19.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/8


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.9551 — Toyota/Panasonic/Prime Life Technologies JV)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2019/C 315/09)

1.   

Fl-10 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Din in-notifika tikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

—

Toyota Motor Corporation (il-Ġappun),

—

Panasonic Corporation (il-Ġappun).

Toyota u Panasonic jakkwistaw, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll konġunt ta’ Prime Life Technologies JV.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma f’kumpanija maħluqa ġdida li tikkostitwixxi impriża konġunta.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   għal Toyota: primarjament attiva fid-disinn, il-manifattura, l-immuntar u l-bejgħ ta’ vetturi tal-passiġġieri, vannijiet żgħar u vetturi kummerċjali (bħal trakkijiet) u partijiet u aċċessorji relatati globalment.

—   għal Panasonic: attiva primarjament fl-iżvilupp, il-manifattura, u l-bejgħ ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti awdjoviżivi u ta’ komunikazzjoni, apparat domestiku, komponenti u tagħmir elettroniku (inklużi batteriji), prodotti industrijali u prodotti oħra globalment.

—   għal Prime Life Technologies JV: se tkun attiva fis-servizzi tal-kostruzzjoni, il-kostruzzjoni ta’ djar, tfassil mill-ġdid tad-dar u/jew servizzi ta’ kura tal-anzjani prinċipalment fil-Ġappun.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jenħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fin-Notifika.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Għandha dejjem tiġi speċifikata din ir-referenza:

M.9551 — Toyota/Panasonic/Prime Life Technologies JV

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-posta elettronika, permezz tal-faks jew bil-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

E-mail: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (“ir-Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.