|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/107 |
24.1.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/107
tat-23 ta’ Jannar 2025
li tirrifjuta l-protezzjoni fl-Unjoni lid-Denominazzjoni ta’ Oriġini “Emmentaler” irreġistrata fir-Reġistru Internazzjonali tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Att ta’ Ġinevra
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 5(1) u (2) tal-Att ta’ Ġinevra, l-Awtoritajiet Kompetenti ta’ kull Parti Kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra jistgħu jirreġistraw applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika mal-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, li jirreġistraha fir-Reġistru Internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 6 tal-Att ta’ Ġinevra. F’konformità mal-Artikolu 9 tal-Att ta’ Ġinevra, il-Partijiet Kontraenti l-oħra għandhom jipproteġu d-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati fis-sistema legali tagħhom stess soġġetti għal ċaħda, rinunzja, invalidazzjoni jew kanċellazzjoni. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 6(4) tal-Att ta’ Ġinevra, fl-14 ta’ Marzu 2024, il-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali nnotifika lill-Kummissjoni li l-isem “Emmentaler”, użat mill-Iżvizzera, ġie rreġistrat bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini fir-Reġistru Internazzjonali tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont l-Att ta’ Ġinevra. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2019/1753, ir-reġistrazzjoni internazzjonali tal-Denominazzjoni ta’ Oriġini “Emmentaler” ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) biex tkun tista’ tiġi ppreżentata oppożizzjoni possibbli. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/1753, il-Kummissjoni vvalutat ir-reġistrazzjoni internazzjonali tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini “Emmentaler” mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni rċeviet diversi oppożizzjonijiet ammissibbli skont l-Artikolu 6(2) f) tar-Regolament (UE) 2019/1753 li jiddikjaraw li l-isem “Emmentaler” huwa storikament u kulturalment marbut ma’ żona ġeografika usa’ mill-Iżvizzera biss. |
|
(6) |
Dan huwa kkonfermat mill-fatt li fl-Unjoni Ewropea hemm tliet ismijiet protetti bħala indikazzjonijiet ġeografiċi li fihom l-isem “Emmentaler” jew varjazzjoni lingwistika tiegħu u li jirreferu għal prodotti manifatturati barra mit-territorju tal-Iżvizzera: “Allgäuer Emmentaler” (DOP), prodott fil-Ġermanja, “Emmental français est-central” (IĠP) u “Emmental de Savoie” (IĠP) prodotti fi Franza. F’dawn il-każijiet kollha, il-protezzjoni tingħata lill-isem kompost u mhux lill-isem “Emmentaler” fih innifsu. |
|
(7) |
B’mod partikolari, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 (3), li rreġistra, fost l-oħrajn, “Emmental français est-central” (IĠP) u “Emmental de Savoie” (IĠP), kif ukoll ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 123/97 (4), li rreġistra, fost l-oħrajn, “Allgäuer Emmentaler” (DOP), jispeċifikaw b’mod espliċitu, fin-noti ta’ qiegħ il-paġna msemmija għal dawk l-ismijiet, li l-protezzjoni tal-ismijiet “Emmental” u “Emmentaler” mhijiex mitluba. |
|
(8) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-isem “Emmentaler” jitqies bħala terminu ġeneriku fit-territorju tal-Unjoni. |
|
(9) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-protezzjoni tal-isem “Emmentaler”, irreġistrat bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini mill-Iżvizzera fir-Reġistru Internazzjonali, tiġi rrifjutata fl-Unjoni. |
|
(10) |
Minħabba s-sħubija simultanja tal-UE, ta’ Franza, tal-Ungerija, taċ-Ċekja, tal-Portugall u tas-Slovakkja mal-Att ta’ Ġinevra u meta jitqies in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar il-protezzjoni nazzjonali ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini, jeħtieġ jiġi ċċarat li r-rifjut japplika għat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea u li, għal raġunijiet ta’ ċarezza u konsistenza, jenħtieġ li dan jiġi nnotifikat lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali wkoll f’isem dawk l-Istati Membri bħala membri tal-Att ta’ Ġinevra. |
|
(11) |
Għalkemm mhumiex kompetenti biex jadottaw deċiżjonijiet dwar il-protezzjoni nazzjonali tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini rreġistrati skont l-Att ta’ Ġinevra, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fil-protezzjoni ta’ dawk id-Denominazzjonijiet fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri li huma membri tal-ftehim ta’ Lisbona u li għadhom ma aderewx mal-Att ta’ Ġinevra jenħtieġ li jiġu awtorizzati u obbligati jinnotifikaw lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali dwar ir-rifjut tal-protezzjoni tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini “Emmentaler”, jekk dawn jaderixxu mal-Att ta’ Ġinevra, fi żmien sena minn dik l-adeżjoni. |
|
(12) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità għall-prodotti agrikoli, l-inbid u x-xorb spirituż skont ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-protezzjoni tal-isem “Emmentaler”, irreġistrat bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini mill-Iżvizzera fir-Reġistru Internazzjonali, għandha tiġi rrifjutata fl-Unjoni.
L-isem imsemmi fl-ewwel paragrafu jidentifika prodott tat-tip “Ġobon”.
Artikolu 2
Ir-rifjut tal-protezzjoni msemmi fl-Artikolu 1 japplika għat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu jiġi nnotifikat lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali wkoll f’isem Franza, l-Ungerija, iċ-Ċekja, il-Portugall u s-Slovakkja bħala membri tal-Att ta’ Ġinevra.
Artikolu 3
Il-Bulgarija u l-Italja għandhom jinnotifikaw lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali bir-rifjut tal-protezzjoni fir-rigward tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini “Emmentaler” fi żmien sena mill-adeżjoni tagħhom mal-Att ta’ Ġinevra.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din għandha tiġi nnotifikata lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Jannar 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 271, 24.10.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1753/oj.
(2) ĠU C, C/2024/2686, 12.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2686/oj.
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 tat-12 ta' Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (ĠU L 148, 21.6.1996, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/1107/oj).
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 123/97 tat-23 ta' Jannar 1997 li jissupplimenta l-Anness mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 dwar ir-reġistrazzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta' l-oriġini skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 (ĠU L 22, 24.1.1997, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/123/oj).
(5) Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/107/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)