SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)
12 ta’ Frar 2025 ( *1 )
“Unjoni ekonomika u monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2018 – Artikoli 4, 14 u 16 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/63 – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”
Fil-Kawża T‑406/18,
de Volksbank NV, stabbilita f’Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn A. Kleinhout, T. Waterbolk, P. Post u M. van Zandvoort, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn D. Ceran u C. De Falco, bħala aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, F. Louis u P. Gey, avukati,
konvenut,
sostnut minn
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u A. Steiblytė, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),
komposta minn A. Kornezov, President, E. Buttigieg, G. Hesse, D. Petrlík (Relatur) u L. Spangsberg Grønfeldt, Imħallfin,
Reġistratur: S. Jund, amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tad‑9 ta’ Lulju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, de Volksbank NV, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) SRB/ES/2022/46 tat‑8 ta’ Awwissu 2022, li tirtira d-Deċiżjoni tas-SRB SRB/ES/SRF/2018/03 tat‑12 ta’ April 2018 dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2018 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, sa fejn din tikkonċerna l-istituzzjonijiet imsemmija fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni u tikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2018 ta’ dawn l-istituzzjonijiet għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din tikkonċernaha. |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u l‑fatti sussegwenti għall‑preżentata tar‑rikors
|
2 |
Ir-rikorrenti, li qabel kienet SNS Bank NV, hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
|
3 |
Fl‑2016, il-grupp kompost minn SNS Bank u miż-żewġ sussidjarji tagħha, ASN Bank NV u RegioBank NV, kien is-suġġett ta’ ristrutturazzjoni li fi tmiemha, fil‑31 ta’ Diċembru 2016, dawn iż-żewġ sussidjarji ġew assorbiti minn SNS Bank u, fl‑1 ta’ Jannar 2017, din ingħatat l-isem ġdid ta’ de Volksbank (iktar ’il quddiem il-“fużjoni tal‑2016”). |
|
4 |
L-assorbiment ta’ ASN Bank u ta’ RegioBank (iktar ’il quddiem is-“sussidjarji assorbiti”) minn SNS Bank fil‑31 ta’ Diċembru 2016 wassal għall-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet bankarji ta’ dawn l-ewwel żewġ istituzzjonijiet, b’tali mod li r-rikorrenti baqgħet, fl‑2017, l-unika istituzzjoni li kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1). |
|
5 |
Permezz tad-deċiżjoni SRB/ES/SRF/2018/03 tat‑12 ta’ April 2018, is-SRB stabbilixxa, konformement mal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni (SRF) (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjonijiet ex ante”) għas-sena 2018 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ kontribuzzjoni 2018”), tal-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2 tal-Artikolu 67(4) ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet”), fosthom ir-rikorrenti. |
|
6 |
Permezz ta’ avviż għall-ħlas tat‑23 ta’ April 2018, De Nederlandsche Bank NV (DNB, Bank tal-Pajjiżi l-Baxxi), fil-kwalità tagħha ta’ awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014, ordnat lir-rikorrenti tħallas il-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2018, kif kienet ġiet stabbilita mis-SRB. |
|
7 |
Fit‑8 ta’ Awwissu 2022, is-SRB adotta d-deċiżjoni kkontestata. Skont l-Artikolu 1 tad-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, din tal-aħħar tirtira d-deċiżjoni msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”) fir-rigward tal-istituzzjonijiet imsemmija fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata. Mill-premessi 15 sa 18 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din hija intiża li tirrimedja n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni inizjali li s-SRB kien ikkonstata wara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601), u d-digrieti tat‑3 ta’ Marzu 2022, SRB vs Portigon u Il‑Kummissjoni (C‑664/20 P, mhux ippubblikat, EU:C:2022:161), u tat‑3 ta’ Marzu 2022, SRB vs Hypo Vorarlberg Bank (C‑663/20 P, mhux ippubblikat, EU:C:2022:162). |
Id‑deċiżjoni kkontestata
|
8 |
Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi parti prinċipali u tliet annessi. |
|
9 |
Il-parti prinċipali tad-deċiżjoni kkontestata tiddeskrivi l-proċess ta’ determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2018, li huwa applikabbli għall-istituzzjonijiet kollha. |
|
10 |
B’mod iktar partikolari, fit-Taqsima 6 tal-imsemmija deċiżjoni, is-SRB iddetermina l-livell annwali fil-mira, imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad‑19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 15, p. 1), għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2018 (iktar ’il quddiem il-“livell annwali fil-mira”). |
|
11 |
Barra minn hekk, is-SRB spjega li huwa kien stabbilixxa l-livell fil-mira annwali għal wieħed minn tmienja ta’ 1.15 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha fl‑2017, ikkalkolat fuq bażi trimestrali, kif kien inkiseb abbażi tad-data kkomunikata mill-iskemi ta’ garanzija għal depożiti konformement mal-Artikolu 16 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal‑21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38). |
|
12 |
Fit-Taqsima 7 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB iddeskriva l-metodu li għandu jiġi segwit għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2018. |
|
13 |
Fit-Taqsima 7 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega wkoll li l-istituzzjonijiet, minbarra dawk li kienu jħallsu kontribuzzjoni f’daqqa fid-dawl tad-daqs tagħhom, kellhom iħallsu kontribuzzjoni ex ante aġġustata għall-profil tar-riskju tagħhom, li kienet ġiet stabbilita billi segwa l-fażijiet prinċipali li ġejjin. |
|
14 |
Fl-ewwel fażi, is-SRB ikkalkola, konformement mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, il- “kontribuzzjoni annwali bażika” ta’ kull istituzzjoni. Għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, is-SRB qabelxejn ħa inkunsiderazzjoni t-total tal-passiv tal-istituzzjoni kkonċernata li kien jinkludi b’mod partikolari l-ammonti tal-kapital u tad-depożiti koperti (iktar ’il quddiem it-“total tal-passiv”), kif kien ippreżentat fil‑31 ta’ Diċembru 2016. Sussegwentement, huwa naqqas mit-total tal-passiv il-kapital u l-medja tad-depożiti koperti ta’ din l-istituzzjoni fl‑2016, ikkalkolata fuq bażi trimestrali, sabiex jikseb il-passiv nett tiegħu (iktar ’il quddiem il-“passiv nett”). Fl-aħħar nett, is-SRB għamel paragun bejn il-passiv nett tal-imsemmija istituzzjoni u l-passiv nett tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri kollha parteċipanti fil-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM). |
|
15 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2018, is-SRB ikkalkola l-passiv nett tal-istituzzjonijiet ikkonċernati u, għaldaqstant, il-kontribuzzjoni annwali bażika tagħhom billi ħa inkunsiderazzjoni l-ammont tat-total tal-passiv ta’ dawn l-istituzzjonijiet abbażi tad-data tal‑31 ta’ Diċembru 2016 u billi naqqas l-ammont medju tad-depożiti koperti, ikkalkolat fuq bażi trimestrali, tal-imsemmija istituzzjonijiet matul is-sena 2016. |
|
16 |
Konformement mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, is-SRB naqqas ċerti tipi ta’ passiv mill-passiv nett tal-istituzzjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni annwali bażika. |
|
17 |
Fit-tieni fażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante, is-SRB wettaq aġġustament tal-kontribuzzjoni annwali bażika skont il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni kkonċernata, konformement mal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014. |
|
18 |
Sussegwentement, is-SRB żied il-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi kollha aġġustati skont il-profili tar-riskju sabiex jinkiseb “denominatur komuni” wżat sabiex tiġi kkalkolata l-parti tal-livell annwali fil-mira li kull istituzzjoni kellha tħallas. |
|
19 |
Fl-aħħar nett, is-SRB ikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni billi qassmet il-livell annwali fil-mira bejn l-istituzzjonijiet kollha abbażi tal-proporzjon eżistenti bejn il-kontribuzzjoni annwali bażika aġġustata skont il-profil tar-riskju, minn naħa, u d-denominatur komuni, min-naħa l-oħra. |
It‑talbiet tal‑partijiet
|
20 |
Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, fir-rikors, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
21 |
Fin-nota ppreżentata fis‑26 ta’ Settembru 2022 u intitolata “Osservazzjonijiet dwar l-adozzjoni mill-ġdid tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑406/18” (iktar ’il quddiem in-“nota tas‑26 ta’ Settembru 2022”), ir-rikorrenti titlob, barra minn hekk, li r-rikors tagħha jitqies li għandu bħala suġġett l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
22 |
Is-SRB jitlob inizjalment li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
23 |
Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nota tas‑26 ta’ Settembru 2022, is-SRB jitlob, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkonstata li r-rikors ma għadx għandu skop u tiċħdu bħala inammissibbli. |
|
24 |
Il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id‑dritt
|
25 |
Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB kiser diversi regoli tad-dritt meta kkalkola l-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2018 u, b’mod partikolari, meta applika l-metodu għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika tagħha. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tikkritika lis-SRB talli kkalkola l-passiv nett tagħha abbażi tad-data relatata ma’ dati differenti, peress li s-SRB uża data ta’ wara l-fużjoni tal‑2016 sabiex jiddetermina l-ammont tat-total tal-passiv tagħha filwaqt li kien uża, parzjalment, data preċedenti għal din il-fużjoni sabiex jiddetermina l-ammont tad-depożiti koperti tagħha. Tali metodu għalhekk kien iwassal għal sopravalutazzjoni tal-passiv nett tagħha. |
|
26 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, ibbażati:
|
|
27 |
Għandhom jiġu eżaminati, qabel kollox, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mis-SRB, u sussegwentement il-motivi mqajma mir-rikorrenti. |
Fuq l‑ammissibbiltà
|
28 |
Fin-nota tas‑26 ta’ Settembru 2022, ir-rikorrenti ssostni li, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma ssolvix il-problema legali li kienet preżenti fid-deċiżjoni inizjali, jiġifieri l-użu ta’ data mhux paragunabbli għall-kalkolu tal-passiv nett tagħha, ma kienx neċessarju li tadatta r-rikors tagħha skont l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, hija titlob lill-Qorti Ġenerali tqis, sa fejn huwa neċessarju, dan ir-rikors bħala dirett ukoll kontra d-deċiżjoni kkontestata. |
|
29 |
Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nota tas‑26 ta’ Settembru 2022, is-SRB qajjem, essenzjalment, żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, l-ewwel waħda kontra t-talbiet tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni inizjali u t-tieni waħda kontra n-nota tas‑26 ta’ Settembru 2022. |
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talbiet kontra d‑deċiżjoni inizjali
|
30 |
Is-SRB isostni li t-talbiet diretti kontra d-deċiżjoni inizjali huma inammissibbli, peress li t-talba għal annullament kontra din id-deċiżjoni ma għadx kellha skop, peress li din ġiet irtirata ex tunc. |
|
31 |
Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ddikjarat li hija kienet ser tirrinunzja għat-talbiet tagħha kontra d-deċiżjoni inizjali jekk il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li din id-deċiżjoni kienet ġiet irtirata u ssostitwita bid-deċiżjoni kkontestata. |
|
32 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata tindika li s-SRB qies xieraq li jirtira u jissostitwixxi d-deċiżjoni inizjali fir-rigward tal-istituzzjonijiet imsemmija fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
33 |
Għalhekk, l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li din id-deċiżjoni “tirtira” d-deċiżjoni inizjali fir-rigward tal-istituzzjonijiet imsemmija fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata, peress li r-rikorrenti tissemma f’dan l-anness. |
|
34 |
Sussegwentement, kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, din tapprova l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2018, kif imwettaq fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni, peress li dan l-anness jipprevedi l-kalkolu ta’ tali kontribuzzjoni wkoll għar-rikorrenti. |
|
35 |
Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fit‑8 ta’ Awwissu 2022 u, skont dak li jipprevedi l-Artikolu 4 tad-dispożittiv tagħha, din daħlet fis-seħħ fit‑12 ta’ April 2018, jiġifieri fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjonijiet inizjali. |
|
36 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kif isostni s-SRB, id-deċiżjoni inizjali ġiet irtirata u ssostitwita bid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-rikorrenti. |
|
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti għandha titqies li rrinunzjat, waqt is-seduta, għat-talbiet tagħha kontra d-deċiżjoni inizjali. Għaldaqstant, ma għadx hemm lok li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mis-SRB kontra dawn it-talbiet. |
Fuq l‑adattament tar‑rikors
|
38 |
Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nota tas‑26 ta’ Settembru 2022, is‑SRB isostni li r-rikorrenti ma adattatx ir-rikors, il-motivi u t-talbiet tagħha fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, in-nota tas‑26 ta’ Settembru 2022 ma tistax titqies bħala nota ta’ adattament fis-sens tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, peress li ma turix l-intenzjoni, min-naħa tar-rikorrenti, li tadatta r-rikors tagħha. Barra minn hekk, din in-nota hija intitolata “Osservazzjonijiet dwar l-adozzjoni mill-ġdid tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑406/18”, u mhux “Nota ta’ adattament”. |
|
39 |
Min-naħa l-oħra, anki li kieku jiġi preżunt li n-nota tas‑26 ta’ Settembru 2022 tista’ titqies bħala nota ta’ adattament, din ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà li japplikaw għal tali noti. Fil-fatt, fin-nota tas‑26 ta’ Settembru 2022, ir-rikorrenti ma adattatx mingħajr ambigwità t-talbiet tagħha li jinsabu fir-rikors, peress li hija naqset milli tikklassifika l-motivi mqajma kontra d-deċiżjoni inizjali bħala motivi diretti kontra d-deċiżjoni kkontestata. |
|
40 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 86(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-verżjoni applikabbli f’dak iż-żmien, jirriżulta li meta att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’, qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, jadatta r-rikors tiegħu sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element ġdid. L-adattament tar-rikors għandu jsir permezz ta’ att separat u fit-terminu, previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li fih jista’ jintalab l-annullament tal-att li jiġġustifika l-adattament tar-rikors. |
|
41 |
Konformement mal-Artikolu 86(4)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura, in-nota ta’ adattament tar-rikors għandha tinkludi, b’mod partikolari, it-talbiet adattati kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-motivi u l-argumenti adattati. |
|
42 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm huwa perfettament ġustifikat li jiġu imposti ċerti rekwiżiti formali fir-rigward ta’ adattament tar-rikors, tali rekwiżiti ma jikkostitwixxux għan fihom innifishom, u huma intiżi, għall-kuntrarju, sabiex jiġu żgurati n-natura kontradittorja tal-proċedura u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Issa, ikun kuntrarju għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-ekonomija tal-ġudizzju li rikorrent, li jkun adatta t-talbiet tiegħu, jintalab jirrepeti fin-nota ta’ adattament tar-rikors motivi u argumenti identiċi għal dawk żviluppati kontra l-att ikkontestat inizjalment (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2019, Haswani vs Il‑Kunsill, C‑313/17 P, EU:C:2019:57, punti 35 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura ma jimponix titolu speċifiku sabiex att ta’ rikorrent ikun jista’ jitqies bħala nota ta’ adattament fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Sabiex jiġi eżaminat jekk tali att ikunx jikkostitwixxi nota ta’ adattament fis-sens tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, għandu għalhekk isir riferiment għas-sustanza tiegħu. |
|
44 |
F’dak li jirrigwarda, f’dan il-każ, in-nota tas‑26 ta’ Settembru 2022, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li fiha r-rikorrenti tirrileva li d-deċiżjoni kkontestata rtirat u ssostitwixxiet id-deċiżjoni inizjali, tagħmel riferiment għall-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura u titlob lill-Qorti Ġenerali tqis ir-rikors tagħha bħala dirett ukoll kontra d-deċiżjoni kkontestata. |
|
45 |
Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti sostniet, fin-nota tas‑26 ta’ Settembru 2022, li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx issolvi l-problema legali mqajma f’din il-kawża u li anki s-SRB kien indika, permezz tal-ittra tat‑12 ta’ Mejju 2022 li tinforma lill-Qorti Ġenerali bl-intenzjoni tiegħu li jirtira d-deċiżjoni inizjali, li d-deċiżjoni kkontestata ma kellhiex effett fuq il-kontenut tal-motivi tagħha. B’hekk, ir-rikorrenti indikat li ma qisitx neċessarju li tbiddel il-motivi tagħha, kif kienu ġew invokati fir-rikors. |
|
46 |
Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punti 7 u 32 sa 36 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata rtirat u ssostitwixxiet id-deċiżjoni inizjali sabiex tirrimedja n-nuqqas ta’ motivazzjoni tagħha li s-SRB kien ikkonstata wara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601), u d-digrieti tat‑3 ta’ Marzu 2022, SRB vs Portigon u Il-Kummissjoni (C‑664/20 P, mhux ippubblikat, EU:C:2022:161), u tat‑3 ta’ Marzu 2022, SRB vs Hypo Vorarlberg Bank (C‑663/20 P, mhux ippubblikat, EU:C:2022:162). |
|
47 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi fatt li jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni inizjali ma għandux effett fuq il-kwistjoni ċentrali mqajma minn dan ir-rikors li tirrigwarda l-metodoloġija wżata mis-SRB sabiex jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti u b’mod iktar speċifiku sabiex jiddetermina l-passiv nett tagħha. |
|
48 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti setgħet ma tqisx neċessarju li tbiddel il-motivi invokati u l-argumenti mressqa insostenn tar-rikors tagħha wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
49 |
Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, fin-nota tas‑26 ta’ Settembru 2022, ir-rikorrenti espliċitament iddikjarat li hija xtaqet iżżomm ir-rikors kollu tagħha, fis-sens li l-argumenti mressqa u l-motivi invokati fir-rikors kienu japplikaw ukoll fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
50 |
Għaldaqstant, in-nota tas‑26 ta’ Settembru 2022 tikkostitwixxi nota ta’ adattament tar-rikors li kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura. |
|
51 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din in-nota għandha tiġi ddikjarata bħala ammissibbli u, konsegwentement, għandu jitqies li r-rikors issa huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti. Fuq il‑mertu |
Fuq l‑ewwel motiv ibbażat fuq il‑ksur tal‑Artikolu 103(2) tad‑Direttiva 2014/59, tal‑Artikolu 70(2) tar‑Regolament Nru 806/2014 u tal‑Artikolu 4(1) tar‑Regolament Delegat 2015/63, minħabba l‑użu ta’ data mhux paragunabbli għad‑determinazzjoni tal‑passiv nett tar‑rikorrenti
|
52 |
Ir-rikorrenti tikkritika lis-SRB talli uża data relatata ma’ dati differenti għall-kalkolu tal-passiv nett tagħha, sa fejn is-SRB kiseb l-ammont tat-total tal-passiv tagħha fuq il-bażi tad-data tal‑31 ta’ Diċembru 2016, filwaqt li kkalkola l-ammont tad-depożiti koperti tagħha abbażi ta’ medja trimestrali tas-sena 2016. Billi segwa tali approċċ, is-SRB kiser l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59, l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Delegat 2015/63. |
|
53 |
Fil-fatt, minħabba l-fużjoni tal‑2016 bejn ir-rikorrenti u s-sussidjarji assorbiti, it-total tal-passiv ibbażat fuq id-data tal-aħħar tas-sena tar-rikorrenti jinkludi l-passiv tar-rikorrenti, kif ukoll ta’ dawn is-sussidjarji, filwaqt li billi uża l-ammont medju tad-depożiti koperti tar-rikorrenti, is-SRB ma ħax inkunsiderazzjoni d-depożiti koperti ta’ dawn l-istituzzjonijiet matul l-ewwel tliet trimestri. Is-SRB għalhekk ma kienx naqqas id-depożiti koperti kollha inklużi fil-karta tal-bilanċ tar-rikorrenti fil‑31 ta’ Diċembru 2016, li jmur kontra l-loġika tat-tnaqqis tal-imsemmija depożiti. |
|
54 |
Barra minn hekk, permezz ta’ tali metodu ta’ kalkolu tal-passiv nett tar-rikorrenti, is-SRB ma evalwax debitament is-sitwazzjoni fattwali tagħha. B’mod partikolari, is-SRB ibbaża ruħu fuq data sussegwenti għall-fużjoni tal‑2016 sabiex jikkalkola t-total tal-passiv tagħha, u b’hekk ħa inkunsiderazzjoni wkoll l-passiv tas-sussidjarji assorbiti. Għall-kuntrarju, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tad-depożiti koperti, huwa bbaża ruħu fuq data li hija parzjalment preċedenti għal din il-fużjoni u li għalhekk tikkonċerna biss is-sitwazzjoni tar-rikorrenti u mhux dik tal-imsemmija sussidjarji. Issa, tali metodu ma jippermettix li jiġi rifless il-profil ta’ riskju reali tar-rikorrenti, sa fejn dan kien iwassal għal sopravalutazzjoni tad-daqs tagħha u tar-riskju assoċjat. |
|
55 |
Barra minn hekk, huwa b’mod żbaljat li s-SRB isostni li l-metodu tiegħu jirriżulta mil-leġiżlazzjoni applikabbli. Fil-fatt, dan il-metodu la huwa preskritt mill-Artikolu 4(1) u (2), la mill-Artikolu 14(1) u (4) u lanqas mill-Artikolu 16 tar-Regolament Delegat 2015/63. |
|
56 |
Is-SRB isostni li l-argument tal-Kummissjoni ma huwiex fondat. |
|
57 |
L-ewwel nett, is-SRB applika l-istess metodu għall-istituzzjonijiet kollha, b’tali mod li, permezz tal-argument tagħha, ir-rikorrenti titlob essenzjalment li tiġi ttrattata b’mod differenti mill-istituzzjonijiet l-oħra. Issa, tali trattament ma huwiex iġġustifikat. |
|
58 |
It-tieni nett, il-metodu ta’ kalkolu tad-depożiti koperti, kif applikat mid-deċiżjoni kkontestata, huwa konformi mal-Artikoli 4, 5, 14 u 16 tar-Regolament Delegat 2015/63. |
|
59 |
It-tielet nett, ir-rikorrenti ma tasalx sabiex tiddetermina kif il-kalkolu mwettaq mis-SRB jikser l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59 jew l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014. L-argument tagħha huwa bbażat biss fuq allegazzjonijiet ibbażati fuq prinċipji astratti ta’ koerenza u ta’ ekwità. |
|
60 |
Ir-raba’ nett, l-użu tal-ammont medju tad-depożiti koperti jippermetti li jiġi żgurat metodu ta’ kalkolu iktar preċiż tal-kontribuzzjonijiet ex ante minn dak imwettaq abbażi tal-ammont totali tad-depożiti koperti fi tmiem is-sena kalendarja. |
|
61 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat 2015/63 b’applikazzjoni ta’ delega ta’ setgħa li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea taha permezz tal-Artikolu 103(7) u (8) tad-Direttiva 2014/59, sabiex, b’mod partikolari, jiġi ppreċiżat il-kunċett ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet u l-obbligi fil-qasam tal-provvista ta’ informazzjoni. Dan ir-Regolament Delegat sar applikabbli, permezz tal-Artikolu 70(6) tar-Regolament Nru 806/2014, għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante miġbura abbażi ta’ dan ir-regolament. |
|
62 |
Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-ewwel stadju tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante u, b’mod partikolari, il-metodu wżat mis-SRB sabiex jiddetermina l-passiv nett tagħha għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika tagħha. |
|
63 |
F’dan ir-rigward, mill-premessi 27, 28 u 31 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet tas-SRB waqt is-seduta, jirriżulta li, sabiex jikkalkola l-passiv nett tar-rikorrenti u, għaldaqstant, il-kontribuzzjoni annwali bażika tagħha, is-SRB uża, minn naħa, l-ammont tat-total tal-passiv tar-rikorrenti fil‑31 ta’ Diċembru 2016, billi bbaża ruħu għalhekk fuq data sussegwenti għall-fużjoni tal‑2016, u, min-naħa l-oħra, l-ammont medju tad-depożiti koperti tagħha, ikkalkolat fuq bażi trimestrali, matul is-sena 2016, u għalhekk dan l-ammont kien iddeterminat abbażi ta’ data li kienet fil-parti l-kbira preċedenti għall-imsemmija fużjoni. |
|
64 |
Ir-rikorrenti ssostni għalhekk li, billi uża l-metodu deskritt fil-punt 63 iktar ’il fuq, is-SRB kiser l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59, l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Delegat 2015/63. Barra minn hekk, billi ssostni li l-applikazzjoni tal-imsemmi metodu ma kinitx tippermetti lis-SRB jieħu debitament inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fattwali tagħha u l-profil ta’ riskju reali tagħha, hija ssostni, fir-realtà, li s-SRB kellu japplika l-imsemmija dispożizzjonijiet fid-dawl tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li jeżiġi li l-korpi tal-Unjoni jeżaminaw bir-reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. |
|
65 |
Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan l-argument, għandu qabelxejn jitfakkar li mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 jirriżulta li s-SRB għandu jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn din tal-aħħar konformement mal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament delegat. |
|
66 |
L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 jistabbilixxi li l-istituzzjonijiet għandhom jipprovdu lis-SRB l-aħħar rapporti finanzjarji annwali approvati disponibbli mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel il-perijodu ta’ kontribuzzjoni (iktar ’il quddiem is-“sena N-1”). Dawk ir-rapporti finanzjarji għandhom ikunu akkumpanjati mill-opinjoni tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar statutorja. |
|
67 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl taż-żmien neċessarju sabiex jiġu ffinalizzati tali dikjarazzjonijiet finanzjarji, din l-informazzjoni tirrigwarda, bħala regola ġenerali, is-sena ta’ qabel tal-aħħar preċedenti għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni kkonċernat jew, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, sena finanzjarja li bdiet matul din is-sena ta’ qabel tal-aħħar u li ngħalqet matul is-sena N-1 (iktar ’il quddiem, għal dawn iż-żewġ perijodi, is-“sena ta’ referenza N-2”). |
|
68 |
Għalhekk, minn interpretazzjoni konġunta tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 jirriżulta li s-SRB għandu jikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante abbażi tal-informazzjoni relatata mal-aħħar dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali approvati u ċċertifikati disponibbli fil‑31 ta’ Diċembru tas-sena N-1 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2019, State Street Bank International, C‑255/18, EU:C:2019:967, punt 42), peress li din l-informazzjoni hija relatata mad-dikjarazzjonijiet finanzjarji li jirreferu għas-sena ta’ referenza N-2. |
|
69 |
F’dan il-kuntest, is-SRB isostni li l-Artikolu 4(2) kif ukoll l-Artikoli 5 u 16 tar-Regolament Delegat 2015/63 jinkludu indikazzjonijiet dwar il-mumenti tas-sena ta’ referenza N-2 li huma rilevanti sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tad-depożiti koperti li jitnaqqas mit-total tal-passiv fil-kuntest tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika. B’mod iktar konkret, skont is-SRB, mill-imsemmija dispożizzjonijiet jirriżulta li tali mumenti jikkorrispondu għat-tmiem tat-trimestri tas-sena ta’ referenza N-2, b’tali mod li huwa kellu jieħu inkunsiderazzjoni, għall-imsemmi kalkolu, l-ammont medju tad-depożiti koperti matul din is-sena, ikkalkolat fuq bażi trimestrali. |
|
70 |
Sabiex jiġi eżaminat dan il-motiv, ma huwiex neċessarju li jiġi evalwat jekk l-Artikolu 4(2) u l-Artikoli 5 u 16 tar-Regolament Delegat 2015/63 jippermettux, jew saħansitra jobbligawx, lis-SRB jieħu inkunsiderazzjoni tali ammont medju tad-depożiti koperti, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi. |
|
71 |
Fil-fatt, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti jirriżulta li din ma tikkontestax neċessarjament l-użu tal-ammont medju tad-depożiti koperti, ikkalkolat fuq bażi trimestrali, għall-kalkolu tal-passiv nett, iżda li hija tilmenta li s-SRB, qabel kollox, uża data relatata ma’ mumenti differenti għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu. |
|
72 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk, meta s-SRB jieħu inkunsiderazzjoni l-ammont medju tad-depożiti koperti, ikkalkolat fuq bażi trimestrali, tas-sena ta’ referenza N-2 għall-finijiet tal-kalkolu tal-passiv nett, huwa jkunx jista’, fl-istess ħin, jieħu inkunsiderazzjoni, għal dan l-istess kalkolu, l-ammont tat-total tal-passiv, kif ikun fi tmiem is-sena ta’ referenza N-2, u mhux l-ammont medju tat-total tal-passiv ikkalkolat fuq bażi trimestrali, peress li dan l-ammont tat-total tal-passiv jinkludi wkoll l-ammont tad-depożiti koperti (ara l-punt 14 iktar ’il fuq). |
|
73 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 4(1) u lanqas l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma jinkludu rekwiżiti speċifiċi dwar il-kwistjoni ta’ jekk is-SRB huwiex obbligat, għad-determinazzjoni tal-passiv nett, li jieħu inkunsiderazzjoni l-ammont tat-total tal-passiv fi tmiem is-sena ta’ referenza N-2 jew l-ammont medju tiegħu matul din is-sena. Tali rekwiżiti lanqas ma jirriżultaw minn xi dispożizzjoni oħra tar-Regolament Delegat 2015/63, tad-Direttiva 2014/59 jew tar-Regolament Nru 806/2014. |
|
74 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 jagħtu lis-SRB setgħa ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-mument rilevanti għad-determinazzjoni tal-ammont tat-total tal-passiv għall-finijiet tal-kalkolu tal-passiv nett. |
|
75 |
Issa, sabiex jiġi osservat il-bilanċ tas-setgħat, karatteristika tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, tali setgħa ta’ evalwazzjoni, li ngħatat mill-Kummissjoni lis-SRB, għandha tiġi ddelimitata b’mod ċar u l-użu tagħha għandu jkun suġġett għal stħarriġ rigoruż fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni li biha s-SRB huwa marbut (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs SRB, C‑551/22 P, EU:C:2024:520, punti 70 sa 72). |
|
76 |
Għalhekk, hemm lok b’mod partikolari li jiġi żgurat li s-SRB eżerċita l-imsemmija setgħa ta’ evalwazzjoni b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet legali ta’ livell superjuri u, b’mod iktar partikolari, b’mod konformi mal-għan u mal-istruttura ġenerali tal-att legali li jikkostitwixxi l-bażi legali tiegħu, jiġifieri d-Direttiva 2014/59 (ara l-punt 61iktar ’il fuq), kif ukoll mal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huwa l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2010, EMI Group, C‑581/08, EU:C:2010:559, punt 42; tas‑26 ta’ Mejju 1998, Costacurta vs Il‑Kummissjoni, T‑177/96, EU:T:1998:109, punt 45, u tat‑3 ta’ Ottubru 2019, BASF u REACH & colours vs ECHA, T‑806/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:724, punt 79). |
|
77 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jimponi fuq l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni l-obbligu li jeżaminaw b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München,C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14; tad‑9 ta’ Settembru 2008, Bayer CropScience et vs Il‑Kummissjoni, T‑75/06, EU:T:2008:317, punt 84, u tat‑23 ta’ Settembru 2009, L‑Estonja vs Il‑Kummissjoni, T‑263/07, EU:T:2009:351, punt 99). |
|
78 |
Min-naħa l-oħra, il-kontribuzzjoni annwali bażika, kif prevista mill-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59 u mill-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, hija bbażata fuq ammont proporzjonali tal-passiv nett ta’ kull istituzzjoni meta mqabbel mal-passiv nett tal-istituzzjonijiet l-oħra. Tali proporzjon jirrifletti għalhekk l-istruttura ġenerali tal-iskema tal-kontribuzzjonijiet ex ante, li abbażi tagħha l-kontribuzzjoni annwali bażika għandha qabel kollox tirrifletti d-daqs ta’ kull istituzzjoni f’termini tal-passiv tagħha. |
|
79 |
Dan l-istess rekwiżit jirriżulta mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2014/59, u b’mod partikolari mill-paġni 58 u 59 tal-istudju tal-impatt tas‑6 ta’ Ġunju 2012 li jakkumpanja l-proposta li wasslet għall-adozzjoni ta’ din id-direttiva (SWD(2012) 166 final), li jindikaw li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi skont l-passiv tal-istituzzjonijiet jippermetti li jiġi evalwat id-daqs ta’ dawn tal-aħħar, b’tali mod li dan il-kalkolu huwa intiż li jiżgura li l-istituzzjonijiet ta’ daqs kbir iħallsu kontribuzzjonijiet ogħla. |
|
80 |
L-importanza tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan id-daqs hija enfasizzata wkoll mill-premessa 5 tar-Regolament Delegat 2015/63, li tipprovdi b’mod espliċitu li l-kontribuzzjoni ex ante għandha tirrifletti d-daqs tal-istituzzjonijiet ikkonċernati. Kif jirriżulta minn din l-istess premessa, id-daqs ta’ istituzzjoni jikkostitwixxi fil-fatt l-ewwel indikatur tal-profil ta’ riskju tagħha, peress li iktar ma istituzzjoni tkun kbira, iktar huwa probabbli li, fil-każ ta’ diffikultà, is-SRB ser iqis li huwa fl-interess pubbliku li ssir ir-riżoluzzjoni tagħha u li jsir użu mis-SRF sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni. |
|
81 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-kontribuzzjoni annwali bażika kellha tirrifletti d-daqs tal-istituzzjonijiet sabiex jiġi żgurat li s-SRM jingħata riżorsi finanzjarji suffiċjenti għall-finijiet ta’ applikazzjoni effiċjenti tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni u li l-istituzzjonijiet jiġu mħeġġa jadottaw metodi ta’ funzjonament inqas riskjużi billi jnaqqsu b’mod partikolari l-passiv nett tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2023, Banque postale vs SRB, T‑383/21, EU:T:2023:845, punti 175 u 176). |
|
82 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-SRB għandu jikkalkola l-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi b’mod li jirrifletti, b’mod suffiċjentement preċiż, id-daqs tal-istituzzjonijiet ikkonċernati kif ukoll ir-riskju assoċjat skont il-passiv tagħhom, b’tali mod li l-istituzzjonijiet li jkollhom passiv sinjifikattiv jħallsu kontribuzzjonijiet ex ante ogħla mill-istituzzjonijiet li jkollhom passiv iktar limitat — bla ħsara għall-aġġustament ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet fid-dawl tal-indikaturi tar-riskju kkonċernati — u li l-istituzzjonijiet jiġu mħeġġa jadottaw metodi ta’ funzjonament inqas riskjużi billi jnaqqsu, b’mod partikolari, l-ammont tal-passiv nett tagħhom. |
|
83 |
Issa, minkejja li l-metodu deskritt fil-punt 63 iktar ’il fuq jista’, bħala regola ġenerali, jirrifletti, b’mod suffiċjentement preċiż, id-daqs tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, dan jista’ jkun differenti f’ċerti każijiet partikolari li jistgħu jseħħu meta t-total tal-passiv u d-depożiti koperti ta’ istituzzjoni partikolari jgħaddu minn evoluzzjoni sinjifikattiva matul is-sena ta’ referenza N-2, li tmur lil hinn mill-flussi normali ta’ tali passiv matul is-sena. Din l-evoluzzjoni tista’ tirriżulta b’mod partikolari minn bidla fl-istruttura tal-imsemmija istituzzjoni, bħal dik li tirriżulta minn fużjoni jew assorbiment. |
|
84 |
Għalhekk, għalkemm is-SRB jaffaċċja tali sitwazzjoni partikolari, mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jirriżulta li huwa obbligat jeżamina b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu msemmija fil-punt 74 iktar ’il fuq. |
|
85 |
Konsegwentement, meta istituzzjoni tippreżenta lis-SRB data konkreta, f’ċifri u verifikabbli, li minnha jirriżulta li, minħabba bidla sostanzjali fl-istruttura tagħha matul is-sena ta’ referenza N-2, it-total tal-passiv tagħha u l-ammont tad-depożiti koperti tagħha għaddew minn evoluzzjoni sinjifikattiva, b’tali mod li l-metodu ta’ kalkolu tal-passiv nett ma għadux jirrifletti d-daqs tagħha b’mod suffiċjentement preċiż, is-SRB għandu jieħu inkunsiderazzjoni tali elementi sabiex jiżgura ruħu li l-kalkolu tal-passiv nett tal-istituzzjoni kkonċernata josserva r-rekwiżiti msemmija fil-punti 75 sa 82 iktar ’il fuq. |
|
86 |
F’dan il-każ, qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-fużjoni tal‑2016 bejn ir-rikorrenti u s-sussidjarji assorbiti kellha bħala konsegwenza li, fil‑31 ta’ Diċembru 2016, l-ammont tat-total tal-passiv tar-rikorrenti żdied b’mod sinjifikattiv, peress li kien jinkludi — kuntrarjament għall-ewwel tliet trimestri tas-sena 2016 — l-ammonti tat-totali tal-passiv u tad-depożiti koperti tal-imsemmija sussidjarji. |
|
87 |
Sussegwentement, sabiex jikkalkola l-passiv nett tar-rikorrenti u, għaldaqstant, il-kontribuzzjoni annwali bażika tagħha, is-SRB ibbaża ruħu fuq il-metodu deskritt fil-punt 63 iktar ’il fuq, li abbażi tiegħu huwa uża l-ammont tat-total tal-passiv tar-rikorrenti fil‑31 ta’ Diċembru 2016, filwaqt li, għall-ammont tad-depożiti koperti li jitnaqqas mill-ammont tat-total tal-passiv, huwa ħa inkunsiderazzjoni l-ammont medju tad-depożiti koperti tagħha, ikkalkolat fuq bażi trimestrali, matul is-sena 2016. |
|
88 |
Għalhekk, fir-rigward tad-depożiti koperti li tnaqqsu mill-ammont tat-total tal-passiv fil-kuntest tal-kalkolu tal-passiv nett tar-rikorrenti, il-metodu deskritt fil-punt 63 iktar ’il fuq ħa inkunsiderazzjoni biss parzjalment il-fużjoni tal‑2016. Fil-fatt, kif jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 22 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB żied l-erba’ ammonti tad-depożiti koperti li r-rikorrenti kellha fi tmiem kull trimestru tas-sena 2016 u, sussegwentement, iddivida t-total ta’ dawn l-ammonti b’erbgħa sabiex jikseb il-medja trimestrali tagħhom. Konsegwentement, fir-rigward tal-ewwel tliet trimestri tas-sena 2016, is-SRB ħa inkunsiderazzjoni biss id-depożiti koperti tar-rikorrenti, mingħajr ma inkluda d-depożiti koperti tas-sussidjarji assorbiti. Kien biss fi tmiem l-aħħar trimestru ta’ din is-sena, wara l-fużjoni tal‑2016, li s-SRB ħa inkunsiderazzjoni l-ammont tad-depożiti koperti tar-rikorrenti li kien jinkludi wkoll l-ammont tad-depożiti koperti ta’ dawn is-sussidjarji. Minn dan isegwi li l-ammont tad-depożiti koperti tar-rikorrenti, li tnaqqas mill-ammont tat-total tal-passiv tagħha għall-finijiet tal-kalkolu tal-passiv nett, kien kompost biss minn madwar kwart tad-depożiti koperti li l-imsemmija sussidjarji kellhom matul is-sena 2016. |
|
89 |
Għall-kuntrarju, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tat-total tal-passiv tar-rikorrenti, is-SRB ibbaża ruħu biss fuq l-istat tat-total tal-passiv tagħha fil‑31 ta’ Diċembru 2016, jiġifieri fuq l-ammont li jirriżulta mill-fużjoni tal‑2016. B’hekk huwa ma ħax inkunsiderazzjoni l-ammonti tat-total tal-passiv tar-rikorrenti fi tmiem l-ewwel tliet trimestri tas-sena 2016, li ma kinux jinkludu t-totali tal-passiv tas-sussidjarji assorbiti. Minn dan isegwi li l-ammont tat-total tal-passiv tar-rikorrenti kien jinkludi t-total tal-passiv kollu ta’ dawn is-sussidjarji, peress li dan l-ammont kien jinkludi wkoll it-totalità tad-depożiti koperti tar-rikorrenti fil‑31 ta’ Diċembru 2016, inklużi d-depożiti kollha koperti mill-imsemmija sussidjarji (ara l-punt 14 iktar ’il fuq). |
|
90 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-kalkolu tal-passiv nett tar-rikorrenti mis-SRB, l-ewwel komponent ta’ din l-operazzjoni, jiġifieri l-kalkolu tat-total tal-passiv tagħha, kien ibbażat kompletament fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti wara l-fużjoni tal‑2016, filwaqt li l-komponent l-ieħor ta’ din l-istess operazzjoni, jiġifieri l-kalkolu tal-ammont tad-depożiti koperti tagħha, li sussegwentement kellu jitnaqqas mit-total tal-passiv, kien ibbażat, fil-parti l-kbira tiegħu, fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti qabel din il-fużjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-portata tal-bidla ta’ dan il-passiv kollu permezz tal-fużjoni tal‑2016, tali kalkolu tal-passiv nett ma kienx jirrifletti, b’mod suffiċjentement preċiż, id-daqs tar-rikorrenti u, għaldaqstant, ir-riskju assoċjat. |
|
91 |
Minn dan isegwi li s-SRB ma ħax inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu msemmija fil-punt 74 iktar ’il fuq, sabiex jiżgura li l-kalkolu tal-passiv nett tar-rikorrenti kien josserva r-rekwiżiti msemmija fil-punti 75 sa 82 iktar ’il fuq. |
|
92 |
Konsegwentement, is-SRB eżerċita s-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu, li huwa kellu fil-kuntest tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika tar-rikorrenti, b’mod li kien jikser l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, kif interpretat konformement mal-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59 u mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. |
|
93 |
Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argumenti tas-SRB. |
|
94 |
L-ewwel nett, anki jekk jitqies li, kif jallega s-SRB, huwa kien obbligat, skont l-Artikolu 4(1) u (2) u l-Artikoli 5 u 16 tar-Regolament Delegat 2015/63, li jieħu inkunsiderazzjoni l-ammont medju tad-depożiti koperti, ikkalkolat fuq bażi trimestrali, għall-finijiet tal-kalkolu tal-passiv nett tar-rikorrenti, dawn id-dispożizzjonijiet madankollu ma kinux jimponulu li jieħu inkunsiderazzjoni data relatata ma’ mumenti differenti fil-kuntest ta’ dan il-kalkolu. |
|
95 |
It-tieni nett, is-SRB ma jistax jiġġustifika l-applikazzjoni tal-metodu espost fil-punt 63 iktar ’il fuq sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-metodu ta’ kalkolu tal-passiv nett ma’ dak applikabbli għad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. |
|
96 |
Fil-fatt, anki jekk kellu jitqies li tali kunsiderazzjoni hija rilevanti, kien is-SRB, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 82 sa 85 iktar ’il fuq, li kellu jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika tar-rikorrenti sabiex jiżgura li l-kalkolu tal-passiv nett tagħha kien jirrifletti d-daqs tagħha b’mod suffiċjentement preċiż. |
|
97 |
It-tielet nett, is-SRB isostni li l-użu tal-ammont medju tad-depożiti koperti, ikkalkolat fuq bażi trimestrali, jippermetti li jiġu miġġielda l-abbużi ta’ ċerti miżuri ta’ kompatibbiltà, l-aġir opportunistiku, l-effetti għal żmien qasir u l-quċċati staġjonali. |
|
98 |
Issa, ma huwiex stabbilit kif tali ċirkustanza hija ta’ natura li tipprekludi lis-SRB milli jieħu inkunsiderazzjoni l-ammont medju tal-kategoriji l-oħra tal-passiv, ikkalkolat fuq bażi trimestrali, bil-kundizzjoni li d-data relatata ma’ dan l-ammont tkun tqiegħdet għad-dispożizzjoni tiegħu u li l-kundizzjonijiet esposti fil-punt 85 iktar ’il fuq ikunu ġew issodisfatti. |
|
99 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra. |
Fuq il‑limitazzjoni ratione temporis tal‑effetti tas‑sentenza
|
100 |
Is-SRB jitlob lill-Qorti Ġenerali żżomm, fil-każ tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-effetti tagħha sas-sostituzzjoni tagħha jew, tal-inqas, għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha s-sentenza tkun saret definittiva, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti tibqa’ obbligata tikkontribwixxi għas-SRF u peress li rimbors fl-istennija tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida ma jkunx xieraq. |
|
101 |
F’dan ir-rigward, waqt is-seduta s-SRB ippreċiża li annullament mingħajr żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata ratione temporis jirriskja li jippreġudika l-funzjonament tajjeb tar-Regolament Nru 806/2014, tad-Direttiva 2014/59 u tar-Regolament Delegat 2015/63, peress li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti, iżda wkoll il-kontribuzzjonijiet kollha li jistgħu jiġu rrimborsati mis-SRF f’ċirkustanzi analogi. |
|
102 |
Ir-rikorrenti indikat waqt is-seduta li hija ma kinitx topponi eventwali limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata jekk din kellha tiġi annullata mill-Qorti Ġenerali. |
|
103 |
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-qorti tal-Unjoni tista’, jekk tqis li dan ikun neċessarju, tindika liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom jitqiesu bħala definittivi. Sabiex teżerċita s-setgħa mogħtija lilha minn dan l-artikolu, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ interessi pubbliċi jew privati oħra (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑389/19 P, EU:C:2021:131, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 122). |
|
104 |
Għalhekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE ġie interpretat b’mod partikolari bħala li jippermetti, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, iżda wkoll għal raġunijiet intiżi li jevitaw diskontinwità jew rigressjoni fl-implimentazzjoni tal-politiki mmexxija jew appoġġati mill-Unjoni, li jinżammu għal terminu raġonevoli l-effetti ta’ att annullat (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑699/17, EU:T:2021:44, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
105 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-qasam tal-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante, il-qorti tal-Unjoni żammet ratione temporis l-effetti tal-atti annullati meta r-rimbors ta’ tali kontribuzzjonijiet, wara l-imsemmi annullament, kien jirriskja li jċaħħad lis-SRF mill-mezzi finanzjarji li setgħu jirriżultaw neċessarji sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà taż-żona tal-euro u l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni. Dan seta’ jkun b’mod partikolari l-każ li kieku s-SRB kien obbligat iħallas, minbarra l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante tal-istituzzjoni li kienet ippreżentat ir-rikors, l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet ex ante ta’ istituzzjonijiet oħra li jkunu ppreżentaw rikors simili bl-invokazzjoni tal-istess motiv bħal dak li ntlaqa’ fir-rikors inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 177, u tal‑10 ta’ April 2024, Dexia vs SRB (Kontribuzzjonijiet ex ante 2022), T‑411/22, taħt appell, EU:T:2024:216, punti 70 sa 74). |
|
106 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante li r-rikorrenti għandha tiġi rrimborsata għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2018, wara l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ta’ portata limitata meta mqabbel mal-ammont totali tal-mezzi finanzjarji li għandu s-SRF. |
|
107 |
Min-naħa l-oħra, mistoqsi waqt is-seduta, is-SRB ma identifikax kawżi oħra li fihom istituzzjonijiet, minbarra r-rikorrenti, kienu ppreżentaw rikors simili billi kienu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ din il-kawża u bl-invokazzjoni tal-istess motiv bħal dak li ntlaqa’ f’dan ir-rikors. |
|
108 |
Għalhekk, xejn ma jindika li s-SRB ser jintalab iħallas, minbarra l-ammont limitat tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti, l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet ex ante ta’ istituzzjonijiet oħra li jkunu ppreżentaw rikors simili. |
|
109 |
Konsegwentement, ma ġiex stabbilit li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata b’effett immedjat jista’ jippreġudika l-istabbiltà taż-żona tal-euro u l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni. |
|
110 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba tas-SRB li jinżammu l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti. |
Fuq l‑ispejjeż
|
111 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li s-SRB tilef, huwa għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll l-ispejjeż tar-rikorrenti, kif mitlub minn din tal-aħħar. |
|
112 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Kornezov Buttigieg Hesse Petrlík Spangsberg Grønfeldt Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, it-12 ta’ Frar 2025. |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.