|
27.2.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 50/18 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-25 ta' Frar 2010
dwar ir-regoli ta' funzjonament tal-Kumitat previst fl-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
(2010/124/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 255(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Jannar 2010,
Billi:
|
(1) |
L-imħallfin u l-avukati ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali għandhom jinħatru bi qbil komuni mill-gvernijiet tal-Istati Membri, wara konsultazzjoni ta' kumitat responsabbli li jagħti parir dwar jekk il-kandidati humiex adatti biex iwettqu d-dmirijiet ta’ mħallef u ta' avukat ġenerali. Dan il-kumitat għandu jinkludi seba' persuni magħżula minn fost membri preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, membri ta' qrati supremi nazzjonali u avukati ta' kompetenza rikonoxxuta, li wieħed minnhom għandu jiġi propost mill-Parlament Ewropew. |
|
(2) |
Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti r-regoli ta' funzjonament ta’ dan il-Kumitat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-regoli ta' funzjonament tal-Kumitat previst fl-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huma mniżżlin fl-anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2010.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
A. PÉREZ RUBALCABA
ANNESS
REGOLI DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-KUMITAT PREVIST FL-ARTIKOLU 255 TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA
1. Missjoni
Il-kumitat għandu jagħti opinjoni dwar l-idoneità tal-kandidati li jaqdu d-dmirijiet ta’ Mħallef u ta’ Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali qabel ma l-gvernijiet tal-Istati Membri jagħmlu n-nomini skont l-Artikoli 253 u 254 tat-TFUE.
2. Kompożizzjoni
Il-Kumitat għandu jkun kompost minn seba' persuni magħżula minn fost membri preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, membri ta' qrati supremi nazzjonali u avukati ta' kompetenza rikonoxxuta, li wieħed minnhom għandu jiġi propost mill-Parlament Ewropew.
3. Tul tal-mandat
Il-membri tal-kumitat għandhom jinħatru għal perijodu ta' erba' snin. Il-membri li l-funzjoni tagħhom tintemm qabel l-iskadenza ta' dan il-perijodu għandhom jiġu sostitwiti għall-bqija tal-mandat tagħhom.
Il-mandat tal-membri tal-Kumitat jista' jiġġedded darba.
4. Presidenza u segretarjat
Il-Kumitat għandu jkun ippresjedut minn wieħed mill-membri tiegħu, maħtur għal dan il-għan mill-Kunsill.
Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jiżgura s-segretarjat tal-Kumitat. Huwa għandu jipprovdi l-assistenza amministrattiva meħtieġa għall-ħidma tal-Kumitat, inkluż fejn tidħol it-traduzzjoni tad-dokumenti.
5. Quorum u deliberazzjonijiet
Sabiex tinżamm laqgħa tal-kumitat huwa meħtieġ li minn tal-inqas ħamsa mill-membri tiegħu jkunu preżenti. Id-deliberazzjonijiet tiegħu għandhom isiru bil-magħluq.
6. Riferiment quddiem il-kumitat u talba għal informazzjoni addizzjonali
Malli l-gvern ta' Stat Membru jipproponi kandidat, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jittrasmetti din il-proposta lill-President tal-Kumitat.
Il-Kumitat jista' jitlob lill-gvern li jkun ippreżenta l-proposta ta' nomina sabiex jibagħtlu informazzjoni addizzjonali jew elementi oħra li fil-fehma tal-kumitat ikunu meħtieġa għad-deliberazzjonijiet tiegħu.
7. Seduta
Ħlief fil-każ ta' proposta dwar it-tiġdid ta' mandat ta' Mħallef jew ta' Avukat Ġenerali, il-Kumitat għandu jisma' lill-kandidat waqt seduta li ma tkunx miftuħa għall-pubbliku.
8. Motivazzjoni u preżentazzjoni tal-opinjoni
L-opinjoni mogħtija mill-Kumitat għandha tkun motivata. Il-motivazzjoni għandha tindika r-raġunijiet essenzjali li fuqhom il-Kumitat ikun ibbaża l-opinjoni tiegħu.
L-opinjoni tal-kumitat għandha tintbagħat lir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri. Barra minn hekk, fuq talba mill-Presidenza, il-President tal-Kumitat għandu jippreżenta din l-opinjoni lir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri miġbura fi ħdan il-Kunsill.
9. Dispożizzjonijiet Finanzjarji
Il-membri tal-Kumitat li jkunu meħtieġa joħorġu mill-post ta' residenza tagħhom sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom għandhom jibbenefikaw minn rimbors tal-ispejjeż tagħhom u minn benefiċċju skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 422/67/KEE tal-25 ta' Lulju 1967 li jistabbilixxi l-emolumenti tal-president u l-membri tal-Kummissjoni u tal-president, tal-imħallfin, tal-avukati ġenerali u tar-reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet, kif ukoll tal-president, il-membri u r-reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza kif ukoll tal-president, il-membri u r-reġistratur għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (1).
L-ispejjeż relattivi għandhom jitħallsu mill-Kunsill.