|
24.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 340/357 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1624 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tad-29 ta’ April 2021
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2019
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2019, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0075/2021), |
|
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2019 kien jammonta għal EUR 112 834 290, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 4,99 % meta mqabbel ma' dak għall-2018; billi madwar 39,51 % tal-baġit tal-Aġenzija ġej minn tariffi u imposti u 57,61 % mill-Unjoni u minn pajjiżi terzi (2) (fl-2018, 72,47 % minn tariffi u imposti u 26,18 % mill-Unjoni u minn pajjiżi terzi); jinnota li l-bidliet sinifikanti fil-kompożizzjoni tal-baġit meta mqabbla mas-sena preċedenti huma relatati mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (3) li ppreveda skadenza għar-reġistrazzjoni finali fl-2018, u billi mhija stabbilita l-ebda skadenza oħra għar-reġistrazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, mhuwa mistenni li jintlaħaq l-ebda livell massimu fl-introjtu mit-tariffi għar-reġistrazzjoni; |
|
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), issostni li għandha fil-pussess tagħha aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 98,79 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 1,13 % meta mqabbla mal-2018; jinnota bi tħassib li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 86,09 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 0,95 % meta mqabbla mal-2018; |
|
2. |
Jenfasizza li l-Aġenzija hija parzjalment iffinanzjata mit-tariffi li tirċievi mingħand il-kumpaniji li jitolbu r-reġistrazzjoni ta' sustanzi kimiċi kif mitlub mir-Regolament (KE) Nru 1907/2006; jinnota li t-tariffi applikabbli jiddependu mid-daqs tal-kumpaniji u l-volum ta' sustanzi kimiċi rreġistrati (livelli differenti); jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, mill-ewwel reġistrazzjonijiet fl-2009 'l hawn, madwar 26 % tal-kumpaniji ddikkjaraw li kienu mikro, żgħar jew ta' daqs medju; jinnota bi tħassib, madankollu, li, bis-saħħa ta' sistema ta' verifiki ex post effikaċi tal-Aġenzija, l-Aġenzija sabet li madwar 50 % tal-kumpaniji kienu ddikjaraw id-daqs tagħhom b'mod skorrett u dan irriżulta f'tariffi aktar baxxi; jisħaq li dan juri l-limitazzjonijiet ta' sistema li tistrieħ wisq fuq dikjarazzjonijiet magħmula mill-applikanti nfushom; jinnota li, sabiex timmitiga din is-sitwazzjoni, l-Aġenzija, matul is-snin, iffatturat u ġabret EUR 32,2 miljun f'korrezzjonijiet tariffarji u imposti amministrattivi, u li l-Aġenzija għamlet progress konsiderevoli fl-irkupru ta' tnaqqis mhux dovut fit-tariffi u fil-ġbir ta' imposti amministrattivi li kienu b'lura; jinnota, madankollu, li għad hemm volum ta' xogħol konsiderevoli xi jsir b'rabta mal-verifiki u li, sa tmiem l-2019, l-ammont ta' korrezzjonijiet tariffarji neċessarji pendenti kien għadu mhux magħruf; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bl-isforzi tagħha, kif ukoll bir-riżultati miksuba, tkompli tnaqqas l-għadd konsiderevoli ta' verifiki tal-volum tax-xogħol u timplimenta l-korrezzjonijiet tariffarji; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex issolvi din is-sitwazzjoni, u b'hekk tevita l-frodi fid-dikjarazzjonijiet tad-daqs min-naħa tal-applikanti u tippermetti ppjanar baġitarju aktar stabbli għall-Aġenzija; |
|
3. |
Jinnota, fir-rigward tas-segwitu tas-sejbiet tal-Qorti li jikkonċernaw is-sena finanzjarja 2018, li l-Aġenzija għandha dħul li ġej kemm minn tariffi kif ukoll minn imposti pagabbli mill-industrija u minn sussidju ta' bbilanċjar mill-baġit tal-Unjoni; jinnota li, peress li t-tielet skadenza għar-reġistrazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 skadiet f'Mejju 2018, l-introjtu mit-tariffi u l-imposti beda jonqos b'mod sinifikanti mill-2019 'il quddiem u din it-tendenza mistennija tkompli; jirrimarka li hemm riskju li nfiq relattivament stabbli u dħul ferm inqas prevedibbli jista' jkollhom effett negattiv fuq l-operat u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija; jieħu nota, madankollu, li skont ir-risposta tal-Aġenzija, hija impenjat ruħha b'mod proattiv u tinsab għaddejja b'diskussjonijiet kontinwi mal-Kummissjoni biex taħdem ħalli tiżgura finanzjament sostenibbli u tegħleb l-isfidi fil-mudell ta' finanzjament tagħha; jistieden lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni żżomm lill-awtorità ta' kwittanza aġġornata bl-iżviluppi f'dan ir-rigward; jirrimarka li d-dipendenza fuq sussidju ta' bbilanċjar prevedibbli mill-baġit tal-Unjoni, flimkien mat-trasferiment tal-introjtu minn tariffi u imposti lill-Kummissjoni, jistgħu jiggarantixxu dħul aktar prevedibbli għall-Aġenzija, meħtieġ biex twettaq il-mandat tagħha; |
Sostenibbiltà
|
4. |
Jenfasizza l-fatt li fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru 649/2012 (4) (ir-"Regolament PIC") u r-Regolament (UE) 2019/1021 (5) (ir-Regolament dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti (POPs)), l-Aġenzija hija ffinanzjata kompletament minn sussidju tal-Unjoni, li ammonta għal EUR 1,56 miljun fl-2019 (EUR 1,10 miljun għall-PICs fl-2018); |
|
5. |
Jilqa' l-isforzi tal-Aġenzija biex tipprovdi post tax-xogħol kosteffettiv u li jirrispetta 'l-ambjent kif ukoll il-miżuri kollha meħuda miċ-Ċentru biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, il-konsum tal-enerġija tagħha u tiżviluppa fluss tax-xogħol mingħajr karti; jinnota b'sodisfazzjon li d-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija wiegħed li l-Aġenzija se tkun newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sal-2030; |
Prestazzjoni
|
6. |
Jirrikonoxxi li l-Aġenzija ħadmet mill-ġdid il-mudell tagħha ta' ġestjoni tal-prestazzjoni għall-Programm ta' Ħidma tal-2019, bil-għan li tindika aħjar l-impatt u l-eżitu tal-ħidma tagħha; jirrikonoxxi li l-Aġenzja kisbet 34 minn 53 mira tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tagħha fl-2019; jinnota l-kumment tal-Aġenzija li d-19-il mira li ma ntlaħqux huma relatati prinċipalment ma' indikaturi tal-input u tal-output li huma diffiċli li jiġu mbassra abbażi ta' diversi fatturi; iħeġġeġ lill-Aġenzija tagħmel l-almu tagħha biex tilħaq 100 % tal-miri tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tagħha; |
|
7. |
Ifakkar li, fost l-awtoritajiet regolatorji kollha, l-Aġenzija hi dik li tixpruna l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi għall-benefiċċju tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, kif ukoll għall-innovazzjoni u l-kompetittività; jinnota li tipprovdi informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, tgħin lill-kumpaniji jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni u twassal għal avvanzi fl-użu sikur tas-sustanzi kimiċi; |
|
8. |
Jirrikonoxxi li l-Aġenzija fl-2019 saritilha riorganizzazzjoni strateġika u għandha pjan strateġiku ġdid għall-2019-2023 bit-tliet prijoritajiet strateġiċi li ġejjin: l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju ta' sustanzi ta' tħassib, l-użu sikur u sostenibbli ta' sustanzi kimiċi mill-industrija, u l-ġestjoni sostenibbli ta' sustanzi kimiċi permezz tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni; |
|
9. |
Jiddispjaċih li, fil-pjan strateġiku 2019-2023, ma kien hemm ebda miżura proattiva u ebda riżorsa biex jitħaffef, jittejjeb u jiġi kkwantifikat it-tnaqqis fl-għadd ta' testijiet fuq l-annimali u s-sostituzzjoni ta' tali testijiet b'approċċi metodoloġiċi ġodda; itenni l-importanza tal-prinċipji tat-3Rs (Sostituzzjoni, Tnaqqis u Rfinar) fl-ittestjar fuq l-annimali; jinnota r-rakkomandazzjoni magħmula mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà (6) li għandu jkun hemm tim stabbilit fi ħdan l-Aġenzija ddedikat esklussivament għall-protezzjoni tal-annimali u l-promozzjoni ta' metodi ta' ttestjar li ma jinvolvux l-annimali; jinnota bi tħassib ir-risposta, tas-7 ta' Jannar 2021, mogħtija mid-Direttur tal-Aġenzija f'diskussjoni mal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit li l-Aġenzija ma tatx segwitu għat-talba tal-Parlament biex jitnaqqas l-ittestjar fuq l-annimali; iħeġġeġ lill-Aġenzija tnaqqas bil-qawwa d-dipendenza tagħha fuq l-ittestjar fuq l-annimali; jistieden lill-Aġenzija tikkontribwixxi għal attivitajiet internazzjonali mmirati lejn il-promozzjoni ta' metodi alternattivi ta' ttestjar fi ħdan il-mandat tagħha u tippubblika regolarment informazzjoni dwar l-użu ta' metodi alternattivi fl-ambitu tar-REACH; |
|
10. |
Jirrikonoxxi li l-istruttura organizzattiva l-ġdida, introdotta fil-bidu tal-2019, kienet imfassla biex iżżid l-interkonnettività tal-Aġenzija u tiffaċilita modi ta' ħidma aktar kollaborattivi; jilqa' ż-żieda ta' 50 % fil-verifiki tal-konformità sħiħa tas-sustanzi meta mqabbla mal-2018, li nkisbet b'riżultat ta' enfasi akbar fuq il-kontrolli tal-konformità permezz ta' riallokazzjoni interna tal-persunal u mingħajr riżorsi addizzjonali allokati lill-Aġenzija; |
|
11. |
Jinnota li l-Aġenzija tkompli tikkondividi l-kapaċità tal-awditu intern tagħha mal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, u li l-Aġenzija pprovdiet appoġġ lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel għas-servizzi tal-protezzjoni tad-data fl-2019, u barra minn hekk, l-Aġenzija tikkollabora mill-qrib ma' aġenziji oħra inkluż permezz tal-kondiviżjoni tas-servizzi fil-kuntest ta' network interaġenzjali u permezz tal-kondiviżjoni tar-riżorsi permezz ta' memoranda ta' qbil; ifaħħar din il-kooperazzjoni bħala eżempju għal aġenziji oħra li ta' min isegwi; iħeġġeġ lill-Aġenzija tfittex kooperazzjoni akbar u usa' mal-aġenziji l-oħra tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Aġenzija tidħol f'taħditiet dwar il-kondiviżjoni tar-riżorsi f'każ ta' kompiti li jikkoinċidu ma' dawk ta' aġenziji oħra li jwettqu attivitajiet simili; |
|
12. |
Jistieden lill-Aġenzija tkompli tiżviluppa s-sinerġiji tagħha, iżżid il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki mal-aġenziji l-oħra tal-Unjoni bil-għan li ttejjeb l-effiċjenza (ir-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà); |
|
13. |
Jitlob lill-Aġenzija tiżviluppa gwida dwar ir-rekwiżiti minimi ta' informazzjoni meħtieġa biex tiġġustifika l-għoti ta' derogi li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet, u tiżgura li l-ebda deroga ma tiġi aċċettata meta d-dossiers ta' reġistrazzjoni ma jkunux konformi jew aġġornati; |
|
14. |
Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f'termini ta' proċeduri ta' operazzjonijiet u ġestjoni interni; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tibqa' tkun proattiva f'dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji akkost ta' kollox; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta' sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata; |
|
15. |
Ifakkar fl-importanza għall-Aġenzija li tiżviluppa viżibbiltà akbar fil-midja, l-internet u l-midja soċjali sabiex tagħmel xogħolha magħruf; |
Politika dwar il-persunal
|
16. |
Jinnota li fil-31 ta' Diċembru 2019, it-tabella tal-persunal ġiet eżegwita fil-livell ta' 96,75 %, bil-ħatra ta' 446 aġent temporanju minn 461 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma' 452 post tax-xogħol awtorizzati fl-2018); jinnota li, barra minn hekk, fl-2019 ħadmu għall-Aġenzija 122 aġent kuntrattwali u 14-il espert nazzjonali sekondat; |
|
17. |
Jinnota li fl-2019 kien hemm żbilanċ bejn is-sessi fir-rigward tal-pożizzjonijiet maniġerjali superjuri (71 % irġiel u 29 % nisa) u fir-rigward tal-Bord ta' Tmexxija (69 % irġiel u 31 % nisa); jitlob lill-Aġenzija tiżgura li fil-futur ikun hemm bilanċ bejn is-sessi fil-livell tal-maniġment superjuri; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiżguraw li jkun hemm il-bilanċ bejn is-sessi meta jkunu qed jinnominaw il-membri tagħhom għall-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija; |
|
18. |
Jinnota li l-Aġenzija implimentat politika kontra l-fastidju u linji gwida relatati; jirrikonoxxi li organizzat sessjonijiet ta' taħriġ u għamlet disponibbli konsulenza kunfidenzjali; jinnota li, barra minn hekk, fl-2019 beda proġett pilota b'medjazzjoni f'timijiet li esperjenzaw kunflitti; jinnota li l-Aġenzija kellha proċedura informali waħda ta' fastidju fl-2019; |
|
19. |
Jinnota li, sabiex il-pożizzjonijiet vakanti jingħataw aktar pubbliċità, l-Aġenzija tippubblika l-avviżi relattivi fuq is-sit web tagħha, fuq il-midja soċjali u fuq is-sit tan-Network tal-Aġenziji tal-UE ddedikat apposta; jinnota r-risposta tal-Aġenzija li bdiet tirrevedi l-proċessi biex ikunu jistgħu jsiru avviżi ta' postijiet vakanti fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal; jistieden lill-Aġenzija tippubblikahom ukoll fuq is-sit tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal; jistieden lill-Aġenzija tesplora aktar possibbiltajiet biex tattira persunal bi kwalifiki għoljin billi twessa' l-firxa tal-avviżi għal postijiet battala; jappella lill-Aġenzija tikkonċentra aktar fuq it-tixrid mal-pubbliku ġenerali tar-riżultati tar-riċerka tagħha; |
|
20. |
Jilqa' pożittivament l-isforzi tal-Aġenzija li tibni ambjent u kultura tax-xogħol aktar diversifikati u inklużivi billi tieħu azzjonijiet favur il-persuni b'diżabilità; jitlob lill-Aġenzija tivvaluta l-possibbiltajiet ta' tisħiħ u ta' integrazzjoni ulterjuri tal-prinċipji ta' opportunitajiet indaqs fir-reklutaġġ, fit-taħriġ, fl-iżvilupp tal-karriera u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll biex tqajjem sensibilizzazzoni fost il-persunal dwar dawn l-aspetti; u jitlob lill-Aġenzija tivvaluta t-titjib u l-modifiki possibbli u raġonevoli tal-binjiet tal-Aġenzija (l-aċċess, it-tagħmir tal-uffiċċju adegwat) għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa jew diżabilitajiet oħra; |
|
21. |
Iħeġġeġ lill-Aġenzija timmira li tfittex l-iżvilupp ta' qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn is-sessi, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabilità; |
|
22. |
Jissottolinja, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun hemm persunal adegwat li jirrifletti l-ħtiġijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija tal-Unjoni dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà, il-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari u l-ambizzjoni ta' tniġġis żero b'mod partikolari, u ta' riżorsi addizzjonali għal kwalunkwe kompitu addizzjonali meħtieġ, bħat-twettiq mill-Aġenzija tal-evalwazzjonijiet proprji tas-sustanzi; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza
|
23. |
Jilqa' l-fatt li fuq is-sit tagħha l-Aġenzija tippubblika s-CVs tal-membri kollha tal-Bord ta' Tmexxija u l-Kumitati tagħha, inklużi dawk tal-presidenti li huma membri tal-persunal tal-Aġenzija, id-Direttur Eżekuttiv u l-membri kollha tal-Bord tal-Appell; jilqa' l-fatt li l-Aġenzija tippubblika d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri kollha tal-Bord ta' Tmexxija, tal-maniġment superjuri u tal-Presidenti tal-Kumitati fuq is-sit web tagħha; |
|
24. |
Jistieden lill-Aġenzija tallinja l-prattiki tagħha mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew tas-7 ta' Mejju 2020 fil-każ 2168/2019/KR b'mod partikolari billi tiżgura, fejn meħtieġ, li tiġi invokata l-għażla li l-persunal anzjan tagħha jiġi pprojbit milli jieħu ċerti karigi wara li jkun intemm il-mandat tiegħu, billi tistabbilixxi kriterji għal meta se tipprojbixxi t-trasferiment ta' persunal lejn is-settur privat; billi l-applikanti għal karigi għolja fi ħdan l-Aġenzija jiġu mgħarrfa b'tali kriterji fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom, u billi jkun hemm proċeduri interni fis-seħħ li meta membru tal-persunal tagħha jaċċetta xogħol ieħor, l-aċċess tiegħu għal informazzjoni kunfidenzjali jitwaqqaf b'effett immedjat; |
|
25. |
Jilqa' pożittivament il-passi ulterjuri li ttieħdu sabiex jissaħħu t-trasparenza u l-protezzjoni tal-informaturi, bħal korsijiet ta' taħriġ online obbligatorji dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta għall-persunal kollu, u enfasi kontinwa fuq l-għarfien tal-etika, l-akkwist u l-ġestjoni tal-kuntratti u s-sigurtà tal-informazzjoni; jinnota li, skont l-Aġenzija, il-laqgħat kollha tal-maniġment superjuri tagħha mal-partijiet ikkonċernati jiġu rreġistrati u ppubblikati fuq is-sit web tagħha biex tiġi żgurata trasparenza sħiħa; |
|
26. |
Skont l-Aġenzija, l-introjtu bbaġitjat mit-tariffi għall-2019 jirrappreżenta madwar 39,5 % tal-introjtu totali tagħha; jirrikonoxxi s-sistema eżemplari tal-Aġenzija għall-monitoraġġ u l-prevenzjoni ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess, u l-fehma tagħha li hemm periklu limitat li jinqalgħu kunflitti bħal dawn peress li l-iskop tat-tariffi huwa li jkopru l-ispejjeż u peress li l-membri tal-persunal tal-Aġenzija involuti fit-tfassil tal-opinjonijiet issirilhom valutazzjoni regolari biex tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom; jinnota li l-Aġenzija tkun favur soluzzjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tiġbor it-tariffi f'isem l-Aġenzija, billi dan jiffaċilita l-ġestjoni finanzjarja tal-Aġenzija u jgħin biex jonqos ir-riskju ta' nuqqasijiet; jinnota li t-tariffi mħallsa mill-industrija jvarjaw sostanzjalment minn sena għal oħra u li għaldaqstant mhuwiex possibbli li l-Aġenzija tistma li jkun hemm bżonn ta' sussidju ta' bbilanċjar mill-baġit tal-Unjoni b'marġni responsabbli, li jikkomplika l-ippjanar tal-baġit; jappella għal djalogu dwar kif għandu jiġi riformat il-mekkaniżmu għall-finanzjament tal-Aġenzija, b'tali mod li jkun mibni fuq bażi sostenibbli; |
|
27. |
Jissottolinja l-fatt li l-qafas etiku attwali li japplika għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni jbati minn żvantaġġi konsiderevoli minħabba l-frammentazzjoni tiegħu u n-nuqqas ta' konsistenza bejn id-dispożizzjonijiet eżistenti; jenfasizza li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati billi jiġi stabbilit qafas etiku komuni, li jiżgura l-applikazzjoni ta' standards etiċi għoljin għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-Unjoni; |
|
28. |
Jissottolinja li ċerti uffiċjali jimlew dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess u jipprovdu awtovalutazzjonijiet fir-rigward tar-rispett tal-istandards etiċi; jenfasizza, madankollu, li tali awtodikjarazzjonijiet u awtovalutazzjonijiet mhumiex biżżejjed u li għalhekk huwa meħtieġ skrutinju addizzjonali; |
Kontrolli interni
|
29. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti, li fi proċedura waħda awditjata ta' akkwist pubbliku, l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti ma tawx lill-offerenti fehim ċar ta' kif tista' tiġi pprezzata ċerta partita fl-offerti finanzjarji tagħhom, u billi l-offerti ma kinux komparabbli, l-Aġenzija ddeċidiet li tikkanċella u tniedi mill-ġdid il-proċedura, li żied aktar żmien mal-proċedura u ħoloq riskju potenzjali għar-reputazzjoni tal-Aġenzija; jinnota l-kumment tal-Aġenzija li d-dokumenti tal-akkwist kienu meqjusa ċari u komprensivi, u l-isforz addizzjonali involut fit-tnedija mill-ġdid tal-proċedura kien minimu, mingħajr konsegwenzi għar-reputazzjoni; |
|
30. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti, li l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-proċeduri ta' reklutaġġ ma kienx strutturat biżżejjed u eżawrjenti biex jipprevedi sekwenza kronoloġika u ċara li turi meta d-dokumenti kienu ġew approvati u minn min; jinnota r-risposta tal-Aġenzija li bidlet il-proċeduri tagħha biex tiżgura li jintbagħtu emails standard lill-membri tal-kumitat tal-għażla wara kull laqgħa biex tirreġistra l-minuti tal-laqgħa u d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kumitat, u barra minn hekk, l-Aġenzija tiżgura li, wara kull laqgħa, il-flussi tal-approvazzjoni elettroniċi jiġu ffinalizzati qabel ma jsiru passi 'l quddiem fl-għażla; jistieden lill-Aġenzija ttejjeb il-proċeduri tal-għażla tagħha sabiex tiżgura li l-proċessi jitwettqu b'mod diliġenti u trasparenti; |
|
31. |
Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni wettaq awditu ta' aċċertament dwar il-ġestjoni tal-prestazzjoni tal-Aġenzija, u kkonkluda b'rakkomandazzjoni importanti ħafna relatata mal-użu tal-erba' kategoriji ta' prestazzjoni biex jiżgura li l-prestazzjoni ta' kull detentur tal-impjieg tiġi evalwata mingħajr ma titqabbel mal-prestazzjoni ta' persunal ieħor, u b'rakkomandazzjoni importanti biex tiġi aġġornata l-proċedura tal-ippjanar, il-monitoraġġ u r-rappurtar; jinnota li l-Aġenzija diġà ħadet il-passi meħtieġa biex timplimenta ż-żewġ rakkomandazzjonijiet; |
|
32. |
Jinnota bi tħassib li, f'Mejju 2019, l-Aġenzija ffaċċjat kriżi bil-qtugħ tas-sistemi kollha tal-IT tal-Aġenzija matul il-migrazzjoni tas-servers lejn infrastruttura ġdida; il-kriżi ġiet solvuta fi 48 siegħa; jirrakkomanda li l-Aġenzija timplimenta proċeduri tal-aħjar prattiki tal-IT meta twettaq operazzjonijiet tal-IT b'riskju għoli ta' tfixkil għall-proċessi primarji tal-Aġenzija; |
|
33. |
Jitlob lill-Aġenzija ttejjeb it-trasparenza u l-faċilità tal-użu tal-bażi tad-data tagħha, u l-interfaċċa bejn l-evalwazzjoni u s-segwitu tal-ġestjoni tar-riskji, inkluża, pereżempju, nota qasira dwar is-sustanzi reġistrati tal-Aġenzija fil-bażi tad-data fir-rigward tal-istatus tal-konformità u l-evalwazzjoni tad-dossiers, li żżid l-eżitu tal-evalwazzjoni tas-sustanzi (jekk il-ġestjoni tar-riskji ulterjuri tkunx meħtieġa jew le), li tiddikjara b'mod espliċitu jekk id-dossier ikun instab li ma kienx konformi u għal liema raġuni, u li żżid l-eżitu tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell kif ukoll is-segwitu mogħti jew previst li jingħata mill-Aġenzija; |
|
34. |
Jinnota li fl-2019 l-Aġenzija żviluppat strateġija u qafas ġodda għas-sistema ta' ġestjoni integrata, li ġew approvati mill-Bord ta' Tmexxija fil-15 ta' Diċembru 2019 u li ssostitwew l-Istandards ta' Ġestjoni Integrata; |
|
35. |
Iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli bl-isforzi tagħha biex twettaq il-verifiki ta' evalwazzjoni tagħha tad-dossiers skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u biex tagħmel il-proċess aktar effettiv; ifakkar li l-verifiki ta' evalwazzjoni tad-dossiers fuq aktar minn 2 000 dossier li jkopru 700 sustanza wrew li 70 % tad-dossiers ma kinux konformi mar-rekwiżiti ta' informazzjoni legali tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jew ma kienx fihom biżżejjed informazzjoni biex jiġi żgurat użu sikur għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għall-ambjent; |
Kummenti oħra
|
36. |
Jinnota li l-proċess ta' trasferiment għall-bini l-ġdid tal-Aġenzija f'Helsinki beda fil-21 ta' Diċembru 2019 u li l-bini l-ġdid infetaħ u beda jopera għall-persunal tal-Aġenzija fil-bidu ta' Jannar 2020, u dan ġab fi tmiemu perjodu ta' erba' snin ta' tħejjijiet għar-rilokazzjoni tal-persunal; jistieden lill-Aġenzija tiżgura l-benessri tal-impjegati tagħha billi tipprovdi kundizzjonijiet tax-xogħol sostenibbli u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent; |
|
37. |
Jinnota li l-Aġenzija żviluppat pakkett estensiv ta' komunikazzjoni biex tappoġġa lill-kumpaniji u timminimizza t-tfixkil għas-suq intern waqt it-tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u l-perjodu ta' tranżizzjoni; jinnota li l-impatt fuq l-Aġenzija tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni huwa limitat; |
|
38. |
Jinnota bi tħassib li l-Aġenzija għandha diversi każijiet ta' litigazzjoni, appell u lmenti li ntbagħtu lill-Bord tal-Appell tal-Aġenzija, lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jew lill-Ombudsman Ewropew u ħafna minn dawn il-każijiet ġew miċħuda (20 minn 37 każ); |
|
39. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ April 2021 (7) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 107, 31.3.2020, p. 255.
(2) ĠU C 107, 31.3.2020, p. 255.
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 60).
(5) Ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti, ĠU L 169, 25.6.2019, p. 45–77.
(6) Testi adottati, P9_TA(2020)0201.
(7) Testi adottati, P9_TA(2021)0215.