|
13.7.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 183/28 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-11 ta’ Lulju 2011
dwar l-inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt fil-qasam tar-riċerka msejħa “Iktar snin, ħajjiet aħjar – Il-potenzjal u l-isfidi tat-tibdil demografiku”
(2011/413/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 181 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-għadd ta’ Ewropej li għandhom iktar minn 65 sena huwa mistenni jiżdied bil-kbir – minn 87 miljun fl-2010 għal 124 miljun fl-2030, jiġifieri żieda ta’ 42 % (1). Din iż-żieda kontinwa fit-tul mistenni tal-ħajja hija kisba ewlenija tal-imgħoddi reċenti. Madankollu, fl-istess ħin hemm ir-riskju li din titfa’ piż ieħor fuq l-ekonomija, is-soċjetà u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. |
|
(2) |
Minħabba l-popolazzjonijiet li qed jixjieħu, se tiżdied il-ħtieġa għall-provvista pubblika ta’ trasferimenti u servizzi marbutin mal-età. Għalhekk, l-impatt fiskali tat-tixjiħ huwa mistenni jkun sostanzjali kważi fl-Istati Membri kollha. B’mod ġenerali, abbażi tal-politiki attwali, fl-UE, in-nefqa pubblika marbuta mal-età hija mistennija tiżdied bħala medja b’madwar 4,75 punti perċentwali tal-PDG sal-2060, l-iktar minħabba n-nefqa fuq il-pensjonijiet, is-servizzi tas-saħħa u s-servizzi tal-kura fit-tul (fis-settur tal-kura din in-nefqa hija saħansitra akbar minħabba li l-għadd ta’ ħaddiema qiegħed dejjem jonqos u minħabba li dawn il-ħaddiema ta’ spiss mhux qed ikunu mħarrġa biżżejjed) (2). |
|
(3) |
It-tnaqqis tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol b’madwar 50 miljun ruħ bejn l-2010 u l-2060 u ż-żieda korrispondenti fil-proporzjonijiet ta’ dipendenza, li se jiġru fil-biċċa l-kbira tagħhom saħansitra qabel l-2030, jistgħu jwasslu għal tnaqqis fit-tkabbir tal-PDG sakemm dan ma jkunx jista’ jiġi kkumpensat b’rati ikbar ta’ parteċipazzjoni u ta’ impjiegi fis-setturi kollha tal-forza tax-xogħol u bi tkabbir ikbar fil-produttività (3). |
|
(4) |
Minħabba li l-popolazzjoni qed tiċkien u qed tixjieħ, is-soċjetà tista’ tibbenefika bil-kbir mill-estensjoni ta’ ħajja b’saħħitha u attiva tan-nies xjuħ, mill-integrazzjoni aħjar tagħhom fl-ekonomija u fis-soċjetà u mill-fatt li dawn jiġu megħjuna jibqgħu indipendenti għal żmien itwal, u b’hekk tiżdied il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini li huma ixjaħ u ta’ dawk li jieħdu ħsiebhom, tittejjeb is-sostenibbiltà tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali (is-sistemi tal-pensjonijiet, tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul) u tinħoloq opportunità tas-suq ġdida u kbira għal soluzzjonijiet innovattivi biex wieħed jixjieħ sewwa. |
|
(5) |
L-istrateġija “Ewropa 2020” identifikat it-tixjiħ demografiku kemm bħala sfida kif ukoll bħala opportunità għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u identifikat l-inizjattivi ewlenin “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (4), “Unjoni tal-Innovazzjoni” (5), “Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda” u “Pjattaforma Ewropea għal kontra l-faqar” bħala inizjattivi li fihom dan is-suġġett ġie indirizzat bi prijorità. Il-politiki ta’ flessigurtà fl-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi jirrikonoxxu l-bżonn ta’ approċċ komprensiv fil-politiki tar-riżorsi umani u l-ħtieġa ta’ approċċ għax-xogħol li jkun marbut maċ-ċiklu tal-ħajja sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jitneħħew l-ostakli eżistenti. |
|
(6) |
Fis-6 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni pproponiet li l-2012 għandha tkun is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u matulha se tfittex li tgħin lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jgħinu lin-nies li huma ixjaħ biex jibqgħu jaħdmu u jaqsmu l-esperjenza tagħhom, biex jibqa’ jkollhom rwol attiv fis-soċjetà u biex jgħixu kemm jista’ jkun ħajjiet b’saħħithom, indipendenti u li jagħtuhom sodisfazzjon (6). |
|
(7) |
Hemm bżonn urġenti li tissaħħaħ il-bażi tal-għarfien dwar il-proċess tat-tixjiħ innifsu u dwar l-effetti tat-tixjiħ fuq is-soċjetà u l-ekonomija sabiex jiġi appoġġat it-tfassil tal-politika bbażat fuq il-provi. |
|
(8) |
Sabiex tiġi indirizzata l-isfida msemmija hawn fuq u jittieħdu benefiċċji mill-opportunitajiet, hemm bżonn ta’ azzjoni miftiehma sabiex tkun iffaċilitata kollaborazzjoni ta’ kwalità għolja fil-qasam tar-riċerka li jkollha l-għan li tipprovdi provi mir-riċerka li fuqhom ikunu jistgħu jissejsu l-interventi. |
|
(9) |
Fil-laqgħa tiegħu tas-26 ta’ Mejju 2010 (7), il-Kunsill għall-Kompetittività identifika u ssostanzja sett ta’ inizjattivi potenzjali għall-ipprogrammar konġunt, fosthom dik imsejħa “Iktar snin, ħajjiet aħjar – L-isfidi u l-opportunitajiet tat-tibdil demografiku”, bħala oqsma li fihom l-ipprogrammar konġunt fil-qasam tar-riċerka jagħti valur miżjud ewlieni lill-isforzi fframmentati attwali tal-Istati Membri. Għalhekk, huwa adotta konklużjonijiet li fihom għaraf il-ħtieġa li titnieda inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt dwar dan is-suġġett u li fihom stieden lill-Kummissjoni tagħti kontribut fit-tħejjija ta’ din l-inizjattiva. |
|
(10) |
L-Istati Membri kkonfermaw li huma se jieħdu sehem fit-tali inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt billi bagħtu ittri formali ta’ impenn. |
|
(11) |
L-ipprogrammar konġunt tar-riċerka dwar it-tibdil demografiku u t-tixjiħ tal-popolazzjoni se jipprovdi għall-koordinazzjoni tar-riċerka f’dan il-qasam, u se jagħti kontribut sinifikanti għall-bini ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka mħaddma għal kollox li tittratta t-tixjiħ, u se jsaħħaħ ir-rwol ta’ tmexxija u l-kompetittività tal-Ewropa fir-riċerka f’dan il-qasam. |
|
(12) |
Sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti minn din ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm kooperazzjoni u kumplimentarjetà mal-inizjattivi ewlenin relatati – mal-Programm Konġunt tal-Għajxien Megħjun Kontestwalment (8) u mas-Sħubija għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu, mar-riċerka u l-iżvilupp appoġġati mill-programm ta’ qafas, b’mod speċjali fl-oqsma tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (l-ICT), tas-saħħa u tax-xjenza soċjali, kif ukoll ma’ inizjattivi oħrajn tar-riċerka bħal dawk imsejħin “SHARE ERIC” (9) u “ERA-AGE II” (10). |
|
(13) |
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw b’mod regolari lill-Kummissjoni dwar il-progress li jkun qed isir f’din l-inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt, |
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
|
1. |
L-Istati Membri huma mħeġġa jiżviluppaw u jżommu viżjoni komuni dwar kif il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-qasam tar-riċerka fil-livell tal-Unjoni Ewropea jistgħu jgħinu biex tintlaħaq l-isfida tat-tibdil demografiku u biex jittieħdu benefiċċji mill-opportunitajiet li dan jippreżenta. |
|
2. |
L-Istati Membri huma mħeġġa jiżviluppaw aġenda strateġika komuni tar-riċerka li tistabbilixxi l-bżonnijiet u l-għanijiet fil-perjodu taż-żmien medju u fit-tul tar-riċerka fil-qasam tat-tibdil demografiku. L-aġenda strateġika tar-riċerka għandha tinkludi pjan tal-implimentazzjoni li jistabbilixxi l-prijoritajiet u meta dawn għandhom jintlaħqu u li jispeċifika l-azzjonijiet, l-istrumenti u r-riżorsi meħtieġa biex din tiġi implimentata. |
|
3. |
L-Istati Membri huma mħeġġa jinkludu l-azzjonijiet li ġejjin bħala parti mill-aġenda strateġika tar-riċerka u mill-pjan tal-implimentazzjoni:
|
|
4. |
L-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu struttura effiċjenti ta’ ġestjoni komuni fil-qasam tar-riċerka dwar it-tibdil demografiku u t-tixjiħ tal-popolazzjoni li jkollha s-setgħa tistabbilixxi kundizzjonijiet, regoli u proċeduri komuni għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni u li jkollha s-setgħa timmonitorja l-implimentazzjoni tal-aġenda strateġika tar-riċerka. |
|
5. |
L-Istati Membri huma mħeġġa jimplimentaw l-aġenda strateġika tar-riċerka b’mod konġunt permezz tal-programmi nazzjonali tar-riċerka tagħhom skont il-linji gwida tal-Kundizzjonijiet ta’ Qafas fl-Ipprogrammar Konġunt żviluppati mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Ipprogrammar Konġunt tal-Kunsill. |
|
6. |
L-Istati Membri huma mħeġġa jikkooperaw mal-Kummissjoni bil-għan li jiġu esplorati inizjattivi li tista’ tieħu l-Kummissjoni biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jiżviluppaw u jimplimentaw l-aġenda strateġika tar-riċerka u bil-għan li l-programm konġunt jiġi kkoordinat mal-inizjattivi l-oħra tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam, bħalma huma s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu u l-Programm Konġunt tal-Għajxien Megħjun Kontestwalment. |
|
7. |
L-Istati Membri huma mħeġġa jirrappurtaw b’mod regolari lill-Kummissjoni dwar il-progress li jkun qed isir f’din l-inizjattiva għall-ipprogrammar konġunt permezz ta’ rapporti annwali dwar il-progress. |
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2011.
Għall-Kummissjoni
Neelie KROES
Viċi-President
(1) L-għadd ta’ Ewropej li għandhom iktar minn 65 sena kważi se jirdoppja fil-ħamsin sena li ġejjin – minn 87 miljun fl-2010 għal 153 miljun fl-2060, skont it-tbassir dwar il-popolazzjoni maħruġ mill-Eurostat imsejjaħ “Europop2010”.
(2) Ibidem.
(3) COM(2009) 180 finali: Kif għandna nittrattaw l-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-UE (Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2009).
(4) 9981/1/10 REV 1.
(5) 14035/10.
(6) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill (tal-Kunsill tal-EPSCO ta’ Diċembru 2010) 18132/10.
(7) 10246/10.
(8) Ir-rapport dwar il-kodeċiżjoni, stqarrija għall-istampa – http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?language = en&type = IM-PRESS&reference = 20080121IPR19252
(9) http://www.share-project.org/t3/share/fileadmin/press_information/SHARE_ERIC-EN_upload.pdf
(10) http://futurage.group.shef.ac.uk/