha mar-rikorrenti li hija kienet tqis, minn naħa, li ma kinitx kompetenti, skont ir-Regolament 2015/1589, sabiex tadotta deċiżjoni dwar il-finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija finanzjamenti ma kisrux ir-regoli dwar il-FES u l-FEMS. |
|
31 |
Għalhekk, fl-ittra tagħha tas‑16 ta’ April 2021, il-Kummissjoni indikat li, fil-fehma tagħha, ir-regoli applikabbli fil-qasam tal-PKS, b’mod partikolari r-regoli dwar il-FES u l-FEMS, kienu jipprevalu fuq dawk fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, peress li r-Regolamenti FES u FEMS kienu jipprevedu mekkaniżmi speċifiċi ta’ kontroll li bis-saħħa tagħhom l-Istati Membri kienu obbligati jirkupraw il-pagamenti indebiti magħmula fil-kuntest tal-imsemmija fondi u li, għaldaqstant, l-eżami tal-konformità tal-finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS kellu jkompli skont il-proċeduri speċifiċi previsti minn dawn ir-regolamenti, u mhux skont dawk applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. |
|
32 |
Barra minn hekk, fl-ittri tagħha tat‑22 ta’ Novembru 2021 u tad‑9 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet li għalihom, fil-fehma tagħha, il-finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS ma kisrux ir-Regolamenti FES u FEMS. L-ittra tal‑14 ta’ Frar 2023 kienet essenzjalment tirriproduċi f’dan ir-rigward, l-istess motivi bħal dawk esposti fl-ittra tad‑9 ta’ Settembru 2022. |
|
33 |
Huwa minnu, kif josservaw ir-rikorrenti, li, fl-ittra tagħha tal‑14 ta’ Frar 2023, ikkunsidrata waħedha, il-Kummissjoni ma rrifjutatx espliċitament li tadotta deċiżjoni skont ir-Regolament 2015/1589 u lanqas ma indikat li hija ma kinitx kompetenti sabiex tadotta tali deċiżjoni fir-rigward tal-finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS. |
|
34 |
Madankollu, l-ittra tal‑14 ta’ Frar 2023 għandha tinqara fid-dawl tal-iskambji li ppreċedewha. Fil-fatt, minn naħa, f’din l-ittra, il-Kummissjoni rreferiet għall-ittri tagħha tat‑22 ta’ Novembru 2021 u tad‑9 ta’ Settembru 2022. Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għall-finijiet tal-verifika tal-eżistenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni u tan-natura ċara u definittiva tiegħu, huwa permess li jittieħdu inkunsiderazzjoni skambji li kienu seħħew bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni li kienu ppreċedew it-teħid ta’ pożizzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tas‑16 ta’ Ġunju 2020, CJ vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, C‑634/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:474, punti 30 u 31, u tal‑1 ta’ Frar 2023, NO vs Il‑Kummissjoni, T‑708/21, mhux ippubblikat, EU:T:2023:49, punti 71 u 72). |
|
35 |
Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, għandu jitqies li l-Kummissjoni, fl-ittra tagħha tal‑14 ta’ Frar 2023, ikkonfermat essenzjalment il-pożizzjoni tagħha espressa b’mod ċar preċedentement, li skontha, minn naħa, hija ma kinitx kompetenti, skont ir-Regolament 2015/1589, sabiex tadotta deċiżjoni dwar il-finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija finanzjamenti ma kisrux ir-regoli dwar il-FES u l-FEMS, u li, fuq din il-bażi, hija kienet iddeċidiet li ttemm l-eżami tal-ilmenti, kif hija ddikjarat fl-istess ittra. |
|
36 |
Issa, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 22 iktar ’il fuq, l-istituzzjoni kkonċernata ma hijiex f’sitwazzjoni ta’ nuqqas li tieħu azzjoni meta tirrifjuta li tadotta d-deċiżjoni mitluba u tissodisfa t-talba magħmula lilha billi tindika r-raġunijiet li għalihom hija tqis li hija ma għandhiex kompetenza sabiex tagħmel dan. |
|
37 |
Il-fatt li dan it-teħid ta’ pożizzjoni ma jissodisfax lir-rikorrenti huwa f’dan ir-rigward, irrilevanti, peress li l-Artikolu 265 TFUE jirrigwarda n-nuqqas li tittieħed azzjoni minħabba astensjoni li tingħata deċiżjoni jew li tittieħed pożizzjoni, u mhux l-adozzjoni ta’ att differenti minn dak li din il-parti kienet xtaqet jew qieset neċessarju (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat‑13 ta’ Diċembru 2000, Sodima vs Il‑Kummissjoni, C‑44/00 P, EU:C:2000:686, punt 83, u tas‑6 ta’ April 2017, Brancheforeningen for Regulerkraft i Danmark vs Il‑Kummissjoni, T‑203/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:279, punt 22). |
|
38 |
Bl-istess mod, il-fatt enfasizzat mir-rikorrenti li, fl-ittra tagħha tal‑14 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni indikat li ma pprevedietx li tipproponi l-ftuħ ta’ “proċedura ta’ ksur minħabba nuqqas ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni mir-[Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi]”, filwaqt li, fis-sejħa għal teħid ta’ azzjoni, ir-rikorrenti ma kinux stednuha tagħmel dan, huwa irrilevanti f’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni, f’siltiet oħra tal-imsemmija ittra, moqrija flimkien mal-iskambji li ppreċedewha, ħadet pożizzjoni ċara fuq it-talba intiża għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont ir-Regolament 2015/1589, fir-rigward tal-finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS. |
|
39 |
Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ħadet pożizzjoni fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE, qabel il-preżentata tar-rikors, dwar il-finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS. |
|
40 |
L-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru li t-teħid ta’ pożizzjoni inkwistjoni ma kienx ċar u definittiv għandhom ukoll jiġu miċħuda. |
|
41 |
Fil-fatt, fir-rigward tan-natura ċara tat-teħid ta’ pożizzjoni inkwistjoni, mill-punti 7, 31 u 35 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni indikat b’mod ċar li hija ma kinitx tqis li kellha l-kompetenza sabiex tadotta deċiżjoni skont ir-Regolament 2015/1589, fir-rigward tal-finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti fehmu sew, hekk kif jirriżulta mill-ittra tagħhom tal‑4 ta’ Awwissu 2021, li l-Kummissjoni tikkunsidra lilha nnifisha inkompetenti sabiex tadotta tali deċiżjoni. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li s-suġġett ta’ din l-ittra kien jirrigwarda ċ-“[ċ]aħda ta’ kompetenza dwar l-ilmenti mressqa f’Marzu 2021 dwar għajnuna mill-Istat illegali jew l-użu ħażin ta’ għajnuna favur is-sajd bix-xibka tat-tkarkir tal-elettriku” u l-fatt li, fl-istess ittra, ir-rikorrenti esponew il-motivi li għalihom huma kkunsidraw li l-pożizzjoni hekk espressa mill-Kummissjoni kienet żbaljata. Għaldaqstant, iċ-ċarezza tat-teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tiġi kkontestata. |
|
42 |
Fir-rigward tan-natura definittiva tat-teħid ta’ pożizzjoni inkwistjoni, huwa minnu, kif jindikaw ir-rikorrenti, li, fl-ittra tagħha tal‑14 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni kienet informathom bl-“intenzjoni” tagħha li tagħlaq il-fajl u stednithom jikkomunikawlha “informazzjoni ġdida li tista’ tkun rilevanti għall-eżami mill-ġdid tal-fajl [tagħhom]”, u fin-nuqqas ta’ dan il-fajl “jista’’” jingħalaq. |
|
43 |
Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-ittra tagħha tal‑14 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni indikat li hija kienet temmet l-eżami tal-ilmenti. Minn dan jirriżulta għalhekk li hija kienet ifformat opinjoni definittiva dwar il-finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS. |
|
44 |
Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni kienet tat lir-rikorrenti l-aħħar okkażjoni sabiex jippreżentaw, jekk kellhom, informazzjoni ġdida li tista’ tiġġustifika l-“eżami mill-ġdid” tal-fajl ma jikkontestax dak li ntqal iktar ’il fuq, peress li l-Kummissjoni kienet indikat b’mod ċar, fl-ittra tagħha tal‑14 ta’ Frar 2023, li kienet temmet l-eżami tal-ilmenti u esponiet l-analiżi definittiva tagħha fir-rigward tal-finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS. |
|
45 |
Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-indikazzjoni li tinsab f’ittra tal-Kummissjoni, li tgħid li r-rikorrenti kienet mitluba tikkunsidra li l-iskambju ta’ korrispondenza mal-Kummissjoni kien magħluq “bla ħsara għal elementi ġodda”, ma tneħħix, bħala tali, in-natura ċara u definittiva tal-pożizzjoni espressa minn din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Fiocchi munizioni vs Il‑Kummissjoni, T‑26/01, EU:T:2003:248, punti 76 u 78). |
|
46 |
Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, huwa paċifiku li, wara l-ittra tal‑14 ta’ Frar 2023, ir-rikorrenti ma pprovdew ebda informazzjoni ġdida lill-Kummissjoni u li għaldaqstant huma ma setgħux jistennew kwalunkwe eżami mill-ġdid mill-Kummissjoni tal-pożizzjoni tagħha. |
|
47 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw in-natura definittiva tat-teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS għandhom jiġu miċħuda. |
|
48 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-ittra tal‑14 ta’ Frar 2023, indipendentement mill-fondatezza tagħha, għandha titqies bħala li tistabbilixxi b’mod ċar u definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS bi tweġiba għas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni. |
|
49 |
Għaldaqstant, ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni fir-rigward tal-astensjoni tagħha milli tadotta deċiżjoni skont ir-Regolament 2015/1589 dwar il-finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS. |
Fuq l‑eżistenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni fir‑rigward tal‑għajnuna nazzjonali ddenunzjata
|
50 |
Hekk kif ġie rrilevat fil-punti 6 u 25 iktar ’il fuq, minbarra l-finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS, ir-rikorrenti, f’parti distinta tal-ilmenti, adixxew ukoll lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ diversi għajnuniet nazzjonali ddenunzjati. F’dan ir-rigward, huma elenkaw ħames miżuri ta’ għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Olandiżi, li l-ammont tagħhom kien ivarja, fil-fehma tagħhom, minn EUR 880000 sa EUR 74 miljun, u rreferew għal diversi sorsi li jikkonfermaw, dejjem fil-fehma tagħhom, l-eżistenza tal-imsemmija miżuri. |
|
51 |
Fl-ittra tagħha tas‑16 ta’ April 2021, il-Kummissjoni indikat li mill-ilmenti kien jirriżulta li l-miżuri ddenunzjati fihom kienu jidħlu “fil-kuntest kemm tal-[FES], kif ukoll tal-[FEMS]”. Għalhekk, u kif barra minn hekk ikkonfermat waqt is-seduta, hija interpretat l-imsemmija lmenti bħala li jikkonċernaw biss finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS. |
|
52 |
Issa, billi għamlet dan, il-Kummissjoni għamlet qari parzjali tal-ilmenti u b’hekk naqset milli tesprimi ruħha, fl-ittra tagħha tas‑16 ta’ April 2021, dwar il-parti ta’ dawn l-ilmenti li kienet tirrigwarda l-għajnuna nazzjonali ddenunzjata. |
|
53 |
Sussegwentement, fl-ittra tagħhom tal‑4 ta’ Awwissu 2021, ir-rikorrenti sostnew, b’mod partikolari, li kienet il-Kummissjoni li kellha tidentifika l-istrumenti li permezz tagħhom il-finanzjamenti inkwistjoni kienu ngħataw “kemm jekk kienu FES u FEMS jew strumenti oħra”, li għandha tiddetermina fuq din il-bażi dawk li kellhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat, peress li dawn ma jidħlux fil-kuntest tal-FES jew tal-FEMS, u li teżamina l-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern. |
|
54 |
Bl-istess mod, fl-ittra tagħhom tal‑4 ta’ April 2022, ir-rikorrenti ppreżentaw informazzjoni supplimentari li kienet tiddenunzja, fil-punt VI ta’ din l-ittra, l-eżistenza ta’ programm ta’ għajnuna għall-investiment kompletament iffinanzjat mill-Istat Olandiż li kellu bħala suġġett it-tagħmir ta’ ħames bastimenti b’xibka tat-tkarkir bit-travu tal-elettriku. F’dan ir-rigward, huma għamlu riferiment għal ittra tal-Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi, għall-Agrikoltura u għall-Innovazzjoni, tal‑25 ta’ Mejju 2011, indirizzata lill-President tal-Kamra Inferjuri tal-Istati Ġenerali tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li minnha jirriżulta li l-awtoritajiet Olandiżi kienu jqisu li r-Regolament FES ma kienx jawtorizza l-għoti ta’ finanzjament għall-investiment fix-xibka tat-tkarkir tal-elettriku u li, għal din ir-raġuni, l-imsemmi programm kien ġie kompletament iffinanzjat minn għajnuna mill-Istat. Din l-ittra kienet mehmuża bħala Anness VI mal-ittra tar-rikorrenti tal‑4 ta’ April 2022. |
|
55 |
Fl-aħħar nett, fis-sejħa għal teħid ta’ azzjoni, ir-rikorrenti rreferew speċifikament għall-informazzjoni li tinsab fl-ilmenti kif ukoll għad-diversi elementi l-oħra trażmessi lill-Kummissjoni permezz tal-ittra tagħhom tal‑4 ta’ April 2022 u s-seba’ annessi tagħha, li fil-fehma tagħhom kienu pproduċew provi tanġibbli tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 50 u 54 iktar ’il fuq, fost din l-informazzjoni u dawn l-elementi kien hemm l-għajnuna nazzjonali ddenunzjata. Għalhekk, l-imsemmija sejħa kienet tirrigwarda b’mod ċar il-miżuri kollha ddenunzjati fl-imsemmija lmenti u f’din l-ittra, inkluża l-għajnuna nazzjonali ddenunzjata. |
|
56 |
Issa, fl-ittra tagħha tad‑9 ta’ Settembru 2022, li kienet waslet bħala tweġiba għall-informazzjoni supplimentari trażmessa mir-rikorrenti fl‑4 ta’ April 2022, u fl-ittra tagħha tal‑14 ta’ Frar 2023, li kienet ser twieġeb is-sejħa għal teħid ta’ azzjoni, il-Kummissjoni la semmiet l-għajnuna nazzjonali ddenunzjata, u lanqas esprimiet opinjoni f’dan ir-rigward. |
|
57 |
Fil-fatt, minkejja li l-Kummissjoni kienet indikat, fl-ittri tagħha tad‑9 ta’ Settembru 2022 u tal‑14 ta’ Frar 2023, li hija kienet “eżaminat mill-ġdid fid-dettall il-finanzjament tal-bastimenti Olandiżi, abbażi tal-informazzjoni trażmessa [mir-rikorrenti] fl‑4 ta’ April 2022”, hija llimitat ruħha li tanalizza r-regoli applikabbli għall-FES u għall-FEMS, minkejja li l-għajnuna nazzjonali ddenunzjata kienet mogħtija, skont ir-rikorrenti, barra mill-imsemmija fondi u kienet iffinanzjata kompletament mill-Istat Olandiż. B’hekk, ir-raġunament espost mill-Kummissjoni fl-imsemmija ittri ma kienx jikkonċerna l-għajnuna nazzjonali ddenunzjata. |
|
58 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, la fl-ittra tagħha tal‑14 ta’ Frar 2023, u lanqas fl-iskambji preċedenti tagħha mar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni dwar l-għajnuna nazzjonali ddenunzjata. Issa, jekk istituzzjoni msejħa sabiex tieħu azzjoni tieħu pożizzjoni fuq parti minn sejħa sabiex tieħu azzjoni u tonqos milli tieħu pożizzjoni fuq parti oħra, ir-rikors huwa ammissibbli fir-rigward ta’ din l-aħħar parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 1995, Ladbroke Racing vs Il‑Kummissjoni, T‑74/92, EU:T:1995:10, punti 54 sa 63). |
|
59 |
Fit-tweġiba tagħha għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li l-għajnuna mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lil ħames bastimenti tat-tkarkir bit-travu sabiex jiffinanzjaw it-tagħmir tagħhom ta’ xibka tat-tkarkir tal-elettriku, li kienet ġiet iddenunzjata fl-ilmenti kif ukoll fl-ittra tar-rikorrenti tal‑4 ta’ April 2022, kienet fir-realtà taqa’ taħt skema ta’ għajnuna eżistenti SA.24076 N/2007 – Pajjiżi Baxxi – Għajnuna għall-investimenti fil-magni tas-sajd bix-xibka tat-tkarkir bl-impuls elettriku awtorizzat permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Marzu 2008 (ĠU 2008, C 246, p. 1). |
|
60 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif barra minn hekk ammettiet il-Kummissjoni waqt is-seduta, din tal-aħħar fl-ebda mument ma indikat, matul l-iskambji tagħha mar-rikorrenti, li hija kienet tqis li l-għajnuna msemmija fil-punt 59 iktar ’il fuq kienet fir-realtà għajnuna eżistenti diġà awtorizzata u li, għal din ir-raġuni, hija ma pprevedietx li tadotta deċiżjoni skont ir-Regolament 2015/1589. Għall-kuntrarju, kif ikkonfermat il-Kummissjoni fit-tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, hija kkunsidrat li s-suġġett tal-ilmenti kien jikkonċerna biss il-finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS, u mhux l-għajnuna nazzjonali ddenunzjata li għaldaqstant ingħatat, skont ir-rikorrenti, barra mill-imsemmi qafas. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 6, 26 u 51 sa 53 iktar ’il fuq, din il-pożizzjoni kienet tirriżulta minn qari parzjali tal-imsemmija lmenti, b’tali mod li l-Kummissjoni naqset milli teżamina parti mill-miżuri ddenunzjati fihom. |
|
61 |
Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, l-għajnuna msemmija fil-punt 59 iktar ’il fuq hija biss waħda mill-għajnuniet nazzjonali ddenunzjati fl-ilmenti, b’tali mod li l-argument tal-Kummissjoni, żviluppat għall-ewwel darba fil-mori tal-kawża, jikkonċerna biss waħda minnhom. |
|
62 |
Lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument tal-Kummissjoni, imqajjem sussidjarjament, li l-ittra tagħha tal‑14 ta’ Frar 2023 għandha titqies li hija ittra ta’ “qabel l-għeluq” indirizzata lir-rikorrenti abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589 u tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni ċara u definittiva fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE. |
|
63 |
Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, fl-ittra tagħha tal‑14 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589. |
|
64 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tistax targumenta kemm li hija ma kinitx kompetenti sabiex tadotta deċiżjoni skont ir-Regolament 2015/1589 bi tweġiba għall-ilmenti li kienet adita bihom, iżda li, sussidjarjament, l-ittra tagħha tal‑14 ta’ Frar 2023 kellha xorta waħda titqies bħala ittra bbażata fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tal-imsemmi regolament. |
|
65 |
Fl-aħħar nett, il-fatt li, fl-ittra tagħha tal‑14 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni indikat li hija kienet temmet l-eżami tal-ilmenti u li hija kellha l-intenzjoni li tagħlaq il-fajl, ma jfissirx li hija ħadet pożizzjoni fuq il-miżuri kollha ddenunzjati fihom u fl-ittra tar-rikorrenti tal‑4 ta’ April 2022, f’dak li jirrigwarda l-għajnuna nazzjonali ddenunzjata. Fil-fatt, il-Kummissjoni fl-ebda mument ma semmiet, matul id-diversi skambji tagħha mar-rikorrenti, u wisq inqas analizzat, l-għajnuna nazzjonali ddenunzjata. Għall-kuntrarju, il-kunsiderazzjonijiet kollha li hija esponiet fil-korrispondenza tagħha mar-rikorrenti kienu jirrigwardaw il-finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS. Issa, tali kunsiderazzjonijiet ma għandhomx relazzjoni mal-għajnuna nazzjonali ddenunzjata, li kienet mogħtija, skont ir-rikorrenti, barra mill-imsemmija fondi u li kienet iffinanzjata kompletament mill-Istat Olandiż. Għaldaqstant, l-imsemmija kunsiderazzjonijiet ma jippermettux li jiġi identifikat xi teħid ta’ pożizzjoni mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward. |
|
66 |
Minn dan jirriżulta, fir-rigward tal-għajnuna nazzjonali ddenunzjata, li l-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni ċara u definittiva, fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE, fuq is-sejħa għal teħid ta’ azzjoni. |
|
67 |
Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli sa fejn huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat nuqqas tal-Kummissjoni fir-rigward tal-astensjoni tagħha milli tieħu azzjoni skont ir-Regolament 2015/1589 f’dak li jirrigwarda l-għajnuna nazzjonali ddenunzjata. |
Fuq il‑mertu
|
68 |
Sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza ta’ talbiet għal nuqqas li tittieħed azzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk, fil-mument tas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni, fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE, il-Kummissjoni kellhiex obbligu li tieħu azzjoni (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2022, Ekobulkos vs Il‑Kummissjoni, T‑702/21, EU:T:2022:842, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
69 |
Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, is-sitwazzjonijiet fejn il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu azzjoni fir-rigward tal-għajnuna illegali jew inkompatibbli mas-suq intern huma rregolati mir-Regolament 2015/1589 (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2022, Ekobulkos vs Il‑Kummissjoni, T‑702/21, EU:T:2022:842, punt 28). |
|
70 |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament 2015/1589 jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni għandha teżamina mingħajr dewmien mhux iġġustifikat kull ilment imressaq minn parti interessata, konformement mal-Artikolu 24(2) tal-imsemmi regolament. Din id-dispożizzjoni, dwar id-drittijiet tal-partijiet interessati, tipprevedi b’mod partikolari li, jekk il-punti ta’ fatt u ta’ liġi invokati mill-parti interessata ma humiex biżżejjed sabiex juru, abbażi ta’ eżami prima facie, li teżisti għajnuna mill-Istat illegali jew użu ħażin ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tinforma lill-parti interessata b’dan u tistedinha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu stabbilit li normalment ma jaqbiżx xahar. Jekk il-parti interessata tonqos milli tesponi l-fehmiet tagħha fit-terminu stabbilit, l-ilment jitqies li jkun ġie rtirat (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2022, Ekobulkos vs Il‑Kummissjoni, T‑702/21, EU:T:2022:842, punt 29). |
|
71 |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2015/1589 tipprevedi li l-eżami ta’ eventwali għajnuna illegali jwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 4(2), (3) jew (4) tal-imsemmi regolament, liema artikolu jipprovdi li l-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika hekk kif tirċeviha u tieħu jew deċiżjoni li tikkonstata li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna, jew deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet jekk il-miżura ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, jew deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jekk l-imsemmija miżura tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2022, Ekobulkos vs Il‑Kummissjoni, T‑702/21, EU:T:2022:842, punt 30). |
|
72 |
Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ġietx adita bi lment jew ingħatatx informazzjoni dwar għajnuna allegatament illegali jew inkompatibbli mas-suq intern, fatti li kellhom jiġu segwiti minn passi jew deċiżjonijiet ibbażati fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament 2015/1589 jew fuq l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tal-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2011, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑442/07, mhux ippubblikata,EU:T:2011:547, punt 37, u tal‑21 ta’ Diċembru 2022, Ekobulkos vs Il‑Kummissjoni, T‑702/21, EU:T:2022:842, punt 31). |
|
73 |
F’dan il-każ, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 3 sa 6 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni rċeviet ilmenti, ippreżentati billi ntużat il-formola li tinsab fl-Anness IV tar-Regolament Nru 794/2004, li kienu jirrigwardaw b’mod partikolari diversi għajnuniet nazzjonali ddenunzjati. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 10 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ppreżentaw informazzjoni supplimentari fl-ittra tagħhom tal‑4 ta’ April 2022. |
|
74 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni ma tikkontestax li hija kienet kompetenti sabiex teżamina, skont ir-Regolament 2015/1589, jekk l-għajnuna nazzjonali ddenunzjata kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-legalità tagħha u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Bl-istess mod, jekk, waqt dan l-eżami, il-Kummissjoni kellha, jekk kien il-każ, tqis li din l-għajnuna jew parti minnha kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 1(b) tal-imsemmi regolament, hija kienet obbligata tinforma dwar dan lir-rikorrenti billi tindikalhom, konformement mal-Artikolu 24(2) tal-istess regolament, li, għal din ir-raġuni, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi invokati minnhom ma kinux suffiċjenti sabiex tintwera, fuq il-bażi ta’ eżami prima facie, l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat illegali jew l-użu ħażin ta’ għajnuna. |
|
75 |
Għalhekk, peress li ġiet debitament adita b’ilmenti li jinformawha bl-eżistenza ta’ għajnuna allegatament illegali jew bl-applikazzjoni allegatament abbużiva ta’ tali għajnuna, il-Kummissjoni kienet obbligata taġixxi konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1), mal-Artikolu 15(1) u mal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589. Issa, dan l-eżami kellu jwassal lill-Kummissjoni sabiex tieħu wieħed mill-passi previsti mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jew sabiex tadotta deċiżjoni abbażi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑442/07, mhux ippubblikata, EU:T:2011:547, punt 67). |
|
76 |
Issa, peress li, f’dak li jirrigwarda l-għajnuna nazzjonali ddenunzjata, ma ħadet ebda pass u lanqas a fortiori ma adottat deċiżjoni skont ir-Regolament 2015/1589, meta hija kienet obbligata tagħmel dan, il-Kummissjoni sabet ruħha f’sitwazzjoni ta’ nuqqas milli tieħu azzjoni fl-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn wara s-sejħa għal teħid ta’ azzjoni. |
|
77 |
Minn dan jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tieħu azzjoni skont ir-Regolament 2015/1589 huma fondati f’dak li jirrigwarda l-għajnuna nazzjonali ddenunzjata. |
|
78 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat nuqqas tal-Kummissjoni milli tieħu azzjoni fir-rigward tal-finanzjamenti ddenunzjati fil-kuntest tal-FES u tal-FEMS, u milqugħ sa fejn huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat nuqqas tal-Kummissjoni milli tieħu azzjoni fir-rigward tal-għajnuna nazzjonali ddenunzjata. |
|
79 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti, li permezz tiegħu huma jitolbu lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tadotta, f’terminu ta’ xahrejn, deċiżjoni abbażi tar-Regolament 2015/1589, għandu jitfakkar li, fir-rikorsi bbażati fuq l-Artikoli 263 u 265 TFUE, il-qorti tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti ordnijiet kontra istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni. Fil-fatt, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija, kemm fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kif ukoll fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni (ara d-digrieti tad‑9 ta’ Lulju 2012, Pigui vs Il‑Kummissjoni, T‑382/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:350, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ April 2022, Alauzun et vs Il‑Kummissjoni, T‑695/21, mhux ippubblikat, EU:T:2022:233, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni dwaru. |
Fuq l‑ispejjeż
|
80 |
Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mill-kap tat-talbiet tagħhom. |
|
81 |
F’dan il-każ, peress li kull waħda mill-partijiet tilfet parzjalment, il-Qorti Ġenerali tqis li ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
|
Għal dawn il-motivi, IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Papasavvas Kornezov De Baere Petrlík Kingston Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑13 ta’ Novembru 2024. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Franċiż.
( 1 ) Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni kkomunikata lill-partijiet.