26.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 255/74


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-23 ta’ April 2009

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, Taqsima IV – Qorti tal-Ġustizzja

(2009/635/KE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007 (1),

—

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2007 - Volum I (C6–0418/2008) (2),

—

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-awtorità ta’ kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fl-2007,

—

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2007, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet li ġew verifikati (3),

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom hija bbażata, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (4),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 272(10) u l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat tal-KE,

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0151/2009),

1.

Jagħti l-kwittanza lir-Reġistrar tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tagħha għas-sena finanzjarja 2007;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni ta’ hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Hans-Gert PÖTTERING

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)   ĠU L 77, 16.3.2007.

(2)   ĠU C 287, 10.11.2008, p. 1.

(3)   ĠU C 286, 10.11.2008, p. 1.

(4)   ĠU C 287, 10.11.2008, p. 111.

(5)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.


RIŻOLUŻŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-23 ta’ April 2009

li tinkludi kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, Taqsima IV – Qorti tal-Ġustizzja

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007 (1),

—

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2007 - Volum I (C6–0418/2008) (2),

—

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-awtorità ta’ kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fl-2007,

—

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2007, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet li ġew verifikati (3),

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom hija bbażata, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (4),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 272(10) u l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat tal-KE,

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0151/2009),

1.

Jinnota li fl-2007 il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) kellha approprjazzjonijiet ta’ impenn disponibbli li jammontaw għal total ta’ EUR 275 miljun (2006: EUR 252 miljun (6)), b’rata ta’ utilizzazzjoni ta’ 96,84 %, ogħla mis-sena l-oħra;

2.

Jinnota b’sodisfazzjon l-adozzjoni mill-ECJ f’Lulju 2007 ta’ kodiċi ta’ kondotta li japplika għall-Membri u l-ex Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ewwel Istanza u t-Tribunal tas-Servizz Ċivili (7), inkluż l-obbligu li titressaq dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji lill-President tal-ECJ; jenfasizza, madankollu, ir-rikjesta ripetuta tiegħu, fl-interess tat-trasparenza, anki fin-nuqqas ta’ rekwiżiti legal fil-preżent, għall-pubblikazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet konkreti, pereżempju fuq il-websajt tal-ECJ; jipproponi wkoll li jinħatar uffiċjal ta’ sorveljanza indipendenti li jkollu l-kariga li kull sena jirrapporta pubblikament id-dikjarazzjonijiet li jirċievi sabiex jiġu żgurati sorveljanza u kontroll kredibbli;

3.

Jinnota li fl-2007, in-numru ta’ uffiċjali u aġenti fis-servizz (membri ta’ staff temporanju u aġenti kuntrattwali) żdied matul is-sena b’7.9 % għal total ta’ 1 928, prinċipalment minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija;

4.

Jilqa’ t-titjib fir-reklutaġġ ta’ pesunal kwalifikat, kopert mir-Regolamenti tal-persunal fuq il-bażi ta’ kompetizzjonijiet organizzati mill-EPSO, u wkoll fit-trattament ta’ ċertu diffikultajiet rigward ċertu pożizzjonijiet (speċjalment interpreti u speċjalisti tal-IT);

5.

Jinnota li f’punt 11.19 tar-Rapport Annwali tagħha għall-2007 il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (ECA) għamlet il-kummenti li ġejjin: “id-deċiżjoni tal-kumitat amministrattiv tal-ECJ fir-rigward tar-reklutaġġ u l-impjieg ta’ persunal kuntrattwali ma jistipulax xi proċedura ta’ għażla għal ‘staff kuntrattwali għal ħidmiet awżiljarji’ […]. B'konsegwenza, m’hemm l-ebda proċedura ta’ għażla formali stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja għar-reklutaġġ ta’ persunal taħt kuntratti fuq tul ta’ żmien qasir biex dan jieħu post ċertu persuni li ma jkunux kapaċi jwettqu dmirijiethom”;

6.

Jappoġġja l-opinjoni tal-ECA li, minħabba n-nuqqas ta’ proċeduri ta’ għażla speċifiċi għal staff kuntrattwali għal ħidmiet awżiljarji “(inkluż, per eżempju, l-użu ta’ kumitati ta’ għażla) ‘[…] id-dispożizzjonijiet applikati fil-Qorti tal-Ġustizzja ma jiżgurawx li f’każijiet bħal dawn ir-rekwiżiti relevanti stipulati fil-‘Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej’ huma segwiti għal kollox u li kull riskju ta’ għażla mhux oġġettiva huwa evitat”; jitlob għalhekk li proċeduri ta’ għażla xierqa jidħlu fis-seħħ għal din il-kategorija ta’ staff kuntrattwali wkoll;

7.

Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li, mill-1 ta’ Ottubru 2007, inħolqu żewġ unitajiet ta’ amministrazzjoni separati (unità tal-verifika interna u unità tal-verifika) b’żewġ kapijiet tal-unità differenti, li ttemm sitwazzjoni kkritikata fis-snin li għaddew kemm mill-ECA kif ukoll mill-Parlament fejn il-kap tas-Servizz tal-Verifika Interna kien responsabbli għal verifika ex-ante tal-operazzjonijiet tal-uffiċjali li jawtorizzaw;

8.

Jinnota b’sodisfazzjon li fit-12 ta’ Diċembru 2007 l-kumitat amministrattiv tal-ECJ emenda l-karta tal-missjoni tal-awditur intern sabiex il-programm ta’ ħidma annwali tal-unità tal-verifika interna jiġi adottat fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tar-riskji attwali li għalihom hija esposta l-organizzazzjoni;

9.

Jinnota li proċedura ġdida għar-rimi ta’ assi fissi ġiet introdotta, matul l-2007, fil-kuntest tat-tfassil ta’ sistema integrata ġdida għall-immaniġġjar u l-kontroll finanzjarju (SAP) li ħadet post is-sistema tal-kontijiet u tal-immaniġġjar finanzjarju Sucre-Abac fl-1 ta’ Jannar 2008; jilqa’ l-fatt li s-sistema SAP l-ġdida ġiet żviluppata fuq bażi interistituzzjonali mill-Kunsill, mill-Qorti tal-Awdituri u mill-Qorti tal-Ġustizzja, u b’hekk issarrfet f’iffrankar baġitarju sostanzjali u anke gwadanji fl-effiċjenza għat-tliet istituzzjonijiet involuti;

10.

Jilqa’ wkoll il-koperazzjoni istituzzjonali mal-ECA fir-rigward tat-taħriġ, koperazzjoni li ħalliet il-frott;

11.

Jilqa’ t-tnaqqis fl-għadd ta’ kuntratti nnegozjati, bħala proporzjon tal-għadd ta’ kuntratti mogħtija, minn 34 % fl-2006 għal 32 % fl-2007 (b’valur ta’ aktar minn EUR 60 000, wara l-emenda tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni (8) għar-Regolament Finanzjarju); iħeġġeġ lill-ECJ biex tkompli bl-isforzi tagħha biex tkompli tnaqqas dan il-proporzjon;

12.

Jinnota li fil-prattika l-2006 kienet it-tieni sena ta’ attività ġudizzjarja tat-Tribunal tas-Servizz Ċivili stabbilit reċentement wara li beda jopera f’Diċembru tal-2005, u li r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2007;

13.

Jilqa’ b’sodisfazzjon għar-raba’ sena konsekuttiva t-tnaqqis fiż-żmien li jittieħed għall-proċedimenti quddiem il-ECJ, kif ukoll żieda ta’ kważi 10 % mill-2006 fin-numru ta’ każijiet kompluti; madankollu jinnota bi tħassib li l-każijiet pendenti li għadhom lura żdiedu għat-tliet qrati, u b’mod partikolari għall-Qorti tal-Ewwel Istanza (+12 % minn 1 029 każ fl-2006 għal 1 154 fl-2007);

14.

Jemmen li din iż-żieda sostanzjali fin-numru ta’ każijiet pendenti quddiem il-Qorti tal-Ewwel Istanza hija mistennija li tikber fin-numru ta’ każijiet ġodda introdotti u għall-kumplessità u d-diversità dejjem jikbru tal-azzjonijiet li jinġiebu quddiemha; jappoġġja għal kollox l-isforzi tal-ECJ biex tirrevedi l-organizzazzjoni interna u l-proċeduri ta’ ħidma tagħha sabiex titjieb l-effiċjenza tagħha u jintlaħaq tnaqqis f’dawn il-każijiet li għadhom lura;

15.

Jilqa’ l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ rapport dwar it-tmexxija tal-baġit u tal-finanzi tal-ECJ għas-sena 2007 (9), li jakkumpanja l-kontijiet tal-ECJ għall-2007 u jitkellem fost l-oħrajn dwar ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet u joffri sommarju tat-trasferimenti tal-approprjazzjonijiet li jkunu saru matul is-sena finanzjarja 2007;

16.

Ifaħħar lill-ECJ għall-prattika stabbilita tagħha li tinkludi kapitolu fir-rapport tal-attivitajiet tagħha li jistabbilixxi s-segwitu matul is-sena għad-deċiżjonijijet ta’ kwittanza preċedenti tal-Parlament u r-rapporti tal-ECA;

17.

Jinnota li, minkejja emendi għar-Regolament Finanzjarju, ir-regoli dwar l-akkwisti għadhom ta’ piż eċċessiv għall-istituzzjonijiet iżgħar, bħal ma hi l-ECJ, speċjalment rigward offerti għal kuntratti għal ammonti relattivament żgħar; jistieden lill-Kummissjoni biex - meta tkun qed tagħmel xogħol preliminari ta’ qabel it-tfassil ta’ xi proposta futura tagħha għal amenda għar-Regolament Finanzjarju - tikkonsulta b’mod estensiv mar-Reġistratur tal-ECJ u l-amministrazzjoni tiegħu sabiex ikun żgurat li affarijiet li jirrigwardawhom jiġu meqjusa b’mod sħiħ fl-abbozz finali.

(1)   ĠU L 77, 16.3.2007.

(2)   ĠU C 287, 10.11.2008, p. 1.

(3)   ĠU C 286, 10.11.2008, p. 1.

(4)   ĠU C 287, 10.11.2008, p. 111.

(5)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)  2005: EUR 232.6 miljun.

(7)   ĠU C 223, 22.9.2007, p. 1.

(8)  Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1).

(9)   ĠU C 15, 21.1.2009, p. 1.