European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/3435

30.6.2025

Sejħa għal kontribuzzjonijiet (Nru IX-2026/01)

“KONTRIBUZZJONIJIET LILL-PARTITI POLITIĊI EWROPEJ”

(C/2025/3435)

WERREJ

A.

Introduzzjoni u qafas ġuridiku 1

B.

L-objettiv tas-sejħa 2

C.

L-iskop, il-kategorija u l-forma ta’ finanzjament 2

D.

Il-baġit disponibbli 2

E.

Ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà għall-applikazzjonijiet għal finanzjament 3

F.

Il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal finanzjament 3

F.1.

Il-kriterji ta’ esklużjoni 3

F.2.

Il-kriterji ta’ eliġibbiltà 3

F.3.

Il-kriterji tal-għoti u d-distribuzzjoni tal-finanzjament 4

G.

Il-kontroll kondiviż mill-parlament ewropew u l-awtorità 4

H.

It-termini u l-kundizzjonijiet 4

I.

L-iskeda ta’ żmien 5

J.

L-iżvelar u l-ipproċessar ta’ data personali 6

K.

Informazzjoni oħra 6

Anness —

Formola ta’ applikazzjoni għal finanzjament 7

A.   INTRODUZZJONI U QAFAS ĠURIDIKU

1.

L-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li “l-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni”;

2.

F’konformità mal-Artikolu 224 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistabbilixxu r-regolamenti li jiggwidaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u partikolarment ir-regoli li jirrigwardaw il-finanzjament tagħhom. Dawn ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (1), kif emendat sussegwentement.

3.

Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, partit politiku Ewropew li jkun irreġistrat skont il-kundizzjonijiet u l-proċeduri tar-Regolament u rrappreżentat fil-Parlament Ewropew b’minn tal-inqas wieħed mill-membri tiegħu, u li ma jkunx f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 138(1) tar-Regolament Finanzjarju, jista’ japplika għall-finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet ippubblikati mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew f’sejħa għal kontribuzzjonijiet.

4.

Għaldaqstant, il-Parlament Ewropew qed iniedi din is-sejħa għal kontribuzzjonijiet bil-ħsieb li jagħti kontribuzzjonijiet lill-partiti politiċi Ewropej (“is-sejħa”) għas-sena finanzjarja 2026.

5.

Il-qafas ġuridiku ta’ bażi huwa definit f’dawn l-atti ġuridiċi:

(a)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014;

(b)

Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ Lulju 2019, li tistabbilixxi l-proċeduri għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (2) (“id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ Lulju 2019”);

(c)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (3) (“ir-Regolament Finanzjarju”);

(d)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/2401 tat-2 ta’ Ottubru 2015 dwar il-kontenut u t-tħaddim tar-Reġistru tal-partiti u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (4);

(e)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2246 tat-3 ta’ Diċembru 2015 dwar dispożizzjonijiet dettaljati għas-sistema tan-numri tar-reġistrazzjoni applikabbli għar-reġistru tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u għall-informazzjoni provduta permezz ta’ estratti standard mir-reġistru (5);

(f)

Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew (6).

B.   L-OBJETTIV TAS-SEJĦA

6.

L-objettiv ta’ din is-sejħa huwa li l-partiti politiċi Ewropej irreġistrati jiġu mistiedna jissottomettu applikazzjonijiet għal finanzjament mill-baġit tal-Unjoni (“applikazzjonijiet għal finanzjament”) u li tiġi ddeterminata n-natura tan-nefqa rimborżabbli skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1141/2014 u l-Artikolu 228(5) tar-Regolament Finanzjarju.

C.   L-ISKOP, IL-KATEGORIJA U L-FORMA TA’ FINANZJAMENT

7.

L-iskop tal-finanzjament huwa li jappoġġja l-attivitajiet u l-objettivi statutorji tal-partit politiku Ewropew għas-sena finanzjarja mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2026 skont it-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fil-ftehim ta’ kontribuzzjoni li għandu jiġi konkluż bejn il-partit politiku Ewropew benefiċjarju u l-Parlament Ewropew.

8.

Il-kategorija tal-finanzjament hija l-kontribuzzjoni lill-partiti politiċi Ewropej, skont it-Titolu XI tar-Regolament Finanzjarju (“il-kontribuzzjoni”). Il-kontribuzzjoni tieħu l-forma ta’ rimborż ta’ perċentwal tan-nefqa rimborżabbli mġarrba.

9.

L-ammont massimu mħallas lill-benefiċjarju mill-Parlament Ewropew m’għandux jeċċedi d-90 % tan-nefqa rimborżabbli indikata fil-baġit stmat jew 90 % tan-nefqa rimborżabbli mġarrba.

D.   IL-BAĠIT DISPONIBBLI

10.

Il-finanzjament previst għas-sena finanzjarja 2026 skont l-Artikolu 402 tal-baġit tal-Parlament Ewropew “Finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej” jammonta għal EUR 46 000 000, kif propost fl-abbozz ta’ estimi preliminari tal-Parlament Ewropew. L-approprjazzjonijiet disponibbli li għandhom jitqassmu se jiġu stabbiliti mill-awtorità tal-baġit fil-baġit finali approvat għas-sena 2026.

E.   IR-REKWIŻITI TA’ AMMISSIBBILTÀ GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET GĦAL FINANZJAMENT

11.

L-applikazzjonijiet għal finanzjament ikunu ammissibbli jekk:

(a)

jiġu sottomessi bil-miktub bl-użu tal-formola ta’ applikazzjoni għal finanzjament annessa ma’ din is-sejħa, inklużi d-dokumenti ġustifikattivi kollha meħtieġa hemmhekk;

(b)

jinkludu l-impenn, espress bil-miktub permezz tal-iffirmar tal-formola ta’ dikjarazzjoni annessa fil-fajl ta’ applikazzjoni għal finanzjament imsemmi fil-paragrafu 12, li l-applikant jaqbel mat-termini u l-kundizzjonijiet kif ukoll il-kriterji ta’ esklużjoni speċifikati fl-Anness 1a tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ Lulju 2019;

(c)

ikun fihom ittra ta’ rappreżentant(i) legali li tiċċertifika l-awtorizzazzjoni biex jitwettqu obbligi legali f’isem l-applikant;

(d)

jintbagħtu lill-President tal-Parlament Ewropew sat-30 ta’ Settembru 2025 , bħala kopja elettronika jew bħala oriġinali elettronika (b’firma elettronika kwalifikata (7)) lill-indirizz elettroniku funzjonali li ġej: fin.part.fond.pol@europarl.europa.eu bl-użu tal-pjattaforma CoFile (8). Id-dokumenti ġustifikattivi għandhom jiġu sottomessi f’format li jista’ jiġi editjat u t-tabelli preferibbilment ikunu f’format Excel.

12.

L-applikanti huma mistiedna jużaw il-fajl ta’ applikazzjoni għal finanzjament disponibbli fuq is-sit web tal-Parlament Ewropew, u jsegwu l-istruzzjonijiet inklużi fih (https://www.europarl.europa.eu/contracts-and-grants/mt/list-of-notices/).

Meta tkun meħtieġa firma, din għandha tkun jew firma bl-idejn jew firma elettronika kwalifikata (QES), liema firma elettronika kwalifikata tkun f’konformità mar-Regolament dwar l-Identifikazzjoni Elettronika u s-Servizzi Fiduċjarji (eIDAS) (9).

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi b’mod elettroniku; meta ċerti dokumenti jkollhom firem bl-idejn, l-applikant għandu jżomm u jipproduċi kwalunkwe oriġinal fuq talba tal-Parlament Ewropew.

F.   IL-KRITERJI GĦALL-EVALWAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONIJIET GĦAL FINANZJAMENT

F.1.   Il-kriterji ta’ esklużjoni

13.

L-applikanti għandhom jiġu esklużi mill-proċedura ta’ finanzjament jekk ikunu:

(a)

f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikoli 138(1) jew 143(1) tar-Regolament Finanzjarju;

(b)

irreġistrati bħala esklużi fil-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 144 tar-Regolament Finanzjarju;

(c)

soġġetti għal kwalunkwe sanzjoni prevista fl-Artikolu 27(1) u fl-Artikolu 27(2)(a) il-punti (v), (vi) u (vii) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

F.2.   Il-kriterji ta’ eliġibbiltà

14.

Sabiex ikunu eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni, l-applikanti jeħtiġilhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, jiġifieri l-applikant:

(a)

jeħtieġlu jkun irreġistrat mal-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej (10) (“l-Awtorità”), f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014;

(b)

jeħtieġlu jkun irrappreżentat fil-Parlament Ewropew minn mill-inqas Membru wieħed tal-Parlament Ewropew;

(c)

jeħtieġlu jikkonforma mal-obbligi elenkati fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, jiġifieri jeħtieġlu li jkun issottometta d-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali (11), rapport tal-awditjar estern u l-lista tad-donaturi u l-kontributuri, kif speċifikat f’dan l-Artikolu;

(d)

jeħtieġlu jikkonforma mal-obbligi elenkati fl-Artikolu 18(2a) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, jiġifieri jeħtieġlu li jkun issottometta l-evidenza li turi li l-partiti tal-UE membri tiegħu, b’mod ġenerali, ippubblikaw fis-siti web tagħhom, b’mod viżibbli b’mod ċar u faċli għall-utent, il-programm politiku u l-logo tal-partit politiku Ewropew għal perjodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2024 u t-30 ta’ Settembru 2025 (12).

F.3.   Il-kriterji tal-għoti u d-distribuzzjoni tal-finanzjament

15.

F’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, l-approprjazzjonijiet disponibbli rispettivi għandhom jitqassmu kull sena. Dawn għandhom jitqassmu fost il-partiti politiċi Ewropej li l-applikazzjonijiet tagħhom għall-finanzjament ikunu ġew approvati fid-dawl tal-kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ esklużjoni, abbażi tal-formula ta’ distribuzzjoni segwenti:

(a)

10 % se jitqassmu f’ishma ndaqs fost il-partiti politiċi Ewropej benefiċjarji;

(b)

90 % se jitqassmu fost il-partiti politiċi Ewropej benefiċjarji bi proporzjon mas-sehem tagħhom ta’ membri eletti fil-Parlament Ewropew; skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 1141/2014, Membru tal-Parlament Ewropew għandu jitqies bħala membru ta’ partit politiku Ewropew wieħed biss, li, fejn rilevanti, għandu jkun il-partit li l-partit nazzjonali jew reġjonali tiegħu jkun affiljat miegħu fid-data finali għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal finanzjament.

G.   IL-KONTROLL KONDIVIŻ MILL-PARLAMENT EWROPEW U L-AWTORITÀ

16.

L-Artikolu 24(1) u (2) (13) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 jipprevedi kontroll kondiviż bejn il-Parlament Ewropew u l-Awtorità.

17.

Fejn, skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, l-Awtorità għandha l-kompetenza li tiċċekkja l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Parlament Ewropew se jibgħat l-applikazzjonijiet għal finanzjament lill-Awtorità.

18.

Fl-istadji kollha tal-proċedura ta’ għoti, l-applikanti jibqgħu meħtieġa mill-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 li jipprovdu, fuq talba tal-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew u l-Awtorità, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-fini tat-twettiq tal-kontrolli li għalihom huma responsabbli u fil-format mitlub.

H.   IT-TERMINI U L-KUNDIZZJONIJIET

19.

L-applikanti huma obbligati li jinnotifikaw lill-Parlament Ewropew dwar kwalunkwe bidla fir-rigward tad-dokumenti sottomessi jew fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-applikazzjoni fi żmien ġimagħtejn minn tali bidla. Fin-nuqqas ta’ tali notifika, l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew jista’ jiddeċiedi abbażi tal-informazzjoni sottomessa, minkejja kwalunkwe informazzjoni pprovduta fi stadju aktar tard jew ippubblikata permezz ta’ mezzi oħra.

20.

Rigward il-kundizzjoni li applikant ikompli jissodisfa l-kriterji għall-finanzjament, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-applikant.

21.

It-termini u l-kundizzjonijiet rigward il-finanzjament tal-Unjoni li għandu jingħata skont din is-sejħa huma stabbiliti fl-Anness 1a tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ Lulju 2019 u huma stipulati fil-ftehim ta’ kontribuzzjoni. B’applikazzjoni tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, l-Artikoli 163(1) u (2) u l-Artikolu 230(2) tar-Regolament Finanzjarju, din is-sejħa tiċċara dawk it-termini u l-kundizzjonijiet kif ġej: in-nefqa li għandha tiġi koperta mill-finanzjament mogħti skont din is-sejħa għandha tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-politika tal-persunal;

(i)

il-kostijiet totali tal-persunal għandhom ikunu bbilanċjati b’mod raġonevoli meta mqabbla mal-kostijiet operazzjonali;

(ii)

il-pjan tal-persunal huwa adattat għall-ħtiġijiet organizzattivi u operazzjonali;

(iii)

id-deċiżjoni dwar ir-reklutaġġ u r-remunerazzjoni tittieħed mill-korpi governattivi xierqa, skont l-istatuti tal-benefiċjarju u r-regoli interni speċifiċi, abbażi tal-aħjar prattika u l-prinċipji ġenerali bħat-trasparenza, it-trattament ugwali, in-nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess;

(iv)

ir-rati ta’ remunerazzjoni u benefiċċji addizzjonali oħra (jekk ikun hemm) iqisu r-rati medji fis-suq tal-impjiegi rilevanti;

(b)

il-proċeduri ta’ akkwist għal kuntratti ta’ aktar minn EUR 60 000 għal kull fornitur:

(i)

l-istediniet bil-miktub għall-offerti (sejħa għall-offerti) irid ikun fihom fost l-oħrajn, kriterji ta’ esklużjoni, kriterji tal-għażla (eż. kapaċità finanzjarja u teknika minima), kriterji tal-għoti (prezz u kwalità jew prezz biss) u speċifikazzjonijiet tekniċi (riżultati mistennija, eċċ.) li magħhom il-benefiċjarji jeħtiġilhom jivvalutaw l-offerti; is-sejħa għall-offerti trid tirrikjedi li l-offerenti jipprovdu offerti li jkunu datati, iffirmati u jinkludu prezzijiet għal kull unità (jekk applikabbli) u dokumenti ġustifikattivi oħra li jippermettu li l-offerti jitqabblu ma’ xulxin;

(ii)

is-sejħa għall-offerti trid tintbagħat/tiġi ppubblikata permezz ta’ mezzi xierqa, sabiex tiġi żgurata disseminazzjoni adegwata u l-aktar kompetizzjoni wiesgħa possibbli; iridu jistabbilixxu skadenzi raġonevoli (idealment mill-inqas għaxart ijiem) għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet/offerti u jevitaw kwalunkwe kunflitt ta’ interess;

(iii)

l-evalwazzjoni tal-offerti trid tkun ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti fis-sejħa għall-offerti; ir-rapport ta’ evalwazzjoni jrid jenfasizza l-vantaġġi komparattivi tal-offerta magħżula f’konformità ma’ dawk il-kriterji; irid jiġi ffirmat u ddatat mir-rappreżentant(i) tal-benefiċjarju fil-proċedura biex tiġi evitata kwalunkwe sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess;

(iv)

il-kuntratti jridu jiġu ffirmati u datati miż-żewġ partijiet u jkun fihom l-istess termini bħal fl-offerta; it-tul ta’ żmien jista’ jinkludi estensjonijiet possibbli, iżda huwa limitat għal total ta’ 5 snin;

(v)

il-qsim artifiċjali tal-kuntratti ma jridx jintuża sabiex jiġu evitati r-regoli dwar l-akkwist;

(vi)

is-sottokuntrattar għandu jinżamm baxx kemm jista’ jkun u l-ammonti fatturati mis-sottokuntrattur iridu jibqgħu trasparenti.

22.

Kull applikant għandu jaċċetta t-termini u l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 19 sa 21 hawn fuq, billi jiffirma l-formola ta’ dikjarazzjoni annessa fil-fajl ta’ applikazzjoni għal finanzjament imsemmi fil-paragrafu 12.

I.   L-ISKEDA TA’ ŻMIEN

23.

L-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal finanzjament hija t- 30 ta’ Settembru 2025 .

24.

L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jadotta deċiżjoni fi żmien tliet xhur wara l-għeluq tas-sejħa għal kontribuzzjonijiet. Wara dik id-deċiżjoni, id-deċiżjonijiet individwali ffirmati mill-President tal-Parlament Ewropew jiġu nnotifikati lill-applikanti.

25.

Huwa mistenni li f’Jannar 2026 l-applikanti magħżula se jirċievu l-abbozz tal-ftehim ta’ kontribuzzjoni li għandu jiġi ffirmat. Il-ftehim ta’ kontribuzzjoni jista’ jiġi ffirmat b’firma elettronika kwalifikata (QES) fuq talba. Wara l-iffirmar tal-ftehim, il-ħlas tal-prefinanzjament għandu jsir f’konformità mal-iskeda stabbilita fl-Artikolu I.5. tiegħu.

J.   L-IŻVELAR U L-IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

26.

Il-Parlament Ewropew u l-Awtorità għandhom jippubblikaw, inkluż fuq l-internet, informazzjoni skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

27.

Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din is-sejħa għandha tiġi pproċessata f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (14) u skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

28.

Tali data għandha tkun ipproċessata għall-fini ta’ evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal finanzjament u ta’ salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ trasferiment ta’ din id-data lill-korpi responsabbli għat-twettiq tal-kompiti ta’ verifika u awditjar f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, bħas-servizzi tal-awditjar intern tal-Parlament Ewropew, l-Awtorità, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, jew l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF).

29.

Abbażi ta’ talba bil-miktub, kwalunkwe persuna fiżika relatata mal-benefiċjarju tista’ tingħata aċċess għad-data personali tagħha u tikkoreġi kwalunkwe data żbaljata jew mhux kompluta. It-talba li tirrigwarda l-ipproċessar tad-data personali tista’ tiġi mressqa lid-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi tal-Parlament Ewropew jew lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Parlament Ewropew. Il-persuna kkonċernata tista’, f’kull ħin, tressaq ilment lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar dak li jirrigwarda l-ipproċessar tad-data personali tagħha.

30.

Id-data personali tista’ tiġi reġistrata fis-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni Bikrija mill-Parlament Ewropew, jekk il-benefiċjarju jkun f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 138(1) u 143 tar-Regolament Finanzjarju.

K.   INFORMAZZJONI OĦRA

31.

Kwalunkwe mistoqsija relatata ma’ din is-sejħa għandha tintbagħat b’email, filwaqt li tiġi kkwotata r-referenza tal-pubblikazzjoni, lill-indirizz elettroniku li ġej: fin.part.fond.pol@europarl.europa.eu

32.

Il-leġiżlazzjoni bażika speċifikata fil-paragrafu 5(b) ta’ din is-sejħa u l-fajl ta’ applikazzjoni għal finanzjament huma disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-Parlament Ewropew (https://www.europarl.europa.eu/contracts-and-grants/mt/list-of-notices/).

(1)   ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1. Ġew ippubblikati żewġ emendi fil-ĠU L 114 I, 4.5.2018 p. 1 u fil-ĠU L 85 I, 27.3.2019 p. 7.

(2)   ĠU C 249, 25.7.2019, p. 2.

(3)   ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(4)   ĠU L 333, 19.12.2015, p. 50.

(5)   ĠU L 318, 4.12.2015, p. 28.

(6)   Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew: https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/lastrules/TOC_MT.html?redirect.

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(8)   https://cofile.europarl.europa.eu/login.

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014.

(10)  Stabbilita skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1141/2014.

(11)  Sakemm l-applikant ma jkunx soġġett għall-kontroll skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 (pereżempju: ikun għadu kemm inħoloq).

(12)  Jew li tibda bid-data tar-reġistrazzjoni u sat-30 ta’ Settembru 2025 għall-partijiet li għadhom kif inħolqu.

(13)  L-Artikolu 24(1) u (2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 – Regoli ġenerali dwar il-kontroll:

“1. Il-kontroll tal-konformità mill-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament għandhom jiġu eżerċitati, f’kooperazzjoni, mill-Awtorità, mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri kompetenti.

2. L-Awtorità għandha tikkontrolla l-konformità mill-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 3, il-punti (a), (b) u (d) sa (f) tal-Artikolu 4(1), il-punti (a) sa (e) u (g) tal-Artikolu 5(1), l-Artikolu 9(5) u (6), u l-Artikoli 20, 21 u 22.

L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jikkontrolla l-konformità mill-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mal-obbligi relatati mal-finanzjament tal-Unjoni skont dan ir-Regolament f’konformità mar-Regolament Finanzjarju. Fit-twettiq ta’ tali kontrolli, il-Parlament Ewropew għandu jieħu l-miżuri meħtieġa fl-oqsma tal-prevenzjoni tal-frodi u tal-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.”

(14)   ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.


ANNESS

FORMOLA TA’ APPLIKAZZJONI GĦAL FINANZJAMENT

Għall-attenzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew c/o Didier Klethi, Direttur Ġenerali għall-Finanzi

daħħal isem l-applikant], rappreżentat legalment minn [daħħal isem ir-rappreżentant(i)] b’dan japplika għall-finanzjament għas-sena finanzjarja 2026 skont is-sejħa Nru IX-2026/01 għal ammont ta’ [daħħal l-ammont (1)], u jiċċertifika li d-dokumenti li ġejjin huma pprovduti mal-applikazzjoni.

Nru

Dokumenti li jridu jiġu pprovduti (2)

Iva/

mhux applikabbli

1.

Ittra ta’ rappreżentant(i) legali li tiċċertifika l-awtorizzazzjoni biex jitwettqu obbligi legali f’isem l-applikant

 

2.

Lista tal-persuni li għandhom setgħat ta’ rappreżentanza, teħid ta’ deċiżjonijiet jew kontroll fuq l-organizzazzjoni applikanti, bħall-President, il-membri tal-Bord, is-Segretarju Ġenerali, it-Teżorier, inkluża referenza għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Istatuti tal-applikant

 

3.

Prova ta’ reġistrazzjoni mill-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej fid-data tal-applikazzjoni għal finanzjament (għall-applikanti biss li għalihom id-deċiżjoni għar-reġistrazzjoni għadha mhijiex disponibbli għall-pubbliku, jiġifieri għadha ma ġietx ippubblikata fuq is-sit web tal-Awtorità jew fil-Ġurnal Uffiċjali)

 

4.

Lista tal-Membri tal-applikant tal-Parlament Ewropew, bi prova aġġornata ta’ sħubija u li tistabbilixxi l-isem, il-pajjiż tal-oriġini, l-affiljazzjoni diretta jew indiretta mal-partit politiku Ewropew u isem il-partit nazzjonali jew reġjonali rilevanti ta’ affiljazzjoni, jekk applikabbli

 

5.

Evidenza li turi li l-partiti tal-UE membri tiegħu, b’mod ġenerali, ippubblikaw fis-siti web tagħhom, viżibbli b’mod ċar u faċli għall-utent, il-programm politiku u l-logo tal-partit politiku Ewropew għal perjodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2024 u t-30 ta’ Settembru 2025 jew b’bidu mid-data tar-reġistrazzjoni u sat-30 ta’ Settembru 2025 għall-partiti maħluqin ġodda.

 

6.

Lista tal-entitajiet assoċjati li lilhom l-applikant beħsiebu jagħti appoġġ finanzjarju għas-sena finanzjarja 2026, inkluża referenza għall-artikoli rilevanti tal-Istatuti tal-applikant

 

7.

Dikjarazzjoni tar-rappreżentant legali rigward id-dettalji tal-bank, inkluża formola ta’ identifikazzjoni finanzjarja debitament mimlija (din tal-aħħar fil-każ biss ta’ applikant ġdid JEW għal applikanti li għalihom seħħet bidla fl-isem, fl-indirizz jew fil-kont bankarju meta mqabbel mal-eżerċizzju preċedenti)

 

8.

Dikjarazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali kif ukoll il-kriterji ta’ esklużjoni

 

9.

Stima tal-baġit (bilanċjat)

 

[daħħal isem l-applikant] jitlob li l-ħlas tal-finanzjament iseħħ [f’pagament uniku fi DD.XX.2026 / fi żmien 30 jum wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim] JEW f’4 pagament parzjali [fi żmien 30 jum wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim, f’April 2026, f’Lulju 2026 u l-bqija f’Ottubru 2026].

Il-ħin u l-post:

Firma (Firem):


(1)  Dan l-ammont irid jaqbel maċ-ċifra murija fil-linja D.1.2. tal-Baġit stmat (dokument Nru 10 tal-fajl ta’ applikazzjoni għal finanzjament).

(2)  Il-mudelli huma pprovduti fuq is-sit web tal-PE għall-punti 2, 4, 5, 7, 8, 9 u 10 (https://www.europarl.europa.eu/contracts-and-grants/mt/list-of-notices/).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3435/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)