SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 38 – Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kunċett ta’ ‘pajjiż terz bla perikolu’ – Kwalifika tar-Repubblika tat-Turkija bħala ‘pajjiż terz bla perikolu’ – Riammissjoni ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fil-pajjiż terz – Rifjut”
Fil-Kawża C‑134/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Frar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura
Somateio “Elliniko Symvoulio gia tous Prosfyges”,
Astiki Mi Kerdoskopiki Etaireia “Ypostirixi Prosfygon sto Aigaio”
vs
Ypourgos Exoterikon,
Ypourgos Metanastefsis kai Asylou
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.‑C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Marzu 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Somateio “Elliniko Symvoulio gia tous Prosfyges”, minn V. Papadopoulos, dikigoros, |
|
– |
għal Astiki Mi Kerdoskopiki Etaireia “Ypostirixi Prosfygon sto Aigaio”, minn E. Spathana, dikigoros, |
|
– |
għall-Gvern Elleniku, minn Z. Chatzipavlou, K. Georgiadis, G. Karipsiadis, T. Papadopoulou u S. Spyropoulos, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn A. Edelmannová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ċiprijott, minn I. Neophytou u F. Sotiriou, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró-Tóth u M. Z. Fehér, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u A. Hanje, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma u A. Katsimerou, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Ġunju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60 moqri fid-dawl tal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn is-Somateio “Elliniko Symvoulio gia tous Prosfyges” (l-assoċjazzjoni “Kunsill Grieg għar-Rifjuġati) u l-Astiki Mi Kerdoskopiki Etaireia “Ypostirixi Prosfygon sto Aigaio” (kumpannija ċivili mingħajr skop ta’ qligħ “Appoġġ għar-refuġjati fil-Baħar Eġew”, il-Greċja), li t-tnejn jiftħu favur ir-rifjuġati, u Ypourgos Exoterikon (il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, il-Greċja) u Ypourgos Metanastefsis kai Asylou (il-Ministeru għall-Immigrazzjoni u tal-Ażil, il-Greċja) dwar il-validità ta’ ordnijiet ministerjali, adottati konġuntament minn dawn tal-aħħar u li jindikaw lir-Repubblika tat-Turkija bħala “pajjiż terz bla periklu” għal ċerti kategoriji ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali. |
Il-kuntest legali
Id-dritt tal-Unjoni
Il-ftehim bejn l-UE u t-Turkija dwar ir-riammissjoni
|
3 |
Fis‑16 ta’ Diċembru 2013, l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija kkonkludew Ftehim dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni (ĠU 2014, L 134, p. 3)(iktar ’il quddiem il-“Ftehim UE Turkija dwar ir-riammissjoni”). Dan il-Ftehim ġie rratifikat f’isem l-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/252/UE, tal‑14 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 134, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2014, L 331, p. 40). |
|
4 |
L-Artikolu 4(1) tal-Ftehim UE-Turkija dwar ir-riammissjoni jiddikjara: “It-Turkija għandha tirriammetti, wara applikazzjoni minn Stat Membru u mingħajr ebda formalità oħra min-naħa ta’ dak l-Istat Membru għajr dawk previsti f’dan il-Ftehim, il-persuni kollha ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż terz jew persuni apolidi li ma jkunux jissodisfaw, jew li ma jkunux għadhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dħul, il-preżenza jew ir-residenza fit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti kemm-il darba, f’konformità mal-Artikolu 10, jiġi stabbilit li tali persuni: […]
|
|
5 |
Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/551 tat‑23 ta’ Marzu 2016 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni dwar Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni dwar l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 6 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni mill‑1 ta’ Ġunju 2016 (ĠU 2016, L 95, p. 9), l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Ftehim UE-Turkija dwar ir-riammissjoni għandu japplika mill‑1 ta’ Ġunju 2016. |
Id-Direttiva 2013/32
|
6 |
Il-premessi 18, 43, 44 u 46 tad-Direttiva 2013/32 huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
|
|
7 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
[…]
[…]” |
|
8 |
Fil-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva, intitolat “Prinċipji u garanziji bażiċi”, jinsabu l-Artikoli 6 sa 30. |
|
9 |
Fost id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tal-istess direttiva, intitolat “Proċeduri ta’ Prima Istanza”, hemm inklużi, b’mod partikolari, l-Artikoli 31, 33, 35 u 38. |
|
10 |
L-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32 intitolat “Proċedura ta’ eżami”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. L-Istati Membri għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijet għall-protezzjoni internazzjonali fi proċedura ta’ eżami b’konformità mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża mill-aktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet.” |
|
11 |
L-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, jistabbilixxi: “1. Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31 u rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50)] l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu. 2. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:
[…]” |
|
12 |
L-Artikolu 35 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ asil”, jipprevedi li: “Pajjiż jista’ jkun kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ asil għal applikant partikolari jekk:
sakemm huwa jerġa’ jitħalla jidħol f’dak il-pajjiż. Fl-applikazzjoni tal-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ asil għaċ-ċirkostanzi partikolari ta’ applikazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kont tal-Artikolu 38(1). L-applikant għandu jitħalla jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ asil għaċ-ċirkostanzi partikulari tiegħu.” |
|
13 |
L-Artikolu 38 tal-istess direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu”, jistabbilixxi: “1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw il-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu biss fejn l-awtoritajiet kompetenti jkunu sodisfatti li persuna li tkun qiegħda tfittex protezzjoni internazzjonali tiġi trattata skont il-prinċipji li ġejjin fil-pajjiż terz kkonċernat:
2. L-applikazzjoni tal-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu għandha tkun suġġetta għal regoli stabbiliti fil-liġi nazzjonali, inklużi:
3. Meta jimplementaw deċiżjoni bbażata biss fuq dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom:
4. Fejn il-pajjiż terz ma jippermettix l-applikant biex jidħol fit-territorju tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħata aċċess għal proċedura skont il-prinċipji u l-garanziji bażiċi deskritti fil-Kapitolu II. 5. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni [Ewropea] perjodikament dwar il-pajjiżi li għalihom jiġi applikat dan il-kunċett konformement mad-dispożizzjonijet ta’ dan l-Artikolu.” |
Ir‑Regolament (UE) 2024/1348
|
14 |
Id-Direttiva 2013/32 ġiet imħassra mir-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi proċedura komuni tal-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (ĠU L, 2024/1348), b’effett mit‑12 ta’ Ġunju 2026, skont l-Artikolu 79(2) ta’ dan ir-regolament. |
Id-dritt Grieg
Il-liġi dwar il-protezzjoni internazzjonali
|
15 |
In-Nomos 4636/2019 peri diethnous prostasias kai alles diatakseis, (il-Liġi 4636/2019 dwar il-protezzjoni internazzjonali u dispożizzjonijiet oħra), FEK A’ 169/1.11.2019, fil-verżjoni applikabbli tagħha fit-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-protezzjoni internazzjonali”), tittrasponi d-Direttiva 2013/32 fl-ordinament ġuridiku Grieg. |
|
16 |
Konformement mal-Artikolu 84(1)(d) tal-Liġi Griega dwar il-Protezzjoni Internazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiċħdu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli meta pajjiż li ma huwiex Stat Membru jitqies bħala pajjiż terz bla periklu għall-applikant skont l-Artikolu 86 ta’ din il-liġi. |
|
17 |
L-Artikolu 86(1) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni Internazzjonali jistabbilixxi l-kriterji kumulattivi sabiex pajjiż terz jiġi kklassifikat bħala “pajjiż terz bla periklu”. |
|
18 |
Skont l-Artikolu 86(2) ta’ din il-liġi, l-issodisfar tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artiklu għandu jiġi eżaminat każ b’każ u għal kull applikant individwali, sakemm il-pajjiż terz inkwistjoni ma jkunx ġie indikat bħala ġeneralment bla perikolu u inkluż fil-lista nazzjonali ta’ pajjiżi terzi bla perikolu. Jekk dan ikun il-każ, l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali jista’ jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” fuq il-bażi li l-pajjiż terz inkwistjoni ma jkunx bla perikolu fiċ-ċirkustanzi partikolari tiegħu. Skont l-Artikolu 86(3) tal-imsemmija liġi, ordni ministerjali konġunt jiddetermina liema pajjiżi terzi huma indikati bħala bla perikolu għal ċerti kategoriji ta’ applikanti għall-ażil, skont il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. |
|
19 |
Skont l-Artikolu 86(5) tal-istess liġi, meta pajjiż terz imsemmi inkwistjoni ma jippermettix lill-applikant jidħol fit-territorju tiegħu, l-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi eżaminata fuq il-merti mill-awtoritajiet li huma kompetenti biex jiddeċiedu. |
L-ewwel ordni ministerjali konġunt u t-tieni ordni ministerjali konġunt
|
20 |
Abbażi tal-Artikolu 86(3) tal-Liġi dwar il-protezzjoni internazzjonali, ġiet adottata l-Koini Ypourgiki Apofasi 42799/3.6.2021, intitolat “Kathorismos triton choron pou charaktirizontai os asfaleis kai katartisi ethnikou katalogou, kata ta orizomena sto arthro 86 tou nomou 4636/2019 (A’169)” [l-Ordni Ministerjali Konġunt 42799/3.6.2021, “Determinazzjoni tal-pajjiżi terzi indikati bħala bla perikolu u l-istabbiliment ta’ lista nazzjonali skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86 tal-Liġi 4636/2019 (A’169)”], FEK B 2425/7.6.2021, iktar ’il quddiem l-“ewwel ordni ministerjali”]. |
|
21 |
Dan l-ordni ministerjali konġunt jikklassifika r-Repubblika tat-Turkija bħala “pajjiż terz bla perikolu” għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom huwa s-Sirja, l-Afganistan, il-Pakistan, il-Bangladexx jew is-Somalja. |
|
22 |
L-ewwel ordni ministerjali konġunt ġie issostitwit mill-Koini Ypourgiki Apofasi 458568/15.12.2021, “Tropopoiisi tis yp.ar. 42799/03.06.2021 koinis apofasis ton Ypourgon Exoterikon kai Metanastefsis kai Asylou ‘Kathorismos triton choron pou charaktirizontai os asfaleis kai katartisi ethnikou katalogou, kata ta orizomena sto arthro 86 tou nomou 4636/2019 (A’ 169)’ (B’ 2425) (l-Ordni Ministerjali Konġunt 458568/15.12.2021“Emenda tal-Ordni Konġunt 42799/03.06.2021, tal-Ministeri għall-Affarijiet Barranin u tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil “Determinazzjoni tal-pajjiżi terzi indikati bħala bla perikolu u l-istabbiliment ta’ lista nazzjonali, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86 tal-Liġi 4636/2019 (A’169)’ (B’ 2425)”], FEK B’ 5949/16.12.2021, iktar ’il quddiem it-“tieni ordni ministerjali konġunt”). |
|
23 |
Dan it-tieni ordni ministerjali konġunt mill-ġdid jindika lir-Repubblika tat-Turkija bħala “pajjiż terz bla perikolu” għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom huwa s-Sirja, l-Afganistan, il-Pakistan, il-Bangladexx u s-Somalja. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
24 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ippreżentaw rikors għal annullament quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), li huwa l-qorti tar-rinviju, kontra l-ewwel ordni ministerjali konġunt, u kontra t-tieni ordni ministerjali konġunt, minħabba, b’mod partikolari, li jmorru kontra l-Artikolu 86 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni Internazzjonali u l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32. |
|
25 |
B’mod partikolari, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, minn naħa, li l-possibbiltà li jiġu ammessi mill-ġdid fit-Turkija l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali msemmija minn dawn l-ordnijiet ma hijiex iggarantita “minn ftehimiet internazzjonali” u, min-naħa l-oħra, li ma teżistix perspettiva raġonevoli li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jiġu riammessi fit-Turkija peress li dan il-pajjiż terz, mix-xahar ta’ Marzu 2020 u l-pandemija tal-COVID‑19, iffriża r-riammissjonijiet ta’ tali applikanti fit-territorju tiegħu. |
|
26 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, wara li kkonstatat li, ir-rikors għal annullament kien biss ammissibbli bħala li kien dirett kontra t-tieni ordni ministerjali konġunt, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li, sa fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu kkritikaw in-nuqqas ta’ obbligu legali tar-Repubblika tat-Turkija ta’ riammissjoni ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali mill-Greċja, dan l-ilment għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, fid-dawl b’mod partikolari tal-Ftehim UE‑Turkija dwar ir-riammissjoni, il-qorti tar-rinviju qieset li r-Repubblika tat-Turkija kienet assumiet tali obbligu legali. |
|
27 |
Għall-kuntrarju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-osservanza effettiva mir-Repubblika tat-Turkija tal-imsemmi obbligu legali, fid-dawl tal-fatt, ammess ukoll mill-awtoritajiet Griegi, li dan il-pajjiż terz waqqaf ir-riammissjoni fit-territorju tiegħu, mix-xahar ta’ Marzu 2020 u mingħajr ma tidher li tista’ tinbidel fil-futur qrib din iċ-ċirkustanza, ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li l-applikazzjonijiet tagħhom ġew miċħuda bħala inammissibbli fil-Greċja abbażi tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu”. |
|
28 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju fi ħdanha ssemmi żewġ interpretazzjonijiet distinti tal-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32, dwar din il-kwistjoni. |
|
29 |
Skont l-ewwel interpretazzjoni, li hija maqsuma mal-maġġoranza tal-membri li jifformaw il-qorti tar-rinviju, il-possibbiltà ta’ riammissjoni tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali fil-pajjiż terz ikkonċernat hija kundizzjoni preċedenti għall-indikazzjoni ta’ dan il-pajjiż bħala “pajjiż terz bla periklu” fis-sens tal-Artikolu 38 ta’ din id-direttiva, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għan, imfakkar b’mod partikolari fil-premessa 18 tagħha u li huwa espress ukoll fl-Artikolu 31(2) tal-imsemmija direttiva, li jiġi żgurat ipproċessar kemm jista’ jkun malajr tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. Interpretazzjoni oħra sempliċement ittawwal it-tul tal-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u l-inċertezza dwar ir-residenza tal-applikant fil-pajjiż fejn huwa ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu, mingħajr ma jiġi eskluż ir-riskju li jintbagħat lura lejn pajjiż fejn jista’ jiġi ppersegwitat jew il-possibbiltà ta’ tfixkil tar-relazzjonijiet internazzjonali. Minn dan isegwi li Stat Membru ma jistax jindika, permezz ta’ att ta’ portata ġenerali, pajjiż terz bħala ġeneralment bla periklu, kif jawtorizzah jagħmel l-Artikolu 38(2) tad-Direttiva 2013/32, meta dan il-pajjiż terz ma jiggarantixxix l-osservanza effettiva tal-obbligu li huwa suġġett għalih li jaċċetta jew li jaċċetta mill-ġdid l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali kkonċernati fit-territorju tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors għal annullament dirett kontra t-tieni ordni ministerjali konġunt għandu jintlaqa’. |
|
30 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont it-tieni interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/32, il-kundizzjoni dwar l-ammissjoni jew ir-riammissjoni effettivi tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali tidher li tikkostitwixxi element ta’ validità mhux tal-att regolatorju li jindika pajjiż bħala ġeneralment bla periklu, iżda jew tal-att individwali li permezz tiegħu applikazzjoni konkreta għal protezzjoni internazzjonali hija miċħuda bħala inammissibbli skont il-kunċett ta’ “pajjiż terz bla periklu”, jew tal-eżekuzzjoni ta’ tali att individwali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors għal annullament dirett kontra t-tieni ordni ministerjali konġunt għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
32 |
Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja li din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba li numru kbir ta’ persuni jiġu affettwati mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u li d-dominju inkwistjoni jkun partikolarment sensittiv. |
|
33 |
Fil‑31 ta’ Marzu 2023, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li sema’ lill-Imħallef Relatur u lill-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li din it-talba tintlaqa’. |
|
34 |
Fil-fatt, il-proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż sabiex jirrispondi għal sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja. Issa, in-numru kbir ta’ persuni jew ta’ sitwazzjonijiet legali potenzjalment ikkonċernati mid-domandi magħmula ma jistax, bħala tali, jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li tiġġustifika l-użu ta’ proċedura mħaffa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Sospensjoni amministrattiva tad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑245/21 u C‑248/21, EU:C:2022:709, punti 33 sa 35). Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma semmiet ebda element li jippermetti li din il-kawża tiġi kkaratterizzata bħala li taqa’ taħt sitwazzjoni eċċezzjonali ta’ kriżi li b’mod partikolari ma tippermettix lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jipprevedu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jew li jostakolaw b’mod sinjifikattiv il-funzjonament tas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil fl-istennija tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Settembru 2017, Magamadov, C‑438/17, EU:C:2017:723, punt 18, kif ukoll is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Sospensjoni amministrattiva tad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑245/21 u C‑248/21, EU:C:2022:709, punt 36). |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
35 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 18 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tindika pajjiż terz bħala ġeneralment bla periklu fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali meta, minkejja l-obbligu legali li għalih huwa suġġett, dan il-pajjiż terz issospenda, b’mod ġenerali u mingħajr prospett prevedibbli ta’ żviluppi f’sens kuntrarju, l-ammissjoni jew ir-riammissjoni ta’ dawn l-applikanti fit-territorju tiegħu. |
|
36 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jelenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli (sentenza tat‑8 ta’ Frar 2024, Bundesrepublik Deutschland (Ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti), C‑216/22, EU:C:2024:122, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
B’hekk, l-Artikolu 33(2)(c) ta’ din id-direttiva jipprevedi l-possibbiltà għal Stat Membru li jqis tali applikazzjoni bħala inammissibbli meta pajjiż, li ma huwiex Stat Membru, jitqies bħala “pajjiż terz bla periklu” għall-applikant skont l-Artikolu 38 tal-imsemmija direttiva. Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, din il-possibbiltà ġiet trasposta fid-dritt intern skont l-Artikolu 84(1)(d) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni Internazzjonali. |
|
38 |
Mill-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla periklu” hija suġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet kumulattivi previsti fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu (sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 36, u tas‑16 ta’ Novembru 2021, Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija (Inkriminazzjoni tal-għajnuna lill-applikanti għall-ażil), C‑821/19, EU:C:2021:930, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
L-ewwel, l-Artikolu 38(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu japplikaw il-kunċett ta’ “pajjiż terz bla periklu” biss jekk ikunu kisbu ċ-ċertezza li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali ser jiġi ttrattat fil-pajjiż terz ikkonċernat konformement mal-prinċipji espressament stipulati fil-punti (a) sa (e) ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
40 |
F’dan il-każ, mill-motivazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju definittivament ċaħdet il-motiv espost mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza mir-Repubblika tat-Turkija ta’ dawn il-prinċipji, b’tali mod li din il-qorti ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmija prinċipji. |
|
41 |
It-tieni nett, skont l-Artikolu 38(2) tal-imsemmija direttiva, l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla periklu” hija suġġetta għar-regoli stabbiliti mid-dritt nazzjonali. Dawn ir-regoli għandhom jinkludu, b’mod partikolari, dawk li jipprevedu l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn l-applikant għal protezzjoni internazzjonali u l-pajjiż terz ikkonċernat b’tali mod li jirrendi raġonevoli ċ-ċaqliq ta’ dan l-applikant lejn l-imsemmi pajjiż, dawk li jikkonċernaw il-metodi applikati mill-awtoritajiet kompetenti biex jiżguraw li l-kunċett ta’ “pajjiż terz bla periklu” jista’ jiġi applikat għal xi pajjiż partikolari jew għal applikant partikolari għall-protezzjoni internazzjonali, waqt li huwa speċifikat li dawn il-metodi għandhom jipprovdu għal eżami każ b’każ tas-sigurtà tal-pajjiż għal applikant partikolari u/jew l-indikazzjoni mill-Istat Membru tal-pajjiżi meqjusa bħala ġeneralment bla periklu, u dawk, f’konformità mad-dritt internazzjonali, li jippermettu eżami individwali sabiex jiġi ddeterminat jekk il-pajjiż terz ikkonċernat huwiex bla periklu għal applikant partikolari għal protezzjoni internazzjonali u b’hekk l-applikant ikun jista’ jikkontesta kemm l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla periklu” fir-rigward tas-sitwazzjoni partikolari tiegħu kif ukoll l-eżistenza ta’ konnessjoni bejnu stess u bejn dak il-pajjiż. |
|
42 |
It-tielet nett, l-Artikolu 38(3) tad-Direttiva 2013/32 jeżiġi li l-Istati Membri, meta jeżegwixxu deċiżjoni bbażata biss fuq il-kunċett ta’ “pajjiż terz bla periklu”, li jinformaw lill-applikant u jipprovdulu dokument li jinforma lill-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż, fil-lingwa tiegħu, li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma ġietx eżaminata fil-mertu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 38(4) ta’ din id-direttiva, meta l-pajjiż terz ikkonċernat ma jippermettix lill-applikant għal din il-protezzjoni jidħol fit-territorju tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li din il-persuna tkun tista’ tibda proċedura konformement mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi stabbiliti fil-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva. |
|
43 |
B’hekk, fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li dan jawtorizza lil Stat Membru jindika, permezz ta’ att ta’ portata ġenerali, bħat-tieni ordni ministerjali konġunt, pajjiż bħala pajjiż terz ġeneralment bla periklu għal applikanti speċifiċi għal protezzjoni internazzjonali. |
|
44 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu, minn naħa, jiġi rrilevat li l-metodi li għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-kunċett ta’ “pajjiż terz bla periklu” jista’ jiġi applikat għal pajjiż partikolari u li għalihom jirreferi l-Artikolu 38(2)(b) ta’ din id-direttiva jipprevedu eżami każ b’każ tas-sigurtà tal-pajjiż ikkonċernat għal applikant partikolari “u/jew l-indikazzjoni nazzjonali ta’ pajjiżi [terzi] kkunsidrati bħala ġeneralment bla periklu”. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Artikolu 38(2)(c) tal-imsemmija direttiva jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu regoli li jawtorizzaw eżami individwali sabiex jiġi ddeterminat jekk il-pajjiż terz ikkonċernat huwiex bla periklu għal applikant partikolari, li jiggarantixxilu, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla periklu” għar-raġuni li l-pajjiż terz ikkonċernat ma huwiex bla periklu fil-każ partikolari tiegħu, jimplika neċessarjament li Stat Membru huwa awtorizzat jindika, f’att ta’ portata ġenerali, tali pajjiż terz bħala ġeneralment bla periklu. |
|
45 |
It-tieni nett, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-premessi 44 u 46 tad-Direttiva 2013/32 li jirreferu espressament, rispettivament, għall-istabbiliment ta’ “prinċipji komuni għall-[…] indikazzjoni mill-Istati Membri ta’ pajjiżi terzi bħala bla periklu” u għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċertu numru ta’ informazzjoni u dokumenti meta l-Istati Membri “jinnominaw pajjiżi bħala bla periklu billi jadottaw listi f’dak ir-rigward”. |
|
46 |
It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32 ma jissuġġettax il-validità tal-att ta’ portata ġenerali li permezz tiegħu Stat Membru jindika pajjiż terz bħala ġeneralment sigur għall-kundizzjoni li jirriżulta li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali kkonċernati huma effettivament ammessi jew riammessi fit-territorju ta’ dan il-pajjiż terz. |
|
47 |
Fil-fatt, minn naħa, l-ammissjoni jew ir-riammissjoni pprovati ta’ dawn l-applikanti fl-imsemmi pajjiż terz ma tinsabx fost ir-regoli elenkati fl-Artikolu 38(2) ta’ din id-direttiva, li għalihom hija suġġetta l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla periklu” fl-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 38(4) tal-imsemmija direttiva jirriżulta impliċitament li jippreċiża li, “[f]ejn il-pajjiż terz [bla periklu kkonċernat] ma jippermettix l-applikant biex jidħol fit-territorju tiegħu, l-Istati Membri jiżguraw li jingħata aċċess għal proċedura skont il-prinċipji u l-garanziji bażiċi deskritti fil-Kapitolu II [tad-Direttiva 2013/32]”, li l-klassifikazzjoni ta’ tali pajjiż terz bħala “pajjiż terz bla periklu” hija kompatibbli mar-rifjut ta’ dan il-pajjiż li jaċċetta jew li jaċċetta mill-ġdid applikanti għal protezzjoni internazzjonali fit-territorju tiegħu. |
|
48 |
B’hekk, minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li, meta Stat Membru, permezz ta’ att ta’ portata ġenerali, ikun indika pajjiż terz bħala ġeneralment bla periklu, minkejja s-sospensjoni minn dan tal-aħħar tal-possibbiltà, għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li jidħlu fit-territorju tiegħu, dan l-Istat Membru għandu jiżgura lil kull wieħed mill-applikanti kkonċernati d-dritt li jibda proċedura bl-għan li jeżamina l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. |
|
49 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest tal-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 35 ta’ din id-direttiva, li jirreferi għal motiv ieħor ta’ inammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minn dak imsemmi fil-punt 37 ta’ din is-sentenza. |
|
50 |
Kif jispeċifika dan l-Artikolu 35, pajjiż jista’ jitqies bħala “l-ewwel pajjiż ta’ asil” ta’ applikant partikolari jekk huwa jew ikun ġie rrikonoxxut f’dan il-pajjiż bħala refuġjat u jkun għadu jista’ jinvoka din il-protezzjoni, jew igawdi, b’mod ieħor, minn protezzjoni suffiċjenti fl-imsemmi pajjiż, inkluż il-benefiċċju tal-prinċipju ta’ non-refoulement, “sakemm [fiż-żewġ każijiet] [dan l-applikant] jerġa’ jitħalla jidħol f’dak il-pajjiż”. |
|
51 |
Għaldaqstant, b’differenza minn dak li jirriżulta mill-Artikolu 38(4) tad-Direttiva 2013/32 dwar il-kunċett ta’ “pajjiż terz bla periklu”, l-Artikolu 35 ta’ din id-direttiva jissuġġetta l-applikazzjoni, fl-Istati Membri, tal-kunċett tal-“ewwel pajjiż ta’ asil” għall-kundizzjoni li l-applikant ikun effettivament ammess mill-ġdid fil-pajjiż hekk indikat. |
|
52 |
Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32 fis-sens li dan l-Artikolu ma jissuġġettax l-indikazzjoni ta’ pajjiż terz bħala ġeneralment bla periklu għall-kundizzjoni li l-pajjiż terz ikkonċernat jaċċetta jew jaċċetta mill-ġdid, fil-fatt, l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fit-territorju tiegħu, li tiġi dedotta mill-formulazzjoni u mill-kuntest tiegħu, ma tmurx kontra, kuntrarjament għal dak li tindika l-qorti tar-rinviju, għall-għanijiet tad-Direttiva 2013/32. Hija ma tmurx kontra, b’mod partikolari, l-għan, enfasizzat fil-premessa 18 ta’ din id-direttiva, li jgħid li, fl-interess, b’mod partikolari, tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, l-applikazzjonijiet għal tali protezzjoni għandhom ikunu s-suġġett ta’ deċiżjoni kemm jista’ jkun malajr, bla ħsara għat-twettiq ta’ eżami xieraq u eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
53 |
Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 38(4) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li s-sospensjoni tal-ammissjoni jew tar-riammissjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali fit-territorju ta’ pajjiż terz indikat bħala ġeneralment bla periklu minn Stat Membru għandha l-konsegwenza li dan l-Istat Membru jkollu jiżgura li dawn l-applikanti jkunu jistgħu jibdew proċedura konformement mal-prinċipji bażiċi u mal-garanziji fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 30 tad-Direttiva 2013/32, li jinsabu fil-Kapitolu II tagħha. |
|
54 |
Minn dan isegwi li, fil-każ fejn jiġi stabbilit li l-pajjiż terz indikat bħala ġeneralment bla periklu minn Stat Membru ma jaċċettax jew ma jaċċettax mill-ġdid, fil-fatt, l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali kkonċernati, dan l-Istat Membru ma jistax jiċħad l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli, abbażi tal-Artikolu 33(2)(c) tad-Direttiva 2013/32. Barra minn hekk, l-imsemmi Stat Membru ma jistax jiddifferixxi, b’mod mhux iġġustifikat, l-eżami ta’ dawn l-applikazzjonijiet u għandu, b’mod partikolari, jiżgura li dan l-eżami jitwettaq b’mod individwali, konformement mal-Artikolu 10(3)(a) tal-istess direttiva u fl-osservanza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 31 ta’ din tal-aħħar. |
|
55 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32 adottata fil-punt 52 ta’ din is-sentenza lanqas ma hija ta’ natura li ċċaħħad mill-effett utli d-dritt irrikonoxxut lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, kif stabbilit fl-Artikolu 18 tal-Karta u kkonkretizzat minn din id-direttiva, li jikseb l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, meta l-kundizzjonijiet meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni jkunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2024, Bundesrepublik Deutschland (Ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti), C‑216/22, EU:C:2024:122, punt 39). |
|
56 |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 18 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tindika pajjiż terz bħala ġeneralment bla periklu fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali meta, minkejja l-obbligu legali li għalih huwa suġġett, dan il-pajjiż terz issospenda, b’mod ġenerali u mingħajr prospett prevedibbli ta’ żvilupp f’sens kuntrarju, l-ammissjoni jew ir-riammissjoni ta’ dawn l-applikanti fit-territorju tiegħu. |
Fuq it-tieni u t-tielet domanda
|
57 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, li fir-rigward tagħha l-qorti tar-rinviju ser tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi l-kawża prinċipali, li tirrigwarda biss il-validità ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva li tindika lir-Repubblika tat-Turkija bħala “pajjiż terz bla periklu” għal ċerti kategoriji ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domanda. |
Fuq l-ispejjeż
|
58 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tindika pajjiż terz bħala ġeneralment bla periklu fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali meta, minkejja l-obbligu legali li għalih huwa suġġett, dan il-pajjiż terz issospenda, b’mod ġenerali u mingħajr prospett prevedibbli ta’ żvilupp f’sens kuntrarju, l-ammissjoni jew ir-riammissjoni ta’ dawn l-applikanti fit-territorju tiegħu. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.