SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

12 ta’ Frar 2025 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Persunal tas-SEAE – Remunerazzjoni – Allowances tal-familja – Allowance tal-edukazzjoni – Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal – Talba għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ crèche u tal-ispejjeż skolastiċi – Deċiżjoni ta’ rifjut”

Fil-Kawża T‑17/24,

UL, u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsab anness ( 1 ), irrappreżentati minn A. Guillerme, T. Bontinck u F. Patuelli, avukati,

rikorrenti,

vs

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), irrappreżentat minn R. Coesme, S. Falek u T. Payan, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla),

komposta minn O. Porchia, Presidenta, M. Jaeger u L. Madise (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑15 ta’ Ottubru 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 2 )

1

Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrenti, UL u s-sitt persuni fiżiċi l-oħra li isimhom jidher fl-anness, jitolbu, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjonijiet tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) li jinsabu fil-posta elettronika tal‑15 ta’ Frar, tat‑23 ta’ Marzu, tas‑27 ta’ April, tat‑2, tal‑5 u tat‑8 ta’ Mejju 2023 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”) li ntbagħtitilhom bi tweġiba għat-talbiet tagħhom dwar l-ammont tal-allowance prevista fl-Artikolu 3(2), tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) għall-ulied dipendenti ta’ età ta’ inqas minn ħames snin (iktar ’il quddiem l-“allowance A”) u, min-naħa l-oħra, ir-rikonoxximent tad-dritt tagħhom li jibbenefikaw, għal uliedhom ta’ età ta’ inqas minn ħames snin, minn din l-allowance għal ammont ikkalkolat skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tagħhom.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Ir-rikorrenti huma uffiċjali u membri tal-persunal tas-SEAE fil-kariga fl-Istati Uniti u fir-Renju Unit. Huma ressqu talbiet dwar l-ammont tal-allowance A li fir-rigward tagħha seta’ kellhom pretensjoni għal uliedhom ta’ età ta’ inqas minn ħames snin. Permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, is-SEAE wieġeb għal dawn it-talbiet.

3

Ir-rikorrenti ressqu lmenti fuq il-bażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, billi sostnew, essenzjalment, li l-ammont tal-allowance A kellu jiġi kkalkolat skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Dawn l-ilmenti ġew miċħuda permezz ta’ deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Settembru 2023.

4

Fid-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ilmenti, is-SEAE espona b’mod partikolari li l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi, għall-benefiċċju tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal assenjati f’pajjiż terz, sistema speċjali li tikkonċerna esklużivament l-ammont tal-allowance tal-edukazzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-ulied dipendenti ta’ età ta’ inqas minn ħames snin (iktar ’il quddiem l-“allowance B”), u mhux l-ammont tal-allowance A. Għalhekk, skont is-SEAE, fil-każ ta’ uffiċjali u ta’ membri tal-persunal li wliedhom għandhom inqas minn ħames snin, l-istituzzjonijiet huma legalment obbligati jħallsu l-allowance A biss fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

5

Id-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti jippreċiżaw li s-SEAE, billi għamel użu mill-awtonomija istituzzjonali tiegħu, madankollu ddeċieda li japplika “b’analoġija” l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal assenjati f’pajjiż terz li wliedhom għandhom bejn tliet snin u ħames snin. B’hekk, skont dan l-approċċ, meqjus bħala “ġeneruż ħafna”, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal ikkonċernati jibbenefikaw, minbarra l-allowance A, minn vantaġġ imsejjaħ mis-SEAE “suppliment istituzzjonali ta’ rimbors” (iktar ’il quddiem is-“suppliment istituzzjonali”). F’dan ir-rigward, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal assenjati f’pajjiż terz jistgħu jiksbu r-rimbors tal-ispejjeż sostnuti għall-edukazzjoni tal-ulied tagħhom li għandhom bejn tliet snin u ħames snin, sa limitu massimu ddefinit “fl-ispirtu” tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, skont il-modalitajiet iddefiniti mis-SEAE fid-dokument intern intitolat “EU Delegations’ Guide – Education allowances” (iktar ’il quddiem il-“Gwida tad-Delegazzjonijiet”).

6

Is-SEAE jsostni, fid-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti, li b’hekk ippermetta lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tiegħu jibbenefikaw minn vantaġġ li jmur lil hinn minn dak li tipprevedi l-applikazzjoni stretta tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, huwa jesponi li għandu marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ sabiex jiddetermina l-modalitajiet li bihom huwa juża l-pakkett baġitarju allokat għall-ispejjeż mhux obbligatorji. Konsegwentement, is-SEAE jikkunsidra li, fid-dawl ta’ dan il-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’, huwa kien liberu, sabiex jiddefinixxi l-limitu massimu tas-suppliment istituzzjonali, li japplika biss parzjalment l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

It-talbiet tal-partijiet

7

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–

tirrikonoxxi d-dritt tagħhom li jibbenefikaw, għall-ulied tagħhom ta’ età ta’ inqas minn ħames snin, mill-allowance A għal ammont ikkalkolat skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jikkonċernawhom;

–

tikkundanna lis-SEAE għall-ispejjeż.

8

Is-SEAE jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq it-talbiet għal annullament

[omissis]

Fuq l-ewwel motiv

10

Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw l-interpretazzjoni adottata mis-SEAE, li skontha l-allowance A hija eskluża mill-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

[omissis]

15

L-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi r-regoli dwar ir-remunerazzjoni u r-rimbors tal-ispejjeż. Huwa tinkludi, fit-Taqsima 1 tiegħu, fl-Artikoli 1 sa 3, dispożizzjonijiet dwar l-allowances tal-familja.

16

L-Artikolu 3 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għat-tilwima, jipprovdi dan li ġej:

“1.

Suġġett għall-kondizzjonijiet imniżżla fid-disposizzjonijiet ġenerali ta’ l-implimentazzjoni, uffiċjal għandu jirċievi benefiċċju ta’ l-edukazzjoni daqs l-ispejjeż vera li ħallas, sa massimu ta’ EUR 311,65 kull xahar għal kull tifel dipendenti, fis-sens ta’ l-Artikolu 2(2) ta’ dan l-Anness, li jkollu mill-anqas ħames snin u jkun jattendi full-time u regolarment skola primarja jew sekondarja li tieħu l-miżati, jew stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla. […]

2.

Għal kull tifel dipendenti fis-sens ta’ l-Artikolu 2(2) ta’ dan l-Anness, li għandu anqas minn ħames snin u għadu mhux jattendi regolarment full-time fi skola primarja jew sekondarja, l-ammont ta’ dan il-benefiċċju huwa stabbilit bħala EUR 112,21 fix-xahar.”

[omissis]

19

Skont l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Fuq il-kondizzjonijiet imniżżla mill-awtorità tal-ħatra, l-uffiċjal għandu jirċievi benefiċċju ta’ l-edukazzjoni biex ikopri l-ispejjeż attwali ta’ l-edukazzjoni li ntefqu, bil-pagament tal-benefiċċju jsir mal-preżentazzjoni tad-dokumenti ta’ l-appoġġ. Għajr b’każijiet meqjusa ta’ eċċezzjoni mill-awtorità tal-ħatra, dan il-benefiċċju m’għandux [jaqbeż tliet] darbiet il-benefiċċju massimu rduppjat ta’ l-edukazzjoni.”

[omissis]

21

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-objettivi u l-għan imfittxa mill-att li minnu hija tagħmel parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele), C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Għandu jitfakkar ukoll li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jagħtu dritt għal benefiċċji finanzjarji għandhom jiġu interpretati strettament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN, T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-allowance li hija tindika hija intiża sabiex tkopri l-“ispejjeż attwali ta’ l-edukazzjoni”, li din titħallas “mal-preżentazzjoni tad-dokumenti” ta’ sostenn u li, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, din l-allowance ma tistax taqbeż ċertu limitu. B’hekk, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tistax tapplika għall-allowance A, li hija allowance b’rata fissa, li l-ammont tagħha huwa fiss għall-benefiċjarji kollha u ma jiddependix mill-ispejjeż sostnuti minn dawn tal-aħħar għall-edukazzjoni ta’ wliedhom. Konsegwentement, meta l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal isemmi “benefiċċju [li] m’għandux [jaqbeż tliet] darbiet il-benefiċċju massimu rduppjat ta’ l-edukazzjoni”, huwa neċessarjament jirreferi għall-allowance B, li tkopri l-ispejjeż tal-edukazzjoni sostnuti mill-benefiċjarji ta’ din l-allowance sa limitu massimu ta’ kull xahar.

24

Insostenn tal-interpretazzjoni tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-ammont b’rata fissa msemmi fl-Artikolu 3(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal “jikkostitwixxi l-‘limitu massimu’ fis-sens tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal”. Madankollu, din l-interpretazzjoni ma hijiex kompatibbli mal-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, fid-dawl tas-sens abitwali, fil-lingwaġġ ta’ kuljum, ta’ dawn il-kunċetti, it-terminu “ammont”, li hawnhekk tirreferi għal somma flus li tammonta għal livell iddefinit b’mod preċiż, ma jistax jitqies li huwa sinonimu jew ekwivalenti għat-terminu “limitu”, li jirreferi għal limitu ogħla, massimu li ma jistax jinqabeż.

25

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-kunċett ta’ “spejjeż skolastiċi” għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll l-ispejjeż ta’ crèche u ta’ ħarsien ta’ tfal żgħar matul il-jum. Madankollu, dan l-argument, li jirrigwarda esklużivament il-kunċett ta’ “spejjeż skolastiċi”, ma huwiex, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li jinvalida l-analiżi li l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirreferi għal allowance intiża li tirrimborsa spejjeż effettivi skolastiċi fuq il-produzzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn u suġġett għal limitu massimu li jista’ jinqabeż biss f’każijiet eċċezzjonali, ma jistax jikkonċerna l-allowance A, li titħallas fuq il-bażi ta’ ammont b’rata fissa.

26

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-analiżi tal-formulazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal timmilita favur interpretazzjoni li skontha hija biss l-allowance B li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

27

Fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali, ir-rikorrenti jesponu li l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi analizzat flimkien mal-Artikolu 3 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, huma josservaw li, fis-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017, Trautmann vs SEAE (T‑611/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:917, punt 53), il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jinkludi dispożizzjonijiet partikolari u derogatorji mill-Artikolu 3 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz.

28

Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, skont l-analiżi tal-kuntest li fih jidħol l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 3 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-ewwel dispożizzjoni tintroduċi, għall-uffiċjali u l-membri tal-persunal assenjati f’pajjiż terz, regoli li jidderogaw parzjalment minn dawk previsti mit-tieni dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-uffiċjal jibbenefika minn “benefiċċju ta’ l-edukazzjoni biex ikopri l-ispejjeż attwali ta’ l-edukazzjoni”. Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tirriproduċi għalhekk il-kliem tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi li “uffiċjal għandu jirċievi benefiċċju ta’ l-edukazzjoni daqs l-ispejjeż vera li ħallas”. Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni juża kliem simili sabiex jindika l-allowance msemmija fl-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u dik imsemmija fl-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal isostni l-interpretazzjoni li din l-aħħar dispożizzjoni tapplika biss għall-allowance msemmija fl-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri għall-allowance B. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 3(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirrigwarda l-allowance A, huwa redatt f’termini li huma differenti kemm minn dawk użati fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu kif ukoll minn dawk użati fl-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. L-Artikolu 3(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal isemmi, fil-fatt, “benefiċċju [allowance]”, li barra minn hekk ma hijiex espressament ikklassifikata bħala “benefiċċju [allowance] ta’ l-edukazzjoni”, u jipprevedi li din l-allowance titħallas fuq il-bażi ta’ ammont b’rata fissa fix-xahar. Il-ħlas ta’ din l-allowance fuq bażi ta’ rata fissa jfisser li l-imsemmija allowance ma hijiex, għall-kuntrarju tal-allowance B, intiża li tkopri l-ispejjeż reali sostnuti mill-uffiċjal jew mill-membru tal-persunal ikkonċernat għall-edukazzjoni tal-wild tiegħu.

29

Fir-rigward tal-oriġini tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrenti jesponu li dan l-anness inħoloq permezz tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEFA, KEE) Nru 3019/87 tal‑5 ta’ Ottubru 1987 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet speċjali u derogatorji applikabbli għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej assenjati f’pajjiż terz (ĠU 1987, L 286, p. 3). Ir-rikorrenti jirrilevaw li, f’din id-data, ir-Regolamenti tal-Persunal kienu jipprevedu biss il-ħlas tal-allowance B. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet dwar l-allowance A ġew introdotti fir-Regolamenti tal-Persunal permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat‑22 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130, u r-rettifiki fil-ĠU 2007, L 248, p. 26, fil-ĠU 2012, L 130, p. 24, fil-ĠU 2012, L 342, p. 48, u fil-ĠU 2016, L 289, p. 21). Ir-rikorrenti jenfasizzaw li dan it-test ma żammx l-espressjoni “allowance preskolastika” li kienet tidher inizjalment fil-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg [COM (2002) 213 final]. Minn dan huma jiddeduċu li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li ma jagħmilx distinzjoni bejn “allowance skolastika” u “allowance preskolastika” u li l-allowance A tikkostitwixxi għalhekk allowance skolastika, bl-istess mod bħall-allowance B.

30

Madankollu, dan l-argument ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-leġiżlatur tal-Unjoni, billi żied id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 3(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, ikkunsidra li l-allowance hekk maħluqa kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-fatt li l-allowance A ma ġietx ikklassifikata bħala allowance preskolari fit-test finalment adottat ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni, fir-rigward ta’ din l-allowance, li japplika, għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal assenjati f’pajjiż terz, ir-regoli derogatorji previsti fl-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Fit-tieni lok, kif josserva s-SEAE, l-adozzjoni, fl-2004, tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 3(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma kinitx akkumpanjata minn emenda tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Kif jenfasizza s-SEAE, l-assenza ta’ emenda tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal tista’ tiġi interpretata fis-sens li, b’differenza għal dak li jirrigwarda l-allowance B, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jipprevedi kundizzjonijiet partikolari u derogatorji għall-għoti tal-allowance b’rata fissa maħluqa reċentement lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal assenjati f’pajjiż terz.

31

Fl-aħħar nett, skont l-għanijiet tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrenti jirreferu għall-preambolu tar-Regolament Nru 723/2004 u, b’mod partikolari, għall-premessi 26 u 27 tiegħu li jiddikjaraw, rispettivament, li l-allowance tal-edukazzjoni għandha tkun tirrifletti l-livell reali tal-ispejjeż u li huwa neċessarju li tiġi rriformata s-sistema tal-allowances tal-familja sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-familji u sabiex jiġu affaċċjati b’mod iktar partikolari d-diffikultajiet tal-ġenituri ta’ tfal ta’ età żgħira.

32

Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal ma jirriżultax mir-Regolament Nru 723/2004 u lanqas ma ġie emendat minn dan ir-regolament. Konsegwentement, dan l-artikolu ma jistax jiġi interpretat fid-dawl tal-premessi tal-imsemmi regolament.

33

Barra minn hekk, l-għanijiet imfakkra fil-punt 31 iktar ’il fuq ma humiex ta’ natura li jsostnu l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal difiża mir-rikorrenti. Minn naħa, l-għan li l-allowance tal-edukazzjoni tkun tirrifletti l-livell tal-ispejjeż jikkonċerna biss l-allowance B, peress li din, kuntrarjament għall-allowance A, hija intiża sabiex tkopri l-ispejjeż skolastiċi sostnuti mill-uffiċjali u mill-membri tal-persunal skont limitu massimu. Min-naħa l-oħra, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jilħaq l-għan li jtejjeb is-sitwazzjoni tal-familji, u b’mod iktar partikolari tal-ġenituri ta’ wlied ta’ età żgħira, mill-premessa 27 tar-Regolament Nru 723/2004 jirriżulta li dan l-għan jikkonċerna s-sistema tal-allowances tal-familja fl-intier tagħha u ma jirrigwardax speċifikament l-allowances A u B. Fi kwalunkwe każ, dan l-għan, espress f’termini ġenerali, ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jipprevedi li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal assenjati f’pajjiż terz jistgħu jibbenefikaw mill-allowance A f’kundizzjonijiet differenti minn dawk li japplikaw fir-rigward tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal fil-kariga fi ħdan l-Unjoni.

34

Ir-rikorrenti jirreferu wkoll għall-preambolu tar-Regolament Nru 3019/87, li jsemmi li “huwa importanti li jiġu previsti dispożizzjonijiet speċjali għall-uffiċjali assenjati f’pajjiżi terzi, minħabba l-kundizzjonijiet ta’ ħajja speċjali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Madankollu, għalkemm minn dan il-preambolu jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-għan li jadatta f’ċerti punti d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli għall-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz, ma tista’ tinsilet ebda konklużjoni mill-formulazzjoni ta’ tali għan ġenerali fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

35

Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, PO et vs SEAE (T‑729/16, EU:T:2018:721). Madankollu, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali interpretat it-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari, il-kunċett ta’ “każijiet eċċezzjonali” użat hemmhekk. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni dwar jekk l-allowance A kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali f’din il-kawża kienet tirrigwarda esklużivament il-benefiċċju tal-allowance B. Għalhekk din is-sentenza ma tippermetti li tinsilet ebda konklużjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal assenjati f’pajjiż terz li jirċievu l-allowance A.

36

Ulterjorment, kif isostnu r-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali osservat li wieħed mill-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li l-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz jiġu ttrattati b’mod mhux diskriminatorju meta mqabbla mal-uffiċjali assenjati fi ħdan l-Unjoni f’dak li jikkonċerna l-miżati tat-tagħlim ta’ wliedhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, PO et vs SEAE, T‑729/16, EU:T:2018:721, punti 68 u 97). Madankollu, l-għan li jikkonsisti f’li tiġi evitata diskriminazzjoni fir-rigward tal-uffiċjali assenjati barra mill-Unjoni ma jiġġustifikax, fih innifsu, li l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika kemm għall-allowance A kif ukoll għall-allowance B. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali qieset li, għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiġi evitat li spejjeż eċċessivi jkunu ta’ piż fuq il-baġit tas-SEAE, li minnu l-Qorti Ġenerali ddeduċiet li, għall-applikazzjoni tat-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu, is-SEAE għandu d-dritt li jieħu inkunsiderazzjoni restrizzjonijiet baġitarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, PO et vs SEAE, T‑729/16, EU:T:2018:721, punti 70 u 72). Issa, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali għan ma huwiex ta’ natura li jissostanzja l-interpretazzjoni difiża mir-rikorrenti, li twassal sabiex id-dispożizzjoni inkwistjoni tingħata kamp ta’ applikazzjoni wiesa’.

37

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-analiżi tal-kliem, tal-kuntest u tal-oriġini tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal tissostanzja l-interpretazzjoni sostnuta mis-SEAE li hija biss l-allowance B li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, l-analiżi tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni ma tippermettix li tiġi ssostanzjata l-interpretazzjoni kuntrarja sostnuta mir-rikorrenti. Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li din l-aħħar interpretazzjoni twassal sabiex id-dispożizzjoni inkwistjoni tingħata kamp ta’ applikazzjoni wiesa’, u dan b’kontradizzjoni mal-prinċipju mfakkar fil-punt 22 iktar ’il fuq li skontu d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jagħtu dritt għal benefiċċji finanzjarji għandhom jiġu interpretati strettament.

38

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regoli speċifiċi li jipprevedi għall-benefiċċju tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal assenjati f’pajjiż terz japplikaw biss għall-allowance B u mhux għall-allowance A.

39

Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, minn dan l-artikolu ma jirriżulta ebda obbligu għas-SEAE li jagħti lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tiegħu l-benefiċċju tal-allowance A billi japplika l-modalitajiet previsti fl-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

[omissis]

41

Minn dan jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

UL, u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsab anness għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

 

Porchia

Jaeger

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑12 ta’ Frar 2025.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

( 1 ) Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni kkomunikata lill-partijiet u lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 55 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

( 2 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra utli għall-pubblikazzjoni.