European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2527

17.11.2026

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2527

tas-16 ta’ Novembru 2026

li jemenda l-Annessi IV, VI u VIII tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward tal-lista tal-Istati Membri awtorizzati li jużaw ċerti prodotti sekondarji tal-annimali biex jagħlfu ċerti speċijiet tal-għasafar nekrofaċi, u r-rimi, l-użu u l-immarkar ta’ ċerti fjuwils rinnovabbli

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali u derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b)(i), u l-Artikolu 21(6), l-ewwel subparagrafu, il-punti (c) u (d) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 jistabbilixxi r-regoli għall-ġbir, l-użu u r-rimi tal-prodotti sekondarji tal-annimali u tal-prodotti derivati, inklużi r-regoli għat-tagħlif tal-materjal tal-Kategorija 1 lill-ispeċijiet fil-periklu jew protetti tal-għasafar nekrofaċi fil-ħabitat naturali tagħhom u għat-tikkettar tal-prodotti sekondarji tal-annimali.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (2) jistabbilixxi l-miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-prodotti sekondarji tal-annimali u tal-prodotti derivati mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1069/2009, inklużi r-regoli speċjali dwar it-tagħlif tal-annimali u r-regoli dwar il-ġbir, it-trasport u t-traċċabbiltà tal-prodotti sekondarji tal-annimali.

(3)

Il-Kapitolu IV, it-Taqsima 3, tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jistabbilixxi r-regoli għar-rimi u l-użu ta’ prodotti derivati. Ġew introdotti metodi alternattivi ġodda ta’ pproċessar għall-produzzjoni ta’ fjuwils rinnovabbli bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2025/1377 (3) fil-Kapitolu IV, it-Taqsima 2, tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 għall-produzzjoni tal-bijodiżil minn xaħmijiet ipproċessati u mmaċinati tal-materjali tal-Kategorija 1, tal-Kategorija 2 u tal-Kategorija 3. Madankollu, dawn il-metodi l-ġodda għadhom mhumiex inklużi fil-Kapitolu IV, it-Taqsima 3, tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 dwar ir-rimi u l-użu awtorizzati ta’ ċerti prodotti derivati. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kapitolu IV, it-Taqsima 3, tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jiġi emendat biex, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rimi u l-użu awtorizzati, jinkludi l-prodotti li jirriżultaw mill-metodi alternattivi ta’ pproċessar li għadhom kif ġew introdotti għall-produzzjoni tal-fjuwils rinnovabbli.

(4)

F’konformità mar-regoli dwar il-finijiet ta’ tagħlif speċjali stabbiliti fl-Artikolu 18(2), il-punt (b), tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u b’deroga mill-Artikolu 12 tiegħu, l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza t-tagħlif tal-materjal tal-Kategorija 1 (eż.: il-bhejjem mejta) għall-ispeċijiet fil-periklu jew protetti tal-għasafar nekrofaċi u speċijiet oħra li jgħixu fil-ħabitat naturali tagħhom, għall-promozzjoni tal-bijodiversità.

(5)

Il-Kapitolu II, it-Taqsima 2, il-punt 1(a)(i) tal-Anness VI tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jistabbilixxi l-lista tal-Istati Membri li fihom il-materjal tal-Kategorija 1 jista’ jingħalef lill-ispeċijiet fil-periklu u protetti tal-għasafar nekrofaċi, kif ukoll l-ispeċijiet tal-għasafar nekrofaċi li jistgħu jingħalfu materjal tal-Kategorija 1. Il-Kummissjoni rċeviet talba formali mir-Rumanija biex tiġi inkluża f’dik il-lista ta’ Stati Membri. Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness VI tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jiġi emendat kif xieraq.

(6)

Il-Kapitolu V, il-punt 1, tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jipprevedi li ċerti prodotti derivati tal-Kategoriji 1 u 2 iridu jiġu mmarkati bi “gliċeroltriħeptanoat (GTH)” biex tiġi identifikata l-preżenza tal-prodotti derivati tal-Kategoriji 1 u 2 fl-għalf għall-annimali mrobbija. Jenħtieġ li l-prodotti finali tal-metodi alternattivi ta’ pproċessar introdotti reċentement għall-produzzjoni tal-fjuwils rinnovabbli jiġu esklużi minn dan l-obbligu ta’ mmarkar sa fejn dawn il-prodotti jintużaw għall-magni tal-kombustjoni interna, peress li dawn il-prodotti ma jistgħux jintużaw bħala għalf. Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jiġi emendat biex jeskludi dan il-bijodiżil prodott minn xaħmijiet ipproċessati u mmaċinati tal-materjali tal-Kategorija 1, tal-Kategorija 2 u tal-Kategorija 3 minn dan l-obbligu.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Annessi IV, VI u VIII tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jiġu emendati kif xieraq.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi IV, VI u VIII tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1069/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/142/oj).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2025/1377 tal-15 ta’ Lulju 2025 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti għall-introduzzjoni fis-suq u l-importazzjonijiet ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L, 2025/1377, 16.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1377/oj).


ANNESS

L-Annessi IV, VI u VIII tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 huma emendati kif ġej:

(1)

fl-Anness IV, fil-Kapitolu IV, fit-Taqsima 3, fil-punt 2, jiżdied il-punt (g) li ġej:

“(g)

il-metodi għall-produzzjoni tal-bijodiżil minn xaħmijiet ipproċessati u mmaċinati tal-materjali tal-Kategorija 1, tal-Kategorija 2 u tal-Kategorija 3, f’konformità mal-Kapitolu IV, it-Taqsima 2, il-punti M u N, ta’ dan l-Anness, jistgħu jkunu:

(i)

fil-każ tal-bijodiżil li jirriżulta mill-proċess, użat bħala fjuwil mingħajr restrizzjonijiet skont dan ir-Regolament (punt tat’ tmiem);

(ii)

fil-każ tal-prodotti għajr il-bijodiżil li jirriżultaw mill-metodi:

—

jintremew f’konformità mal-Artikolu 12, il-punti (a) jew (b), mal-Artikolu 13 jew mal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009,

—

jintremew bi rdim f’miżbla awtorizzata,

—

jinbidlu f’bijogass, dment li r-residwi tad-diġestjoni minn trasformazzjoni tal-bijogass tal-materjal tal-Kategorija 1 jiġu eliminati permezz ta’ inċinerazzjoni, ko-inċinerazzjoni jew rdim f’miżbla awtorizzata,

—

użati għall-finijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 36(a)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009.”;

(2)

fl-Anness VI, fil-Kapitolu II, fit-Taqsima 2, fil-punt 1(a)(i), l-entrata li ġejja tar-Rumanija tiddaħħal fit-Tabella bejn l-entrati tal-Portugall u tas-Slovakkja:

Kodiċi tal-pajjiż

Stat Membru

Speċijiet tal-Annimali

L-isem lokali

L-isem bil-Latin

“RO

Ir-Rumanija

avultun tal-ħrief

Gypaetus barbatus

avultun qassis

Aegypius monachus

avoltun Eġizzjan

Neophron percnopterus

avultun grifun

Gyps fulvus

ajkla rjali

Aquila chrysaetos

ajkla imperjali

Aquila heliaca

ajkla tad-denb abjad

Haliaeetus albicilla

astun iswed

Milvus migrans

astun aħmar

Milvus milvus”

(3)

fl-Anness VIII, fil-Kapitolu V, fil-Parti 3, jiżdied il-punt (f) li ġej:

“(f)

bijodiżil prodott minn xaħmijiet ipproċessati u mmaċinati tal-materjali tal-Kategorija 1, tal-Kategorija 2 u tal-Kategorija 3, f’konformità mal-Kapitolu IV, it-Taqsima 2, il-punti M u N, tal-Anness IV.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/2527/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)