Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)
8 ta’ Lulju 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Rappreżentant fiskali maħtur bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT – Artikolu 204 tad-Direttiva 2006/112/KE – Responsabbiltà in solidum – Artikolu 205 tad-Direttiva 2006/112 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tindika lir-rappreżentant fiskali bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT u li tipprevedi r-responsabbiltà in solidum tiegħu – Proporzjonalità”
Fil-Kawża T‑356/25, [Rapera] (i),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mid-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (il-Qorti Amministrattiva tal-Ewwel Istanza ta’ Thessaloniki, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Mejju 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Mejju 2025, fil-proċedura
AY
vs
Anexartiti Archi Dimosion Esodon,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),
komposta minn S. Papasavvas, President, M. Sampol Pucurull (Relatur), T. Pynnä, J. Laitenberger u M. Stancu, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Martín y Pérez de Nanclares,
Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratriċi,
wara li rat it-trasferiment mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Ġunju 2025, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,
wara li rat is-suġġett imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-assenza ta’ kwistjoni indipendenti ta’ interpretazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 50b ta-imsemmi Statut,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tal‑25 ta’ Frar 2026,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal AY, minn D. Finokaliotis u A. Finokalioti, dikigoroi,
– għall-Gvern Elleniku, minn E. E. Krompa, I. Kotsoni u M. Tassopoulou, bħala aġentes,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Athanasiadou u P. Carlin, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 204 u 205 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2019/1995 tal‑21 ta’ Novembru 2019 (ĠU 2019, L 310, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”, kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn AY, aġent doganali residenti fil-Greċja, u l-Anexartiti Archi Dimosion Esodon (l-Awtorità Indipendenti għad-Dħul Pubbliku, il-Greċja, iktar ’il quddiem l-“AADE”) dwar miżuri kawtelatorji meħuda kontra AY għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dovuta f’dan l-Istat Membru minn O, kumpannija li għandha s-sede tagħha fl-Italja.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 204 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi:
“1. Fejn, skond l-Artikoli 193 sa 197 u l-Artikoli 199 u 200, il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT hija persuna taxxabbli li mhix stabbilita fl-Istat Membru li fih il-VAT hija dovuta, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lil dik il-persuna taħtar rappreżentant tat-taxxa bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT.
Barra minn hekk, fejn it-transazzjoni taxxabbli tiġi effettwata minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita fl-Istat Membru li fih il-VAT hi dovuta u fejn ma jeżisti l-ebda strument legali, mal-pajjiż li fih il–persuna taxxabbli hija stabbilita jew għandha s-sede tagħha, li għandha x’taqsam ma’ l-għajnuna reċiproka simili fl–iskop bħal dik prevista fid-Direttiva 76/308/KEE u r-Regolament (KE) Nru 1798/2003, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri li jipprovdu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT jkun rappreżentant tat-taxxa maħtur mill-persuna taxxabbli li mhix stabbilita.
Madankollu, l-Istat Membri ma jistgħux japplikaw l-għażla msemmija fit-tieni subparagrafu għal persuna taxxabbli skont it-tifsira tal-punt (1) tal-Artikolu 358a li għażlet l-iskema speċjali għal servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli mhux stabbiliti fi ħdan il-Komunità.
2. L–għażla skond l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti minn kull Stat Membru.”
4 L-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:
“Fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 193 sa 200 u l-Artikoli 202, 203 u 204, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi persuna li mhix il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT għandha tkun responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT.”
5 L-Artikolu 213(1) tad-Direttiva dwar il-VAT huwa fformulat kif ġej:
“Kull persuna taxxabbli għandha tiddikjara meta tibda, tbiddel jew twaqqaf l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli.
[...]”
6 L-Artikolu 214(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni li ġejjin huma identifikati permezz ta’ numru individwali:
(a) kull persuna taxxabbli [...] li fit-territorju tagħhom twettaq fornimenti ta’ merkanzija jew servizzi li fir-rigward tagħhom tista’ titnaqqas il-VAT [...];
(b) kull persuna taxxabbli, jew persuna legali li mhix taxxabbli, li tagħmel akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija soġġetta għall-VAT [...];
[...]”.
Id-dritt Grieg
7 In-Nomos 2859/2000 – Kyrosi Kodika Forou Prostithemenis Axias (il-Liġi 2859/2000 dwar il-Kodiċi tal-VAT) (FEK A’ 248), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-VAT”), kienet tinkludi l-Artikolu 35, intitolat “Persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa”, li kien jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Għall-kunsinna ta’ oġġetti, l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija u l-provvista ta’ servizzi, il-persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa huma:
(a) il-persuna taxxabbli stabbilita fit-territorju tal-pajjiż, għall-atti mwettqa minnha u li l-post ta’ tassazzjoni tagħhom jinsab fit-territorju tal-pajjiż [...];
(b) il-persuna taxxabbli stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għall-atti mwettqa minnha u li l-post ta’ tassazzjoni tagħhom jinsab fit-territorju tal-pajjiż, bl-eċċezzjoni tal-atti msemmija fil-punti (e), (f) u (h) u sakemm ma tkunx ħatret rappreżentant fiskali konformement mal-Artikolu 36(4)(e);
(c) ir-rappreżentant fiskali tal-persuna taxxabbli stabbilita barra mill-Greċja, għall-atti mwettqa minnha u li l-post ta’ tassazzjoni tagħhom jinsab fit-territorju tal-pajjiż, bl-eċċezzjoni tal-atti msemmija fil-punti (e), (f) u (h);
d) [...]
(e) bil-kundizzjoni li jkun persuna taxxabbli, id-destinatarju tal-merkanzija, fir-rigward tat-transazzjonijiet li ġejjin [...];
(f) bil-kundizzjoni li jkun persuna taxxabbli jew persuna ġuridika mhux taxxabbli, id-destinatarju tas-servizzi [...];
(g) id-destinatarju tal-merkanzija u tas-servizzi stabbilit fit-territorju tal-pajjiż, fir-rigward tal-atti li għalihom il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa hija fil-prinċipju r-rappreżentant fiskali skont il-każ (c) u li għalihom ma jkunx inħatar rappreżentant fiskali skont l-Artikolu 36(4)(g);
(h) f’kull każ ieħor, id-destinatarju tal-merkanzija u tas-servizzi stabbilit fit-territorju tal-pajjiż [...]”.
8 L-Artikolu 36 tal-Kodiċi tal-VAT, intitolat “Obbligi tal-persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 4(d) u (e) kif ukoll fil-paragrafu 7(d) tiegħu:
“4. Il-persuna taxxabbli għandha wkoll: [...]
(d) taħtar rappreżentant fiskali qabel issir kwalunkwe tranżazzjoni taxxabbli fit-territorju tal-pajjiż, meta l-persuna taxxabbli ma tkunx stabbilita b’mod permanenti fit-territorju tal-pajjiż jew fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u hija stess tkun suġġetta għat-taxxa konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 35. Il-ħatra tar-rappreżentant fiskali ssir permezz tal-għoti ta’ kopja tal-mandat relatat lill-kap tal-uffiċċju tat-taxxa kompetenti għat-taxxa fuq id-dħul tar-rappreżentant fiskali. Din il-kopja għandha tiġi approvata mill-awtorità konsulari Griega tal-post fejn il-persuna taxxabbli hija stabbilita jew mill-awtorità maħtura għall-approvazzjoni konformement mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑5 ta’ Ottubru 1961.
(e) Jistgħu wkoll jaħtru rappreżentant fiskali, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-punt (d) ta’ dan il-paragrafu, il-persuni taxxabbli li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea u li ma għandhomx stabbiliment fil-Greċja. F’dan il-każ, ir-rappreżentant fiskali ma huwiex obbligat li jżomm kontabbiltà u lanqas li joħroġ dokumenti ta’ kontabbiltà fuq it-tranżazzjonijiet imwettqa mill-mandant tiegħu.
[...]
7. Il-persuni li ġejjin għandhom ikunu suġġetti wkoll, fejn applikabbli, għall-obbligi previsti minn dan l-artikolu:
[...]
(d) ir-rappreżentant fiskali, meta huwa kkwalifikat bħala persuna taxxabbli konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 35”.
9 L-Artikolu 55 tal-Kodiċi tal-VAT, intitolat “Responsabbiltà in solidum għall-ħlas tat-taxxa”, kien jipprevedi:
“Il-persuni li ġejjin huma responsabbli in solidum, flimkien mal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, għall-ħlas tat-taxxa dovuta:
(a) Il-persuni msemmija fl-Artikolu 36(7) u [...].
[...]
(d) Il-persuna mhux taxxabbli, fil-każ ta’ kunsinna ta’ merkanzija jew provvista ta’ servizzi li għalihom hija l-persuna taxxabbli stabbilita barra mill-pajjiż jew ir-rappreżentant fiskali tagħha li hija kkwalifikata bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 35.”
10 L-Artikolu 8 tan-Nomos 5104/2024 – Kodikas forologikis diadikasias […] (il-Liġi 5104/2024 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali […]) (FEK A’ 58, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali”), intitolat “Mandatarju fiskali u rappreżentant fiskali”, jipprovdi:
“1. Kontribwent li huwa residenti għal finijiet ta’ taxxa barra mill-pajjiż jista’ jaħtar persuna fiżika jew ġuridika, residenti għal finijiet ta’ taxxa fil-Greċja, bħala mandatarja fiskali għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-obbligi formali li jirriżultaw mill-Kodiċi u bħala destinatarja ta’ kwalunkwe korrispondenza li tikkonċerna lill-kontribwent.
2. F’dak li jirrigwarda speċifikament l-obbligi relatati mat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u t-taxxa fuq il-primjums tal-assigurazzjoni, dawn huma suġġetti għall-Artikolu 36(4) (d) tal-Kodiċi tal-VAT (il-Liġi 2859/2000, FEK A’ 248) li jirregola l-ħatra ta’ rappreżentant fiskali.
3. Il-persuna maħtura bħala mandatarja fiskali ma hijiex responsabbli għall-eżekuzzjoni jew għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi fiskali tal-kontribwent”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 AY teżerċita l-attività ta’ aġent doganali u hija rreġistrata fil-Greċja bħala rappreżentanta fiskali ta’ O, kumpannija li s-sede tagħha tinsab l-Italja. Skont mandat speċjali tal‑2022 ippreżentat fir-reġistru taċ-ċentru tat-taxxa kompetenti, AY inħatret “mandatarja fiskali” tal-kumpannija O fil-Greċja u għandha bħala kompitu tagħha r- “rappreżentanza fiskali tal-kumpannija” quddiem l-awtoritajiet doganali u fiskali, il-“preżentata tad-dikjarazzjonijiet perjodiċi tal-VAT”, il-“ħlas mill-kumpannija u għan-nom tagħha tal-ammonti stabbiliti mill-awtoritajiet doganali u fiskali f’isem il-kumpannija”, u “it-twettiq tal-formalitajiet doganali ta’ kull natura marbuta mal-clearance tal-merkanzija f’isem il-kumpannija permezz tal-uffiċċji doganali tal-pajjiż, billi tiffirma d-dokumenti neċessarji”.
12 O hija detentriċi ta’ numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT Taljan kif ukoll ta’ numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT Grieg. L-attività prinċipali tagħha tikkonsisti fil-kummerċjalizzazzjoni taċ-ċelluloża, materja prima intiża għall-produzzjoni tal-karta iġjenika. Għal dan l-għan, hija taħżen merkanzija mill-Finlandja f’diversi faċilitajiet ta’ ħażna li jinsabu fit-territorju Grieg.
13 Matul is-sena 2023, l-AADE wettqet kontroll fir-rigward tas-snin fiskali 2020 sa 2022. Dan il-kontroll kien jikkonċerna, minn naħa, il-kunsinni intra-Komunitarji mwettqa minn O taħt in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT Grieg tiegħu lil klijenti stabbiliti fil-Bulgarija u fl-Italja u, min-naħa l-oħra, il-kunsinni intra-Komunitarji mwettqa taħt in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT Taljan tiegħu lil klijenti stabbiliti fil-Greċja.
14 Wara dan il-kontroll, l-AADE kkonstatat li l-istabbiliment Grieg ta’ O kienet naqset milli tħallas ammont totali ta’ VAT ta’ EUR 3 344 061,47.
15 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-AADE adottat, kontra O u AY, fil-kwalità ta’ rappreżentanta fiskali ta’ din il-kumpannija, deċiżjoni li timponi miżuri kawtelatorji immedjati u urġenti għall-finijiet tas-salvagwardja tal-interess pubbliku, li kienu jikkonsistu b’mod partikolari fl-iffriżar ta’ parti mid-depożiti li huma kellhom f’istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-Greċja.
16 AY ippreżentat rikors għal annullament kontra dik id-deċiżjoni quddiem id-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (il-Qorti Amministrattiva tal-Ewwel Istanza ta’ Thessaloniki, il-Greċja), li hija l-qorti tar-rinviju.
17 Insostenn tar-rikors tagħha, AY tikkontesta r-reġistrazzjoni tagħha bħala rappreżentanta fiskali ta’ O kif ukoll ir-responsabbiltà in solidum tagħha għad-djun fiskali ta’ din il-kumpannija. Hija ssostni, b’mod partikolari, li hija sempliċement ippreżentat id-dikjarazzjonijiet tal-VAT relatati mat-tranżazzjonijiet imwettqa minn O taħt in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT Grieg tagħha u li ħallset it-taxxa korrispondenti, iżda li hija la kienet iżżomm kontabbiltà u lanqas kienet tikkonkludi kuntratti għal din il-kumpannija, li hija ma kellhiex għarfien tat-tranżazzjonijiet imwettqa minnha u li hija ma kinitx inkarigata mit-trasport tal-merkanzija kkonċernata jew mill-ħlas tal-fornituri.
18 L-AADE ssostni, min-naħa tagħha, li AY, fil-kwalità tagħha ta’ rappreżentanta fiskali ta’ O, kienet responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ din il-kumpannija fil-qasam tal-VAT, kemm b’applikazzjoni tal-Artikolu 35(1)(c) tal-Kodiċi tal-VAT, dwar il-kwalità ta’ persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tar-rappreżentanti fiskali ta’ persuni taxxabbli stabbiliti barra mill-Greċja, kif ukoll tal-Artikolu 55 ta’ dan il-kodiċi, dwar il-persuni responsabbli in solidum, flimkien mal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, u li huwa għalhekk ġustament li ġew imposti fuqha miżuri kawtelatorji.
19 F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari tas-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2021, ALTI (C‑4/20, EU:C:2021:397), u tat‑12 ta’ Mejju 2022, U. I. (Rappreżentant doganali indirett) (C‑714/20, EU:C:2022:374), id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT, u b’mod partikolari l-Artikolu 205 tagħha, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li tiġi stabbilita responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-VAT dovuta fir-rigward ta’ akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija fir-rigward ta’ persuna li sempliċement tippreżenta d-dikjarazzjonijiet tal-VAT korrispondenti u li tħallas it-taxxa dovuta mingħajr ma żżomm kontijiet u mingħajr ma toħroġ dokumenti ta’ kontabbiltà relatati mat-tranżazzjonijiet imwettqa mill-mandant tagħha.
20 Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kundizzjonijiet li fihom ir-rappreżentant fiskali ta’ persuna suġġetta għall-VAT stabbilita fi Stat Membru ieħor jista’ jitqies bħala persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fis-sens tal-Artikolu 204 tad-Direttiva dwar il-VAT, b’mod partikolari meta la l-amministrazzjoni fiskali u lanqas il-qorti kompetenti ma jkunu awtorizzati jivverifikaw jekk dan ir-rappreżentant huwiex effettivament involut fl-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli li huwa jirrappreżenta.
21 Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju, sabiex jiġi evalwat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-AADE applikat jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni u humiex konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 204(1) u l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li persuna tista’ tinżamm responsabbli għall-ħlas tal-VAT simultanjament skont dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.
22 F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (il-Qorti Amministrattiva tal-Ewwel Istanza ta’ Thessaloniki) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1. L-Artikolu 205 tad-Direttiva [dwar il-VAT] u l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali bħal dik fl-Artikolu 55(d) tal-[Kodiċi tal-VAT], li abbażi tagħha hija responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT persuna li, indipendentement minn kif tiġi kkwalifikata fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri jew “rappreżentant” jew “mandatarju” fiskali, ma hijiex obbligata żżomm reġistru ta’ kontabbiltà u lanqas toħroġ dokumenti dwar it-tranżazzjonijiet magħmula mill-mandant tagħha, il-persuna taxxabbli, stabbilit fi Stat Membru ieħor, iżda sempliċement tippreżenta d-dikjarazzjonijiet korrispondenti tal-VAT, meta tali dispożizzjoni nazzjonali ma tippermettix lill-awtorità tat-taxxa u lanqas, b’estensjoni, il-qorti kompetenti teżamina: (i) jekk din il-persuna kinitx jew le involuta fl-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli, (ii) jekk hija kinitx taf jew kellhiex tkun taf li t-taxxa relatata ma’ tali tranżazzjoni, jew ma’ tranżazzjoni preċedenti jew suċċessiva kienet għadha ma tħallsitx, u (iii) jekk aġixxietx jew le in bona fide u jekk ħaditx il-miżuri kollha raġonevoli fil-limiti tas-setgħat tagħha?
2. L-Artikolu 204 tad-Direttiva [dwar il-VAT] jippermetti li r-rappreżentant fiskali ta’ persuna taxxabbli għall-VAT stabbilita fi Stat Membru ieħor jista’ jiġi kkunsidrat persuna taxxabbli meta ma jkunx involut fl-attività ta’ tali persuna taxxabbli għall-VAT? Din id-dispożizzjoni tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħal dik fl-Artikolu 35(1)(c) tal-[Kodiċi tal-VAT] , li tipprovdi li r-rappreżentant fiskali huwa awtomatikament ikkunsidrat responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, mingħajr ma l-awtorità tat-taxxa jew, b’estensjoni, il-qorti kompetenti jkollhom il-possibbiltà li jeżaminaw jekk din il-persuna tkunx jew le involuta fl-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli?
3. Ir-risposta għad-domandi preċedenti tkun differenti skont jekk it-tranżazzjoni li għaliha hija dovuta l-VAT isseħħx taħt in-numru ta’ identifikazzjoni fiskali tal-Istat Membru fejn il-persuna taxxabbli hija stabbilita, jew jekk it-tranżazzjoni sseħħx taħt in-numru ta’ identifikazzjoni fiskali tal-Istat Membru fejn it-taxxa hija dovuta?
4. L-Artikoli 204(1) u 205 tad-Direttiva [dwar il-VAT] għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna tista’ titqies responsabbli simultanjament abbażi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, jiġifieri bħala persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa skont l-Artikolu 204(1) u bħala persuna responsabbli in solidum abbażi tal-Artikolu 205?”
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
23 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jagħmlu parti minn premessi distinti.
24 Fil-fatt, l-ewwel domanda hija bbażata fuq il-premessa li AY ma hijiex responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 204(1) tad-Direttiva dwar il-VAT. Min-naħa l-oħra, it-tieni u r-raba’ domanda huma bbażati fuq il-premessa li AY hija kklassifikata bħala persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fir-rigward tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra ż-żewġ sitwazzjonijiet alternattivament.
25 Mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mid-dibattiti matul is-seduta jsegwi li AY issostni li la hija r-rappreżentanta fiskali ta’ O u lanqas hija responsabbli in solidum għad-dejn tagħha.
26 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qorti tal-Unjoni Ewropea u l-qorti nazzjonali, bħala prinċipju hija din tal-aħħar li għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet fattwali li jwasslu għall-applikazzjoni ta’ regola tal-Unjoni huma ssodisfatti. Il-qorti tal-Unjoni, adita fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ madankollu tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2025, Makeleio u Zougla, C‑555/23 u C‑556/23, EU:C:2025:484, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-punti ta’ interpretazzjoni neċessarji dwar il-kunċett ta’ “rappreżentant fiskali maħtur bħala persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa” fis-sens tal-Artikolu 204 tad-Direttiva dwar il-VAT.
28 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva dwar il-VAT ma tinkludix definizzjoni ġenerali tal-kunċett ta’ “rappreżentant fiskali”. Madankollu, mill-Artikolu 204(1) ta’ din id-direttiva jsegwi li din tirrigwarda speċifikament ir-rappreżentanti fiskali maħtura bħala persuni responsabbli għall-ħlas tal-VAT.
29 Għalhekk, ir-rappreżentanti fiskali maħtura bħala persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fis-sens tal-Artikolu 204 tad-Direttiva dwar il-VAT huma distinti minn intermedjarji oħra, bħar-rappreżentanti fiskali li jaġixxu purament bħala intermedjarji, inkwantu huma jassumu l-kwalità ta’ persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT f’isem il-mandant tagħhom. Għalkemm id-Direttiva dwar il-VAT ma tistabbilixxix kriterji li jippermettu li rappreżentant fiskali jiġi kklassifikat bħala persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa skont, b’mod partikolari, in-natura tal-attivitajiet eżerċitati għall-mandant tiegħu, hija lanqas ma tipprojbixxi li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tipprevedi li din il-kwalifika tkun ibbażata fuq evalwazzjoni tan-natura ta’ dawn l-attivitajiet. Fil-fatt, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ tali ħatra, li jimplika neċessarjament li jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Madankollu, din il-ħatra għandha ssir b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-prinċipji ġenerali li jirregolaw is-sistema komuni tal-VAT.
30 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 28 u 29 iktar ’il fuq, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-kundizzjonijiet fattwali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 204 tad-Direttiva dwar il-VAT humiex issodisfatti.
Fuq it-tieni domanda
31 Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 204 tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li rappreżentant fiskali ta’ persuna taxxabbli stabbilit fi Stat Membru ieħor jitqies bħala responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, minkejja li dan ir-rappreżentant fiskali ma jkunx involut fit-tranżazzjonijiet taxxabbli mwettqa minn din il-persuna taxxabbli.
32 Fis-sitwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 204(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-possibbiltà li jinħatar rappreżentant fiskali bħala persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, meta l-Istat Membru kkonċernat ikun ippreveda tali possibbiltà, tappartjeni lill-persuna taxxabbli u għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-modalitajiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, konformement mal-Artikolu 204(2) tad-Direttiva dwar il-VAT.
33 Għalkemm l-Artikolu 204 tad-Direttiva dwar il-VAT ma jissuġġettax il-ħatra bħala persuna suġġetta għall-ħlas tat-taxxa tar-rappreżentant fiskali għall-parteċipazzjoni effettiva tiegħu fit-tranżazzjonijiet taxxabbli mwettqa mill-persuna taxxabbli li huwa jirrappreżenta, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li skonthom tali rappreżentant huwa maħtur bħala persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.
34 Il-formulazzjoni tal-Artikolu 204 tad-Direttiva dwar il-VAT tippermetti għalhekk li jitqies li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li rappreżentant fiskali jinħatar bħala persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT dovuta mill-persuna taxxabbli li huwa jirrappreżenta, minkejja li ma jkunx involut fit-tranżazzjonijiet taxxabbli mwettqa minn din tal-aħħar.
35 Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest tal-Artikolu 204 tad-Direttiva dwar il-VAT.
36 L-Artikoli 193 sa 200 u 202 sa 204 tad-Direttiva dwar il-VAT, li jagħmlu parti mit-Taqsima I tal-Kapitolu 1 tat-Titolu XI ta’ din id-direttiva, intitolat “Persuni responsabbli għall-ħlas tal-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa”, jiddeterminaw il-persuni li huma responsabbli għall-ħlas tal-VAT. Għalkemm l-Artikolu 193 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi, bħala regola bażika, li l-VAT hija dovuta mill-persuna taxxabbli li twettaq kunsinna ta’ merkanzija jew provvista ta’ servizzi taxxabbli, huwa jippreċiża madankollu li persuni oħra jistgħu jew għandhom ikunu responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 194 sa 199b u 202 tal-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2025, Genzyński, C‑278/24, EU:C:2025:299, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
37 Għalhekk, il-grupp ta’ dispożizzjonijiet li jagħmel parti minnhom l-Artikolu 204 tad-Direttiva dwar il-VAT huwa intiż li jidentifika lill-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT skont diversi sitwazzjonijiet, sabiex jiġi żgurat lit-Teżor ġbir effettiv tal-VAT mingħand il-persuna l-iktar adattata fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika, b’mod partikolari meta l-partijiet fil-kuntratt ma jkunux jinsabu fl-istess Stat Membru jew meta t-tranżazzjoni suġġetta għall-VAT tkun tirrigwarda tranżazzjonijiet li n-natura speċifika tagħhom titlob li tiġi identifikata persuna oħra għajr dik imsemmija fl-Artikolu 193 ta’ din id-direttiva(ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, ALTI, C‑4/20, EU:C:2021:397, punt 28, u tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika”, C‑1/21, EU:C:2022:788, punt 49).
38 Fil-kuntest ta’ din l-identifikazzjoni, il-ħatra ta’ rappreżentant fiskali bħala persuna suġġetta għall-ħlas tat-taxxa prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 204(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, anki jekk hija biss possibbiltà għall-persuna taxxabbli, tippermetti ġbir tal-VAT iktar effikaċi minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli normali, li jipprovdu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa hija, bħala prinċipju, il-persuna taxxabbli nnifisha(ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” (C‑1/21, EU:C:2022:788), punti 49 u 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
39 L-effettività tal-ġbir tal-VAT hekk imfittxa hija li l-amministrazzjoni fiskali jkollha interlokutur fl-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri r-rappreżentant fiskali, li huwa iktar faċilment aċċessibbli mill-persuna taxxabbli mhux stabbilita f’dan l-Istat Membru u fuq kollox, bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa maħtura, tista’ tiffaċilitalha l-irkupru tal-VAT.
40 Fl-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet previsti fl-Artikolu 204(2) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt li jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li fosthom hemm b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Vlaamse Oliemaatschappij, C‑499/10, EU:C:2011:871, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-Istati Membri għandhom jirrikorru għal mezzi li, filwaqt li jippermettu li l-għan segwit permezz tad-dritt nazzjonali jintlaħaq b’mod effettiv, jippreġudikaw mill-inqas possibbli l-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kkonċernata. Għaldaqstant, filwaqt li huwa leġittimu li l-miżuri adottati mill-Istati Membri jipprovaw jippreżervaw id-drittijiet tat-Teżor bl-iktar mod effettiv possibbli, dawn il-miżuri ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Vlaamse Oliemaatschappij, C‑499/10, EU:C:2011:871, punti 21 u 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 F’dan il-kuntest, kundizzjoni jew modalità addizzjonali marbuta mal-possibbiltà li jinħatar rappreżentant fiskali bħala persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, bħar-rekwiżit ta’ parteċipazzjoni fit-tranżazzjonijiet imwettqa mill-persuna taxxabbli rrappreżentata, tista’ tirrestrinġi l-portata tagħha u, għaldaqstant, tikkomprometti l-effett utli tagħha fid-dawl tal-għan ġenerali li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit il-ġbir tal-VAT bl-iktar mod effettiv possibbli fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, l-introduzzjoni ta’ tali rekwiżit hija ta’ natura li tillimita l-użu ta’ din il-possibbiltà u, konsegwentement, li tnaqqas il-kontribuzzjoni tagħha għall-irkupru effettiv tal-VAT.
43 Għall-kuntrarju, il-fatt li ma tkunx meħtieġa parteċipazzjoni fit-tranżazzjonijiet imwettqa mill-persuna taxxabbli rrappreżentata jiffavorixxi implimentazzjoni sħiħa u kompleta tal-possibbiltà prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni u jiżgura, b’dan il-mod, it-twettiq tal-għan relatat mal-effettività tal-applikazzjoni tal-VAT u mal-garanzija tal-irkupru tagħha.
44 Minn dan isegwi li s-setgħa rrikonoxxuta lill-Istati Membri mill-Artikolu 204(2) tad-Direttiva dwar il-VAT li jissuġġettaw l-eżerċizzju tal-possibbiltà li jinħatar rappreżentant fiskali bħala persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa għal kundizzjonijiet jew modalitajiet ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-assenza ta’ tali kundizzjonijiet jew modalitajiet tkun, fiha nnifisha, kuntrarja għal din id-direttiva.
45 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 204 tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li rappreżentant fiskali ta’ persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru ieħor jitqies bħala responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, minkejja li dan ir-rappreżentant fiskali ma jkunx involut fit-tranżazzjonijiet taxxabbli mwettqa mill-persuna taxxabbli, u sakemm ikun inħatar bħala tali minn din tal-aħħar.
Fuq l-ewwel domanda
46 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li rappreżentant fiskali inkarigat li jwettaq, f’isem persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru ieħor, obbligi ta’ dikjarazzjoni fil-qasam tal-VAT, mingħajr ma jkollu jżomm kontabbiltà jew joħroġ dokumenti ta’ kontabbiltà relatati mat-tranżazzjonijiet imwettqa minn din il-persuna taxxabbli, ikun jista’ jinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT dovuta, filwaqt li la l-amministrazzjoni fiskali u lanqas il-qorti kompetenti ma huma awtorizzati jivverifikaw jekk huwiex involut fl-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli, jekk kienx jaf jew kellux ikun jaf li t-taxxa kienet ser tibqa’ mhux imħallsa u jekk aġixxiex in bona fide u ħa l-miżuri kollha raġonevolment meħtieġa sabiex jiżgura l-osservanza tal-obbligi fil-qasam tal-VAT.
47 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-domanda magħmula tikkonċerna rappreżentant fiskali li ma ġiex maħtur bħala persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 204(1) tad-Direttiva dwar il-VAT.
48 Għandu jiġi rrilevat li r-responsabbiltà in solidum li tirriżulta mill-Artikolu 55 tal-Kodiċi tal-VAT hija fformulata b’mod inkundizzjonat peress li tapplika għar-rappreżentant fiskali ta’ persuna taxxabbli, minkejja li dan ikun in bona fide, ma jkun jista’ jiġi akkużat b’ebda tort jew negliġenza u indipendentement mill-involviment eventwali tiegħu fit-tranżazzjonijiet ekonomiċi tal-mandant tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Vlaamse Oliemaatschappij, C‑499/10, EU:C:2011:871, punti 23 u 24).
49 L-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT jindika li fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 193 sa 200 u fl-Artikoli 202, 203 u 204, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li persuna għajr il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa hija responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT.
50 L-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT la jispeċifika l-persuni li jistgħu jiġu maħtura bħala debituri in solidum u lanqas is-sitwazzjonijiet li fihom tali ħatra tista’ ssir. Huwa sempliċement jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-responsabbiltà in solidum li huwa jipprevedi, fl-osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2021, ALTI, C‑4/20, EU:C:2021:397, punti 31 u 32, u tal‑10 ta’ Lulju 2025, KONREO, C‑276/24, EU:C:2025:554, punt 28).
51 Mill-kuntest magħmul mill-Artikoli 193 sa 205 tad-Direttiva dwar il-VAT isegwi li l-Artikolu 205 ta’ din id-direttiva jagħmel parti minn grupp ta’ dispożizzjonijiet intiżi sabiex jidentifikaw il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT f’diversi sitwazzjonijiet. B’dan il-mod, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jiżguraw lit-Teżor ġbir effettiv tal-VAT mingħand il-persuna l-iktar adegwata fid-dawl tas-sitwazzjoni inkwistjoni, b’mod partikolari meta l-partijiet fil-kuntratt ma jkunux jinsabu fl-istess Stat Membru jew meta t-tranżazzjoni suġġetta għall-VAT tkun tirrigwarda tranżazzjonijiet li n-natura speċifika tagħhom teżiġi l-identifikazzjoni ta’ persuna differenti minn dik imsemmija fl-Artikolu 193 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika”, C‑1/21, EU:C:2022:788, punt 49, u tat‑30 ta’ April 2025, Genzyńsk, C‑278/24, EU:C:2025:299, punti 45 u 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
52 Il-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jadottaw abbażi tal-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tat-Teżor. B’mod partikolari, il-miżuri nazzjonali li jwasslu, fil-prattika, sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ responsabbiltà in solidum mingħajr ħtija jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta persuna li ma tkunx il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT tkun obbligata tħallas il-VAT dovuta minnha mingħajr ma jkollha l-possibbiltà li teżenta ruħha minn din ir-responsabbiltà in solidum billi turi li hija totalment estranja għall-aġir ta’ din il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa. Fil-fatt, ikun manifestament sproporzjonat li jiġi imputat, kategorikament, lil tali persuna t-telf tad-dħul fiskali kkawżat mill-atti ta’ terz taxxabbli, li fuqhom din il-persuna ma għandha ebda influwenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Vlaamse Oliemaatschappij, C‑499/10, EU:C:2011:871, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
53 Min-naħa l-oħra, ma huwiex kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni li jkun meħtieġ li persuna għajr il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tieħu kull miżura li tista’ tkun raġonevolment neċessarja min-naħa tagħha sabiex tiżgura ruħha li t-tranżazzjoni li hija twettaq ma twassalx għall-parteċipazzjoni tagħha fi frodi fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Vlaamse Oliemaatschappij, C‑499/10, EU:C:2011:871, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
54 Għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi li persuna li ma hijiex il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tkun aġixxiet in bona fide billi użat id-diliġenza kollha ta’ operatur kawt, li hija tkun ħadet il-miżuri raġonevoli kollha li setgħet tieħu u li jkun eskluż li hija pparteċipat fi frodi, jikkostitwixxu elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-possibbiltà li din il-persuna tiġi obbligata in solidum sabiex tħallas il-VAT dovuta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Vlaamse Oliemaatschappij, C‑499/10, EU:C:2011:871, punt 26; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008, Netto Supermarkt, C‑271/06, EU:C:2008:105, punt 25).
55 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun sproporzjonat li jiġi imputat lil rappreżentant fiskali li ma huwiex maħtur bħala persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT dovuta minn persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru ieħor, it-telf ta’ dħul fiskali kkawżat mill-aġir ta’ din il-persuna taxxabbli mingħajr la l-amministrazzjoni nazzjonali u lanqas, skont il-każ, il-qorti kompetenti ma jkunu setgħu jivverifikaw, jekk dan ir-rappreżentant kienx involut fl-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli, peress li dan l-involviment jista’ jinfluwenza, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-miżuri li hija kienet f’pożizzjoni li tieħu u tal-għarfien tagħha tal-aġir tal-persuna taxxabbli, kif ukoll, b’mod ġenerali, tal-bona fide u tad-diliġenza tagħha.
56 Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li rappreżentant fiskali li ma ġiex maħtur bħala persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT dovuta minn persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru ieħor iżda li huwa responsabbli li jwettaq, f’isem tali persuna taxxabbli, obbligi ta’ dikjarazzjoni fil-qasam tal-VAT, mingħajr ma jkollu jżomm kontabbiltà jew joħroġ dokumenti ta’ kontabbiltà relatati mat-tranżazzjonijiet imwettqa minn din il-persuna taxxabbli, jista’ jinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT dovuta, minkejja li la l-amministrazzjoni fiskali u lanqas il-qorti kompetenti ma huma awtorizzati jivverifikaw jekk huwiex involut fl-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli, jekk kienx jaf jew kellux ikun jaf li t-taxxa kienet ser tibqa’ mhux imħallsa u jekk aġixxiex in bona fide u ħa l-miżuri kollha raġonevolment meħtieġa sabiex jiżgura l-osservanza tal-obbligi fil-qasam tal-VAT.
Fuq it-tielet domanda
57 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk iċ-ċirkustanza li t-tranżazzjoni li għaliha hija dovuta l-VAT twettqet taħt in-numru ta’ identifikazzjoni individwali tal-VAT mogħti lill-persuna taxxabbli mill-Istat Membru li fih hija stabbilita jew taħt dak mogħti mill-Istat Membru li fih hija dovuta l-VAT hijiex determinanti għar-risposti għall-ewwel u għat-tieni domanda.
58 Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li konformement mal-Artikolu 213 tad-Direttiva dwar il-VAT, kull persuna taxxabbli hija obbligata tiddikjara l-bidu tal-attivitajiet tagħha f’din il-kwalità.
59 Sabiex jagħti effett lil dan l-obbligu ta’ dikjarazzjoni, l-Artikolu 214 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi li l-persuni taxxabbli għandhom jiġu identifikati għall-finijiet tal-VAT u jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu l-miżuri neċessarji sabiex jagħtu lil kull wieħed minnhom numru ta’ identifikazzjoni individwali tal-VAT.
60 L-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli prevista fl-Artikolu 214 tad-Direttiva dwar il-VAT hija intiża li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-sistema tal-VAT, billi tipproduċi l-prova tal-istatus fiskali tal-persuni taxxabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-VAT, billi tissimplifika l-kontrolli sabiex jiġi ggarantit il-ġbir korrett tagħha u billi tiffaċilita d-determinazzjoni tal-Istat Membru li fih iseħħ il-konsum finali tal-merkanzija kkunsinnata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Ablessio, C‑527/11, EU:C:2013:168, punti 18 u 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).
61 Peress li kull Stat Membru jattribwixxi n-numri ta’ identifikazzjoni individwali tal-VAT rispettivi tiegħu, persuna taxxabbli li teżerċita l-attivitajiet tagħha f’diversi Stati Membri għandha, bħala prinċipju, tkun irreġistrata f’kull wieħed minnhom.
62 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata r-risposta għat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.
63 Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 204 tad-Direttiva dwar il-VAT jistabbilixxi l-qafas għall-ħatra ta’ rappreżentant fiskali bħala persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa billi jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jippermettu lill-persuna taxxabbli li ma hijiex stabbilita fl-Istat Membru li fih hija dovuta l-VAT li taħtar rappreżentant fiskali li jissostitwixxiha bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa. Xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li l-imsemmi artikolu ma huwiex applikabbli f’sitwazzjonijiet li fihom tali persuna taxxabbli tkun ingħatat numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT mill-Istat Membru li fih hija dovuta l-VAT.
64 Fir-rigward tar-risposta għall-ewwel domanda, ġie stabbilit fil-punt 56 iktar ’il fuq li l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kellu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi r-responsabbiltà in solidum ifformulata b’mod inkundizzjonat ta’ rappreżentant fiskali.
65 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-influwenza tan-numru ta’ identifikazzjoni individwali tal-VAT li bih titwettaq it-tranżazzjoni inkwistjoni fuq ir-risposta għall-ewwel domanda, għandu jiġi rrilevat li l-użu mill-persuna taxxabbli ta’ wieħed jew l-ieħor min-numri ta’ identifikazzjoni individwali tal-VAT tagħha ma jagħtix, bħala prinċipju, lil dan ir-rappreżentant fiskali la iktar, u lanqas inqas influwenza fuq l-aġir tal-persuna taxxabbli u għalhekk ma jiġġustifikax li tiġi imputata lilu responsabbiltà in solidum bħal dik inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali.
66 B’mod partikolari, iċ-ċirkustanza li t-tranżazzjonijiet jitwettqu minn persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru fejn hija dovuta l-VAT, taħt in-numru ta’ identifikazzjoni individwali tal-VAT tagħha f’dan l-Istat Membru, u li jaqgħu taħt il-mandat mogħti lil dan ir-rappreżentant fiskali għall-preżentata tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT u għall-ħlas tal-VAT relatata magħhom, ma jistax, bħala prinċipju, ikollu l-effett li jagħti lil dan ir-rappreżentant fiskali għarfien tal-aġir tal-persuna taxxabbli relatat ma’ dawn it-tranżazzjonijiet.
67 Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-influwenza tan-numru ta’ identifikazzjoni individwali tal-VAT li bih titwettaq it-tranżazzjoni inkwistjoni fuq ir-risposta għat-tieni domanda, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 204(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jippreċiża li, meta l-Istati Membri jipprevedu li l-persuna taxxabbli tista’ taħtar rappreżentant fiskali li jissostitwixxiha bħala persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, ir-rappreżentant fiskali jista’ jinħatar bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fis-sitwazzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikoli 193 sa 197 u mill-Artikoli 199 u 200 tal-imsemmija direttiva. Għalhekk ma huwiex l-użu ta’ numru ta’ identifikazzjoni individwali tal-VAT, iżda l-eżistenza ta’ waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet li tiddetermina jekk ir-rappreżentant fiskali jistax jitqies bħala persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT
68 Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li ċ-ċirkustanza li t-tranżazzjoni li għaliha hija dovuta l-VAT twettqet taħt in-numru ta’ identifikazzjoni individwali tal-VAT mogħti lill-persuna taxxabbli mill-Istat Membru li fih hija stabbilita jew taħt dak mogħti mill-Istat Membru li fih hija dovuta l-VAT ma tistax tkun determinanti għar-risposti għall-ewwel u għat-tieni domanda.
Fuq ir-raba’ domanda
69 Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri fid-dawl tal-Artikolu 204(1) tal-imsemmija direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna tista’ kemm titqies bħala persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT kif ukoll tkun responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT.
70 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 204(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jagħmel id-dejn tal-VAT tal-persuna taxxabbli responsabbli għall-ħlas tat-taxxa dovut mill-persuna taxxabbli maħtura u li l-Artikolu 205 ta’ din id-direttiva jipprevedi obbligu ta’ ħlas in solidum tal-VAT marbut ma’ dejn ta’ ħaddieħor.
71 L-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT ma jippreċiżax il-persuni li l-Istati Membri jistgħu jaħtru bħala responsabbli in solidum u lanqas ma jagħmel distinzjoni skont liema l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa hijiex il-persuna taxxabbli jew le. Dan l-artikolu sempliċement jindika li r-responsabbiltà tista’ taqa’ biss fuq persuna differenti mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.
72 Minn dan isegwi li r-rappreżentant fiskali maħtur bħala persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa skont l-Artikolu 204 tad-Direttiva dwar il-VAT ma jistax jinżamm responsabbli in solidum għad-dejn tal-VAT tal-persuna taxxabbli li huwa jirrappreżenta, peress li l-Artikolu 205 ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-persuna responsabbli in solidum ma tistax tkun il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.
73 Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri fid-dawl tal-Artikolu 204(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa maħtura skont dan l-Artikolu 204 ma tistax tkun ukoll responsabbli in solidum skont l-Artikolu 205 tal-istess direttiva.
Fuq l-ispejjeż
74 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti Ġenerali, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 204 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2019/1995 tal‑21 ta’ Novembru 2019
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jipprekludix li rappreżentant fiskali ta’ persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru ieħor jitqies bħala responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, minkejja li dan ir-rappreżentant fiskali ma jkunx involut fit-tranżazzjonijiet taxxabbli mwettqa mill-persuna taxxabbli, u sakemm ikun inħatar bħala tali minn din tal-aħħar.
2) L-Artikolu 205 tad-Direttiva 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2019/1995, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
jipprekludi li rappreżentant fiskali li ma ġiex maħtur bħala persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dovuta minn persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru ieħor iżda li huwa responsabbli li jwettaq, f’isem tali persuna taxxabbli, obbligi ta’ dikjarazzjoni fil-qasam tal-VAT, mingħajr ma jkollu jżomm kontabbiltà jew joħroġ dokumenti ta’ kontabbiltà relatati mat-tranżazzjonijiet imwettqa minn din il-persuna taxxabbli, jista’ jinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT dovuta, minkejja li la l-amministrazzjoni fiskali u lanqas il-qorti kompetenti ma huma awtorizzati jivverifikaw jekk huwiex involut fl-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli, jekk kienx jaf jew kellux ikun jaf li t-taxxa kienet ser tibqa’ mhux imħallsa u jekk aġixxiex in bona fide u ħa l-miżuri kollha raġonevolment meħtieġa sabiex jiżgura l-osservanza tal-obbligi fil-qasam tal-VAT.
3) Iċ-ċirkustanza li t-tranżazzjoni li għaliha hija dovuta l-VAT twettqet taħt in-numru ta’ identifikazzjoni individwali tal-VAT mogħti lill-persuna taxxabbli mill-Istat Membru li fih hija stabbilita jew taħt dak mogħti mill-Istat Membru li fih hija dovuta l-VAT ma tistax tkun determinanti għar-risposti għall-ewwel u għat-tieni domanda.
4) L-Artikolu 205 tad-Direttiva 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2019/1995, moqri fid-dawl tal-Artikolu 204(1) ta’ din id-direttiva,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa maħtura skont dan l-Artikolu 204 ma tistax tkun ukoll responsabbli in solidum skont l-Artikolu 205 tal-istess direttiva.
|
Papasavvas |
Sampol Pucurull |
Pynnä |
|
Laitenberger |
Stancu |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑8 ta’ Lulju 2026.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Grieg
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.