Official Journal L 151 , 17/06/1994 P. 0038 - 0038
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 58 P. 0087
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 58 P. 0087
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 1994 li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE dwar kontrolli veterinarji u żootekniċi applikabbli għal Kummerċ ta' ġewwa l-Komunità f'ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb li jiġi kompletat is-suq intern (94/339/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar kontrolli veterinarji u żootekniċi applikabbli għall-kummerċ ta' ġewwa l-Komunità f'ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb li jiġi kompletat is-suq intern [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/118/KEE [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha, Billi l-Kummissjoni, skond Deċiżjoni 94/338/KE [3], stabbiliet regoli dettaljati li jirregolaw it-teħid ta' kampjuni ta' annimali f'kummerċ ġewwa l-Komunità mill-awtoritajiet kompetenti fil-post ta' destinazzjoni; Billi, fejn ir-riżultati tal-kontrolli li saru fuq annimali fil-post ta' destinazzjoni wasslu għall-applikazzjoni ta' miżuri msemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 90/425/KEE, huwa neċessarju li jiġu definiti l-proċeduri li jridu jiġu segwiti mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri ta' destinazzjoni dwar in-notifika ta' l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru tat-tluq; Billi huwa wkoll neċessarju li jiġu stabbiliti r-regoli li jridu jiġu osservati mill-Istat Membru tat-tluq meta jirċievi din in-notifika; Billi l-miżuri provduti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti Veterinarju, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 1. In-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 90/425/KEE trid issir direttament bil-miktub u bl-aktar għaġġla. 2. In-notifika msemmija fl-paragrafu 1 tinkludi: - kopja taċ-ċertifikat tas-saħħa u, jekk neċessarju, in-numru u deskrizzjoni ta' l-annimali fil-kunsinna; - id-data tal-wasla tal-kunsinna fil-post ta' destinazzjoni; - id-data tal-ġbir tal-kampjuni u d-data li fiha sar it-test tal-laboratorju, jekk ittieħdu kampjuni jew, jekk ma ttieħdux kampjuni, id-data li fih sar il-kontroll; - in-natura tar-riżultati tal-kontroll u, jekk ittieħdu kampjuni, id-deskrizzjoni ta' l-annimali ttestjati, in-natura tal-prova li saret fuq il-kampjuni u r-riżultati ta' dak it-test. Artikolu 2 1. L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tat-tluq tista' titlob malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ f'massimu ta' sebat'ijiem wara li tirċievi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1: - test wieħed jew aktar, jekk neċessarju fuq il-kampjun duplikat jew parti jew partijiet ta' aliquot msemmija fl-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni 94/338/KE finali, li jrid isir mil-laboratorju ta' referenza relevanti tal-Komunità jew minn laboratorju approvat magħżul b'akkord komuni mill-awtoritajiet rispettivi kompetenti ta' l-Istat Membru tat-tluq u ta' l-Istat Membru tad-destinazzjoni; - eżami kliniku tal-kunsinna jekk tpoġġiet f'iżolament, fil-preżenza ta' rappreżentant. 2. L-ispejjeż tal-kontrolli msemmija fl-paragrafu 1 għandhom jitħallsu mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru tat-tluq. Dan ta' l-aħħar jista', skond regoli nazzjonali, jgħaddi l-ispejjeż fuq l-operaturi konċernati. Artikolu 3 Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fil-25 ta' Mejju 1994. Għall-Kummissjoni René Steichen Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 224, tat-18.8.1990, pġ. 29. [2] ĠU L 62, tal-15.3.1993, pġ. 49. [3] Ara paġna 36 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali. --------------------------------------------------