|
8.5.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
920 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tad-19 ta' Ġunju 2006
li tistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta' l-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali japplika għall-produzzjoni u l-bejgħ ta' l-elettriku fil-Finlandja, ħlief għall-Gżejjer Åland
(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 2337)
(It-testi bil-Finlandiż u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2006/422/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' xiri ta' entitajiet li joperaw fit-taqsimiet ta' l-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 30(4) u (6) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-rikjesta ppreżentata mir-Repubblika tal-Finlandja permezz ta' l-e-mail ta' l-20 ta' Frar 2006, u l-informazzjoni addizzjonali rikjesta mill-istaff tal-Kummissjoni permezz ta' l-e-mail ta' l-10 ta' Marzu 2006 u ppreżentata mir-Repubblika tal-Finlandja permezz ta' l-e-mail tat-23 ta' Marzu 2006,
Wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet ta' l-awtorità nazzjonali indipendenti, Kilpailuvirasto (l-Awtorità Finlandiża għall-Kompetizzjoni), li l-kondizzjonijiet għall-applikabilità ta' l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ser jintlaħqu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE jistipula li l-kuntratti previsti biex jippermettu li l-prestazzjoni ta' waħda mill-attivitajiet li għalih tapplika d-Direttiva ma jkunx suġġett għad-Direttiva jekk, fl-Istat Membru li tkun ser issir, l-attività tkun esposta direttament għal kompetizzjoni fi swieq li m'hemmx restrizzjonijiet ta' aċċess għalihom. L-espożizzjoni diretta għal kompetizzjoni tiġi evalwata fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi li jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tas-settur involut. L-aċċess ikun ikkunsidrat mhux ristrett jekk l-Istat Membru implimenta u applika l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Komunità għall-ftuħ ta' settur partikulari jew parti minnu. Din il-leġiżlazzjoni hi elenkata fl-Anness XI tad-Direttiva 2004/17/KE, li, għas-settur ta' l-elettriku, tirreferi għad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku (2). Id-Direttiva 96/92/KE ġiet issostitwita mid-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fl-elettriċità u tirrevoka d-Direttiva 96/92/KE (3), li tirrikjedi livell ogħla ta' ftuħ tas-suq. |
|
(2) |
Skond l-Artikolu 62(2) tad-Direttiva 2004/17/KE, Titolu III ta' din id-Direttiva li tistabbilixxi r-regoli dwar il-kompetizzjonijiet tad-disinn ta' servizzi ma japplikax għall-kompetizzjonijiet organizzati għall-iskop, fl-Istat Membru kkonċernat, ta' attività li għaliha l-applikabilità ta' l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva kienet stabbilita minn deċiżjoni tal-Kummissjoni jew li kienet ikkunsidrata applikabbli taħt it-tieni jew it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 30(4) jew ir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 30(5). |
|
(3) |
Ir-rikjesta ppreżentata mir-Repubblika tal-Finlandja tikkonċerna l-produzzjoni, inkluża l-ko-ġenerazzjoni, kif ukoll il-bejgħ (bl-ingrossa u bl-imnut) ta' l-elettriku. Is-suq bl-ingrossa fil-Finlandja b'mod wiesa' hu integrat fis-suq Nordiku ta' l-enerġija [id-Danimarka, in-Norveġja, l-Iżvezja u l-Finlandja]. Dan jikkonsisti f'suq kummerċjali bilaterali bejn il-ġeneraturi fuq naħa u l-fornituri u l-kumpaniji industrijali fuq in-naħa l-oħra, u l-iskambju volontarju ta' enerġija Nordika n-Nordpool li għandha suq immedjat u suq prospettiv. Għalhekk hemm żvilupp ċar lejn suq bl-ingrossa reġjonali, għalkemm ostakoli ta' trasmissjoni kultant jiddividu dan is-suq f'żoni ġeografiċi bi prezzijiet distinti, li l-Finlandja hi waħda minnhom. Għalhekk, skond l-awtoritajiet tal-Finlandja u n-Nordpool Finlandja, il-Finlandja kienet żona bi prezzijiet separati matul 9,3 % taż-żmien fl-2005 (4). Għal produzzjoni hemm ukoll żvilupp ċar lejn suq reġjonali, għalkemm ostakoli ta' trasmissjoni u l-limiti għall-kapaċitajiet (5) tal-konnessjonijiet bejn in-netwerks Finlandiżi u dawk ta' żoni oħra tal-Komunità u għar-Russja jistgħu jkollhom l-effett li temporanjament jillimitaw is-suq għat-territorju tal-Finlandja, ħlief għall-Gżejjer Åland. Iż-żona tas-suq bl-imnut tikkorrespondi għat-territorju tal-Finlandja, ħlief għall-Gżejjer Åland, peress li, kif ikkonfermat mill-awtoritajiet tal-Finlandja, in-negozjanti ta' l-elettriku mill-pajjiżi Nordiċi oħra li mhumiex stabbiliti fil-Finlandja għad mhumiex alternattiva konkreta safejn huma kkonċernati l-konsumaturi ż-żgħar jew ta' daqs medju. |
|
(4) |
Din l-evalwazzjoni, u l-oħrajn li jinstabu f'din id-Deċiżjoni, huma magħmula biss għall-iskopijiet tad-Direttiva 2004/17/KE u huma bla preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli fuq il-kompetizzjoni. |
|
(5) |
Il-Finlandja implimentat u applikat mhux biss id-Direttiva 96/92/KE iżda wkoll id-Direttiva 2003/53/KE, u għażlet qsim sħiħ fil-pussess għan-netwerks ta' trasmissjoni u qsim legali u funzjonali għan-netwerks tad-distribuzzjoni għall-iżgħar kumpaniji. Konsegwentement, u bi qbil ma' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 30(3), għandu jiġi kkunsidrat li l-aċċess għas-suq mhux ristrett. |
|
(6) |
L-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni għandha tiġi evalwata fuq il-bażi ta' indikaturi varji, li l-ebda wieħed minnhom mhu deċiżiv fih innifsu. |
|
(7) |
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew: Fir-rapport dwar il-progress fil-ħolqien tas-suq intern tal-gass u l-elettriku (6), minn issa 'l quddiem imsejjaħ ir-“Rapport 2005”, il-Kummissjoni stqarret li “ħafna swieq nazzjonali juru livell għoli ta' konċentrazzjoni ta' l-industrija, li jimpedixxi l-iżvilupp ta' kompetizzjoni effettiva” (7). Minħabba f'dan, huwa kkunsidrat li, fir-rigward tal-ġenerazzjoni ta' l-elettriku, “indikatur għal-livell tal-kompetizzjoni tas-swieq nazzjonali huwa s-sehem ta' l-akbar tliet produtturi tas-suq totali” (8). Skond l-“Anness Tekniku” (9), is-sehem kollu tas-suq tat-tliet ġeneraturi l-kbar tal-produzzjoni totali fis-suq Nordiku hi ta' 40 % (10), li hu livell baxx b'mod sodisfaċenti. Meta riferuti għat-territorju Finlandiż, l-ishma globali tas-suq ta' l-akbar tliet ġeneraturi huma, naturalment, ogħla (11). Madankollu, il-perjodi li fihom is-suq Finlandiż hu iżolat huma limitati (12). Għalhekk hemm matul partijiet sinifikanti tas-sena pressjoni kompetittiva mnissla mill-potenzjal li jkun akkwistat elettriku minn barra t-territorju Finlandiż, aktar u aktar peress li l-ebda ħlas ta' trasmissjoni mhu mħallas bejn il-pajjiżi Nordiċi. In-natura temporanja ta' konġestjonijiet qed timpedixxi investimenti fi ħdan it-territorju Finlandiż mingħajr rigward għall-produtturi l-oħra fis-suq Nordiku. Dawn il-fatturi għandhom għalhekk jittieħdu bħala indikazzjoni ta' espożizzjoni diretta għal kompetizzjoni għas-suq ta' produzzjoni kemm jekk meħud bħala suq nazzjonali Finlandiż jew bħala wieħed reġjonali li qed jitfaċċa. |
|
(8) |
Il-livelli ta' konċentrazzjoni u ta' likwidità huma wkoll indikaturi tajba ta' kompetizzjoni fis-suq bl-ingrossa għall-elettriku. Is-sehem tas-suq tan-Nord Pool Spot AS — l-iskambju volontarju ta' l-enerġija Nordika deskritt fil-premessa 3 — fl-2004 kien 42 % tat-twassil fiżiku fil-pajjiżi Nordiċi (13). Fir-rigward tas-suq reġjonali, dan hu f'livell sodisfaċenti. Barra minn dan, il-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni fil-kummerċ bl-ingrossa ta' l-elettriku huma b'mod qawwi influwenzati mill-kummerċ finanzjarju fl-elettriku fiż-żona tas-suq, li, f'termini ta' volum vija n-NordPool, jirrappreżentaw 1.5 darba ta' l-ammont ikkunsmat fil-pajjiżi Nordiċi (14) (u, jekk tranżazzjonijiet identifikati oħra bħalma hi l-OTC — Over The Counter jew bejgħ dirett — jiġu inklużi, aktar minn erba' darbiet ta' l-ammont (15)). Bħalma kien konkluż fl-Anness Tekniku (16), dan il-livell ta' likwidità għandu jkun ikkunsidrat li hu sodisfaċenti, jiġifieri hu b'tali mod li jikkostitwixxi indikatur ta' suq reġjonali li qed jiffunzjona tajjeb u li hu kompetittiv. Kif kien indikat hawn fuq, is-sitwazzjoni kompetittiva għandha wkoll tkun eżaminata peress li relatata mat-territorju Finlandiż biss. L-ewwelnett għandu mill-ġdid ikun enfasizzat li l-problemi ta' ostakoli li diġà ssemmew hawn fuq mhumiex konstanti, iżda temporanji. Għalhekk hemm il-pressjoni konstanti ta' kompetizzjoni mnissla mill-potenzjal li jkun akkwistat elettriku minn barra t-territorju Finlandiż, aktar u aktar peress li l-ebda ħlas ta' trasmissjoni mhu mħallas bejn il-pajjiżi Nordiċi. Barra minn hekk, il-prezzijiet għall-elettriku bl-ingrossa fil-Finlandja huma ffissati min-Nordpool. Dawn il-fatturi għandhom għalhekk jittieħdu bħala indikazzjoni ta' espożizzjoni diretta għal kompetizzjoni għas-suq bl-ingrossa kemm jekk meħud bħala suq nazzjonali Finlandiż jew bħala wieħed reġjonali li qed jitfaċċa. |
|
(9) |
Billi jkun ikkunsidrat id-daqs tal-pajjiż, in-numru ta' l-operaturi ekonomiċi fis-suq bl-imnut hu tabilħaqq kbir (aktar minn 60, numru konsiderevoli minnhom joffru s-servizzi tagħhom fuq bażi ta' firxa nazzjonali) bħalma hu n-numru ta' kumpaniji b'sehem fis-suq li jaqbeż il-5 %. Skond l-aħħar informazzjoni disponibbli, is-sehem kollu tas-suq ta' l-akbar tliet kumpaniji f'termini ta' forniment min-negozji żgħar jew ta' daqs medju kif ukoll lill-klijenti kummerċjali żgħar ħafna u djar hu b'mod sodisfaċenti f'livell baxx ta' 35 — 40 % (17). Dawn il-fatturi għandhom għalhekk jitqiesu bħala indikazzjoni ta' espożizzjoni diretta għal kompetizzjoni. |
|
(10) |
Il-mekkaniżmi tas-swieq ta' bilanċ għandhom ukoll ikunu kkunsidrati bħala indikaturi, mhux biss fir-rigward tal-produzzjoni iżda wkoll għas-swieq bl-ingrossa u bl-imnut. Fil-fatt, “kull parteċipant tas-suq li ma jsibhiex faċli li jqabbel il-portafoll tal-ġenerazzjoni tiegħu mal-karatteristiċi tal-klijenti tiegħu jista' jsib ruħu espost għad-differenza bejn il-prezz li bih l-operatur tas-sistemi ta' trasmissjoni [TSO — transmission system operator] ibigħ enerġija żbilanċjata, u l-prezz li bih jixtri lura l-produzzjoni żejda. Dawn il-prezzijiet jistgħu jkunu imposti jew direttament mir-regolatur fit-TSO; jew inkella jintuża mekkaniżmu bbażat fuq is-suq, li fih il-prezz huwa determinat minn offerti li jkunu għamlu produtturi oħra biex jirregolaw il-produzzjoni tagħhom 'il fuq jew 'l isfel … diffikultà ewlenija għall-parteċipanti żgħar titfaċċa meta jkun hemm riskju ta' firxa kbira bejn il-prezz tax-xiri mit-TSO u l-prezz tal-bejgħ. Dan jiġri f'numru ta' Stati Membri u x'aktarx ikun ta' xkiel għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni. Firxa kbira tista' tindika livell insuffiċjenti ta' kompetizzjoni fis-suq ta' bilanċ li jista' jkun dominat minn ġeneratur wieħed jew tnejn biss. Diffikultajiet ta' din ix-xorta jaggravaw ruħhom fejn l-utenti tan-netwerk mhumiex kapaċi jaġġornaw il-pożizzjoni tagħhom fi żmien kważi reali” (18). Hemm suq integrat ta' bilanċ fiż-żona Nordika għall-forniment ta' enerġija bbilanċjata u l-karatteristiċi prinċipali tiegħu (prezzijiet ibbażati fuq is-suq, dewmien ta' għeluq skond is-siegħa u differenzi baxxi fil-prezz) huma tali li għandhom ikunu kkunsidrati bħala indikatur ta' espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni. |
|
(11) |
Minħabba l-karatteristiċi tal-prodott involut (l-elettriku) u l-iskarsezza jew nuqqas ta' disponibilità ta' prodotti jew servizzi sostitwibbli, kompetizzjoni fil-prezz u formazzjoni ta' prezz jassumu importanza akbar meta jkun evalwat l-istat kompetittiv tas-swieq ta' l-elettriku. In-numru ta' klijenti li jibdlu l-fornitur huwa indikatur ta' kompetizzjoni bi prezz ġenwin u, b'hekk, indirettament, “indikatur naturali għall-effettività tal-kompetizzjoni. Jekk hemm ftit konsumaturi li qed jaqilbu, x'aktarx hemm problema b'kif qed jaħdem is-suq, anki jekk il-benefiċċji mill-possibbiltà li jsiru negozjati mill-ġdid mal-fornitur storiku ma għandhomx jiġu injorati” (19). Barra minn hekk, “l-eżistenza ta' prezzijiet regolati għall-utenti finali hi fattur determinanti ewlieni għall-imġiba tal-klijent … Għalkemm iż-żamma ta' kontrolli tista' tiġi ġustifikata waqt perjodu ta' transizzjoni, dawn se jikkawżaw b'mod akbar tagħwiġ peress li l-ħtieġa għall-investiment qed tavviċina” (20). |
|
(12) |
Fil-Finlandja, il-livell ta' bdil ta' fornitur għat-tliet kategoriji ta' utenti — utenti industrijali kbar jew kbar ħafna, negozji jew kummerċi żgħar jew ta' daqs medju, u negozji żgħar ħafna u utenti tad-djar — hu aktar minn 75 % għall-ewwel żewġ gruppi u 30 % għall-aħħar kategorija (21) u mhemmx kontroll ta' prezzijiet (22) għall-utent finali, jiġifieri, il-prezzijiet huma ffissati mill-operaturi ekonomiċi nfushom u ma għandhomx għalfejn ikunu approvati minn xi awtorità qabel l-applikazzjoni tagħhom. Is-sitwazzjoni fil-Finlandja hi għalhekk sodisfaċenti fejn jidħlu t-tibdil u l-kontroll tal-prezzijiet għall-utenti finali u għandha titqies bħala indikatur ta' l-espożizzjoni diretta għal kompetizzjoni. |
|
(13) |
Fid-dawl ta' l-indikaturi msemmija hawn fuq u minħabba l-istampa ġenerali ta' dan is-settur fil-Finlandja — b'mod partikulari l-punt safejn in-netwerks ġew isseparati mill-ġenerazzjoni/provvista u r-regolamentazzjoni effettiva ta' l-aċċess tan-netwerk — li tfeġġ mill-informazjoni sottomessa mir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Rapport ta' l-2005 u l-Anness Tekniku tiegħu, il-kondizzjoni ta' espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għandha titqies milħuqa fir-rigward tal-produzzjoni u l-bejgħ ta' l-elettriku fil-Finlandja, ħlief għall-Gżejjer Åland. Kif innotat hawn fuq fil-premessa 5, il-kondizzjoni l-oħra għall-aċċess ħieles għall-attività jrid jitqies bħala milħuq. B'riżultat ta' dan, id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika meta l-entitajiet kuntrattwali joffru kuntratti bl-għan li jippermettu li jkunu assigurati l-ġenerazzjoni ta' l-elettriku jew il-bejgħ ta' l-elettriku f'dawn iż-żoni ġeografiċi u lanqas meta huma jorganizzaw fil-post kompetizzjonijiet bl-iskop li hemm titkompla attività ta' din ix-xorta. |
|
(14) |
Din id-Deċiżjoni hi bbażata fuq is-sitwazzjoni legali u fattwali minn Frar 2006 kif tidher mill-informazzjoni mressqa mir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Rapport ta' l-2005 u l-Anness Tekniku tiegħu. Tista' tiġi riveduta, jekk xi tibdiliet sinifikanti fis-sitwazzjoni legali jew fattwali jfissru li l-kondizzjonijiet għall-applikabilità ta' l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma jistgħux jintlaħqu aktar. |
|
(15) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Direttiva 2004/17/EC ma tapplikax għall-kuntratti mogħtija mill-entitajiet kuntrattwali u bl-għan li jippermettulhom iwettqu l-ġenerazzjoni ta' l-elettriku jew il-bejgħ ta' l-elettriku fil-Finlandja, ħlief għall-Gżejjer Åland.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hi bbażata fuq is-sitwazzjoni legali u fattwali minn Frar 2006 kif tidher mill-informazzjoni mressqa mir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Rapport ta' l-2005 u l-Anness Tekniku tiegħu. Tista' tiġi riveduta, jekk xi tibdiliet sinifikanti fil-fatti jew fis-sitwazzjoni legali jfissru li l-kondizzjonijiet għall-applikabilità ta' l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma jistgħux jintlaħqu aktar.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Finlandja.
Magħmul fi Brussell, nhar id-19 ta' Ġunju 2006.
Għall-Kummissjoni
Charlie McCREEVY
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2083/2005 tad-19 ta' Diċembru 2005 (ĠU L 333, 20.12.2005, p. 28).
(2) ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20.
(3) ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37. Direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/85/KE (ĠU L 236, 7.7.2004, p. 10).
(4) Dan hu konsistenti mar-riżultati tar-Rapport Preliminari ta' l-Inkjesta tas-Settur dwar il-Kompetizzjoni fis-Swieq tal-Gass u l-Elettriku (f'dan li ġej imsejjaħ bħala “ir-Rapport Preliminari”), l-Anness B, p. 197, li sab li l-frekwenza ta' konġestjoni tal-konnessjoni Żvezja-Finlandja kienet ta' 8 % fl-ewwel tmien xhur ta' l-2005.
(5) Fl-ordni ta' madwar 28 % tat-talba massima.
(6) COM(2005) 568 finali tal-15.11.2005.
(7) Cf ir-Rapport ta' l-2005, p. 2.
(8) Cf ir-Rapport ta' l-2005, p. 7.
(9) Id-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni, Anness Tekniku għar-Rapport ta' l-2005, SEC(2005) 1448.
(10) Anness tekniku, p. 44, tabella 4.1.
(11) Skond ir-Rapport Preliminari, l-Anness C, p. 201, is-sehem globali kien ta' 75.6 % fl-2004.
(12) Għal 9.3 % taż-żmien fl-2005, cf. premessa 3.
(13) Anness Tekniku, p. 124.
(14) Ir-Rapport Preliminari, p. 112.
(15) Ara l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Finlandiżi u l-Anness Tekniku, p. 44, tabella 4.1.
(16) Anness Tekniku, p. 44.
(17) L-applikazzojoni Finlandiża u l-Anness Tekniku, p. 45.
(18) Anness Tekniku, p. 67.
(19) Rapport ta' l-2005, p. 9.
(20) Anness Tekniku, p. 17.
(21) Ir-Rapport ta' l-2005, p. 10.
(22) Anness Tekniku, p. 124.