European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/795

8.11.2023

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(C/2023/795)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

SINGLE DOCUMENT

“Gotlandslins”

Nru tal-UE: PDO-SE-02613 – 3.6.2020

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem/ismijiet

“Gotlandslins”

2.   Stat membru jew pajjiż terz

L-Iżvezja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott [bħal fl-Anness XI]

Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Gotlandslins” hija ż-żerriegħa mnixxfa tal-għadsa li hija tradizzjonalment ikkultivata f’Gotland (Lens culinaris).

Karatteristiċi fiżiċi

Għamla: Ċirkolari, b’forma konvessa simetrika kemm fuq in-naħa ta’ fuq, kif ukoll fuq in-naħa ta’ isfel.

Dehra: Wiċċ matt ileqq.

Daqs: Ħxuna ta’ madwar 2 mm u dijametru ta’ 4 mm.

Karatteristiċi organolettiċi

Kulur:

 

L-ispettru tal-kuluri jvarja minn oranġjo pur (NCS S3050-Y40R) għal oranġjo bi sfumaturi ta’ isfar (NCS S3050-Y20R) jew aħdar (NCS S4040-Y20R). Il-kompożizzjoni tal-kulur tvarja kemxejn bejn l-istaġuni tat-tkabbir.

Aroma:

 

“Gotlandslins” imnixxfa: Aroma moderata ta’ ħuxlief frisk jew ħaxix tal-għalf (P. pratense).

 

“Gotlandslins” imsajra: Noti ta’ ħamrija u ħaxix bi ħjiel ta’ spinaċi (S. oleracea).

Togħma:

 

“Gotlandslins” imsajra: Togħma delikata u distinta ta’ pjanti leguminużi bi ħjiel ta’ butir, żerriegħa tal-ġirasol inkaljata u ġellewż. Ħlewwa u mrar ibbilanċjati.

Togħma li tibqa’ fil-ħalq:

 

Nota kemxejn ta’ ħaxix, li tilħaq ċertu togħma aromatika bbilanċjata ta’ ħwawar sħan bħall-imsiemer tal-qronfol, il-bżar tal-Ġamajka u ż-żagħfran tal-Indja, u noti minerali definiti.

Sensazzjoni fil-ħalq:

 

għadsa soda u li tinħass prominenti meta tingidem, qoxra rqiqa u fina, u parti interna ratba bi kremożità pjaċevoli u li tibqa’ fil-ħalq.

Sawra:

 

soda. Qoxra rqiqa.

Karatteristiċi kimiċi

 

Karboidrati: 45-51 %, li minnhom madwar 1,8-2,2 % huwa zokkor.

 

Fibra: 28-32 %

 

Proteini: 23-26 %

 

Xaħam: 0,8-1,2 %, li minnu 0,15-0,25 % huwa xaħam saturat.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

—

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-proċess kollu mit-tkabbir sat-tnixxif tal-“Gotlandslins” irid iseħħ fiż-żona ġeografika deskritta taħt il-punt 4.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

—

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

—

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tal-“Gotlandslins” tikkonsisti mill-gżejjer ta’ Gotland u Fårö u mill-gżejjer żgħar viċin tagħhom, għajr Stora Karlsö u Lilla Karlsö.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta bejn il-karatteristiċi tal-“Gotlandslins” u ż-żona tat-tkabbir ta’ Gotland hija bbażata fuq il-kundizzjonijiet naturali u fuq il-fatturi umani li huma tradizzjonalment marbuta mal-kultivazzjoni tal-“Gotlandslins” f’Gotland.

Speċifiċità tal-prodott

Il-“Gotlandslins” għandha ċerti kwalitajiet speċifiċi bħala riżultat tal-adattament tal-arbuxell tal-għadsa għall-kundizzjonijiet naturali.

Il-“Gotlandslins” hija għadsa relattivament żgħira b’qoxra rqiqa u b’polpa soda. Minħabba l-varjazzjoni ġenetika, il-“Gotlandslins” għandha spettru ta’ tonalitajiet ta’ kuluri li jvarjaw minn oranġjo pur għal oranġjo bi sfumaturi ta’ isfar u/jew aħdar.

Ir-rata tat-tkabbir relattivament bil-mod tal-arbuxell tal-għadsa tagħti lill-“Gotlandslins” profil kumpless tat-togħma b’elementi leguminużi u ħjiel ta’ butir, żerriegħa tal-ġirasol inkaljata u ġellewż, li mbagħad isiru nota kemxejn ta’ ħaxix b’togħma aromatika bbilanċjata.

B’mod differenti minn tipi oħra ta’ għads li jinsabu għall-bejgħ b’mod komuni fis-suq Żvediż, it-togħma tal-“Gotlandslins” għandha element minerali distint u noti ta’ butir u lewż. Il-“Gotlandslins” għandha wkoll ħin tat-tisjir relattivament qasir, li jikkontribwixxi għat-togħma aktar intensiva u sensazzjoni eleganti fil-ħalq.

Rabta mal-kundizzjonijiet naturali ta’ Gotland

Gotland għandha kundizzjonijiet naturali speċjali. Is-sodda ta’ blat tikkonsisti primarjament minn ġebla tal-ġir Silurjana sedimentarja u minn lavanja tal-lom. Fuq is-sodda ta’ blat hemm saff irqiq ta’ ħamrija (fond ta’ 0-1 m), magħmul minn tafal moren kalkarju, ramel u żrar. Il-ħamrija hija kemxejn alkalina. Is-saff tal-ġebla tal-ġir huwa viżibbli f’ħafna postijiet.

Il-klima hija affettwata mill-post ta’ Gotland f’nofs il-Baħar Baltiku. Ir-rebbiegħa tiġi tard, filwaqt li l-ħarifa u x-xitwa huma moderati. It-temperatura medja ta’ Lulju hija ta’ madwar 16-il grad Celsius u s-sigħat ta’ xemx tiegħu huma fost l-ogħla fl-Iżvezja (> 1 900 siegħa ta’ xemx fis-sena). Ix-xita hija skarsa (madwar 500 sa 600 mm fis-sena). Il-biċċa l-kbira tax-xita tinżel fil-perjodu minn Awwissu sa Diċembru. Ir-rebbiegħa u l-maġġoranza tas-sajf huma xotti ħafna. Spiss ikun hemm perjodi twal bla xita jew bi ftit xita, li jaffettwaw l-opportunitajiet tat-tkabbir u jimponu rekwiżiti sinifikanti kemm fuq min ikabbar kif ukoll fuq l-għalla mkabbra.

Il-“Gotlandslins” hija ż-żerriegħa mnixxfa tal-varjant lokali tal-għadsa tradizzjonalment ikkultivata f’Gotland (Lens culinaris). L-għażla sistematika taż-żerriegħa għall-ħsad tas-sena ta’ wara tagħmel il-“Gotlandslins” adattata tajjeb għall-kundizzjonijiet naturali speċjali li jipprevalu f’Gotland. Il-“Gotlandslins” għandha wkoll varjazzjoni ġenetika li tagħmilha iżjed reżiljenti matul il-perjodi xotti li spiss jiġu esperjenzati f’Gotland matul l-istaġun tat-tkabbir.

L-adattamenti għall-kundizzjonijiet naturali speċjali ta’ Gotland ifissru li l-arbuxell tal-għads tradizzjonali ta’ Gotland irendi sa 15 % aktar għads fuq il-ħamrija nieqsa mill-ġebla tal-ġir mill-istess arbuxell tal-għads fil-ħamrija fertili ta’ Skåne. Il-kapaċità ta’ dan l-arbuxell tal-għads li jifforma sistema profonda u soda tal-għeruq fuq il-ħamrija kalkarja u fqira ta’ Gotland tfisser li l-varjant lokali tal-arbuxell tal-għads jikber aħjar f’din il-ħamrija minn varjanti tal-għads ikkultivati.

Il-klima u n-natura tal-ħamrija tfisser li l-“Gotlandslins” tikber bil-mod (iż-żmien tat-tkabbir huwa madwar 120 jum). It-tkabbir bil-mod u l-ħamrija kalkarja jagħtu lill-“Gotlandslins” il-profil speċjali tat-togħma u l-element minerali karatteristiċi tagħha.

Rabta mal-fatturi umani marbuta maż-żona ġeografika

Peress li l-arbuxell tal-għads ta’ Gotland għandu rekwiżiti speċjali rigward il-kundizzjonijiet tat-tkabbir, il-“Gotlandslins” hija għalla li hija diffiċli biex titkabbar. Dan ifisser li l-kultivazzjoni tal-“Gotlandslins” tirrikjedi li min ikabbar ikollu għarfien kbir dwar ir-rekwiżiti speċifiċi tal-arbuxell tal-għads u dwar il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima lokali, sabiex l-arbuxelli tal-għads jirnexxu u jipproduċu l-“Gotlandslins” bil-karatteristiċi tipiċi tal-prodott.

L-arbuxell tal-għads li huwa kkultivat biex jipproduċi l-“Gotlandslins” huwa relattivament żgħir u skars f’termini ta’ kopertura tal-art. Sabiex jiġi żgurat li l-għads żgħir ma jinħonoqx minn ħaxix ħażin qabel ma jiġu żviluppati l-pjanti, il-“Gotlandslins” titkabbar f’ħamrija nieqsa mir-ramel li tirrestrinġi t-tkabbir tal-ħaxix ħażin. Barra minn hekk, dawk li jkabbru jagħmlu kultivazzjoni assoċjata tal-“Gotlandslins” mal-ħbub, ġeneralment il-ħafur (Avena sativa), li jagħti lill-arbuxell tal-għads appoġġ u jżomm il-ħaxix ħażin sakemm l-arbuxelli tal-għads isiru stabbiliti u jiksu l-art. Din il-kultivazzjoni assoċjata tfisser li dak li jkabbar irid jibbilanċja r-relazzjoni bejn il-“Gotlandslins” u l-ħbub, u jadattaha għall-karatteristiċi speċifiċi taż-żoni differenti tat-tkabbir, sabiex l-arbuxelli tal-għads ikollhom biżżejjed dawl u appoġġ, mingħajr ma l-ħbub jimpedixxu t-tkabbir tal-“Gotlandslins”.

Dawk li jkabbru ġeneralment jaħsdu l-“Gotlandslins” f’nofs April. B’riżultat tal-adattament tagħha għall-klima ta’ Gotland, il-“Gotlandslins” tista’ tkampa fi ġlata ta’ kultant. Dan jagħti lill-arbuxelli tal-għads il-perjodu twil ta’ tkabbir (madwar 120 jum) meħtieġ għall-iżvilupp tal-“Gotlandslins” fil-klima kiesħa ta’ Gotland b’ħafna sigħat ta’ xemx. Il-“Gotlandslins” għandha rata tat-tkabbir ħafna aktar bil-mod minn għads oħrajn importati fl-Iżvezja, li normalment ikollhom żmien ta’ tkabbir ta’ bejn 80 u 100 jum. It-tkabbir bil-mod jikkontribwixxi għall-karatteristiċi speċjali li jirrappreżentaw il-“Gotlandslins”.

Il-“Gotlandslins” u l-ħbub b’kultivazzjoni assoċjata jinħasdu fl-istess waqt. Il-ħsad iseħħ meta l-imżiewed tal-“Gotlandslins” jibdew isiru kannella. Min ikabbar jitħan il-ħsad bir-reqqa (600-800 dawra kull minuta) bi skieken li jaqtgħu ferm sabiex it-tħin ma jikkawżax grif li jnaqqas il-kwalità tal-“Gotlandslins”. It-taħlita maħsuda tal-ħbub u l-legumi titnixxef u tintgħażel. Dawk li jkabbru jisseparaw il-“Gotlandslins” mill-ħbub permezz ta’ tgħarbil meta jkunu qed jagħżlu l-ħsad.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://www.livsmedelsverket.se/globalassets/foretag-regler-kontroll/livsmedelsinformation-markning-halsopastaenden/skyddade-beteckningar/produktspecifikation_ansokan_gotlandslins_2023_03_20.pdf


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/795/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)