9.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/8


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Jannar 2010

li teżenta ċerti servizzi finanzjarji fis-settur postali fl-Italja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 10382)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/12/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(4) and (6) tagħha,

Wara li kkunsidrat l-erba’ talbiet imressqa mir-Repubblika tal-Italja b’e-Mail tat-8 ta’ Lulju 2009,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi,

Billi:

I.   FATTI

(1)

Fit-8 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni rċeviet erba’ talbiet mill-Italja skont l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2004/17/KE, mibgħuta lill-Kummissjoni bl-e-Mail. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali b’e-Mail tal-24 ta’ Settembru 2009, li, wara li d-data ta’ skadenza inizjali ġiet estiża, intbagħtet mill-awtoritajiet Taljani b’e-Mail tas-16.10.2009.

(2)

It-talbiet sottomessi mir-Repubblika tal-Italja għan-nom ta’ Poste Italiane S.p.A. (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “Poste”) jikkonċernaw diversi servizzi finanzjarji pprovduti minn Poste. Min-naħa tagħhom kull waħda mill-erba’ talbiet separati skont l-Artikolu 30(4) tikkonċerna diversi servizzi finanzjarji li ġew irraggruppati taħt erba’ intestaturi differenti. Fit-talbiet, dawn is-servizzi huma deskritti kif ġej:

(a)

Ġbir ta’ tfaddil mill-pubbliku permezz ta’ kont kurrenti (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “tfaddil”).

(b)

Self għan-nom ta’ banek u internedjarji finanzjarji akkreditati (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “finanzjament”). Kif deskritt, dan il-grupp ta’ servizzi jkun ikopri b’mod partikolari li Poste taġixxi bħala distributur għal parti terza

—

Self (parikolarment kreditu b’ipoteka u self),

—

Kreditu lill-konsumatur, u

—

Kiri finanzjarju.

(c)

Servizzi u attivitajiet ta’ investiment (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “investimenti”). Minbarra l-kustodja u l-immaniġġjar ta’ strumenti finanzjarji, dan il-grupp ta’ servizzi huwa deskritt bħala li jkopri l-fażi (tad-distribuzzjoni) downstream għal:

—

l-impostament ta’ strumenti finanzjarji (b’mod partikoli bonds), u

—

l-impostament ta’ prodotti ta’ pensjonijiet supplementari u prodotti finanzjarji/tal-assigurazzjoni (b’mod partikolari poloz ta’ pensjoni personali).

(d)

Servizzi ta’ pagamenti u ta’ trasferimenti tal-flus (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “pagamenti”). Kif deskritt, dan il-grupp ta’ servizzi jinkludi żewġ kategoriji distinti, li huma:

—

servizzi ta’ pagamenti, iddefiniti bħala li jkopru servizzi ta’ kards ta’ kreditu u servizzi ta’ kards ta’ debitu, u

—

servizzi ta’ trasferimenti ta’ flus, inklużi trasferiment ta’ fondi internazzjonali permezz tas-sistema Eurogiro jew permezz ta’ ordni ta’ flus internazzjonali u trasferiment ta’ fondi ġewwa l-Italja permezz ta’ ordni ta’ flus postali.

(3)

It-talba hija akkumpanjata minn żewġ riżoluzzjonijiet minn awtorità nazzjonali indipendenti (Autorità per la vigilanza sui contratti pubblici di lavori, servizi e furniture, l-Awtorità Taljana ta’ Sorveljanza għall-Kuntratti Pubbliċi). Fl-aħħar riżoluzzjoni tagħha tat-12 ta’ Novembru 2008, hija tisħaq li, jekk l-Artikolu 30(1) jinstab li huwa applikabbli għal xi wħud mis-servizzi konċernati jew għalihom kollha, imbagħad ikun hemm bżonn ta’ miżuri ta’ sorveljanza speċifiċi biex ikun żgurat li r-regoli Komunitarji dwar l-akkwisti pubbliċi jkomplu jiġu applikati kif xieraq għall-akkwisti kollha magħmula minn Poste għat-twettiq ta’ attivitajiet għajr dawk li għalihom l-Artikolu 30(1) ikun instab li hu applikabbli. Konsegwentament ir-riżoluzzjoni tikkonkludi li Poste għandha tieħu miżuri xierqa biex tissepara l-akkwisti skont l-attivitajiet li għalihom ikunu maħsuba.

(4)

Barra dan, it-talba hija akkumpanjata wkoll minn opinjoni maħruġa minn awtorità nazzjonali indipendenti, Autorità garante della concorrenza e del mercato (l-Awtorità Taljana tal-Kompetizzjoni). Hija tisħaq dwar it-traS.p.A.renza tas-settur finanzjarju fl-Italja b’mod ġenerali b’aktar minn 800 bank u ‘il fuq minn 80 grupp bankarju u iżjed minn 170 kumpanija li joperaw fis-settur tal-assigurazzjoni, li 68 minnhom huma fornituri attivi fil-qasam tal-assigurazzjoni tal-ħajja biss, 77 fl-assigurazzjoni mhux tal-ħajja u 17 fl-assigurazzjoni tal-ħajja u mhux tal-ħajja. Is-settur huwa wkoll ikkaratterizzat minn gradi relattivament baxxi ta’ konċentrazzjoni, hekk kif fl-2007 l-ishma tas-suq aggregati tal-ħames l-akbar gruppi kienu jammontaw għal madwar 51,5 % fis-settur bankarju u, fir-rigward tal-fergħat kollha tal-assigurazzjoni tal-ħajja, għal madwar 53 %. Fil-kummenti ġenerali tagħha, l-awtorità ssemmi wkoll il-fatt li Poste tipprovdi s-servizzi finanzjarji tagħha permezz ta’ “netwerk tad-distribuzzjoni bbażat fuq in-negozju postali tagħha, li huma komprensiv ħafna u ma jistax jitqabbel ma’ dak ta’ xi operatur ieħor. In-netwerk huwa magħmul minn madwar 14 000 uffiċċju tal-posta (2), filwaqt li l-grupp bankarju l-aktar importanti li jopera fl-Italja għandu netwerk ġenerali li fih ftit aktar minn 6 000 fergħa.”

(5)

Abbażi tal-prattika tagħha fil-qasam ta’ fużjonijiet tal-banek, l-awtorità ressqet kummenti dettaljati dwar id-diversi servizzi koperti mit-talba u tikkonkludi li: “Il-proċedura varata minn Poste Italiene tirrigwarda firxa wiesgħa ta’ attivitajiet inerenti għas-setturi bankarji, tal-assigurazzjoni u ta’ tfaddil maniġġjat. Fir-rigward ta’ dawk is-setturi, li għalihom l-aċċess jista’ jiġi kkunsidrat li ma fihx restrizzjonijiet, l-Awtorità għall-Kompetizzjoni sabet il-karatteristiċi tipiċi ta’ swieq miftuħa […] F’dan il-kuntest, Poste Italiane fir-rigward tagħha titqies bħala operatur partikolari, kemm minħabba l-limitazzjonijiet normattivi li jirregolaw is-servizzi ta’ Bancaposta kif ukoll minħabba l-grupp ta’ klijenti li hija sservi. Dan huwa kkonfermat minn preċedenti tal-Awtorità, skont liema Poste Italiane qatt ma kienet assimilata b’mod sħiħ jew f’banek jew f’intermedjarji finanzjarji oħrajn li joperaw fis-swieq konċernati. B’mod ġenerali s-servizzi ta’ Bancaposta nstabu li kienu jikkumplimentaw u qrib ta’ dawk tal-banek aktar milli ta’ sostituzzjoni għalihom […] minkejja n-natura speċifika ta’ Poste Italiane, u l-konklużjoni hija li l-forniment ta’ servizzi bankarji, finanzjarji u tal-assigurazzjoni fl-Italja jista’ jitqies li qed iseħħ fil-kuntest ta’ swieq li għalihom l-aċċess mhuwiex ristrett, li fihom hemm diversi operaturi u fejn il-gradi ta’ konċentrazzjoni huma komparabbli mal-medji Ewropej.”

(6)

Madankollu minn dak iż-żmien ‘il hawn l-Awtorità Taljana tal-Kompetizzjoni fetħet proċedura kontra Poste Italiane S.p.A. għal abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fil-qasam tal-pagamenti, b’mod aktar speċifiku dak tat-trasferimenti ta’ kreditu permezz ta’ kontijiet postali. Impenji min-naħa ta’ Poste Italiane biex tissolva l-kwistjoni qed jiġu diskussi mal-Awtorità tal-Kompetizzjoni (3).

II.   QAFAS LEGALI

(7)

Għandu jiġi mfakkar li, skont il-punt (c) tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/17/KE, il-forniment ta’ servizzi finanzjarji kif definiti fir-raba’ inċiż tal-imsemmi punt (c) huwa kopert minn dik id-Direttiva sakemm tali servizzi jiġu pprovduti minn entitajiet li jipprovdu wkoll servizzi postali fit-tifsira tal-punt (b) ta’ dik id-dispożizzjoni. Poste hija l-unika entità kontraenti fl-Italja li toffri s-servizzi kkonċernati hawnhekk.

(8)

L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE jipprovdi biex kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta’ xi waħda mill-attivitajiet li għalihom tapplika d-Direttiva ma jkunux suġġetti għad-Direttiva jekk, fl-Istat Membru fejn titwettaq, l-attività tkun esposta direttament għall-kompetizzjoni fi swieq fejn l-aċċess ma jkunx ristrett. L-espożizzjoni diretta għal kompetizzjoni hija vvalutata abbażi ta’ kriteji oġġettivi, waqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur konċernat. L-aċċess jitqies li mhuwiex ristrett jekk l-Istat Membru jkun implementa u applika l-leġiżlazzjoni Komunitarja relevanti li tiftaħ xi settur partikolari jw parti minnu. Fejn ebda leġiżlazzjoni Komunitarja relevanti ma tkun elenkata fl-Anness XI għad-Direttiva, bħalma huwa l-każ fir-rigward tas-servizzi kkonċernati hawnhekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(3) jeħtieġ li “għandu jiġi muri li aċċess għax-suq imemmi huwa ħieles de facto u de jure”.

(9)

Rigward is-servizzi finanzjarji, għandu jiġi mfakkar li ġie adottat korp wiesa’ ta’ leġiżlazzjoni fil-livell Komunitarju li hu mmirat biex jilliberalizza t-twaqqif u l-provvediment ta’ servizzi f’dan is-settur. Barra dan, il-Kummissjoni digà sabet fil-kuntest ta’ każijiet differenti ta’ għajnuna mill-Istat li jikkonċernaw lil Poste li “is-settur bankarju kien miftuħ għall-kompetizzjoni għal ħafna snin. Il-liberalizzazzjoni dejjem tiżdied tejbet il-kompetizzjoni li diġà setgħet kienet irriżultat mill-moviment liberu tal-kapital previst fit-Trattat tal-KE.” (4) Għaldaqstant il-kondizzjoni stipulata fl-Artikolu 30(3) relatata mal-aċċess liberu għas-suq tista’ titqies bħala ssodisfata.

(10)

L-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni f’suq partikolari għandha tkun ivvalutata abbażi ta’ diversi kriterji, li ebda minnhom mhija deċiżiva per se. Fir-rigward tas-swieq ikkonċernati minn din id-deċiżjoni s-sehem tas-suq tal-protagonisti ewlenin f’xi suq partikolari jikkostitwixxi kriterju wieħed li għandu jiġi kkunsidrat. Kriterju ieħor huwa l-grad ta’ konċentrazzjoni fuq dawk is-swieq. Hekk kif il-kondizzjonijiet ivarjaw skont l-attivitajiet differenti li huma kkonċernati minn din id-Deċiżjoni, l-eżami tas-sitwazzjoni kompetittiva għandu jikkunsidra s-sitwazzjonijiet differenti fi swieq differenti.

(11)

Minkejja li f’ċerti każijiet jistgħu jiġu previsti definizzjonijiet tas-suq aktar stretti, id-definizzjoni preċiża tas-suq relevanti tista’ titħalla miftuħa għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni safejn ikunu kkonċernati għadd ta’ servizzi elenkati fit-talba sottomessa mill-Poste safejn ir-riżultat tal-analiżi jibqa’ l-istess irrispettivament minn jekk ikunx ibbażat fuq definizzjoni stretta jew aktar wiesgħa.

(12)

Din id-Deċizjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

III.   VALUTAZZJONI

Tfaddil

(13)

Kif imsemmi fil-Premessa 5 hawn fuq, l-awtorità Taljana tal-kompetizzjoni ttrattat diversi fużjonijiet (5) bejn banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra fl-Italja u sabet li s-servizzi finazjarji pprovvduti minn Poste b’rabta mal-kontijiet postali tagħha kienu “jikkumplimentaw” aktar milli “jissostitwixxu” is-servizzi pprovduti mill-banek permezz tad-diversi forom ta’ kontijiet bankarji. Madankollu, wieħed għandu jħares lejn din il-prattika fil-kuntest tagħha, jiġifieri, li jiġu eżaminati l-possibilitajiet ta’ Poste li toħloq pressjoni kompetittiva fuq il-banek (6). L-analiżi dettaljata mwettqa mill-awtorità Taljana tal-kompetizzjoni jew għaliha turi li l-maġġoranza kbira tal-klijenti (7) li għandhom kont bankarju ma jikkunsudrawx li jagħlqu dak il-kont u jiftħu kont postali. Għalhekk, fl-2005, aktar 28 miljun persuna (ġuridika jew fiżika) kellhom kont bankarju biss, aktar minn 3 miljun kellhom kemm kont bankarju kif ukoll kont postali u anqas minn 2,3 miljun persuna kellhom kont postali biss. Ta’ min jinnota wkoll li l-għadd ta’ persuni li kellhom kont postali biss instab li kien qed jikber anqas mill-għadd tal-persuni li kellhom kemm kont postali kif ukoll kont bankarju. Dawn il-fatti jistgħu fil-parti l-kbira tagħhom jiġu spjegati mil-limitazzjonijiet normattivi li taħthom topera Poste u mis-sitwazzjoni riżultanti fejn hi toffri firxa aktar restritta ta’ servizzi marbuta mal-kontijiet tagħha. Għaldaqstant il-klijenti li l-bżonnijiet tagħhom jinkludu firxa wiesgħa ta’ servizzi jkollhom eżistazzjonijiet biex jikkunsidraw jeqilbu għal kont postali li ma joffrix il-medda ta’ servizzi li jkunu mdorrijin biha (8). Ir-raġuni l-aktar frekwenti li ngħatat l-għaliex wieħed kellu ż-żewġ tipi ta’ kontijiet kienet “il-possibbiltà li wieħed jagħżel minn ħin għall-ieħor l-aktar [mezz] prattiku/ħafif u jew dak l-aktar vantaġġuż/ekonomiku”.

(14)

Il-mira tad-Deċiżjoni preżenti hija li tistabbilixxi jekk is-servizzi offruti minn Poste humiex esposti għal tali livell ta’ kompetizzjoni (fuq swieq li għalihom l-aċċess huwa liberu) li jkun jiżgura li, anke fin-nuqqas tad-dixxiplina mdaħħla mir-regoli dettaljati dwar l-akkwisti kif stipulati fid-Direttiva 2004/17/KE, l-akkwisti minn Poste għat-twettiq tal-attivitajiet ikkonċernati hawnhekk ikunu jitwettqu b’mod traS.p.A.renti u mhux diskriminatorju abbażi ta’ kriterji li jippermettulha tidentifika s-soluzzjoni li b’mod ġenerali tkun l-aktar vantaġġuża ekonomikament. Għal dan il-għan huwa għalhekk meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-banek għandhomx il-possibbiltà li joħolqu pressjoni kompetittiva fuq Poste.

(15)

Il-fatti msemmija fil-Premessa 13 hawn fuq – b’mod partikolari, il-fatt li għal xi klijent ta’ Poste, l-għażla ta’ xi kont bankarju tista’ toffri jew servizzi ġodda jew, tal-anqas, aktar alternattivi meta juża servizzi offruti miż-żewġ tipi ta’ kontijiet – jidher li jissuġġerixxu b’mod qawwi li Poste hija tabilħaqq suġġetta għal pressjoni kompetittiva mill-banek. Dan huwa indikat ukoll mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 4207 Finali tas-26.9.2006 (9), li fiha l-Kummissjoni, waqt li ffukat fuq is-sitwazzjoni kompetittiva ta’ Poste fis-suq tas-servizzi finanzjarji, qalet b’mod espliċitu li “b’mod partikolari, il-kontijiet kurrenti tal-uffiċċju tal-posta huma f’kompetizzjoni mal-kontijiet kurrenti bankarji, fejn kemm il-banek kif ukoll PI għandhom fergħat.” (10). Madankollu, ta’ min jinnota li fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat l-analiżi tas-suq issir b’mod ġenerali ħafna, fis-sens li s-swieq ma jiġux iddefiniti u ma jsiru ebda testijiet tas-suq speċifiċi. Għaldaqstant ma tiġi organizzata ebda investigazzjoni tas-suq bħal dawk varati mill-Kummissjoni għal deċiżjonijet dwar kompetizzjoni inġusta.

(16)

Konsegwentament, għall-finijiet tal-Artikolu 30 u mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, huwa meħtieġ li jiġu kkunsidrati s-servizzi offruti mill-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħrajn meta jiġi stabbilit jekk Poste hijiex esposta direttament għall-kompetizzjoni meta toffri servizzi ta’ tfaddil.

(17)

Ġeografikament, is-swieq għal ġbir ta’ tfaddil huma reġjonali fl-estensjoni tagħhom u s-sehem tas-suq ta’ Poste ivarja minn reġjun għall-ieħor. Skont l-aħħar informazzjoni dispponibbli, mibgħuta mill-awtoritajiet Taljani fis-16 ta’ Ottubru 2009, l-ishma tas-suq ta’ Poste jibqgħu fi ħdan medda li tvarja minn 1,4 % fit-Trentino Alto Adige sa massimu reġjonali ta’ 11,8 % f’Molise. Skont iċ-ċifri disponibbli, is-sehem ta’ Poste fuq il-bażi tal-pajjiż sħiħ kien jammonta għal 5,6 % fl-2006 u jidher li dan baqa’ f’livell komparabbli jew saħansitra aktar baxx fis-snin sussegwenti. Meta wieħed jikkunsidra l-grad ta’ konċentrazzjoni fuq dan is-suq, fejn l-akbar żewġ kompetituri għandhom sehem tas-suq aggregat fuq livell nazzjonali li għall-2008 kien stmat bħala 44,7 %, dawn il-fatturi għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni.

Finanzjament

(18)

Is-servizzi kkonċernati taħt din l-intestatura huma deskritti li jkopru t-tislif, jiġifieri kreditu b’ipoteka u self (lil terzi), kreditu lill-konsumatur, u kiri finanzjarju. Minħabba l-limitazzjonijiet normattivi li taħthom topera Poste (hija ma tistax tagħti kreditu lill-pubbliku) din topera essenzjalment bħala intermedjarja li tipprovdi s-servizzi kkonċernati għan-nom ta’ banek u intermedjarji finanzjarji akkreditati. Poste, permezz tad-diviżjoni interna tagħha, BancoPosta, topera “prinċipalment fis-suq tal-bejgħ bl-imnut ta’ servizzi bankarji u finanzjarji lill-klijenti u b’mod marġinali biss fis-suq tas-servizzi tan-negozju u tal-amministrazzjoni pubblika”.

(19)

Is-servizzi kkonċernati hawnhekk jistgħu min-naħa tagħhom jiġu subdiviżi b’ħafna modi differenti skont fatturi bħalma huma r-raġunijiet għalfejn isir self (11) jew il-klijent tipiku (klijenti, SMEs, intrapriżi akbar jew amministrazzjonijiet pubbliċi). Madankollu, kif indikat fil-Premessa 11 hawn fuq, id-definizzjoni eżatta tista’ titħalla miftuħa għall-finijiet tad-Deċiżjoni preżenti.

(20)

Skont il-komputazzjonijiet, is-sehem tas-suq ta’ Poste bħala punt tad-distribuzzjoni għal self personali kien jammonta għal madwar 4,8 % (12) - 5 % fl-2008, filwaqt li l-ishma tas-suq aggregati tat-tliet l-akbar kompetituri tagħha fil-qasam tas-self personali kien jammonta għal 43,6 % fl-istess sena. Għall-kiri finanzjarju, is-sehem tas-suq tagħha kien negliġibbli fl-2008, u kien jammonta għal 0,03 % biss. Is-sehem tas-suq tagħha fir-rigward ta’ krediti b’ipoteka, anke minkejja li kien ogħla, xorta jista’ jitqies bħala negliġibbli għax dan kien jammonta għal 1,6 % biss fl-2008. Għaldaqstant, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, dawn il-fatturi għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni.

Investmenti

(21)

Fil-qasam tal-investiment Poste hija prinċipalment attiva fil-fazi (ta’ distribuzzjoni) downstream għat-tqegħid ta’ strumenti finanzjarji (b’mod partikolari bonds), u t-tqegħid ta’ prodotti ta’ pensjonijiet supplementari u prodotti finanzjarji/tal-assigurazzjoni (b’mod partikolari poloz tal-pensjoni personali). Dawn is-servizzi jistgħu jinqasmu f’ħafna modi differenti (skont it-tip ta’ strument finazjarju, l-istadju fl-katina ta’ mmaniġġjar (upstream/downstream), skont it-tip ta’ klijenti eċċ. Hawnhekk ukoll, id-definizzjoni eżatta tista’ titħalla miftuħa għall-finijiet tad-Deċizjoni preżenti (ara l-Premessa 11 hawn fuq).

(22)

Infatti, skont l-informazzjoni disponibbli, is-sehem tas-suq ta’ Poste fl-oqsma diversi kkonċernati hawn kien jvarja minn relattivament limitat — 19,8 % tad-dħul indirett kollu, inlużi bonds ta’ BancoPosta — għal negliġibbli, bħal fil-każ tal-qasam ta’ fondi reċiproċi, fejn is-sehem tas-suq tagħha fl-2008 kien jammonta għal 0,7 %. Fil-qasam tal-aħħar, l-ishma tas-suq aggregati taż-żewġ kompetituri prinċipali tagħha jammonta għal 43,4 %; meta wieħed iħares lejn ir-rotot ta’ distribuzzjoni diversi għal fondi reċiproċi l-pressjoni kompetittiva ssir aktar notevoli minħabba li d-distribuzzjoni mill-banek (13) u l-promoturi (14) tkopri sehem aggregat ta’ 78,3 % għall-kuntrarju ta’ 0,7 % distribwit minn uffiċċji postali. Fil-qasam tal-assigurazzjonijet tal-ħajja, fl-2008 Poste offriet tipi diversi ta’ assigurazzjonijiet fil-fergħat I u III u ma kinitx attiva fil-fergħat IV, V u VI. Is-sehem tas-suq tagħha ta’ assigurazzjonijiet tal-ħajja fil-fergħa I, imkejjel f’numru ta’ poloz, kien jammonta għal 17,03 %, filwaqt li l-figura li tikkorispondi għal-fergħa III kienet tammonta għal 19,4 %. Meta wieħed iħares lejn l-aggregati għall-fergħat kollha, is-sehem ġenerali tagħha jammonta għal 17,5 % tan-numru ta’ poloz tal-ħajja fl-2008. Meta wieħed iqis il-ġbir ta’ primjums tal-assigurazzjoni tal-ħajja (jiġifieri meta wieħed iqis l-aspett ta’ valur), Poste kisbet sehem tas-suq ta’ 10,1 % mit-total fl-2008 għall-kuntrarju ta’ 43,6 % miġbura mill-banek u s-sehem miġbur mill-aġenti li kien jammonta għal 23,8 % fl-istess sena. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, dawn il-fatturi għandhom għaldaqstant jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni.

Servizzi ta’ pagamenti u ta’ trasferimenti tal-flus

(23)

Is-servizzi ta’ pagamenti kkonċernati hawnhekk ikopru s-servizzi ta’ kards ta’ kreditu, inklużi kards ta’ kreditu li jdur, is-servizzi ta’ kards ta’ debitu u servizzi ta’ kards ta’ kreditu mħallas minn qabel. Ir-restrizzjonijiet normattivi msemmija qabel għal Poste għandhom l-effett li, fir-rigward ta’ kards ta’ kreditu, din topera essenzjalment bħala intermedjarja li timposta kards maħruġa minn ħaddieħor li jassumu r-riskju sħiħ ta’ insolvibbiltà. Mill-banda l-oħra, hija tista’ toħroġ kards ta’ debitu (Postamat) u kards ta’ kreditu mħallas minn qabel. Skont l-informazzjoni mibgħuta, is-sehem tas-suq ta’ Poste, imkejjel f’termini ta’ valur, kien jammonta għal 0,8 % fl-2008 (15) fir-rigward ta’ kards ta’ kreditu. Meta jitqiesu l-kards ta’ debitu, Poste kisbet sehem mis-suq ta’ 16,74 % ta’ dan is-suq, li jikkostitwixxi 44,6 % tas-settur ġenerali għall-kards ta’ pagamenti fl-Italja. Il-bqija tas-settur tal-kards ta’ debitu huwa magħmul minn kards ta’ debitu bankarji awtorizzati fil-Punt tal-Bejgħ (Point of Sale - POS) għall-pagamenti. Fir-rigward partikolari ta’ kards ta’ kreditu mħallas minn qabel, Poste kisbet parti pjuttost sostanzjali sa mill-introduzzjoni tal-kard tagħha PostePay f’Novembru 2003, u attwalment għandha sehem tas-suq li niżel minn 59,8 % fl-2007 għal 56,5 % fl-2008. Għall-kuntrarju, matul l-istess perjodu, l-ishma tas-suq aggregati taż-żewġ l-akbar kompetituri telgħu minn 15,7 % għal 20,4 %, filwaqt li l-ishma tas-suq aggregati tat-tliet l-akbar kompetituri telgħu minn 18,8 % fl-2007 għal 24,6 % fl-2008. Minkejja li l-pożizzjoni ta’ Poste f’dan is-suq, li tirrapreżenta 9,7 % tas-settur ġenerali għall-kards tal-pagamenti fl-Italja, tibqa’ tkun b’saħħitha, l-aggregat (li qed jiżdied) tal-ishma tas-suq tat-tliet l-akbar kompetituri tagħha jammonta għal ftit anqas min-nofs ta’ dak ta’ Poste, f’liema livell dawn huma kapaċi jeżerċitaw pressjoni kompetittiva sinifikanti fuq Poste (16). Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, dawn il-fatturi għandhom għaldaqstant jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni fil-qasam tal-kards ta’ kreditu, kards ta’ debitu u kards ta’ kreditu mħallas minn qabel.

(24)

Kif imfakkar fil-Premessa 2(d) hawn fuq, it-talba tkopri wkoll servizzi ta’ trasferimenti ta’ flus. Skont l-informazzjoni disponibbli, is-sehem tas-suq ta’ Poste fir-rigward ta’ ordnijiet ta’ flus u ordnijiet bankarji kien jammonta għal 16 % fl-2008. Għaddejjin diskussjonijiet biex ikunu ffaċilitati l-interoperabbiltà u l-kompetizzjoni bejn ordnijiet bankarji u ordnijiet postali. Għal ordnijiet ta’ flus internazzjonali, l-informazzjoni disponibbli ma tinkludix ishma tas-suq speċifiċi għal Poste minħabba problemi li jidher li hemm fil-kisba ta’ statistiċi komparabbli dwar trasferimenti tal-flus internazzjonali fi ħdan is-sistema bankarja. Madankollu, meta jitqies li n-numru ta’ ordnijiet ta’ flus internazzjonali jaqbeż biss ftit aktar minn 2 % tan-numru totali ta’ ordnijiet ta’ flus u ordnijiet bankarji, jista’ jiġi kkunsidrat li dan huwa negliġibbli għall-finijet ta’ din id-Deċiżjoni, anke minħabba l-inizjattivi ta’ liberalizzazzjoni dejjem jiżdiedu fir-rigward ta’ trasferimenti transkonfinali ta’ flus, bħalma hi ż-Żona Unika ta’ Pagament bl-Euro. Għaldaqstant dawn il-fatturi għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni fil-qasam tas-servizzi ta’ trasferimenti ta’ flus.

IV.   KONKLUŻJONIJIET

(25)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati fil-premessi 13 u 24, il-kondizzjoni ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni stipulata fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għandha tkun ikkunsidrata bħala ssodisfata fl-Italja:

(a)

Ġbir ta’ tfaddil mill-pubbliku permezz ta’ kont kurrenti.

(b)

Self għan-nom ta’ banek u intermedjarji finanzjarji akkreditati.

(c)

Servizzi u attivitajiet ta’ investiment.

(d)

Servizzi ta’ pagamenti u ta’ trasferimenti ta’ flus.

(26)

Minħabba li l-kondizzjoni ta’ aċċess mingħajr restrizzjonijiet għas-suq hija ssodisfata wkoll, id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika meta partijiet kontraenti jagħtu kuntratti maħsuba biex jippermettu li s-servizzi elenkati fil-punti (a) sa (d) tal-premessa (25) jitwettqu fl-Italja, u lanqas meta jiġu organizzati kuntesti tad-disinn bil-ħsieb li titwettaq xi attività tali fl-Italja.

(27)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni legali u fattwali minn Lulju sa Ottubru 2009 kif tidher mill-informazzjoni mogħtija mir-Repubblika tal-Italja. Din tista’ tiġi rriveduta, jekk tibdiliet sinifikanti fis-sitwazzjoni legali jew fattwali jkunu jfissru li l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma jkunux għadhom jistgħu jiġu ssodisfati,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika għal kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti biex jippermettu li s-servizzi li ġejjin jitwettqu fl-Italja:

(a)

Ġbir ta’ tfaddil mill-pubbliku permezz ta’ kont kurrenti.

(b)

Self għan-nom ta’ banek u intermedjarji finanzjarji akkreditati.

(c)

Servizzi u attivitajiet ta’ investiment.

(d)

Servizzi ta’ pagamenti u ta’ trasferimenti ta’ flus.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.

(2)  Ara r-Rapport al-Corte dei Conti [Qorti tal-Awdituri] dwar l-immaniġġjar finanzjarju ta’ Poste Italiene għas-sena finanzjarja 2006.

(3)  Provvedimento N.19778. Poste Italiane-Aumento Commissione bolletini, disponibbli fuq www.agcm.it

(4)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 4207 finali tas-26.9.2006 fil-każ dwar l-Għajnuna mill-Istat C42/06 (ex NN52/06) - Italja - Poste Italiane - BancoPosta, punt 59 u, fl-istess sens, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 5478 finali tat-22.11.2006 fil-każ dwar l-Għajnuna mill-Istat C49/06 (ex NN65/06) - Italja - Poste Italiane - BancoPosta, punt 72.

(5)  Ara b’mod partikolari d-deċiżjoni tal-awtorità tal-20 ta’ Diċembru 2007, nru 16249, C8027 Intesa/Sanpaolo, fil-Bull. 49/06.

(6)  Fil-fatt, l-analiżi dettaljata li saret fil-każ Intesa/Sanpaolo msemmi hawn fuq, ħarset inter alia lejn il-grad sa fejn il-klijenti tal-bank ikunu inklinati li jaqilbu għas-servizzi pprovduti minn Poste.

(7)  78,1 % ma kinux jikkunsidraw li jaqilbu għal kont postali għall-kuntrarju ta’ 10,1 % li kienu lesti jagħmlu dan. Globalment, instabet ukoll l-istess xejra meta ġiet eżaminata r-rieda tal-klijenti tal-bank biex jaqilbu meta ffaċċjati b’żidiet ta’ 5 % fl-ispejjeż relatati mal-użu ta’ xi kont bankarju. Hawnhekk ukoll, il-maġġoranza ma kinux lesti jitilqu l-kont bankarju tagħhom għal kont postali.

(8)  Filwaqt li r-restrizzjonijiet normattivi mhumiex se jinbidlu, Poste bdiet twessa’ il-firxa tas-servizzi li toffri, li għandu jagħmel il-kompetizzjoni aktar intensa.

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar Għajnuna mill-Istat C42/06 (ex NN52/06) – Italja Poste Italiane - BancoPosta “Remunerazzjoni ta’ kontijiet kurrenti ddepożitati mat-Teżor”, ippublikata fil-ĠU C 290, 29.11.2006, p. 8.

(10)  Il-punt 60 tad-Deċiżjoni. Bl-istess mod, ara wkoll il-punt 73 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006)5478 Finali ta’ 22.11.2006 fil-Każ dwar Għajnuna mill-Istat C-49/06 (ex NN 65/06) Italja - Poste Italiane – Tfaddil postali, ippublikata fil-ĠU C 31, 13.2.2007, p. 11.

(11)  Pereżempju għal skopijiet ġenerali jew għax-xiri ta’ xi oġġett speċifiku bħalma hi xi vettura.

(12)  Inklużi l-impostament tagħha ta’ self minn Deutsche Bank u minn Compass.

(13)  58,1 %.

(14)  20,2 %.

(15)  1,9 % jekk imkejjel f’termini tal-għadd ta’ kards ta’ kreditu attivi.

(16)  Dan huwa, mutatis mutandis, ir-raġunament applikat f’Deċiżjonijiet preċedenti, ara pereżempju l-Premessa 17 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/46/KE tad- 19 ta’ Diċembru 2008 li teżenta ċerti servizzi fis-settur postali fl-Iżvezja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali, ĠU L 19 ta’ 23.1.2009, p. 50.