Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - Protokolli u annessi - 36.Protokoll li jemenda t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika
Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0391 - 0394
36. PROTOKOLL LI JEMENDA T-TRATTAT LI JISTABBILIXXI L-KOMUNITÀ EWROPEA DWAR L-ENERĠIJA ATOMIKA IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA, FILWAQT LI JFAKKRU l-ħtieġa li d-disposizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika għandhom ikomplu jkollhom effett ġuridiku sħiħ; BIX-XEWQA li jaddattaw dak it-Trattat għar-regoli ġodda stabbiliti bit-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, b'mod partikolari fl-oqsma istituzzjonali u finanzjarji, FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u li jemendaw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika kif ġej: Artikolu 1 Dan il-Protokoll għandu jemenda t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita Ewropea dwar l-Enerġija Atomika (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ it-"Trattat tal-KEEA"), fil-verżjoni tiegħu li jkun fis-seħħ fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa. Minkejja l-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu IV-437 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet l-oħra ta' dan il-Protokoll, l-effetti ġuridiċi ta' l-emendi magħmula lit-Trattat tal-KEEA mit-trattati u l-atti imħassra skond l-Artikolu IV-437 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għal Ewropa, u l-effetti ġuridiċi ta' l-atti li huma fis-seħħ adottati fuq il-bażi tat-Trattat tal-KEEA, m'għandhomx ikunu milquta. Artikolu 2 L-intestatura tat-Titolu III "Disposizzjonijiet Istituzzjonali" tat-Trattat tal-KEEA għandha tiġi sostitwita bi: "Disposizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji". Artikolu 3 Il-kapitolu ġdid li ġej għandu jiddaħħal fil-bidu tat-Titolu III tat-Trattat tal-KEEA: "KAPITOLU 1 APPLIKAZZJONI TA' ĊERTI DISPOSIZZJONIJIET TAT-TRATTAT LI JISTABBILIXXI KOSTITUZZJONI GĦALL-EWROPA Artikolu 106a 1. L-Artikoli I-19 sa I-29, l-Artikoli I-31 sa I-39, l-Artikoli I-49 u I-50, l-Artikoli I-53 sa I-56, l-Artikoli I-58 u I-60, l-Artikoli III-330 sa III-372, l-Artikoli III-374 u III-375, l-Artikoli III-378 sa III-381, l-Artikoli III-384 u III-385, l-Artikoli III-389 sa III-392, l-Artikoli III-395 sa III-410, l-Artikoli III-412 sa III-415 u l-Artikoli III-427, III-433, IV-439 u IV-443 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa għandhom japplikaw għal dan it-Trattat. 2. Fil-kwadru ta' dan it-Trattat, ir-referenzi għall-Unjoni u għall-Kostituzzjoni fid-disposizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 u dawk fil-protokolli annessi kemm mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u ma' dan it-Trattat għandhom jiġu kkunsidrati, rispettivament, bħala referenzi għall-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u għal dan it-Trattat. 3. Id-disposizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa m'għandhomx jidderogaw mid-disposizzjonijiet ta' dan it-Trattat." Artikolu 4 Il-Kapitoli I, II u III ta' Titolu III tat-Trattat tal-KEEA għandhom isiru II, III u IV. Artikolu 5 1. L-Artikolu 3, l-Artikoli 107 sa 132, l-Artikoli 136 sa 143, l-Artikoli 146 sa 156, l-Artikoli 158 sa 163, l-Artikoli 165 sa 170, l-Artikoli 173, 173A u 175, l-Artikoli 177 sa 179a, u l-Artikoli 180b u 181, l-Artikoli 183, 183A, 190 u 204 tat-Trattat tal-KEEA huma mħassra. 2. Il-Protokolli li qabel kienu annessi mat-Trattat tal-KEEA huma mħassra. Artikolu 6 L-intestatura tat-Titolu IV tat-Trattat tal-KEEA "Disposizzjonijiet Finanzjarji" għandha tiġi sostitwita bl-intestatwa, "Disposizzjonijiet finanzjarji speċifiċi". Artikolu 7 1. Fit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 38 u fit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 82 tat-Trattat tal-KEEA ir-referenzi għall-Artikoli 141 u 142 għandhom jiġu sostitwiti rispettivament b'dawk għall-Artikoli III-360 u III-361 rispettivament tal-Kostituzzjoni. 2. Fl-Artikolu 171(2) u fl-Artikolu 176(3) tat-Trattat tal-KEEA ir-referenza għall-Artikolu 183 għandha tiġi sostitwita b'dik għall-Artikolu III-412 tal-Kostituzzjoni. 3. Fl-Artikolu 172(4) tat-Trattat tal-KEEA ir-referenza għall-Artikolu 177(5) għandha tiġi sostitwita b'dik għall-Artikolu III-404 tal-Kostituzzjoni. 4. Fl-Artikoli 38, 82, 96 u 98 tat-Trattat tal-KEEA l-kelma "direttiva" għandha tiġi sostitwita bil-kelmiet "Regolament Ewropew". 5. Fit-Trattat tal-KEEA l-kelma "deċiżjoni" għandha tiġi sostitwita bil-kelmiet "deċiżjoni Ewropea", minbarra fl-Artikoli 18, 20 u 23, l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 53, kif ukoll fil-każ fejn id-deċiżjoni hija meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea. 6. Fit-Trattat tal-KEEA, l-kelmiet "Qorti tal-Ġustizzja" għandha tiġi sostitwita bil-kelmiet "Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea". Artikolu 8 L-Artikolu 191 tat-Trattat tal-KEEA għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej: "Artikolu 191 Il-Komunità għandha tgawdi fit-territorji ta' l-Istati Membri dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li huma neċessarji għat-twettiq tal-kompiti tagħha, taħt il-kondizzjonijiet imsemmija fil-Protokoll dwar il-privileġgi u l-immunitajiet ta' l-Unjoni Ewropea." Artikolu 9 L-Artikolu 198 tat-Trattat tal-KEEA għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej: "Artikolu 198 Ħlief kif provdut xort'oħra, d-disposizzjonijiet ta' dan it-Trattat għandhom japplikaw għat-territorji Ewropej ta' l-Istati Membri u għat-territorji mhux Ewropej taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom. Għandhom japplikaw ukoll għat-territorji Ewropej li għar-relazzjonijiet esterni tagħhom huwa responsabbli Stat Membru. Id-disposizzjonijiet ta' dan it-Trattat għandhom japplikaw għall-Gżejjer Åland bid-derogi li kienu stabbiliti oriġinarjament fit-Trattat li hemm referenza għalih fl-Artikolu IV-437(2)(d) tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u li kienu inkorporati fil-Protokoll dwar it-Trattati u l-Atti ta' Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brettanja u l-Irlanda ta' Fuq, tar-Repubblika Ellenika, tar-Repubblika ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża, u r-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja. Minkejja l-ewwel, it-tieni u t-tielet paragrafi: a) dan it-Trattat m'għandu japplika la għall-Gżejjer Faroe u lanqas għall-Groenlandja; b) dan it-Trattat m'għandux japplika għaż-Żoni ta' Bażi Sovrana tar-Renju Unit tal-Gran Brettanja u l-Irlanda ta' Fuq f'Ċipru; ċ) Dan it-Trattat m'għandux japplika għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għandhom relazzjonijiet speċjali mar-Renju Unit tal-Gran Brettanja u l-Irlanda ta' Fuq li ma jissemmewx fil-lista fl-Anness II tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għal Ewropa; d) Dan it-Trattat għandu japplika għaċ-Channel Islands u l-Isle of Man biss safejn hu meħtieġ biex jiżgura l-implimentazzjoni ta' l-arranġamenti għal dawk il-gżejjer oriġinarjament stabbiliti fit-Trattat previst fl-Artikolu IV-437(2)(a) tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u li kien inkorporat fil-Protokoll dwar it-Trattati u l-Atti ta' l-Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brettanja u l-Irlanda ta' Fuq, tar-Repubblika Ellenika, tar-Repubblika ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża, u r-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja." Artikolu 10 L-Artikolu 206 tat-Trattat tal-KEEA għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej: "Artikolu 206 Il-Komunità tista' tikkonkludi ma' Stat wieħed jew iktar jew organizzazzjonijiet internazzjonali ftehim li jistabbilixxu assoċjazzjoni li tinvolvi drittijiet u obbligi reċiproki, azzjoni komuni u proċeduri speċjali. Dawn il-ftehim għandhom ikunu konklużi mill-Kunsill, li jaġixxi unaniment wara konsultazzjoni mall-Parlament Ewropew. Fejn tali ftehim jirrikjedu emendi għal dan it-Trattat, dawn l-emendi għandhom l-ewwel ikunu adottati skond il-proċedura imniżżla fl-Artikolu IV-443 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għal-Ewropa." Artikolu 11 Fl-Artikolu 225 tat-Trattat tal-KEEA, t-tieni paragrafu għandu jkun sostitwit b'li ġej: "Il-verżjonijiet tat-Trattat bil-lingwa Ċeka, Daniża, Estona, Finlandiża, Griega, Ungeriża, Irlandiża, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Slovakka, Slovena, Spanjola, u Svediża għandhom ikunu wkoll awtentiċi." Artikolu 12 Id-dħul u l-ispiża tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, bl-eċċezzjoni ta' dawk ta' l-Aġenzija Fornitriċi u l-impriżi konġunti, għandhom jiddaħħlu fil-budget ta' l-Unjoni. --------------------------------------------------