Brussell, 8.12.2022

SWD(2022) 394 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokumenti

Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli tal-VAT għall-era diġitali

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni amministrattiva tal-VAT meħtieġa għall-era diġitali











Proposta għal REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward tar-rekwiżiti ta' informazzjoni għal ċerti skemi tal-VAT






{COM(2022) 701 final} - {COM(2022) 703 final} - {COM(2022) 704 final} - {SEC(2022) 433 final} - {SWD(2022) 393 final}


Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar il-VAT fl-era diġitali

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hija problema fil-livell tal-UE?

Id-diskrepanza bejn ir-regoli tal-VAT ta’ 30 sena ilu u r-realtà diġitali attwali toħloq problema b’żewġ aspetti:

1.Il-ġbir u l-kontroll subottimali tal-VAT – il-qafas leġiżlattiv tal-VAT tal-UE ma huwiex adattat bis-sħiħ biex jittratta r-realtà diġitali l-ġdida u huwa suxxettibbli għall-frodi.

2.Piżijiet eċċessivi u kostijiet ta’ konformità – l-ekonomija diġitali u mudelli ġodda ta’ negozju joħolqu sfidi u kostijiet ġodda għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa u n-negozji.

L-isfidi u l-benefiċċji potenzjali tad-diġitalizzazzjoni f’termini ta’ kontroll/ġlieda kontra l-frodi u t-tnaqqis tal-piż bħalissa ma humiex qed jiġu indirizzati bis-sħiħ. Il-problemi huma viżibbli b’mod speċjali fi tliet oqsma: (1) ir-rapportar tal-VAT (rekwiżiti ta’ rapportar diġitali (“DRR”)), fejn l-obbligu ta’ rapportar ma huwiex diġitali u l-Istati Membri qed jintroduċu DRRs li jvarjaw b’mod mhux koordinat; (2) it-trattament tal-VAT tal-ekonomija tal-pjattaformi, fejn in-negozju tradizzjonali u diġitali ma jiġux ittrattati b’mod ugwali; u (3) ir-reġistrazzjoni tal-VAT, fejn in-numru ta’ każijiet li fihom in-negozji jeħtieġ li jirreġistraw f’aktar minn Stat Membru wieħed għadu jista’ jitnaqqas. Ir-regoli tal-VAT għall-kummerċ transfruntier tal-UE jinvolvu aktar minn Stat Membru wieħed, min-natura tagħhom stess, u l-VAT hija taxxa li hija armonizzata fil-livell tal-UE.

X’għandu jinkiseb?

L-objettivi ġenerali tal-VAT fl-inizjattiva dwar l-era diġitali huma relatati mal-immodernizzar tas-sistema tal-VAT: (1) it-titjib tal-ġbir u l-kontroll tal-VAT; u (2) is-simplifikazzjoni, l-immodernizzar u l-kjarifika ta’ ċerti regoli tal-VAT.

L-objettivi speċifiċi tal-inizjattiva huma li: i) ittejjeb ir-rekwiżiti ta’ rapportar, billi tisfrutta l-opportunitajiet ipprovduti mid-diġitalizzazzjoni; ii) tippromwovi l-konverġenza u l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-IT; iii) toħloq kundizzjonijiet ekwi għan-negozji, irrispettivament mill-mudell tan-negozju tagħhom; iv) tnaqqas il-piż, il-frammentazzjoni u l-kostijiet assoċjati; u v) timinimizza l-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni għall-VAT f’diversi pajjiżi tal-UE.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)?

Id-dimensjoni intra-UE tal-frodi tal-VAT tirrikjedi intervent mill-UE. Id-daqs tad-diskrepanza tal-VAT 1 (u l-persistenza tagħha maż-żmien) jindika li l-istrumenti nazzjonali ma humiex biżżejjed biex jiġġieldu l-frodi transfruntiera u fil-kummerċ elettroniku, li tista’ tiġi miġġielda b’mod effiċjenti u effettiv biss permezz ta’ azzjoni koordinata u applikazzjoni uniformi fil-livell tal-UE.

Huma meħtieġa regoli armonizzati tal-VAT biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq uniku. Sabiex jiġu sfruttati l-benefiċċji sħaħ tas-suq uniku, in-negozji jeħtieġu regoli tal-VAT li jiġu applikati b’mod uniformi madwar l-UE minflok ma jkollhom jikkonformaw ma’ regoli differenti fil-livell nazzjonali. Dan jista’ jiġi żgurat biss permezz ta’ azzjoni fil-livell tal-UE.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma l-għażliet differenti biex jintlaħqu l-objettivi? Hemm għażla ppreferuta jew le? Jekk le, għaliex?

L-objettivi jistgħu jintlaħqu permezz ta’ taħlita ta’ diversi għażliet ta’ politika fit-tliet oqsma.

-Rapportar tal-VAT: l-għażliet huma: (1) ir-rakkomandazzjoni ta’ DRR tal-UE; (2) talba lin-negozji biex jirreġistraw id-data tranżazzjonali f’format(i) stabbilit(i) minn qabel; (3) l-introduzzjoni ta’ DRR fil-livell tal-UE; u (4) l-introduzzjoni ta’ DRR kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak domestiku.

-Trattament tal-VAT tal-ekonomija tal-pjattaformi: l-għażliet huma: (1) kjarifika legali tan-natura tas-servizzi pprovduti u l-istatus tal-fornitur, flimkien mas-simplifikazzjoni tal-obbligi taż-żamma tar-rekords; (2) l-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ “fornitur meqjus”, li biha l-pjattaforma tiġbor il-VAT fuq il-provvista għal (i) ċerti servizzi ta’ akkomodazzjoni u trasport, (ii) għas-servizzi kollha ta’ akkomodazzjoni u trasport jew (iii) għas-servizzi kollha pprovduti permezz tal-pjattaformi.

-Reġistrazzjoni tal-VAT: l-għażliet huma relatati mal-kummerċ intra-UE ( il-punt uniku ta’ servizz jew l-OSS) u mal-importazzjoni ta’ kunsinni ta’ valur baxx ( il-punt uniku ta’ servizz għall-importazzjoni jew l-IOSS):

oL-għażliet tal-OSS jinkludu: (1) estensjoni minuri tal-OSS li tkopri l-provvisti B2C 2 domestiċi kollha tal-oġġetti; (2) estensjoni usa’ tal-OSS li tkopri l-provvisti B2C domestiċi kollha tal-oġġetti u t-trasferiment transfruntier tal-oġġetti (proprja); u (3) l-introduzzjoni ta’ reverse charge għall-provvisti B2B 3 minn persuni mhux stabbiliti;

oL-għażliet tal-IOSS jinkludu: (1) li l-IOSS isir obbligatorju għal a) fornituri meqjusa, b) persuni taxxabbli li jbigħu mill-bogħod fl-UE li jaqbżu ċertu limitu, jew c) persuni taxxabbli li jbigħu mill-bogħod fl-UE, mingħajr limitu; u (2) it-tneħħija tal-limitu ta’ EUR 150 għall-użu tal-IOSS.

Peress li l-għadd totali ta’ għażliet fit-tliet oqsma problematiċi jippermetti mijiet ta’ kombinazzjonijiet possibbli, ġew ikkunsidrati ħames approċċi suċċessivi (status quo, minimalista, moderat, imtejjeb u massimu) li progressivament iżidu l-intensità tal-intervent tal-UE.

L-approċċ imtejjeb (li jgħaqqad l-introduzzjoni tad-DRRs fil-livell tal-UE, id-dispożizzjoni ta’ fornitur meqjus għas-setturi kollha tal-akkomodazzjoni u tat-trasport u taħlita ta’ estensjoni usa’ tal-OSS, reverse charge u IOSS obbligatorju) huwa bbilanċjat aħjar f’termini ta’ effettività, proporzjonalità u sussidjarjetà, filwaqt li l-approċċ massimu (li jinkludi wkoll id-DRRs domestiċi, is-servizzi kollha pprovduti permezz ta’ pjattaformi u t-tneħħija tal-limitu tal-IOSS ta’ EUR 150) għandu l-akbar effiċjenza.

X’inhi l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

Il-partijiet ikkonċernati qablu li kien hemm kunflitt bejn ir-regoli l-antiki tal-VAT u l-era diġitali tal-lum. Fir-rigward tar-rapportar tal-VAT, huma qablu li d-DRR jista’ jġib benefiċċji u għamlu l-preferenza tagħhom ċara għal soluzzjoni ta’ e-fatturazzjoni li tista’ tintuża wkoll għall-awtomatizzazzjoni interna tagħhom. L-Istati Membri appellaw għal aktar awtonomija fid-deċiżjoni dwar id-DRR domestiku. Il-partijiet ikkonċernati ġeneralment irrikonoxxew il-problemi bl-ekonomija tal-pjattaformi. Il-fehmiet tan-negozju huma aktar varjati, skont il-mudell tan-negozju tagħhom. Dawk li jiġu affettwati rrifjutaw l-għażla tal-fornitur meqjus u esprimew il-preferenza tagħhom għall-istatus quo. Fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-VAT, il-partijiet ikkonċernati qablu b’mod unanimu li l-ambitu tal-OSS/IOSS jeħtieġ li jiġi estiż. In-negozji talbu wkoll li jiġi inkluż mekkaniżmu ta’ tnaqqis fl-OSS jew, tal-anqas, reverse charge għall-provvisti B2B minn persuni mhux stabbiliti. Hemm ukoll appoġġ biex l-IOSS isir obbligatorju, iżda hemm anqas appoġġ għat-tneħħija tal-limitu ta’ EUR 150.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?

L-approċċ imtejjeb huwa aktar ibbilanċjat u huwa aħjar f’termini ta’ proporzjonalità u sussidjarjetà. Bejn l-2023 u l-2032, huwa mistenni li jġib bejn EUR 172 biljun u EUR 214-il biljun f’impatti netti meta mqabbla mal-linja bażi. L-approċċ massimu huwa aħjar f’termini ta’ effiċjenza, b’impatti netti li jvarjaw bejn EUR 303 biljun u EUR 386 biljun.

L-approċċ imtejjeb se jiffranka EUR 50,6 biljun bejn l-2023 u l-2032:

-EUR 41,4 biljun mir-rapportar tal-VAT (EUR 11-il biljun mit-tneħħija tal-obbligi ta’ rapportar, EUR 24,2 biljun mit-tnaqqis tal-kostijiet tal-frammentazzjoni, EUR 4,3 biljun bl-użu ta’ dikjarazzjonijiet tal-VAT mimlija minn qabel, u EUR 1,9 biljun mill-benefiċċji tal-e-fatturazzjoni);

-EUR 0,5 biljun mis-simplifikazzjoni u mill-kjarifiki fir-rigward tal-ekonomija tal-pjattaformi;

-EUR 8,7 biljun mit-tneħħija tal-obbligi tar-reġistrazzjoni tal-VAT.

Bejn l-2023 u l-2032, l-iffrankar għall-approċċ massimu huwa ogħla u jammonta għal EUR 65,9 biljun: EUR 56,7 biljun mir-rapportar tal-VAT (EUR 11-il biljun mit-tneħħija tal-obbligi ta’ rapportar, EUR 24,2 biljun mit-tnaqqis tal-kostijiet tal-frammentazzjoni, EUR 7 biljun bl-użu ta’ dikjarazzjonijiet tal-VAT mimlija minn qabel, u EUR 14,5-il biljun mill-benefiċċji tal-e-fatturazzjoni), EUR 0,5 biljun mis-simplifikazzjoni u mill-kjarifiki fir-rigward tal-ekonomija tal-pjattaformi, u EUR 8,7 biljun mit-tneħħija tal-obbligi tar-reġistrazzjoni tal-VAT.

Għaż-żewġ approċċi, hemm ukoll benefiċċji kwalitattivi tal-awtomatizzazzjoni ambjentali, soċjali u tan-negozju, kif ukoll benefiċċji relatati mal-funzjonament tas-suq uniku (kundizzjonijiet aktar ekwi) u l-effiċjenza fil-kontroll tat-taxxa.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?

In-negozji se jġarrbu l-kostijiet tal-piż amministrattiv addizzjonali li jirriżulta mill-introduzzjoni tad-DRRs. Bejn l-2023 u l-2032, dawn il-kostijiet huma mistennija li jkunu ta’ EUR 11,3-il biljun għall-approċċ imtejjeb u EUR 43,5 biljun għall-approċċ massimu. L-awtoritajiet tat-taxxa se jġarrbu l-kostijiet tal-implimentazzjoni assoċjati mal-introduzzjoni tad-DRRs, li mistennija jkunu ta’ madwar EUR 2,2 biljun fl-approċċ imtejjeb u EUR 3,4 biljun fl-approċċ massimu.

Hemm ukoll kostijiet kwalitattivi relatati mal-kunfidenzjalità tad-data. Dawn huma mistennija li jkunu ogħla għall-approċċ massimu, li jimplika aktar skambji ta’ data, milli għall-approċċ imtejjeb. Fil-qasam tal-ekonomija tal-pjattaformi, il-piżijiet addizzjonali huma relatati mal-amministrazzjoni tal-iskema tal-fornituri meqjusa (aktar setturi huma affettwati fl-approċċ massimu). Ma hemm l-ebda kost għan-negozji biex jestendu l-ambitu tar-reġistrazzjoni tal-VAT, u se jirċievu aktar benefiċċju minn sistemi diġà fis-seħħ.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u l-kompetittività?

L-introduzzjoni tad-DRR tal-UE tiġġenera kostijiet għan-negozji. Dan il-piż se jkun ogħla għall-intrapriżi mikro u żgħar, sal-punt li huma anqas probabbli li jibbenefikaw mill-awtomatizzazzjoni tan-negozju u huma inqas probabbli li joperaw b’mod transfruntier. Taħt l-għażliet għall-iskema tal-fornitur meqjus, il-pjattaforma tkun responsabbli għall-VAT minflok il-fornituri sottostanti żgħar. Dan ifisser li dawn il-fornituri sottostanti ma jkunux meħtieġa jirreġistraw u jagħtu rendikont tal-VAT huma stess u ma jkollhom l-ebda piż addizzjonali. Fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-VAT, 280 000 SME se jibbenefikaw mill-estensjoni tal-ambitu tal-OSS/IOSS u se jiffrankaw sa EUR 0,34 biljun f’kostijiet ta’ darba u sa medja ta’ EUR 0,67 biljun f’kostijiet annwali kontinwi, li jammontaw għal total ta’ EUR 7 biljun għall-2023-2032.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Bejn EUR 135 biljun u EUR 177 biljun ta’ dħul addizzjonali mill-VAT (0,1 % tal-medja annwali tal-PDG, 2023-2032) huwa mistenni għall-approċċ imtejjeb u bejn EUR 284 biljun u EUR 367 biljun ta’ dħul addizzjonali mill-VAT (0,2 % tal-medja annwali tal-PDG, 2023-2032) huwa mistenni għall-approċċ massimu.

Bejn l-2023 u l-2032, l-amministrazzjonijiet nazzjonali huma mistennija li jkollhom kostijiet ta’ implimentazzjoni ta’ bejn EUR 2,2 biljun (approċċ imtejjeb) u EUR 3,4 biljun (approċċ massimu).

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħrajn?

L-ebda impatt sinifikanti ieħor.

Proporzjonalità?

Kemm l-approċċ imtejjeb kif ukoll dak massimu jissodisfaw l-objettivi tal-inizjattiva b’mod proporzjonat, iżda l-approċċ imtejjeb jidher li huwa aktar proporzjonat.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Il-Kummissjoni se tevalwa l-funzjonament tal-leġiżlazzjoni l-ġdida 5 snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha.

(1)

   Id-Diskrepanza tal-VAT hija d-differenza ġenerali bejn id-dħul mistenni mill-VAT ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni tal-VAT u r-regolamenti anċillari u l-ammont effettivament miġbur: https://ec.europa.eu/taxation_customs/business/vat/vat-gap_en .

(2)

   Min-Negozju għall-Konsumatur.

(3)

   Bejn Negozju u Ieħor.