Opinion of the Advocate-General
I – Introduzzjoni
1. Il-Kummissjoni, skond l-Artikolu 226 KE, qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha mill-Artikolu 49 KE, billi titlob lil dawk il-kumpaniji li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jikkollokaw ħaddiema tagħhom lejn it-territorju Ġermaniż jikkontribwixxu għall-fond nazzjonali tal-vaganzi, ħlief jekk diġà jkunu qed jikkontribwixxu għal “entità simili”, u li jipprovdu t-traduzzjoni ta’ ċerti dokumenti, kif ukoll billi timponi l-obbligu fuq l-impriżi barranin li jipprovdu xogħol temporanju li jinnnotifikaw kull offerta ta’ xogħol tal-persuna involuta u kull impjieg mogħti.
2. Minkejja dan, qabel ma jitqies jekk id-dritt Komunitarju jipprojbixxix dawn l-obbligi, irid jiġi mfisser il-kriterju li għandu jintuża biex jiġu evalwati dawn l-obbligi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71/KE tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi(2) .
3. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali qed teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba nuqqas ta’ ċarezza u qbil ma’ l-opinjoni motivata, kif ukoll minħabba t-tul ta’ żmien li ħadu l-proċeduri amministrattivi.
II – Il-kuntest legali
A – Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
1. It-Trattat KE
4. Skond l-Artikolu 49(1) KE, “ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi”.
2. Id-Direttiva 96/71
5. Meta, fl-eżerċizzju ta’ dan id-dritt fundamentali, jiċċaqilqu ħaddiema b’mod temporanju lejn it-territorju ta’ pajjiż ieħor(3), il-koeżistenza ta’ sistemi legali differenti tista’ toħloq ċerti problemi speċifiċi(4) . Id-Direttiva 96/71, li tipprova toħloq “klima ta’ kompetizzjoni ġusta” b’ “miżuri li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet” ta’ l-impjegati (il-ħames premessa), tinkwadra ruħha f’dan il-kuntest(5) .
6. L-Artikolu 1(1) jillimita l-applikazzjoni tiegħu għal dawk l-impriżi li għandhom sede fi Stat Membru li, sabiex jipprodu servizz fuq bażi transnazzjonali, jibagħtu ħaddiema fi Stat Membru ieħor permezz ta’ wieħed mill-metodi msemmija fit-tielet paragrafu, jiġifieri, meta dan il-kollokament ta’ ħaddiema: a) jsir permezz ta’ kuntratt bejn il-kumpanija li tibgħat il-ħaddiema u min ikun ser jirċievi s-servizz; b) ikun indirizzat lil ċentru jew impriża li tkun tifforma parti mill-grupp; jew ċ) permezz ta’ aġenzija ta’ impjiegi temporanji, b’ċessjoni favur klijent li jkun jopera fi Stat Membru distint minn dak taċ-ċessjonarju.
7. Wara li jipprovdi l-kunċett ta’ “ħaddiem li jiċċaqlaq minn pajjiżu” (Artikolu 2) u jistabbilixxi numru ta’ regoli minimi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ l-impjieg (Artikolu 3), l-Artikolu 4 jirregola l-“kooperazzjoni dwar l-informazzjoni”:
“1. l-Istati Membri għandhom, skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali, jinnominaw uffiċċju wieħed jew aktar jew korp nazzjonali wieħed jew aktar li jagħmlu kollaborazzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjoni għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi li, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, huma responsabbli għall-monitoraġġ tat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg imsemmija fl-Artikolu 3. Kooperazzjoni simili għandha b’mod partikulari tikkonsisti fi tweġiba għal talbiet raġjonevoli minn dawk l-awtoritajiet għal informazzjoni dwar il-prestazzjoni transnazzjonali ta’ ħaddiema, inklużi abbużi manifesti jew każijiet possibbli ta’ attivitajiet transnazzjonali illegali.
Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet pubbliċi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jeżaminaw kull diffikultà li tista’ tinqala’ fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3(10).
L-assistenza amministrattiva reċiproka għandha tingħata bla ħlas.
3. Kull Stat Membru għandu jieħu miżuri xierqa biex jagħmel l-informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg msemmija fl-Artikolu 3 ġeneralment disponibbli.
4. Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni ta’ l-uffiċji ta’ kollaborazzjoni u/jew korpi kompetenti msemmija fil-paragrafu 1”.
8. Iktar ’il quddiem, id-Direttiva tobbliga l-Istati Membri jipprevedu pieni xierqa għall-ksur tar-regoli (Artikolu 5), jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati (Artikolu 6) u, l-Artikolu 7 indika t-terminu li fih trid tiġi trasposta, billi jgħid li:
“L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mis-16 ta’ Diċembru 1999. Għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni bihom.
[…]”
9. L-Artikolu 8 jirregola r-reviżjoni mill-Kummissjoni(6) u l-Artikolu 9 jidentifika lill-Istati Membri bħala d-destinatarji tad-Direttiva.
B – Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża
10. Fil-qasam taċ-ċaqlieq tal-ħaddiema, fil-Ġermanja hemm fis-seħħ l-Arbeitnehmer-Entsendegesetz (il-liġi dwar il-kollokament tal-ħaddiema, iktar ’il quddiem l-“AentG”), tas-26 ta’ Frar 1996(7) li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu ta’ l-1996.
11. L-Artikolu 1(1) huwa applikabbli, taħt ċerti kundizzjonijiet, għar-relazzjoni ġuridika li torbot ma’ min iħaddem li jkun jinsab f’pajjiż ieħor u mal-ħaddiema tiegħu, l-effetti tal-ftehim kollettivi b’saħħa legali ġenerali fis-settur tal-kostruzzjoni li jirregolaw il-paga minima, it-tul tal-vaganzi ta’ mistrieħ u l-vaganzi mħallsa. Skond il-paragrafu 3, iridu wkoll jiġu osservati l-ftehim dwar il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet għall-għoti ta’ vaganzi mħallsa, ħlief meta l-ħaddiem jidħol f’“entità simili” ta’ l-Istat minn fejn toriġina l-impriża.
12. L-Artikolu 2 fih mekkaniżmi ta’ “verifika”, bħall-paragrafu 3, li bis-saħħa tiegħu persuna li tħaddem li ma tkun barranija għandha jkollha, fil-lingwa Ġermaniża, id-dokumenti li juru l-osservanza ma’ l-obbligi ta’ l-Artikolu 1: il-kuntratt, il-grad, id-dettalji kollha tal-ħinijiet tax-xogħol kif ukoll tal-paga.
13. L-Artikolu 3(2) iwissi lill-kumpaniji barranin li jipprovdu xogħol temporanju sabiex jiddepożitaw, qabel ma jibda kull xogħol, dikjarazzjoni bil-Ġermaniż li jkun fiha: l-isem, il-kunjom u d-data tat-twelid ta’ l-impjegati li jitqegħdu għad-dispożizzjoni: il-bidu u t-tmiem tal-mument li dawn ikunu għad-dispożizzjoni; il-post tax-xogħol; post fil-Ġermanja fejn ikunu jinsabu d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 3(2); mandatarju f’dan il-pajjiż; l-isem u l-indirizz ta’ l-entità li tirċievi s-servizzi tal-ħaddiema. Fil-kuntratt ta’ bejn il-kumpannija ta’ impjieg temporanju u dik li tirċievi s-servizzi tista’ tiddaħħal klawżola ta’ bdil ta’ post tax-xogħol għandu jiġi kkomunikat lill-impriża utenti.
III – Il-proċess ta’ qabel il-kawża
14. Il-Kummissjoni, wara li rċeviet diversi lmenti dwar l-AEntG, bagħtet ittra formali lill-Ġermanja fit-12 ta’ Novembru 1998, li ġiet segwita b’ittra oħra tas-17 ta’ Awissu 1999, għal liema ittra, l-Istat Membru kien irrisponda fit-8 ta’ Marzu, fl-5 ta’ Mejju u fil-25 ta’ Ottubru 1999.
15. L-ispjegazzjonijiet ma kkonvinċewx lill-Kummissjoni li, fil-25 ta’ Lulju 2001, ħarġet opinjoni motivata, li fiha talbet li jittieħdu passi preċiżi sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni fi żmien xahrejn minn meta ġiet trażmessa l-opinjoni
16. Il-Ġvern Ġermaniż irrisponda b’osservazzjonijiet fl-1 ta’ Ottubru 2001, fit-3 ta’ Frar 2003 u fl-4 ta’ Diċembru 2003; fit-23 ta’ Jannar 2004 ħabbar l-emenda fl- AEntG bis-saħħa tad-Drittes Gesetz für moderne Dienstleistungen am Arbeitsmarkt, tat-23 ta’ Diċembru 2003 (it-tielet liġi dwar il-provvista ta’ servizzi moderni fis-suq tax-xogħol(8) ).
17. Billi qieset li dawn l-emendi indirizzaw biss xi wħud mill-kunflitti bejn l-AEntG u d-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni ressqet dan il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u bdiet proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE.
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
18. Ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Novembru 2004 huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE billi a) l-impriżi barranin kellhom jikkontribwixxu għall-fond tal-vaganzi Ġermaniż, inkluż jekk il-ħaddiema in kwistjoni kienu jibbenefikaw minn protezzjoni simili skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat fejn ikun stabbilit min iħaddimhom (Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG); b) li l-impriżi barranin jittraduċu fil-Ġermaniż (Artikolu 2 ta’ l-AEntG) il-kuntratt ta’ l-impjieg, il-karti tas-salarji, id-dokumenti li juru l-ħinijiet tax-xogħol u l-ħlas tas-salarji, kif ukoll kull dokument ieħor mitlub mill-awtoritajiet Ġermaniżi; u ċ) li l-impriżi barranin ta’ impjieg temporanju għandhom jiddikjaraw t-trasferiment ta’ ħaddiem lil impriża utilizzatriċi fil-Ġermanja imma wkoll kull impijeg li jingħatalu (Artikolu 3(2), AEntG)(9) ”. Il-Kummissjoni titlob ukoll li l-Istat konvenut jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż.
19. Ir-risposta, ippreżentata fl-14 ta’ Frar 2005, tallega li r-rikors huwa inammissibbli u mingħajr bażi.
20. Fid-29 ta’ Marzu 2005 saret ir-replika, u l-kontroreplika saret fis-17 ta’ Mejju.
21. B’digriet tas-7 ta’ Ġunju 2005, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza l-intervent ta’ Franza li ressqet l-osservazzjonijiet tagħha fit-22 ta’ Settembru 2002 in sostenn tat-tieni motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Ġermanja ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan l-intervent fit-28 ta’ Novembru 2005 u fis-27 ta’ Ottubru 2005 rispettivament.
22. Fis-seduta li nżammet fit-8 ta’ Novembru 2006, dehru r-rapreżentanti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tal-Kummissjoni.
V – L-inammissibilità tar-rikors dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
23. Għall-Gvern konvenut, id-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl tad-Direttiva 96/71, u ta’ l-Artikolu 49 KE, u dan iressaq għalhekk il-kwistjoni dwar l-ammisibbiltà tat-talbiet elenkati fir-rikors tal-Kummissjoni (A). Apparti minn hekk, il-Gvern konvenut ressaq tlett ilmenti proċedurali li jistgħu jwasslu għall-inammissibbiltà totali jew parzjali tar-rikors; dawn huma t-tul ta’ żmien tal-proċedura prekontenzjuża (B), in-nuqqas ta’ preċiżjoni tar-rikors (C) u l-emenda fit-tielet motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (D).
A – Il-kriterju ta’ eżami
24. Id-Direttiva 96/71 ma kinitx ġiet adottata fil-bidu tal-proċedura amministrattiva, iżda t-terminu ta’ żmien mogħti għall-inkorporazzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali kien skada meta kienet inħarġet l-opinjoni motivata. Il-Gvern Ġermaniż jenfasizza fuq din is-sekwenza ta’ żmien sabiex tiġi eżaminata l-AEntG fid-dawl tad-Direttiva 97/71, u mhux fid-dawl ta’ l-Artikolu 49 KE li huwa applikabbli biss jekk, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva, l-Istati jmorru lil hinn mill-marġini ta’ evalwazzjoni li huma għandhom.
25. Il-Kummissjoni ma pprovdietx risposta ċara għal din il-għan u bosta drabi tikkuntradixxi lilha nfisha; per eżempju, fil-punt 1 tar-rikors tispjega illi l-verifika tal-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju hija bbażata fuq l-Artikolu 49, filwaqt li, erba’ linji aktar ‘l isfel, hija tagħmel referenza għal dan l-Artikolu u għad-Direttiva 96/71. Matul is-seduta, minkejja mistoqsija waħda f’dan is-sens, l-aġent tagħha ma setax ikun ċar f’dan ir-rigward.
26. Dan id-dibattitu jitlob li ssir riflessjoni dwar il-leġiżlazzjoni Komunitarja li għaliha għandha ssir referenza u għar-riperkukssjonijiet ta’ għażla mhux korretta. F’dan is-sens, jekk id-diverġenza msemmija iktar ’il fuq hija evidenti, il-kundizzjoni ġuridika essenjali hija nieqsa u r-rikors mhuwiex fondat; l-istess japplika jekk il-ksur ta’ regola ta’ dritt sekondarja, mhux promulgata fil-mument tal-fatti, kienet allegata; minbarra dawn l-ipoteżi, hemm lok li nidħlu fil-fond ta’ din il-kawża, billi tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.
27. F’dawn il-proċeduri, mhemmx lok li jiġi miċħud ir-rikors in limine litis, iżda huwa xieraq, sabiex jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li ssir referenza għat-Trattat u mhux għad-Direttiva 97/71, li ma jimplementax b’mod eżawrjenti l-kontenut ta’ l-Artikolu 49 KE, peress illi, minn naħa waħda, it-tlettax-il premessa tad-Direttiva jesprimu l-intenzjoni li d-Direttiva tikkoordina l-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Istati Membri sabiex tipprovdi nukleu ta’ regoli imperattivi ta’ protezzjoni minima li għandhom jiġu osservati, fil-pajjiż ospitati, mill-persuni li jħaddmu li jikkollokaw ħaddiema(10) ; u min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5 jagħti lill-awtoritajiet nazzjonali diskrezzjoni kbira, bil-kundizzjoni li huma jirrispettaw id-drittijiet fundamentali(11) .
28. Għalhekk, il-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Istat dwar il-provvista ta’ xogħol transnazzjonali jistgħu jiksru d-dritt primarju kif ukoll id-dritt sekondarju. Jekk dawn huma kontra d-Direttiva, l-applikazzjoni tat-Trattat mhijex tiġi kkunsidrata, minkejja li din kienet il-font ta’ ispirazzjoni, u kull ksur tad-Direttiva jimplika, wara kollox, dak tat-Trattat. Madankollu, jekk dawn jiksru direttament it-Trattat, billi ma jikkunsidrawx id-Direttiva li timplementa, l-unika referenza possibbli hija dik tat-Trattat stess.
29. Għaldaqstant, it-test ta’ referenza msemmi fir-rikors huwa validu, minħabba li l-allegazzjonijiet ifformulati jmorru lil hinn mid-Direttiva 96/71; b’hekk ma tagħmilx differenza li l-opinjoni motivata kienet ħarġet wara l-iskadenza tat-terminu ta’ żmien ta’ traspożizzjoni, iżda d-Direttiva tista’ ssir rilevanti fl-oqsma marbuta ma xulxin jew in kwantu regola ta’ interpretazzjoni.
B – It-tul ta’ żmien tal-proċedura prekontenzjuża
30. Skond il-Ġermanja, kien skada ż-żmien li l-Kummissjoni setgħet tressaq dan il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għar-raġuni li, peress illi, l-proċedura nbdiet fis-sena 1998 u r-rikors tressaq fit-23 ta’ Novembru 2004, il-prinċipji ta’ aspettativi leġittimi u ta’ ċertezza legali kienu ġew miksura; minbarra dan, fl-2001 il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat il-kompatibbiltà ta’ l-AEntG mad-dritt Komunitarju.
31. Il-Kummissjoni rribattiet li l-konvenuta stess kienet tagħtiha x’temmen li l-emendi leġiżlattivi li kienu ppjanati kienu ser iwasslu li jitneħħew il-ksur.
32. Minkejja li l-fażi amminisrattiva tar-rikors skond l-Artikolu 226 KE kien ġiet pprolongat għal aktar minn sitt snin, hemm diversi argumenti li jiċħdu l-pożizzjoni tal-Ġermanja.
33. Fl-ewwel lok, il-ġurisprudenza ssostni li d-dewmien esaġerat ta’ din il-fażi amministrattiva jwassal għall-inammissibilità biss jekk l-aġir tal-Kummissjoni jżid id-diffikultà li tirribatti l-argumenti tagħha u tikkawża ħsara lid-drittjiet tad-difiża; f’każ simili, huwa obbligu ta’ l-Istat Membru li “jressaq il-provi li juru diffikultà bħal din”(12) . F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż ma weriex it-telf ta’ possibbiltà ta’ difiża.
34. Fit-tieni lok, il-proċedura dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija bbażata fuq verifika oġġettiva ta’ ksur tat-Trattat jew tad-dritt sekondarju(13) ; l-ammissjoni ta’ l-argument ibbażat fuq l-aspettativi leġittimi jwassal sabiex jiġġustifika l-ksur ta’ metodu li m’għandux x’jaqsam ma’ l-għan ta’ l-Artikolu 226 KE(14) . L-istess japplika fil-każ taċ-ċertezza legali(15) . L-individwi, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni li tissospendi l-eżekuzzjoni tar-regoli kkontestati, għandhom jirrispettawhom, ukoll matul l-eżami tal-kawża.
35. Fit-tielet lok, għalkemm il-konformità ta’ l-AEntG mas-sistema legali ta’ l-Unjoni kienet is-suġġett tas-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Finalarte et (16) , ta’ l-24 ta’ Jannar 2002, Portugaia Construções(17), tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wolf & Müller, (18) u ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja(19), dawn il-kawżi jirrigwardaw aspetti distinti minn dawk issollevati minn dan ir-rikors, minkejja ċerti konnessjonijiet:
– is-sentenza f’Finalarte et torbot b’mod importanti ma’ waħda mill-motivi dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu; fil-fatt, kien ġie deċiż ukoll fuq is-sistema Ġermaniża tal-fond tal-vaganzi mħallsa, billi ddikjarat li l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi transnazzjonali, hija kompatibbli mat-Trattat, bil-kundizzjoni li ż-żewġ kundizzjonijiet jiġu sodisfatti(20) . Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li dawn il-kundizzjonijiet mhumiex preżenti;
– is-sentenza Portugaia Construções ittrattat il-ħlasijiet minimi lill-ħaddiema kollokati;
– bl-istess mod, is-sentenza Wolf & Müller tikkonċerna s-salarji u, b’mod konkret l-obbligu li dawn jitħallsu, skond l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 6/71 fid-dawl ta’ l-Artikolu 49 KE;
– fl-aħħar nett, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, wara l-preżentazzjoni tar-rikors, ikkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligu msemmi fl-Artikolu 3 tad-Directiva 96/71, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ elementi li jikkonċernaw is-salarju.
36. Fir-raba lok, wara li kienet inħarġet l-opinjoni motivata fl-2001, il-liġi Ġermaniża ġiet emendata fit-tmiem is-sena 2003, minn fejn jirriżulta li ebda akkuża ma tista’ ssir lil-Kummissjoni talli analizzat il-bdil li sar qabel l-introduzzjoni tar-rikors tagħha f’Novembru 2004.
37. Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jiċħdu l-argumenti mressqa mill-Ġermanja sabiex tevalwa n-natura raġonevoli tat-termni ta’ żmien li, bħala ma tindika l-Kummissjoni, japplikaw għall-proċeduri ta’ kompetizzjoni(21) u għall-proċeduri korrispondenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza(22) .
C – Il-preċiżjoni tar-rikors
38. Il-Gvern Ġermaniż jinvoka wkoll l-inammisibblità tar-rikors minħabba nuqqas ta’ preċiżjoni, għar-raġuni li ċ-ċirkustanzi legali huma esposti fih b’mod astratt, mingħajr ebda kollokament konkret tal-ħaddiem, li juri l-inkompatibbiltà ta’ l-AEntG ma’ l-Artikolu 49 KE.
39. Il-Kummissjoni ssostni ċ-ċarezza tat-talbiet tagħha u twiegħġeb li l-kawża m’għandhiex bħala origini la t-talba ta’ ħaddiem jew ta’ impriża, la l-prassi ġudizzjarji jew amministrattivi, iżda n-nuqqas ta’ konformità tas-sistema legal nazzjonali mad-dritt Komunitarju.
40. L-Artikolu 38(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja(23) jitlob li r-rikors ikun jinkludi “is-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa”. Dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu suffiċjentement ċari u preċiżi li jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-kontroll tagħha, b’mod li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jirriżultaw “b’mod koerenti u li jistgħu jinftehmu fir-rikors stess(24) ”.
41. F’din il-kawża, ir-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq huma sodisfatti. Il-Kummissjoni fasslet ir-rikors f’erba’ partijiet: l-ewwel waħda, li tirrigwarda l-fatti u l-proċedura prekontenzjuża, tirrelata l-istadji proċedurali u tidentifika l-ħames punti ta’ nuqqas ta’ qbil imsemmija fl-opinjoni motivata; it-tieni tispeċifika d-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali rilevanti; it-tielet, li fiha l-evalwazzjoni ġuridika, tibda b’avviż preliminari fuq ir-riforma tal-liġi nazzjonali, sabiex sussegwentement tikkumenta kull motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, filwaqt li tirrifjuta l-osservazzjonijiet ifformulati matul il-fażi amministrattiva; ir-raba’ żżid it-talbiet, skond il-bqija tad-dokument, filwaqt li tħabbar separatament l-ilmenti bbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 29 KE mill-Artikoli 1(3), (2) u (3)(2) ta’ l-AEntG.
42. Il-Qorti tal-Ġustizzja taf sew dawn l-allegazzjonijiet u l-bażi tagħhom, bħala ma taf l-Istat konvenuta li ċaħdithom, iżda m’għandhiex issir konfużjoni bejn id-deskrizzjoni ta’ l-argumenti fattwali u legali mal-veriċità u l-korrettezza tagħhom.
43. Il-provi meħtieġa huma ta’ natura partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa dderivat mill-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda mhux meta huwa bbażat fuq il-kontenut tagħha; minħabba dan il-fatt, hija l-ewwel ipoteżi biss li tinneċessita dimostrazzjoni dokumentata u ddetalljata tal-prattika akkużata(25) .
44. Għalhekk, f’din il-kawża, mhemmx lok li tintlaqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma.
D – L-emenda ta’ l-ewwel motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
45. Il-Ġermanja ressqet eċċezzjoni ta’ proċedura oħra kontra l-ewwel motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, billi allegat li l-ilment li jinsab fl-opinjoni motivata ma jikkoinċidix, skond hija, mal-kontenut tagħha fir-rikors. Il-Kummissjoni tiċħad din il-modifika, peress li d-differenzi jirrigwardaw preċiżjoni magħmula b’relazzjoni mal-fażi amministrattiva.
46. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ spiss iddikjarat li l-proċedura amministrattiva prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 226 KE tillimita s-suġġett ta’ rikors li sar abbażi ta’ dan l-Artikolu, b’mod li r-rikors huwa bbażat fuq l-istess motivi u allegazzjonijiet bħall-opinjoni motivata(26) anki fin-nuqqas ta’ konkordanza preċiża bejn dawn iż-żewġ ilmenti tar-rikors, il-parti operattiva ta’ l-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, b’mod li l-kawża ma tiġix estiża jew modifikata (27) .
47. Biex jiġi determinat kwalunkwe diverġenza u l-portata tagħha, hemm lok li jiġu mqabbla d-dokument amministrattivi u dawk ġudizzjarji:
– l-opinjoni motivata teżamina l-“obbligu ta’ kontribuzzjoni lill-fond tal-vaganzi Ġermaniż” u tikkonkludi li dan jikser l-Artikolu 49 KE billi jimponi din il-kontribuzzjoni lill-impriżi barranin li jridu jkomplu jħallsu direttament il-vaganzi lill-impjegati tagħhom fl-Istat fejn ikunu stabbiliti.
– ir-rikors fih l-istess affarijiet, iżda jżid li l-ksur allegat jikkonsisti fl-obbligu li l-impriżi barranin għandhom li jħallsu lill-fond Ġermaniż, anki jekk il-ħaddiema diġà jkunu jgawdu protezzjoni ekwivalenti skond il-liġi ta’ l-Istat fejn ikun stabbilit min iħaddimhom. Ir-rikors fih dan l-aspett ta’ l-opinjoni motivata, iżda jżid li l-ksur jirriżulta mill-obbligu ta’ l-impriżi barranin li jħallsu kontribuzzjonijiet lil entità Ġermaniża, għalkemm il-ħaddiema jibbenefikaw minn protezzjoni ekwivalenti u konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat fejn ikun stabbilit min iħaddem.
48. Ix-xebh bejn iż-żewġ dokumenti juri ċerti differenzi bejniethom, iżda ma jsostnix l-argument dwar id-differenzi tal-motivi dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu; it-termini li fihom il-kwistjoni hija diskussa, li ma jinbidlux fiż-żewġ testi, juru li, għall-Kummissjoni, l-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG jġiegħel lill-impriżi li ma jagħmlux kontribuzzjoni lil entità simili għall-fond Ġermaniż li jagħmlu aktar minn ħlas wieħed, fi flus jew b’oġġetti.
49. Il-kwistjoni hija – kif sostniet ukoll il-konvenuta – dwar jekk il-leġiżlazzjoni Ġermaniza toħloqx imposta ekonomika doppja għall-operatur li jikkolloka ħaddiema fil-kuntest ta’ servizz transnazzjonali. Id-differenzi żgħar ta’ dan il-motiv jikkompletawh mingħajr ma jibdluh u mingħajr ma jikkawżaw ħsara għad-dritt tad-difiża.
50. Barra minn hekk, jiena nfakkar raġuni addizzjonali għaliex qed nagħmel il-preċiżazzjonijiet in kwistjoni, li huma li s-sentenza Finalarte et. ġiet deċiża wara l-opinjoni motivata, u li hija parzjalment riprodotta fil-konklużjonijiet tar-rikors.
51. Għaldaqstant, id-differenza formali, kif qed issostni l-Ġermanja, bejn l-opinjoni motivata u r-rikors, mhijiex biżżejjed sabiex tintlaqa’ t-talba ta’ inammissibbiltà.
VI – Analiżi tar-rikors dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
52. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, kif inhi l-opinjoni tiegħi, tiċħad l-eċċezzjonijiet dwar l-inammisibilità allegati mill-Gvern Ġermaniż, allura trid tistudja t-talbiet imressqa quddiemha.
A – Osservazzjonijiet preliminari
53. L-obbligi imposti mill-AEntG jimponu taxxi addizzjonali għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor b’tali mod illi jagħmlu aktar diffiċli u inqas interessati l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet tagħhom fil-Ġermanja, u jikkostitwixxi restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
54. Fil-konklużjonijiet tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade et (28), jiena eżaminajt il-ġurisprudenza, li ma nbidlitx, fuq dawn ir-restrizzjonijiet (punti 53 sa 60), bla ħsara għall-preċiżazzjonijiet li għandhom isiru minħabba bżonnijiet ta’ raġunament.
55. Irrid nissottolinja wkoll illi l-provvista libera tas-servizzi hija intiża sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju ta’ professjoni, tkun xi tkun in-natura tagħha fuq it-territorju tal-Komunità, billi tiċħad id-diksriminazzjonijiet ibbażati fuq in-nazzjonalità u r-restrizzjonijiet li, filwaqt li japplikaw indistintivament lil min jipprovdi servizzi nazzjonali u lil dawk ta’ l-Istati Membri l-oħra, jipprojbixxu, jimpedixxu u jagħmlu inqas interessanti l-attivitajiet ta’ dawn ta’ l-aħħar (29) .
56. Bl-istess mod, il-kundizzjonijiet li jippermettu li validament jillimitaw dan il-prinċipju fundamentali huma s-segwenti: a) irid ikun hemm raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali; b) għandhom ikunu neċessarji sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta’ l-għan imsegwi; u c) il-miżura adottata għandha tkun proporzjonali(30) .
57. Għal dak li jikkonċerna l-ewwel kundizzjoni, “il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema” tinsab fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali(31), safejn dan l-interess ma jistax jiġi salvagwardjat minn regoli li ċ-ċttadin Komunitarju huwa soġġett għalihom fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit(32) .
58. Dawn il-premessi jistabbilixxu l-interpretazzjoni tat-tliet motivi dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
B – L-ewwel motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu: l-obbligu li jingħataw kontribuzzjonijiet għall-fond ta’ vakanzi Ġermaniż.
1. Il-kuntest
59. L-ispjegazzjoni dwar il-kawża bejn l-Kummissjoni u l-Ġermanja fuq dan il-motiv jimplika li għandha nikkunsidraw il-funzjonament tal-fond ta’ vaganzi mħallsa.
60. Kif espona l-Avukat Ġenerali Mischo fil-konklużjonijiet tal-kawża Finalarte et , din is-sistema titlob li l-ħaddiem jirċievi, matul is-sena ta’ referenza, id-drittijiet għal vakanza li huwa jikseb mingħand diversi persuni li jkunu ħaddmuh u li huwa jitlob id-dritt għal dawn id-drittijiet kollha għand il-persuna li attwalment tkun qed tħaddmu, li tħallas kumpens relatat mal-ġranet maħduma ma’ persuni oħra. Il-fond, maħluq bil-għan ta’ tqassim ġust ta’ l-imposti finanzjarji, huwa sostnut mill-ħlas ta’ perċentwali tas-salarju gross mingħand persuni li jħaddmu persuni Ġermaniżi; min-naħa l-oħra, huma jieħdu r-rimborż totali jew parzjali tal-benefiċċji mħallsa lill-impjegati.
61. L-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG jestendi dan l-obbligu ta’ kontribuzzjoni lil persuni li jħaddmu ta’ Stati Membri oħra li jitrasferixxu temporanjament ħaddiema fil-Ġermanja, ħlief meta dawn jħallsu kontribuzzjoni f’entità simili ta’ l-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti.
62. Din ir-regola, li skond is-sentenza Finalarte et , toħloq “periklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi” (punt 37), tista’ tkun ġusitifikabbli meta tkun neċessarja sabiex jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali bħall-protezzjoni tal-ħaddiema (punt 33), u meta l-mezzi adegwati huma wżati. Ir-riflessjoni fuq dawn iż-żewġ kundizzjonijiet wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara bħala kumpatibbli mat-Trattat liġi bħala ma hija l-liġi Ġermaniża, “bil-kundizzjoni, minn-naħa, li l-ħaddiema ma jibbenefikawx minn protezzjoni essenzjalment simili skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ fejn min iħaddimhom huwa stabbilit, b’mod li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-ewwel Stat Membru ttihom vantaġġ reali li jikkontribwixxi, b’mod sinjifikanti, għall-protezzjoni soċjali tagħhom u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru tkun proporzjonata ma’ l-għan ta’ interess ġenerali imsegwi” (punt 53 u l-parti operattiva).
63. Is-sentenza Finalarte et għalhekk, issoġġettat il-validità, fid-dritt Komunitarju, tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni, għal żewġ kundizzjonijiet – protezzjoni unika u proporzjonalità – fejn l-evalwazzjoni tħalliet għall-qorti tar-rinviju. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkonstata li dawn il-kundizzjonijiet mhumiex preżenti u tikkontesta r-restrizzjonijiet Ġermaniżi fuq l-eżenzjoni mill-kontribuzzjoni.
2. Eżami tal-motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
64. Il-fond tal-vaganzi huwa risposta għal diffikultà inerenti fil-provvista ta’ xogħol. Skond l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Ġermaniż, riprodotta fl-opinjoni motivata, jeżistu entitajiet simili fi Franza (Caisse Nationale de Surcompensation du Bâtiment et des Travaux Public de France), fl-Awstrija (Bauarbeiter-Urlaubs- und Abfertigungskasse), fil-Belġju (Office Nationale de Sécurité Sociale), fl-Italja (Commissione Nazionale Paritetica per le Casse Edili), u, sa ċertu punt, fl-Olanda (Stichting Vakantiefonds voor de Bouwnijverheid y Stichting Vakantiefonds voor de Landbouw)(33) .
65. L-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG turi l-effikaċità sħiħa tagħha meta mqabbla ma’ dawn l-entitajiet, minħabba li tevita lil min iħaddem li jħallas kontribuzzjoni doppja u b’hekk tirriżulta ekwilibrata. Almenu fit-teorija, minħabba li, fil-prattika, hemm lok li jiġi evalwat jekk l-entitajiet li jirċievu l-kontribuzzjonijiet humiex “simili” mal-fond Ġermaniż; f’dan ir-rigward, il-ftehim bilaterali indikati, qabel kollox, fir-risposta jistgħu jikkontribwixxu għal din l-evalwazzjoni.
66. Madankollu, il-fondi tal-vaganzi mhumiex l-unika soluzzjoni mogħtija għall-problema; fil-fatt, xi Stati Membri ma jirrikonoxxux dawn l-entitajiet, bħal per eżempju r-Renju Unit, l-Iżvezja, l-Irlanda, il-Portugal u f’ċerti każijiet, l-Olanda. Skond l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, hemm sitwazzjonijiet fejn il-protezzjoni tal-ħaddiem mhijiex ibbażata fuq kontribuzzjonijiet, iżda fuq teħid ta’ responsabbiltà diretta ta’ min iħaddem ta’ l-obbligi fil-qasam ta’ vaganzi.
67. Mhuwiex obbligu ta’ dan ir-rikors dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li janalizza r-rimedji possibbli u li jevalwa dik li fiha l-aktar vantaġġi, perss li din tiddependi mis-sitwazzjoni ta’ kull pajjiż u minn elementi oħra ta’ natura diversa, li mhumiex dejjem legali – ir-rikors stess jiċħad din id-diskussjoni tas-sistema Ġermaniża. Għandu jiġi kkonstatat li bosta possibbiltajiet huma possibbli(34) .
68. Is-sistema Ġermaniża tagħżel biss waħda, mingħajr ma tagħti każ ta’ l-oħrajn. Ma tgħid xejn fuq il-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema meta min iħaddem jieħu ħsieb, fuq il-lok ta’ stabbiliment tiegħu stess, l-obbligi kollha li jirriżultaw mill-vaganzi mħallsa, indipendentement mill-post fejn ikunu seħħew; f’dan ir-rigward, ma tistax tiġi aċċettata l-ispjegazzjoni ta’ l-aġent Ġermaniż fis-seduta, jiġifieri li l-impriżi tal-pajjiżi li m’għandhomx fond ta’ vaganzi huma eżenti minn kontribuzzjoni, minħabba li d-dispożizzjoni nazzjonali tipprovdi l-kuntrarju. B’hekk, din il-leġiżlazzjoni tidher insuffiċjenti u ftit jimporta l-mod kif hija applikata; hija tieħu in kunsiderazzjoni biss il-kontribuzzjoni għal fond simili ma’ dak ta’ fond nazzjonali, billi timponi taxxa addizzjonali inġustifikata lil min iħaddem fin-nuqqas ta’ fond simili fl-Istat fejn hija stabbilita l-impriża li tipprovdi s-servizzi, mingħajr ma ssaħħaħ id-drittjiet tal-persunal li jkun intbagħat f’pajjiż ieħor, li jkun diġà protett fil-pajjiż ta’ oriġini(35) .
69. Il-Gvern Ġermaniż jiġġustifika din id-dispożizzjoni billi jallega li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG hija soġġetta għall-evalwazzjoni preliminari tal-protezzjoni tal-ħaddiema, b’mod li hija tiġi kkunsidrata biss meta nuqqas jiġi osservat, skond il-ftehim bilaterali li jkunu ġew konklużi u s-sentenza ta’ l-20 ta’ Lulju 2004 tal-Bundesarbeitsgericht.
70. Jiena ma naqbilx ma din il-ġustifikazzjoni. Id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-protezzjoni tal-ħaddiema timplika evalwazzjoni preliminari sabiex jiġu identifikati r-regoli l-aktar vantaġġużi ma timpedixxix li dawn jiġu ppreċiżati ulterjorment. Il-paragun tas-sistemi fuq il-perijodi massimi ta’ xogħol u ta’ mistrieħ, tad-dewmien minimu tal-vaganzi mħallsa, is-salarju minimu u l-miżuri ta’ siġurtà u ta’ iġjene jippermettu li din tiġi deċiża favur tagħha(36) .
71. L-argument tal-Ġermanja jissopponi li jekk il-leġiżlazzjoni tagħha toffri lil ħaddiem Komunitarju li jintbagħat f’pajjiż ieħor perspettivi aħjar fil-qasam ta’ vaganzi mħallsa – mhux biss dwar id-dewmien tagħhom -, din tirregola s-sisema kollha ta’ dawn il-vaganzi, b’mod li min iħaddem iħallas il-kontribuzzjonijiet, ħlief meta jitħallsu kontribuzzjonijiet lil “entità simili” mingħajr ma jkun hemm kunsiderazzjonijiet oħra, li jkun ifisser riskju ta’ ħlas doppju.
72. Madankollu, minn naħa, il-fatt li jiġi previst rikonoxximent reċiproku fil-ftehim bilaterali, jissoġġetta l-konformità mad-dritt Komunitarju tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni għall-eżistenza u għall-kontenut ta’ dawn il-ftehim; billi ssir referenza għal “entitajiet”, direzzjonijiet oħra mhumiex ikkunsidrati, bħall-ipoteżi fejn dawn l-entitajiet ma jeżistux fi Stat.
73. Min-naħa l-oħra, il-Bundesarbeitsgericht ittrasponiet fil-qasam in kwistjoni l-prinċipju tal-“liġi l-aktar favorevoli” sabiex tevita inkompatibbiltà li, bħala fatt, hija tippreżupponi, peress illi l-Artikolu mhux dejjem irrikjeda interpetazzjoni ġuridika. Din hija l-ipoteżi kuntrarja għal dik tas-sentenza tad-9 ta’ Dicembru 2003, Il-Kummissjoni vs. l-Italja(37), li ddeċidiet dwar in-newtralità tal-liġi nazzjonali u pperċepiet diverġenza mal-mod kif hija kienet interpretata u applikata mill-amministrazzjoni kif ukoll min settur sinjifikattiv ta’ l-organi ġuridiċi, inkluża l-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni. F’dan il-każ, il-Kummissjoni takkuża lill-Ġermanja bin-nuqqas ta’ adegwatezza mas-sistema legali Komunitarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkunsidrata oġġettivament, indipendentement mill-mod kif hija pprattikata. L-eżami litterali tar-regoli invokati huwa biżżejjed biex jistabbilixxi n-nuqqas akkużat.
74. B’riżultat ta’ dan, inqis li l-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG, jikser l-Artikolu 49 KE.
C – It-tieni motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi: l-obbligu li jiġu tradotti dokumenti
1. Il-kuntest
75. Jirriżulta mill-Artikolu 2(3) ta’ l-AEntG li, meta ħaddiema jiġu kkollokati fil-Ġermanja, ċerti dokumenti għandhom jiġu tradotti fil-lingwa ta’ dan il-pajjiż, bħall-kuntratt tax-xogħol, il-karti tas-salarji kif ukoll dokumenti li juru l-ħinijiet tax-xogħol u l-ħlas tas-salarji.
76. Il-Kummissjoni ssostni li tali obbligu jikkostitwixxi restrizzjoni inġustifikata fuq il-provvista libera ta’ servizzi, għar-raġuni li, skond is-sentenza Arblade et , l-obbligu li jiġu kkonservati d-dokumenti fl-Istat Membru ospitanti ma jistax jiġi fondat fuq il-funzjoni ta’ kontroll li għandhom l-awtoritajiet, u l-istess japplika għall-obbligu li jiġu tradotti d-dokumenti. Minbarra dan, hija tikkwalifika d-dispożizzjoni nazzjonali bħala eċċessiva u disproporzjonata, peress illi l-kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/71 tneħħi kull interess biex issir traduzzjoni.
77. Għall-Ġermanja u Franza din ir-restrizzjoni hija leċita minħabba li hija tippermetti li ssir verifika tar-rispett tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol li tassigura l-protezzjoni tal-ħaddiema. Is-sentenza invokata mill-Kummissjoni m’għandhiex tiġi kkunsidrata barra mill-kuntest tagħha, b’kunsiderazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni li jirrestrinġi l-miżura kontroversja f’dan il-każ; fil-fatt, minħabba n-numru mnaqqas ta’ dokumenti affettwati, il-qosor tagħhom u n-natura repettitva tagħhom, hija tirriżulta bħala proporzjonata, ma toħloqx imposti amministrattivi u finanzjarji iebsa. Minbarra dan, is-sistema ta’ kollaborazzjoni stabbilita mid-Direttiva 96/71 teżisti mas-sistema nazzjonali, minħabba li l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri m’għandhomx pussess tad-dokumenti u ma jistgħux jibagħtuhom lill-awtoritajiet Ġermaniżi.
2. Eżami tal-motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
78. Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li ftehim jeżisti bejn il-partijiet fuq il-fatt li t-traduzzjoni evokata tikkostitwixxi restrizzjoni għall-provvista libera ta’ servizzi; id-diverġenza ta’ opinjoni tagħhom tinsab fil-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ din ir-restrizzjoni. Din il-polemika tinneċessita li tiġi studjata s-sentenza Arblade et (a), kif ukoll il-metodi ta’ assistenza reċiproka stabbiliti mid-Direttiva 96/71 (b), sabiex tiġi proposta soluzzjoni fl-interessi tal-protezzjoni tal-ħaddiema (c).
a) Is-sentenza Arblade et
79. Din is-sentenza rrispondiet għal domandi preliminari mressqa mit-Tribunal correctionnel (Qorti kriminali ta’ l-Ewwel Istanza) ta’ Huy (Il-Belġju) dwar “il-metodi ta’ kif isiru u jinżammu d-dokumenti msemmija fil-liġijiet soċjali” (punti 71 sa 79). Fost l-aspetti ttrattati kien h emm l-obbligu ta’ min iħaddem stabbiliti fi Stati Membri oħrajn sabiex iżommu għad-dispożizzjoni ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istat ospitanti, fuq il-post tax-xogħol jew f’post aċċessibli u identifikat b’mod ċar fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti, ċerti dokumenti aċċessibbli mill-awtoritajiet ta’ dan l-aħħar pajjiż. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-obbligu kien iġġustifikat (punt 74) u li, fir-rigward f’dak li għandu x’jaqsam mal-proporzjonalità, huwa kompitu tal-qorti nazzjonali li tidentifika liema dokumenti għandhom ikunu s-suġġett ta’ tali obbligu (punt 75).
80. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll in-neċessità li jinżammu d-dokumenti disponibbli u li jiġu kkonservati għal ħames snin fir-residenza ta’ persuna fiżika fl-Istat Membru ospitanti. Kif jiena ssuġġerejt fil-punt 86 tal-konklużjoniijet tiegħi ppreżentati f’din il-kawża, il- Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat illi “tali obbligi m’għandhom l-ebda ġustifikazzjoni” (punti 77 u 78) u żiedet illi “s-sistema organizzata ta’ kooperazzjoni jew ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/71 tirrendi kważi superfluwa l-konservazzjoni tad-dokumenti fl-Istat Membru ospitanti, wara li min iħaddem ikun waqaf milli jimpjega ħaddiema f’dak l-Istat” (punt 79).
b) Il-kooperazzjoni fil-kuntest tad-Direttiva Nru 96/71
81. Qabel xejn għandu jiġi mfakkar illi d-Direttiva 96/71 mhijiex kriterju ta’ eżami, f’dan il-każ, tal-ksur ta’ l-Artikolu 49 KE; hija tikkonċerna biss il-verifika tal-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-provvista libera ta’ servizzi minħabba l-obbligu li jiġu tradotti fil-Ġermaniż ċerti dokumenti ta’ xogħol.
82. L-Artikolu 4 jfassal żewġ tipi ta’ kooperazzjoni fl-ambitu ta’ l-informazzjoni, msemmija fil-premess numru tlieta u għoxrin (bejn l-Istati Membri) u erbgħa u għoxrin (bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni). Dan l-Artikolu juri li l-kollaborazzjoni stabbilita:
– għandha bħala l-għan tagħha l-applikazzjoni tad-Direttiva;
– isseħħ bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi responsabbli għall-monitoraġġ ta’ l-impjieg;
– tikkonsisti li tipprovdi informazzjoni fuq prestazzjoni transnazzjonali ta’ ħaddiema u fuq il-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol imsemmija fl-Artikolu 3;
– titħaddem permezz ta’ ċentri ta’ kollegament jew kuntatt jew awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri li jikkomunikaw bejniethom reċiprokament.
c) Is-soluzzjoni proposta
83. Is-sentenza Arblade et ittrattat il-konservazzjoni tad-dokumenti filwaqt li fil-każ preżenti l-enfasi jinsab fuq il-lingwa li bija huma miktuba. Din id-differenza ma tippermettix li tittieħed il-pożizzjoni adottata f’din is-sentenza, li ma tieħux in kunsiderazzjoni l-lingwa.
84. B’din il-premessa, jidher ċar illi, jekk dokument ma jkunx miktub bil-Ġermaniż, l-ispetturi jkollhom diffikultà fi-qadi ta’ dmirijiethom peress illi, kif indika l-aġent tal-Gvern Ġermaniż matul is-seduta, ma jkollhomx aċċess dirett għall-informazzjoni. Il-kitba ta’ dokument fil-lingwa tal-pajjiż fejn ikun qed jingħata s-servizz jiffaċilita r-reviżjoni u jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ħaddiema(38) . Ir-rekwiżit tat-tradizzjoni għaldaqstant huwa ġġustifikat.
85. Barra minn hekk, din hija proporzjonali u adegwata, peress illi l-inkonvenjenzi li jirriżultaw mill-għoti tat-traduzzjoni lill-Istat huma akbar minn dawk li jinħoqlu mill-għoti tagħhom lil min iħaddem. Fil-fatt, fl-ewwel każ, l-amministrazzjoni nazzjonali għandha tipprovdi mezzi sabiex tagħmel traduzzjonijiet minn kwalunkwe Stat Membru ieħor, li jista’ jwassal għal dewmien li jkun ta’ ħsara għad-drittjiet tal-ħaddiema(39) u għal attivitajiet ta’ ispezzjoni li huma dipendenti fuq il-għarfien lingwistiku ta’ l-uffiċjali. Fit-tieni każ, it-traduzzjoni ma timplikax piż li huwa sproporzjonali, safejn din tikkonċerna tliet dokumenti, repetittivi ħafna, li, normalment huma ta’ daqs ekwivalenti fil-lingwi kollha, li jużaw formuli ta’ ċerta tip u li mhumiex wisq twal(40) ; kif sostna l-aġent Ġermaniż matul is-seduta, traduzzjoni privata hija suffiċjenti.
86. Bla dubju, hemm diversi alternattivi oħrajn, bħall-produzzjoni ta’ dokumenti multilingwi(41) . Għall-mument iżda, ma ġie approvat l-ebda strument leġiżlattiv f’dan is-sens(42) . Tali nuqqas, fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punt preċedenti, ma jistax jiġi kumpensat billi jiġi impost l-obbligu ta’ traduzzjoni fuq l-Istat li jirċievi l-ħaddiema.
87. Madankollu, il-mekkaniżmi ta’ kollaborazzjoni tad-Direttiva 96/71 jirriżultaw insuffiċjenti sabiex jissostitwixxu l-obbligu ta’ traduzzjoni bl-istess garanzija ta’ effiċjenza(43) . L-għan tagħhom u tal-persuni responsabbli huwa differenti, kompatibbli iżda ma jeskludux wieħed ma’ l-ieħor. Naqbel ma’ l-idea tal-Ġermanja u ta’ Franza li l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri fil-qasam ta’ xogħol mhumiex fil-pożizzjoni li jitrażmettu d-dokumenti bit-traduzzjoni tagħhom, minħabba li dawn mhumiex fil-pussess tagħhom(44) .
88. Min-naħa l-oħra, jiena ma naqbilx mal-Kummissjoni meta hija tikkontesta l-ġeneralità ta’ l-obbligu ta’ traduzzjoni, fejn hija tammetti l-utilità biss f’każijiet konkreti, peress illi a) il-fatt li ma tipprovdix dokumenti fil-lingwa tal-pajjiż ospitanti jelimina fil-prattika l-kontrolli preventivi u għal għarrieda; b) joħloq inċertezza legali akbar għal min iħaddem; u ċ) joħloq dewmien fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema.
89. Fil-qosor, l-Artikolu 2(3) ta’ l-AEntG huwa konformi ma’ l-Artikolu 49 KE.
D – It-tielet motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu: l-obbligu li jiġi indikat il-post tax-xogħol
1. Il-kuntest
90. L-Artikolu 3(2) ta’ l-AEntG jimponi fuq l-impriżi barranin ta’ xogħol temporanju li jagħmlu dikjarazzjoni dwar il-persunal kollokat qabel ma jibdew xi xogħol kif ukoll notifika tal-bidliet tal-postijiet ta’ impjieg, għalkemm dan l-obbligu jista’ bi ftehim jiġi mgħoddi lil min jimpjega lill-ħaddiem.
91. Il-Kummissjoni tissottolinja li l-impriżi ta’ xogħol temporanju Ġermaniżi huma eżentati minn tali notifikazzjonijiet u li, konsegwentement, il-fornitura ta’ servizzi transnazzjonali tirriżulta aktar diffiċli. Il-Kummissjoni tqis illi l-ebda raġuni ma tiġġustifika d-differenza fit-trattament u lanqas ma titneħħa bil-possibbiltà ta’ trasferiment ta’ l-obbligju lejn l-impriża utenti l-obbligu li tiddikjara l-bdil tal-post tax-xogħol.
92. Il-Gvern Ġermaniż jiddefendi l-kompatibilità ta’ din il-liġi mad-Direttiva 96/71, li tippermetti li jadotta dispożizzjonijiet partikolari għall-impriżi ta’ xogħol temporanju, u ma’ l-Artikolu 49, a bażi tal-fatt illi din il-liġi tiffavorixxi kontrolli effettivi u ttejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema mingħajr ma timponi spejjeż eċċessivi. Il-Gvern Ġermaniż jirrileva wkoll riforma leġiżlattiva li qed tiġi ppreparata intiża sabiex l-obbligu jkun dejjem fuq il-persuna li tħaddem.
2. Eżami tal-motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
93. Minkejja l-affermazzjonijiet ta’ l-aġent Ġermaniż matul is-seduta, id-diskussjoni ma tirrigwardax l-obbligu ta’ notifikazzjoni tal-postijiet tax-xogħol okkupati, iżda fuq il-persuna li hija responsabbli dawarhom; madankollu, l-Artikolu 3(2) ta’ l-AEntG japplika biss għal entitajiet li jipprovdu servizzi Komunitarji li ma jkunux stabbiliti fil-Ġermanja, li joħloq nuqqas ta’ ugwaljanza bejn dawn u dawk l-entitajiet li jinsabu f’dan il-pajjiż.
94. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet bosta drabi li leġiżlazzjoni li tagħti lil kumpanniji li jipprovdu servizzi li huma residenti fi Stat Mebru ieħor trattament inqas favorevoli minn dawk li jinsabu fuq it-territorju nazzjonali, tikkawża diskriminazzjoni bbażata fuq l-istabbiliment ta’ min jipprovdi s-servizzi jew fuq l-oriġini ta’ l-attività, u b’hekk mhijiex kompatibbli mat-Trattat ħlief jekk hija tirrileva eċċezzjoni espressament ifformulata fit-test tiegħu, bħal fil-każ ta’ dik imsemmija fl-Artikolu 46(1) KE(45) .
95. Għaldaqstant, restrizzjonijiet jistgħu jkunu ġġustifikati biss minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, saħħa pubblika jew sigurtà pubblika, iżda mhux minħabba raġunijiet ta’ interess ġenerali, ta’ oriġini ġuridika, bħall-protezzjoni tal-ħaddiema, intiżi sabiex jilleġittimaw miżuri indistintivament applikabbli(46) .
96. L-argumenti mressqa mill-Gvern Ġermaniż sabiex jinżammu d-differenzi ta’ trattament ma jaqgħux la taħt l-ordni pubbliku, la taħt s-saħħa pubblika u lanqas taħt is-sigurtà pubblika. Dan ma jipprevjenix, kif fissirt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Arblade et , “li parti tajba mir-regoli li jikkostitwixxu d-dritt soċjali fl-Istati Membri għandhom in-natura ta’ regoli ta’ ordni pubblika”, li għandhom japplikaw “għal kull min jinsab fuq it-territorju ta’ l-Istat Membru in kwistjoni” (punt 85), li mhuwiex il-każ tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni. Il-kunċett ta’ “ordni pubbliku” fil-kuntest Komunitarju, b’mod partikolari, bħala ġustifikazzjoni għal eċċezzjoni għall-provvista libera ta’ servizzi, għandu jiġi interpretat b’mod ristrett(47) ; dan għandu jiġi invokat quddiem theddida reali u gravi li jikkomprometti interess fundamentali tas-soċjetà(48), li mhuwiex il-każ hawnhekk.
97. Fl-aħħar nett, il-fakultà li tiġi trasferita r-responsabbiltà in kwistjoni fuq impriża li timpjega ħaddiem fil-Ġermanja ma tiġġustifikax nuqqas ta’ ugwaljanza, peress illi din mhijiex sempliċi possibbiltà. Jekk ir-responsabbiltà tan-notifika taqa’ fuq din l-impriża, il-limitazzjoni, li mhijiex approprjata, tisparixxi peress li, kif jirrikonoxxi l-Gvern Ġermaniż, min iħaddem għandu “informazzjoni aktar reċenti u aktar preċiża” fuq il-kollokament (49) . Sadanittant, wieħed jikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 49 KE minħabba li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa stabbilit skond is-sitwazzjoin ta’ l-Istati Membru fl-iskadenza tat-terminu ta’ żmien iffissat fl-opinjoin motivata, mingħajr ma bdil sussegwenti jiġu kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja(50) .
VII – Korollarju
98. Jiena niddeduċi minn dak kollu li ntqal li għandhom jiġu miċħuda l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tar-rikors ifformulati mill-Ġvern Ġermaniż; għal dak li jikkonċerna l-motivi dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-Artikoli 1(3) u 3(2) ta’ l-AentG jiksru l-Artikolu 49 KE, iżda l-Artikolu 2(3) tal-liġi Ġermaniża huwa konformi ma’ dan l-Artikolu tat-Trattat.
VIII – Spejjeż
99. L-Artikolu 69(2) tar-Regolament ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-Artikolu 69(3), jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew akter tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.
100. Peress li kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Ġermanja talbu li l-parti l-oħra tbati l-ispejjeż, u peress li jiena nipproponi li jintlaqgħu tnejn mit-tliet motivi tar-rikors, il-Ġermanja għandha tbati żewġ terzi ta’ l-ispejjeż u l-Kummissjoni, fir-rigward tagħha, għandha tbati terz ta’ dawk tal-Ġermanja.
101. Skond l-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu 69(4) ta’ dawn ir-Regoli, l-Istat Membru intervenjenti fil-kawża għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.
IX – Konklużjoni
102. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja:
1) tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE, meta talbet lill-impriżi, stabbiliti fi Stat Membru ieħor li, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi, jikkollokaw ħaddiema fit-territorju Ġermaniż, li jikkontribwixxu għal fond ta’ vaganzi Ġermaniżi, anki meta l-ħaddiema jibbenefikaw minn protezzjoni simili skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat fejn huma stabbiliti; u meta imponiet fuq l-impriżi ta’ xogħol temporanju li jinsabu fuq Stat Membru ieħor l-obbligu li jinnotifikaw kull kollokament ta’ ħaddiem lil impriża li timpjegah fil-Ġermanja kif ukoll kull post ta’ xogħol li huwa mogħti lilu;
2) tiċħad ir-rikors għal bqija;
3) tordna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tbati żewġ terzi ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni;
4) tordna lill-Kummisjsoni tbati terz ta’ l-ispejjeż tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja;
5) tordna lir-Repubblika Franċiża tbati l-ispejjeż tagħha.
(1) .
(2) – ĠU L 1997, L 18, p. 1.
(3) – Skond G.Palao Moreno, “Il-Liġi 45/1999, tad-29 ta’ Novembru dwar iċ-ċaqliq tal-ħaddiema fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi transnazzjonali. Kien pass ġdid fil-konsolidazzjoni tas-suq tax-xogħol integrat fl-Ewropa.”, Gaceta Jurídica de la Unión Europea y de la Competencia, Lulju-Awwissu, 2000, Nru. 208, p.46, il-mobbiltà hija mhux biss konsegwenza oħra ta’ l-integrazzjoni Ewropea, iżda eżiġenza sostanzjali tas-sistema.
(4) – García Ninet, J.I., u Vicente Palacio, A., “Il-Liġi 45/1999, tad-29 ta’ Novembru, dwar iċ-ċaqliq (temporanju u mhux permanenti) ta’ ħaddiema fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi transnazzjonali”, Revista del Ministerio de Trabajo y Asuntos Sociales, Nru. 27, 2000, p. 14.
(5) – Fid-duttrina, il-kunċett fundamentali huwa li jiġi evitat li pajjiżi inqas żviluppati fir-rikonoxximent tad-drittijiet tal-ħaddiema u bi spejjeż aktar baxxi jkunu jistgħu jiksbu vantaġġi fuq oħrajn li fihom l-ispejjeż tal-ħaddiema huma aktar għolja minħabba l-protezzjoni mogħtija. (De Vicente Pachés, F., “Desplazamiento temporal de trabajadores para la ejecución de un contrato en otro Estado miembro. Comentario a la Sentencia del Tribunal de Justicia de las Comunidades Europeas (Pleno), de 23 de noviembre de 1999”, Revista del Ministerio de Trabajo y Asuntos Sociales Nru. 27, 2000, p. 240); f’dan is-sens, J.P. u Fotinopulou Basurko, O., “Breve comentario de la Ley 45/1999 sobre desplazamiento de trabajadores en el marco de una prestación de servicios transnacional, que incorpora al ordenamiento jurídico español la Directiva 96/71/CE” Relaciones Laborales, nru. 9, 2000, p. 10, isostnu li d-Direttiva hija “aktar ekonomika milli soċjali”.
(6) – Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni msejħa “L-applikazzjoni tad-Direttiva 96/71 KE fl-Istati Membri”, tal-25 ta’ Lulju 2003 [COM(2003) 458 finali], tgħid li, għall-mument, jidher inevitabbli li ssir emenda fid-Direttiva, iżda d-diffikultajiet huma aktar prattiċi milli legali (p. 19).
(7) – BGBl. 1996 I, p. 227.
(8) – BGBl I, p. 2848.
(9) – Il-Kummisjsoni tirrinunzja għal żewġ ilmenti fformulati matul il-fażi preliminari għal dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rrispettati sabiex tibbaża fuq il-kwalità ta’ impriża ta’ kostruzzjoni (punti 24 sa 26 tar-rikors) u għall-multi (punt 64), peress illi d-diskriminazzjonijiet fuq il-bażi tan-nazzjonalità tneħħew bl-emendi ta’ l-2003.
(10) – Naqbel ma’ l-Avukat Ġenerali Léger fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 tal-konklużjonijiet dwar il-kawża li tat lok għas-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs l-Awstrija, (C‑168/04, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), meta rrikonoxxa li “d-Direttiva 96/71 ma titlob ebda proċess speċifiku sabiex isir it-trasferiment ta’ ħaddiema fil-kuntest ta’ prestazzjoni transnazzjonali ta’ servizzi […]; iżda tillimita ruħha essenzjalment li tiggarantixxi [...] lill-ħaddiema li jintbagħtu f’dan il-kuntest, l-applikazzjoni b’vantaġġ għalihom ta’ ċerti regoli, fis-seħħ fl-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu ssir din il-prestazzjoni, f’dak li jikkonċerna ċerti kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg. Min-naħa l-oħra, [id]-Direttiva tħalli lill-Istati Membri l-funzjoni li jassiguraw ir-rispett ta’ dawn ir-regoli […], bla ħsara li jkunu jistgħu jadottaw mezzi xierqa […] li ma jippreġudikawx id-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi”.
(11) – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Marzu 2004, Karner (C-71/02, Ġabra 2004 p. 3025, punti 33 u 34).
(12) – Sentenzi tas-16 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs. L-Olanda (C-96/89, Ġabra p. I-2461, punti 15 u 16); Il-Kummissjoni vs. Il-Belġju (C-207/97, Ġabra p. I-275, punti 24 u 25); tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑287/03, Ġabra I-3761, punt 14) u tat-8 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-33/04, Ġabra p. I-10629, punt 76).
(13) – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-1 ta’ Ottubru 1998, Il-Kummisjoni vs Spanja (C-71/97, Ġabra p. I-5991, punt 14); tat-18 ta’ Jannar 2001, Il-Kummisjoni vs Spanja (C-83/99, Ġabra p. I-445, punt 23); u ta’ l-4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummisjoni vs. Ir-Renju Unit (C-508/03, Ġabra p. I-3969, punt 67).
(14) – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-475/98, Ġabra p. I‑9797, punt 38).
(15) – Is-sentenza ta’ l-4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, iddikjarat, filwaqt li bbażat ruħha fuq ċerta ġurisprudenza, li “għalkemm il-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ l-aspettativi leġittimi jeżiġu li l-irtirar ta’ att illegali għandu jsir f’terminu raġonevoli u li għandu jiġi kkunsidrat safejn il-persuna kkonċernata setgħet eventwalment ikollha fiduċja fuq il-legalità ta’ l-att, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-irtirar huwa, fil-prinċipju, permess.” (punt 68).
(16) – Kawżi C-49/98, C-50/98, C-52/98 sa C-54/98 u C-68/98 sa C-71/98, Ġabra p. I-7831.
(17) – Kawża C-164/99, Ġabra p. I-787.
(18) – Kawża C-60/03, Ġabra p. I-9553.
(19) – Kawża C-341/02, Ġabra p. I-2733.
(20) – Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll argumenti oħra fir-rigward ta’ vaganzi mħallsa, b’mod partikolari dwar jekk it-tul ta’ żmien previst fi Stat Membru għandux jiġi impost fuq ħaddiema li jkunu ntbagħtu f’pajjiż ieħor.
(21) – Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij (LVM) vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P a C-252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 187); iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 tar-risposta.
(22) – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C-185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 29); bl-istess mod iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 tar-risposta.
(23) – ĠU 1991, L 176, p. 7, u ĠU 1992, L 383, p. 117 – rettifika– emendata ulterjorment.
(24) – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Jannar 2003, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-178/00, Ġabra p. I-303, punt 6); u tal-15 ta’ Settembru 2005, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni (C-199/03, Ġabra p. I‑8027, punt 50),.
(25) – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustijzzja tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummisjoni vs Il-Belġju (C-287/03, Ġabra p. I-3761, punt 28); u tas-27 ta’ April 2006, Il-Kummisjoni vs Il-Ġermanja (C-441/02, Ġabra p. I-3449, punt 49).
(26) – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Diċembru 1993, Il-Kummisjoni vs Id-Danimarka (C-234/91, Ġabra p. I‑6273, punt 16); tat-12 ta’ Jannar 1994, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-296/92, Ġabra p. I‑1, punt 11); tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-35/96, Ġabra p. I‑3851, punt 28); tal-15 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-439/99, Ġabra p. I‑305, punt 11) u ta’ l-20 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-287/00, Ġabra p. I-5811, punt 18).
(27) – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-279/94, Ġabra p. I‑4743, punti 24 u 25); tad-29 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑191/95, Ġabra p. I-5449, punt 56); tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-365/97, Ġabra p. I-7773, punt 25); tal-25 ta’ April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (C-52/00, Ġabra p. I-3827, punt 44); tal-11 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-139/00, Ġabra p. I-6407, punti 18 u 19); ta’ l-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza (C-177/04, Ġabra p. I-2461, punt 37), u tas-27 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61.
(28) – Kawżi C-369/96 y C-376/96, Ġabra p. I-8453. Din tittratta dwar jekk “id-dritt Komunitarju jimpedixxix li Stat Membru jobbliga lill-imprizi stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jitrasferixxi ħaddiema fit-territorju tiegħu jipprovdi provvista ta’ servizzi li tirrispetta r-regoli tad-dritt nazzjonali dwar iż-żamma u l-konservazzjoni tad-dokumenti soċjali tal-ħaddiema u r-rispett tal-kriterji minimi fil-qasam tas-salarji, dispożizzonijiet li għandhom bħala għan li jipproteġu l-ħaddiema u in sostenn tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, meta dawn l-impriżi jkunu diġà suġġetti għal obbligi identiċi jew simili fl-Istat Membru tagħhom fejn ikunu stabbiliti f’każ ta’ l-istess ħaddiema u għall-istess perijodu ta’ attività” (punt 1 tal-konklużjonijiet).
(29) – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 1991, Säger (C-76/90, Ġabra p. I-4221, punt 12); tad-9 ta’ Awwissu 1994, Vander Elst (C-43/93, Ġabra p. I-3803, punt 14); tat-28 ta’ Marzu 1996, Guiot (C‑272/94, Ġabra p. I-1905, punt 10); tat-12 ta’ Diċembru 1996, Reisebüro Broede (C‑3/95, Ġabra p. I-6511, punt 25); tad-9 ta’ Lulju 1997, Parodi (C-222/95, Ġabra p. I-3899, punt 18); Arblade et, punt 33, Finalarte et, punt 28, u Portugaia Construções, punt 16, iċċitati iktar ’il fuq .
(30) – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C-19/92, Ġabra p. I-1663, punt 32); tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 37); ta’ l-20 ta’ Frar 2001, Analir et (C-205/99, Ġabra p. I-1271, punt 25); tal-15 de Marzu 2001, Mazzoleni u ISA (C-165/98, Ġabra p. I-2189, punt 26); kif ukoll is-sentenzi Säger, punt 15, Guiot, punti 11 u 13, Arblade et , punt 35, Portugaia Construções, punt 19, u Wolf & Müller, punt 34. Għal P.Davis, “Posted workers Directive and EC Treaty”, Industrial Law Journal, 2002, p. 299, jekk dawn il-kriterji ta’ ġurisprudenza kienux applikati għad-Direttiva 96/71 il-parti l-kbira mill-kontenut tagħha għandu jiġi dikjarat li jikser l-Artikolu 49 KE, għaliex huwa diffiċli li hija tissodisfa l-eżiġenzi dwar il-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità li huma indispensabbli biex jillimitaw din ir-regola.
(31) – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1981, Webb (279/80, Ġabra p. 3305, punt 19); tat-3 ta’ Frar 1982, Seco y Desquenne & Giral (62/81 u 63/81, Ġabra p. 223, punt 17); tas-27 ta’ Marzu 1990, Rush Portuguesa (C-113/89, Ġabra p. I-1417, punt 18), kif ukoll is-sentenzi Guiot, punt 16, Arblade et, punt 36, Finalarte et , punt 33, Portugaia Construções, punt 20, u Wolf & Müller, punt 35, iċċitati iktar ’il fuq.
(32) – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustijzzja tas-26 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-180/89, Ġabra I-709, punt 17), u tas-26 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-198/89, Ġabra p. I-727, punt 18); Webb, punt 17, Säger, punt 15, Vander Elst, punt 16, Guiot, punt 11, Arblade et , punt 34, u Finalarte et, punt 31, iċċitati iktar ’il fuq. Il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwa għaldaqstant stabbilit, li jevita l-liġi tad-destinazzjoni; ara Molina Navarrete, C., u Esteban de la Rosa, G., “ Mercados nacionales de trabajo, libertad comunitaria de prestación de servicios y defensa de la competencia. Comentario de la Ley 45/1999, sobre desplazamiento de trabajadores en el marco de una prestación transnacional de servicios” , Revista de Trabajo y Seguridad Social (Centro de Estudios Financieros), Nru 205, April 2000, p. 21 u 32.
(33) – Ġħandha tiġi inkluża wkoll id-Danimarka (Arbejdsmerkedets Feriefond), iżda l-Kummissjoni u l-Ġermanja jsemmu dan il-pajjiż bħala eżempju sabiex isostnu l-argumenti opposti tagħhom.
(34) – L-Avukat Ġenerali Mischo fil-konklużjonijiet dwar il-kawża Finalarte et isemmi diversi alternattivi, li fihom jevoka b’mod partikolari l-każ ta’ min iħaddem li jissottometti ruħu għall-fond tal-vaganzi Ġermaniż, u ma jistax jiġi eżentat, skond il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn ikun stabbilit, milli jħallas huwa stesss il-ġranet ta’ vaganzi lill-ħaddiema tiegħu li jintagħtu f’pajjiż ieħor; f’tali ċirkustanzi, il-kontribuzzjonijiet għall-fond jiżdiedu ma’ dan l-aħħar obblgu, li joħolqu “restrizzjoni kbira fuq il-provvista libera tas-servizzi, jew ostaklu insuperabbli” għall-provvista libera (punt 70).
(35) – L-Avukat Ġenerali Mischo indika fil-konklużjonijiet dwar il-kawża Finalarte et , “Huwa possibli li ħaddiem jibbenefika, skond il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta’ orġini tiegħu, minn vantaġġi li fis-sustanza huma identiċi mingħajr l-intervent ta’ fond ta’ vaganzi” (punt 112).
(36) – Madankollu, m’għandux dejjem ikun l-Istat fejn ikun sar is-servizz; is-sbatax-il premessa tad-Direttiva 96/71 tipprovdi li l-protezzjoni mimina fis-seħħ fil-pajjiż li jilqa’ m’għandhiex timpedixxi l-applikazzjoni ta’ klawżoli u kundizzjonijiet ta’ impjieg li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.
(37) – Kawża C-129/00, Ġabra p. I-14637.
(38) – Għall-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni dwar “l-implementazzjoni tad-Direttiva 96/71/KE”, iċċitata fil-bidu ta’ dawn il-konklużjonijiet, “fost id-diffikultajiet imqajma mill-kontroll ta’ sitwazzjonjiet ta’ kollokament ta’ ħaddiema, hemm l-ewwel nett l-ostaklu lingiwstiku” (p. 15).
(39) – M’għandhiex tintesa n-natura “temporanja” tal-kollokament; jista’ jseħħ li, meta l-ksur tad-dritt jinstab u l-awtorijiet ikunu jixtiequ jirreaġixxu, il-ħaddiem ikun irritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.
(40) – Id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE ta’ l-14 ta’ Ottubru 1991, dwar l-obbligazzjoni ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni ta’ l-impjieg (ĠU L 288, p. 32), tiffissa l-kontenut minimu ta’ l-Artikolu 2 tagħha.
(41) – Il-punt 24 tar-risposta u l-punt 25 ta’ l-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż isostnu proposta f’dan is-sens. L-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem jistgħu jagħżlu mudelli Ewropej uniformi.
(42) – Bħala risposta għal mistoqsija li tressqet lilu matul is-seduta, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni ddikjara li ma kellux għarfien dwar inizjattivi ta’ din in-natura, iżda l-Gvern Ġermaniż għarraf dwar l-eżistenza ta’ grupp ta’ studju mħallat kompost mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, iżda li sa’ llum ma wasalx għal ftehim.
(43) – Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Direzzjonijiet dwar il-kollokament ta’ ħaddiema li jsir fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi” ta’ l-4 ta’ April 2006 [COM(2006) 159 finali], tirrikonoxxi impliċitament l-urġenza li s-sitwazzjoni titjieb fil-punt 3 tal-“Kooperazzjoni fil-qasam ta’ l-informazzjoni”.
(44) – Dan huwa l-każ tal-Ġermanja, kif ammetta r-rappreżentant tagħha matul is-seduta. F’din l-ipoteżi, l-awtoritajiet għandhom jitolbu dan id-dokument mill-impriża sabiex jiksbuh.
(45) – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 24); tal-25 ta’ Lulju 1991, Collectieve Antennevoorziening Gouda et (C-288/89, Ġabra p. I-4007, punt 11); Il-Kummissjoni v L-Olanda (C-353/89, Ġabra p. I-4069, punt 15); tas-16 ta’ Diċembru 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-211/91, Ġabra p. I‑6757, punti 10 u 11); ta’ l-4 ta’ Mejju 1993, Distribuidores Cinematográficos (C-17/92, Ġabra p. I-2239, punt 16); ta’ l-14 ta’ Novembru 1995, Svensson y Gustavsson (C-484/93, Ġabra p. I-3955, punt 15); u tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen (C-451/99, Ġabra p. I-3193, punt 31).
(46) – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti (C-67/98, Ġabra p. I-7289, punt 29); kif ukoll is-sentenzi ċċitati Kraus, punt 32; Gebhard, punt 37; u Cura Anlagen, punt 32, iċċitati iktar ’il fuq.
(47) – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Diċembru 1974, Van Duyn (41/74, Ġabra p. 1337, punt 18); tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, Ġabra p. 1999, punt 33); tad-19 ta’ Jannar 1999, Calfa (C-348/96, Ġabra p .I-11, punt 23); tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C-482/01 u C-493/01, Ġabra p. I-5257, punti 64 u 65); u ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C-36/02, Ġabra p. I-9609, punt 30).
(48) – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili (36/75, Ġabra p. 1219, punt 28); tat-18 ta’ Mejju 1982, Adoui u Cornuaille (115/81 u 116/81, Ġabra p. 1665, punt 8); ta’ l-14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie (C-54/99, Ġabra p. I-1335, punt 17); Bouchereau, punt 35, u Omega, punt 30, iċċitati iktar ’il fuq..
(49) – Punt 38 tar-risposta.
(50) – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-200/88, Ġabra p. I‑4299, punt 13); tat-2 ta’ Mejju 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-133/94, Ġabra p. I-2323, punt 17); tat-30 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-103/00, Ġabra p. I-1147, punt 23); tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-63/02, Ġabra p. I-821, punt 11); u tat-13 ta’ Marzu 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑333/01, Ġabra p. I-2623, punt 8).