SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
23 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )
“Appell – Politika agrikola komuni (PAK) – Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni (UE) 2021/261 – Infiq eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea – Infiq imġarrab mir-Repubblika tal-Bulgarija – Regolament (UE) Nru 1306/2013 – Artikolu 52 – Proċedura tal-clearance ta’ konformità – Artikolu 54 – Pagamenti indebiti li jirriżultaw minn irregolaritajiet jew negliġenza – Nuqqas ta’ rkupru mill-Istat Membru kkonċernat – Rapport ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)”
Fil-Kawża C‑294/23 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑8 ta’ Mejju 2023,
Ir-Repubblika tal-Bulgarija, irrappreżentata minn T. Mitova u S. Ruseva, bħala aġenti,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Aquilina, G. Koleva u I. Zaloguin, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tal-Awla, M. Condinanzi u N. Jääskinen, imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Biondi,
Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Diċembru 2024,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Marzu 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑8 ta’ Marzu 2023, Il‑Bulgarija vs Il‑Kummissjoni (T‑235/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, EU:T:2023:105), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha kontra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/261 tas‑17 ta’ Frar 2021 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2021, L 59, p. 10) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn din teskludi minn dan il-finanzjament is-somma ta’ EUR 7656 848.97 iddikjarata mir-Repubblika tal-Bulgarija. |
Il‑kuntest ġuridiku
Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95
|
2 |
Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340): “‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’nefqa mhux ġustifikata.” |
Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013
|
3 |
Il-premessi 36, 37, 39 u 94 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6, u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83), jipprovdu:
[…]
[…]
|
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar:
|
|
5 |
L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Għall-fini ta’ dan ir-Regolament: […]
|
|
6 |
Ir-Regolament Nru 1306/2013 jinkludi Titolu IV, intitolat “Ġestjoni finanzjarja tal-fondi”, li jinkludi l-Kapitolu IV, intitolat “Approvazzjoni tal-kontijiet”. Taħt it-Taqsima I ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jinsab l-Artikolu 47 ta’ dan ir-regolament, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Verifiki fuq il-post mill-Kummissjoni”, li jipprevedi: “1. Mingħajr preġudizzju għall-kontrolli magħmula mill-Istati Membri skont il-liġi, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali jew l-Artikolu 287 TFUE, jew kwalunkwe kontroll organizzat skont l-Artikolu 322 TFUE jew ibbażat fuq ir-[Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2185/96 tal‑11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 303)], il-Kummissjoni tista’ torganizza verifiki fuq il-post fl-Istati Membri biex tivverifika b’mod partikolari:
Persuni awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu verifiki fuq il-post f’isimha jew aġenti tal-Kummissjoni li jaġixxu fl-ambitu tas-setgħat konferiti lilhom għandu jkollhom aċċess għall-kotba u dokumenti oħra kollha, inklużi dokumenti u metadata magħmula jew riċevuta fuq mezz elettroniku, relatati ma’ nfiq iffinanzjat mill-FAEG jew mill-FAEŻR. Is-setgħat li jsiru verifiki fuq il-post ma għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriżervaw ċerti atti għal aġenti maħtura speċifikament mil-liġi nazzjonali. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-[Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1)] u r-Regolament [Nru 2185/96], persuni awtorizzati mill-Kummissjoni biex jaġixxu f’isimha ma għandhomx jieħdu sehem, fost oħrajn, fi żjajjar fi djar jew interrogatorji formali ta’ persuni abbażi tal-liġi tal-Istat Membru konċernat. Madankollu, huma għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni miksuba b’dan il-mod. 2. Il-Kummissjoni għandha tagħti avviż minn qabel biżżejjed ta’ verifika fuq il-post lill-Istat Membru konċernat jew lill-Istat Membru li tkun ser issir il-verifika fit-territorju tiegħu, b’kont meħud tal-impatt amministrattiv fuq l-aġenziji tal-pagament meta tkun qed torganizza l-verifiki. Aġenti mill-Istat Membru konċernat jistgħu jieħdu sehem f’dawn il-verifiki. Fuq talba mill-Kummissjoni u bi qbil mal-Istat Membru, il-verifiki addizzjonali jew l-inkjesti dwar l-operazzjonijiet koperti b’dan ir-Regolament għandhom jitwettqu mill-korpi kompetenti ta’ dak l-Istat Membru. L-aġenti tal-Kummissjoni jew persuni awtorizzati mill-Kummissjoni biex jaġixxu f’isimha jistgħu jieħdu sehem f’tali verifiki. Biex ittejjeb il-verifiki, il-Kummissjoni tista’, bil-qbil tal-Istati Membri konċernati, titlob l-assistenza tal-awtoritajiet ta’ dawk l-Istati Membri għal ċerti verifiki jew inkjesti.” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 48(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013: “L-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-disponibbiltà tal-Kummissjoni l-informazzjoni dwar irregolaritajiet u każijiet issuspettati ta’ frodi li jinkixfu, kif ukoll informazzjoni dwar il-passi meħuda skont it-Taqsima III ta’ dan il-Kapitlu biex jiġu rkuprati pagamenti mhux dovuti b’rabta ma’ dawk l-irregolaritajiet u frodi.” |
|
8 |
Il-Kapitolu IV tat-Titolu IV ta’ dan ir-regolament jinkludi t-Taqsima II, intitolata “Approvazzjoni”, li tinkludi l-Artikolu 52 tal-imsemmi regolament, iddedikat għall-clearance tal-konformità u li jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu: “1. Meta ssib li l-infiq kif indikat fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5 ma jkunx sar f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u, fir-rigward tal-FAEŻR, ma jkunx sar f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali msemmija fl-Artikolu 85 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140, fil-ĠU 2019, L 66, p. 6, u fil-ĠU 2022, L 146, p. 155)], il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw l-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament mill-Unjoni. Tali atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 116(2). 2. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li għandhom jiġu esklużi abbażi tal-gravità tan-nuqqas ta’ konformità reġistrat. Hija għandha tqis kif xieraq in-natura tal-ksur u tal-ħsara finanzjarja kkawżata lill-Unjoni. Hija għandha tibbaża l-esklużjoni fuq l-identifikazzjoni tal-ammonti minfuqin bla bżonn u, meta dawn ma jkunux jistgħu jiġu identifikati bi sforz proporzjonat, tista’ tapplika korrezzjonijiet estrapolati jew b’rata fissa. Korrezzjonijiet b’rata fissa għandhom jiġu applikati biss meta minħabba n-natura tal-każ jew minħabba li l-Istat Membru ma jkunx ipprovda l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni, ma jkunx possibbli bi sforz proporzjonat li tiġi identifikata b’mod aktar preċiż il-ħsara finanzjarja magħmula lill-Unjoni. 3. Qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni għar-rifjut tal-finanzjament, is-sejbiet mill-ispezzjoni tal-Kummissjoni u t-tweġibiet tal-Istat Membru għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub, u wara dan iż-żewġ partijiet għandhom jippruvaw jilħqu ftehim dwar l-azzjoni li jkollha tittieħed. F’dak il-punt tal-proċedura għandha tingħata l-opportunità lill-Istati Membri biex juru li l-gravità reali tan-nonkonformità hija inqas mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Jekk ma jintlaħaqx ftehim, l-Istat Membru jista’ jitlob il-ftuħ ta’ proċedura bil-għan li tiġi rrikonċiljata, fi żmien perijodu ta’ erba’ xhur, il-pożizzjoni ta’ kull parti. Għandu jiġi ppreżentat rapport dwar ir-riżultat tal-proċedura lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport qabel ma tiddeċiedi dwar kwalunkwe rifjut għal finanzjament u għandha tagħti raġunijiet jekk tiddeċiedi li ma ssegwix dawk ir-rakkomandazzjonijiet. 4. Il-finanzjament ma jistax jiġi rrifjutat għal:
[…]” |
|
9 |
L-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Setgħat tal-Kummissjoni ”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw regoli dwar l-implimentazzjoni ta’: […]
|
|
10 |
It-Taqsima IV tal-Kapitolu IV ta dan ir-regolament intitolat “Irregolaritajiet”, fih l-Artikolu 54 li jirrigwarda d-“Dispożizzjonijiet Komuni”, li jipprevedi, fil-paragrafi 1, 2, 4 u 5 tiegħu: “1. Għal kwalunkwe pagament mhux dovut wara li sseħħ xi irregolarità jew negliġenza, l-Istati Membri għandhom jitolbu rkupru mingħand il-benefiċjarju fi żmien 18-il xahar wara l-approvazzjoni minn u, fejn ikun applikabbli, il-wasla għand l-aġenzija tal-pagamenti jew il-korp responsabbli għall-irkupru, ta’ rapport ta’ kontroll jew dokument simili, b’dikjarazzjoni li tkun seħħet irregolarità. L-ammonti korrispondenti għandhom jiġu reġistrati, fil-mument tat-talba għal irkupru, fil-ktieb tad-debituri tal-aġenzija tal-pagamenti. 2. Jekk ma jsirx irkupru fi żmien erba’ snin mid-data tat-talba għal irkupru, jew fi żmien tmien snin fejn l-irkupru jinkiseb permezz tal-qrati nazzjonali, 50 % tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru għandu jġarrabhom l-Istat Membru konċernat u 50 % għandhom jiġu koperti mill-baġit tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit li l-Istat Membru konċernat għandu jsegwi proċeduri ta’ rkupru b’konformità mal-Artikolu 58. […] 4. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fil-kontijiet annwali li għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni skont il-punt (c)(iv) tal-Artikolu 102(1) l-ammonti li jkollhom jagħmlu tajjeb għalihom huma skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tara li dan ikun sar u tagħmel kwalunkwe aġġustament meħtieġ wara l-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 51. 5. Il-Kummissjoni tista’, kemm-il darba l-proċedura stipulata fl-Artikolu 52(3) tkun ġiet segwita, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jeskludu minn finanzjament mill-Unjoni somom a karigu tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-każijiet li ġejjin:
[…]
[…]” |
|
11 |
Ir-Regolament Nru 1306/2013 jinkludi Titolu V, intitolat “Sistemi ta’ kontroll u pieni”, li jinkludi l-Kapitolu I, intitolat “Regoli ġenerali”, li fih jinsab l-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni”, li jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jadottaw, fil-qafas tal-PAK, id-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji u amministrattivi kollha u jieħdu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa biex jiżguraw protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, partikolarment biex: […]
|
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014
|
12 |
Il-premessi 25 u 27 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas‑6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU 2014, L 255, p. 59, rettifika fil-ĠU 2015, L 114, p. 25) jipprovdu:
[…]
|
|
13 |
L-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, intitolat “Approvazzjoni tal-konformità”, jipprovdi: “1. Sabiex jiġu ddeterminati liema ammonti għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni, meta jinstab li l-infiq ma jkunx sar b’konformità mar-regoli tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tuża wkoll is-sejbiet tagħha u għandha tqis l-informazzjoni disponibbli mill-Istati Membri, sakemm din l-informazzjoni tal-aħħar hija pprovduta f’waqtha fil-limiti ta’ żmien stabbiliti mill-Kummissjoni fil-qafas tal-proċedura tal-clearance ta’ konformità mwettqa skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u skont dan l-Artikolu. 2. Fejn, minħabba kwalunkwe stħarriġ, il-Kummissjoni tqis li l-infiq ma sarx skont ir-regoli tal-Unjoni, għandha tikkomunika s-sejbiet tagħha lill-Istat Membru kkonċernat, fejn tispeċifika l-miżuri korrettivi meħtieġa biex tkun żgurata l-konformità ma’ dawk ir-regoli fil-futur, u tindika l-livell proviżjonali ta’ korrezzjoni finanzjarja li f’dak l-istadju tal-proċedura tikkunsidra li jikkorrispondi mas-sejbiet tagħha. Dik il-komunikazzjoni għandha wkoll tiskeda laqgħa bilaterali fi żmien erba’ xhur wara li jiskadi l-perjodu għar-risposta mill-Istat Membru. Il-komunikazzjoni għandha tagħmel referenza għal dan l-Artikolu. L-Istat Membru għandu jwieġeb fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-komunikazzjoni. Fit-tweġiba tiegħu l-Istat Membru għandu jkollu l-opportunità, b’mod partikolari, li:
F’każijiet iġġustifikati, l-Kummissjoni, fuq talba raġunata tal-Istat Membru, tista’ tawtorizza estensjoni tal-perjodu ta’ xahrejn b’massimu ta’ xahrejn. It-talba għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni qabel ma jiskadi dak il-perjodu. Jekk l-Istat Membru jikkunsidra li laqgħa bilaterali mhix meħtieġa, għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dan fit-tweġiba tagħha għall-komunikazzjoni msemmija hawn fuq. 3. Fil-laqgħa bilaterali, ż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu ftehim dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu kif ukoll dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-baġit tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien 30 jum ta’ ħidma mill-laqgħa bilaterali, tfassal il-minuti u tibgħathom lill-Istat Membru. L-Istat Membru jista’ jibgħat l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum ta’ ħidma minn wara li jirċievi l-minuti. Fi żmien sitt xhur minn wara li tibgħat il-minuti tal-laqgħa bilaterali, il-Kummissjoni għandha tikkomunika formalment il-konklużjonijiet tagħha lill-Istat Membru abbażi tal-informazzjoni riċevuta fil-qafas tal-proċedura ta’ clearance ta’ konformità. Dik il-komunikazzjoni għandha tevalwa l-infiq li għandu jiġi eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u l-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat [tal-Kummissjoni] (UE) Nru 907/2014 [tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, it-titoli u l-użu tal-euro (ĠU 2014, L 255, p. 18)]. Il-komunikazzjoni għandha tagħmel referenza għall-Artikolu 40(1) ta’ dan ir-Regolament. […] 5. Sabiex japplikaw il-paragrafi 3 u 4 fi ħdan il-perjodi ta’ żmien rispettivi, il-Kummissjoni għandu jkollha disponibbli l-informazzjoni kollha relevanti f’dak il-pass partikolari tal-proċedura. Fejn il-Kummissjoni tqis li hemm nuqqas ta’ informazzjoni, tista’ f’kull ħin fi żmien il-perjodi ta’ żmien stipulati fil-paragrafi 3 u 4:
F’dan il-każ, il-perjodi ta’ żmien li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 3 u 4 għandhom jerġgħu jibdew jew mal-wasla tal-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni jew mill-aħħar jum tal-missjoni ta’ awditjar addizzjonali. […] 7. Wara li tkun ikkomunikat il-konklużjonijiet tagħha lill-Istati Membri skont il-paragrafu 3 jew 4 tal-Artikolu 34 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta, fejn ikun meħtieġ, deċiżjoni waħda jew aktar skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 sabiex teskludi, mill-finanzjament tal-Unjoni, infiq li jkun sar minħabba n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tista’ ssegwi proċeduri ta’ clearance ta’ konformità konsekuttivi sakemm l-Istat Membru jimplimenta l-miżuri korrettivi. […]” |
|
14 |
L-Artikolu 40 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, intitolat “Il-proċedura ta’ konċiljazzjoni”, jipprevedi fl-ewwel paragrafu tiegħu: “Stat Membru jista’ jirreferi kwistjoni lill-Korp ta’ Konċiljazzjoni fi żmien 30 jum ta’ xogħol minn meta jirċievi l-komunikazzjoni formali tal-Kummissjoni li hemm referenza għaliha fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 34(3) billi jibgħat talba raġunata għal konċiljazzjoni lis-segretarjat tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni. […]” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-Deċiżjoni kontenzjuża
|
15 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 2 sa 12 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-ħtiġiet tal-kawża preżenti, jitqassru kif ġej. |
|
16 |
Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika tal-Bulgarija tibgħatilha l-kummenti tagħha dwar informazzjoni kkomunikata mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fil-kuntest tal-investigazzjoni INT/2016/101/BG (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tal-konstatazzjonijiet”), li minnha kien jirriżulta li attivitajiet frawdolenti wasslu għal pagamenti mhux xierqa ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat lir-Repubblika tal-Bulgarija li l-eliġibbiltà għall-finanzjament mill-FAEG tal-infiq kollu marbut ma’ programmi implimentati minn [kunfidenzjali] ( 1 ) kienet ikkontestata u li, għaldaqstant, konformement mal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, hija eżaminat il-possibbiltà li teskludi dan l-infiq mill-finanzjament tal-Unjoni. Hija rrakkomandat ukoll lill-awtoritajiet Bulgari sabiex, taħt kull programm u kull tranżazzjoni li kien jipparteċipa fihom [kunfidenzjali] ( 2 ), jissospendu l-pagamenti fejn kellhom biżżejjed raġunijiet sabiex jagħmlu dan. |
|
17 |
Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Bulgari sabiex jipparteċipaw f’laqgħa bilaterali, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, filwaqt li informathom li hija kienet qiegħda żżomm il-pożizzjoni tagħha li l-konstatazzjonijiet tal-OLAF kienu jindikaw li kienu jeżistu irregolaritajiet serji fir-rigward tal-infiq imsemmi fil-punt preċedenti. Hija spjegat li kienet ser tipprovdi, ukoll permezz ta’ ittra u wara l-komunikazzjoni tar-rapport finali tal-OLAF, informazzjoni addizzjonali dwar id-diversi stadji li kienu ser jiġu segwiti fil-kuntest tal-proċedura ta’ clearance li kienet inbdiet. Hija kkonkludiet billi enfasizzat li, sakemm jitlesta dan ir-rapport, hija kienet qiegħda żżomm il-pożizzjoni tagħha fis-sens li l-infiq kollu marbut mal-programmi implimentati minn [kunfidenzjali] ( 3 ) kienu f’riskju. |
|
18 |
Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Bulgarija l-minuti tal-laqgħa bilaterali li nżammet fit‑12 ta’ Lulju 2017 u għamlitilha mistoqsijiet addizzjonali. Hija indikatilha wkoll li sabiex tgħaddi għall-istadji sussegwenti tal-proċedura ta’ clearance, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni kwantitattiva tar-riskju għall-fond inkwistjoni marbut man-nuqqasijiet ikkonstatati, kien jaqbel li l-ewwel jitlesta r-rapport finali tal-OLAF. B’applikazzjoni tal-Artikolu 34(9) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, il-Kummissjoni ddeċidiet li testendi bi tliet xhur it-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 34(3) ta’ dan ir-regolament sabiex tikkomunika lir-Repubblika tal-Bulgarija l-konklużjonijiet li hija kienet waslet għalihom. |
|
19 |
Permezz tal-ittra tad‑19 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni bagħtet ir-rapport finali tal-OLAF bir-referenza OF/2012/0565/B (iktar ’il quddiem l-“ewwel rapport tal-OLAF”) lir-Repubblika tal-Bulgarija. Hija għarrfet lill-awtoritajiet Bulgari li kienet ser torganizza laqgħa bilaterali oħra magħhom sabiex jiddiskutu dan ir-rapport. |
|
20 |
Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika tal-Bulgarija għat-tieni laqgħa bilaterali, li nżammet fid‑29 ta’ Mejju 2018, sabiex tiddiskuti l-ewwel rapport tal-OLAF (iktar ’il quddiem it-“tieni stedina għal laqgħa bilaterali”). Hija indikat ukoll li kienet qiegħda żżomm il-pożizzjoni tagħha li l-infiq kollu marbut mal-programmi ta’ promozzjoni li kien jipparteċipa fihom [kunfidenzjali] ( 4 ) kienu esposti għal riskju. Għalhekk, il-Kummissjoni rrakkomandat lill-awtoritajiet Bulgari sabiex il-pagamenti fir-rigward tal-programmi kollha li kien jipparteċipa fihom [kunfidenzjali] ( 5 ) ma jibqgħux isiru u sabiex, f’konformità mal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013, jipproċedu għall-irkupru tal-pagamenti irregolari mingħand il-benefiċjarji tagħhom. |
|
21 |
Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Bulgarija l-minuti tat-tieni laqgħa bilaterali, li fihom fakkret li, matul din il-laqgħa, hija kienet talbet informazzjoni addizzjonali. |
|
22 |
Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Bulgari r-rapport tal-OLAF bir-referenza OF/2016/0390/B5 (iktar ’il quddiem it-“tieni rapport tal-OLAF”), dwar l-irregolaritajiet imwettqa minn [kunfidenzjali] ( 6 ) fil-kuntest tal-programmi ta’ promozzjoni ffinanzjati mill-FAEG. |
|
23 |
Permezz tal-ittra tal‑1 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Bulgari sabiex, f’konformità mal-Artikolu 34(5)(a) tar-Regolament Nru 908/2014, jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar l-irkupru tal-ammonti marbuta mal-infiq imwettaq mill-FAEG fil-kuntest ta’ disa’ programmi ta’ promozzjoni identifikati bħala li jippreżentaw riskji għall-fond inkwistjoni, kif ukoll ir-reġistrazzjoni tal-ammonti korrispondenti fil-ktieb tad-debituri f’konformità mal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013. Hija indikat ukoll li, skont dan l-artikolu, it-talba għall-irkupru tal-ammonti marbuta mal-programmi implimentati minn [kunfidenzjali] ( 7 ) kellha titressaq mhux iktar tard minn 18‑il xahar wara d‑19 ta’ Jannar 2018, filwaqt li dik tal-ammonti marbuta mal-programm implimentat minn [kunfidenzjali] ( 8 ) kellha titressaq mhux iktar tard minn 18‑il xahar wara t‑3 ta’ Settembru 2018, jiġifieri d-dati li fihom l-ewwel u t-tieni rapport tal-OLAF (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rapporti finali tal-OLAF”) kienu ntbagħtu rispettivament lill-aġenzija tal-pagamenti Bulgara. |
|
24 |
Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Bulgarija komunikazzjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, li fiha ġiet analizzata l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Bulgari fi tliet ittri ddatati, rispettivament, tal‑20 ta’ Lulju 2018, tal‑21 ta’ Settembru 2018 u tal‑24 ta’ April 2019. Minn dan kien jirriżulta, essenzjalment, li, wara d-diskussjoni bilaterali tad‑29 ta’ Mejju 2018 u abbażi tal-informazzjoni addizzjonali li kienet sussegwentement intbagħtitilha mir-Repubblika tal-Bulgarija, kif ukoll mir-rapporti finali tal-OLAF, il-Kummissjoni qieset li l-finanzjament ta’ disa’ programmi ta’ promozzjoni implimentati minn [kunfidenzjali] ( 9 ) u [kunfidenzjali] ( 10 ) ma sarx f’konformità mar-regoli applikabbli. Barra minn hekk, qieset ukoll li, sa fejn ma kienet inbdiet l-ebda proċedura ta’ rkupru u ta’ reġistrazzjoni fil-ktieb tad-debituri tal-aġenzija tal-pagamenti mir-Repubblika tal-Bulgarija, is-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ta’ din tal-aħħar ma kinitx f’konformità mar-rekwiżiti previsti mid-dritt tal-Unjoni u li għalhekk kien jeżisti riskju għall-fond inkwistjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni rrakkomandat l-esklużjoni mill-finanzjament tal-FAEG ammont ta’ EUR 7656 848.97. |
|
25 |
Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Diċembru 2019, ir-Repubblika tal-Bulgarija, konformement mal-Artikolu 40(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, adixxiet lill-Korp ta’ Konċiljazzjoni, li ta opinjoni fil‑25 ta’ Frar 2020. |
|
26 |
Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Awwissu 2020, il-Kummissjoni bagħtet l-opinjoni definittiva tagħha lir-Repubblika tal-Bulgarija, li permezz tagħha hija informat lil din tal-aħħar li hija kienet ser iżżomm il-pożizzjoni tagħha kif espressa fl-ittra tagħha tad‑19 ta’ Novembru 2019, u għalhekk ipproponiet li teskludi mill-finanzjament tal-FAEG ammont ta’ EUR 7656 848.97. |
|
27 |
Fis‑17 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha applikat, abbażi tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, korrezzjoni ta’ darba li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni ċertu nfiq imwettaq mir-Repubblika tal-Bulgarija taħt il-programmi operattivi kkofinanzjati mill-FAEG u mill-FAEŻR. Konsegwentement, id-Deċiżjoni kontenzjuża eskludiet ammont ta’ EUR 7656 848.97 mill-finanzjament tal-Unjoni. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
28 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ April 2021, ir-Repubblika tal-Bulgarija ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża, inkwantu din id-deċiżjoni kienet ordnat, fil-konfront tagħha, korrezzjoni finanzjarja fl-ammont ta’ EUR 7656 848.97. |
|
29 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija invokat ħames motivi bbażati, essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha matul il-proċedura amministrattiva li fi tmiemha kienet ġiet adottata d-Deċiżjoni kontenzjuża, it-tieni wieħed, fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, it-tielet wieħed, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 f’dak li jirrigwarda l-iffissar tal-punt li fih jibda jiddekorri t-terminu ta’ 18‑il xahar li minnu għandu jintalab mill-Istat Membru kkonċernat l-irkupru ta’ kull pagament indebitu mingħand il-benefiċjarju tiegħu, ir-raba’ wieħed, fuq żball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni sa fejn din tal-aħħar kienet qieset li l-aġenzija tal-pagamenti ma kinitx aġixxiet bid-diliġenza meħtieġa sabiex tirkupra s-somom li jikkorrispondu għall-infiq espost għal riskju u li kienet negliġenti billi ma fetħitx proċedura amministrattiva ta’ rkupru fit-termini previsti fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, u, il-ħames wieħed, fuq li l-ammont tal-infiq eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni kontenzjuża la kien konformi mal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013 u lanqas mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
30 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors. |
It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
31 |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
32 |
Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li r-Repubblika tal-Bulgarija tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
Fuq l-appell
|
33 |
Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija tinvoka żewġ aggravji. |
|
34 |
L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1306/2013 u tal-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, moqrija flimkien mal-Artikolu 52(1) u mal-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1306/2013, kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. |
|
35 |
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 54(5)(a) u (c) tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 54(1) tiegħu. |
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
36 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1306/2013 u tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 908/2014, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 52(1) u mal-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1306/2013, kif ukoll ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 296 TFUE, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ kooperazzjoni leali, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, b’mod żbaljat, li kienu rrispettati d-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika tal-Bulgarija u li kienu ġew osservati l-garanziji proċedurali li jiggarantixxu l-proċedura tal-clearance ta’ konformità, l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-miżuri korrettivi, il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ kooperazzjoni leali. Dan l-Istat Membru jżid li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija insuffiċjenti u mhux xierqa, peress li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx il-fatti kollha rilevanti għall-kawża u l-osservazzjonijiet li l-imsemmi Stat Membru kien ippreżenta. |
|
37 |
Fl-ewwel lok, l-istess Stat Membru jsostni li, billi qieset, fil-punti 47 sa 49 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tat-trażmissjoni tat-tieni stedina għal laqgħa bilaterali u taż-żamma ta’ din il-laqgħa, kienu ġew irrimedjati d-difetti proċedurali relatati mal-emenda mill-Kummissjoni tal-bażi legali tal-korrezzjoni finanzjarja relatata mal-infiq espost għal riskju, il-Qorti Ġenerali ħawdet il-proċedura kontradittorja prevista fl-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, mal-motivi materjali distinti li jippermettu li tiġi imposta korrezzjoni finanzjarja msemmija, rispettivament, fl-Artikolu 52(1) u fl-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1306/2013. |
|
38 |
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li korrezzjonijiet finanzjarji imposti abbażi, minn naħa, tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 54(5) ta’ dan ir-regolament huma bbażati fuq bażijiet legali differenti. Konsegwentement, minkejja li l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet fuq kull wieħed minn dawn il-bażijiet hija suġġetta għall-istess proċedura kontradittorja, irregolata mill-Artikolu 52(3) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, id-Deċiżjoni kontenzjuża kellha tkun ibbażata fuq l-istess motivi bħal dawk li abbażi tagħhom il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tagħha kienet inbdiet. |
|
39 |
Għalhekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha tinterrompi l-proċedura mibdija abbażi tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 u tibda proċedura ġdida bbażata fuq l-Artikolu 54(5) ta’ dan ir-regolament billi tikkomunika lir-Repubblika tal-Bulgarija, konformement mal-Artikolu 34(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, il-konklużjonijiet tagħha, stabbiliti wara l-verifiki msemmija fl-Artikolu 54(4) tar-Regolament Nru 1306/2013. |
|
40 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, li t-tieni stedina għal laqgħa bilaterali setgħet tadatta l-komunikazzjoni tal-konstatazzjonijiet għall-bażi legali l-ġdida invokata. |
|
41 |
Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-punti 61 u 62 tas-sentenza appellata, li l-obbligu ta’ motivazzjoni kien ġie osservat minħabba li kienet ipparteċipat fil-proċedura kontradittorja prevista fl-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1306/2013. |
|
42 |
F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jsostni li l-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1306/2013 jawtorizza lill-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jeskludu ammonti mill-finanzjament tal-Unjoni, sakemm tkun ġiet segwita l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 52(3) ta’ dan ir-regolament, li jawtorizza lill-Kummissjoni tadotta tali atti anki fl-assenza ta’ verifika fuq il-post preċedenti, fis-sens tal-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 1306/2013, bla ħsara għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ kontradittorju. |
|
43 |
Minn dan ir-Repubblika tal-Bulgarija tiddeduċi li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha tinterrompi l-verifika mibdija permezz tat-trażmissjoni tar-rapporti finali tal-OLAF u, wara li tkun ivverifikat id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 54(4) tar-Regolament Nru 1306/2013, hija kellha tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu 54 billi tibgħat, konformement mal-Artikolu 34(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, komunikazzjoni li tinforma lill-Istat Membru bil-konklużjonijiet tagħha skont l-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1306/2013, stabbiliti wara l-verifiki msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu 54. |
|
44 |
Issa, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni abbażi tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, u sussegwentement, fl-aħħar nett, waslet għall-konklużjoni li, minħabba n-negliġenza tal-aġenzija tal-pagamenti fir-rigward tat-talba ta’ rkupru li għandu jsir mingħand il-benefiċjarju u r-reġistrazzjoni tal-ammonti kkonċernati fil-ktieb tad-debituri fit-terminu previst fl-Artikolu 54(1) ta’ dan ir-regolament, ir-raġuni għal esklużjoni kienet dik imsemmija fl-Artikolu 54(5)(a) u (c) tal-imsemmi regolament, u dan minkejja li l-motivi tad-Deċiżjoni kontenzjuża bl-ebda mod ma jirreferu għal din id-dispożizzjoni. |
|
45 |
Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Bulgarija tqis li l-Qorti Ġenerali naqset milli tivverifika jekk il-Kummissjoni kinitx osservat id-dmir ta’ diliġenza, previst fl-Artikolu 4(3) TUE. |
|
46 |
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod prematur sa fejn, wara li rċeviet ir-rapporti finali tal-OLAF, hija kellha tibgħathomlha biss flimkien ma’ rakkomandazzjoni ta’ teħid ta’ miżuri korrettivi u, sussegwentement, tivverifika jekk l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 kienx ġie osservat qabel ma tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni abbażi tal-Artikolu 54(5)(a) u (c) ta’ dan ir-regolament. |
|
47 |
Fir-raba’ lok, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-Qorti Ġenerali la evalwat u lanqas ikkummentat il-provi li hija kienet ipproduċiet qabel is-seduta u li kienu relatati mal-osservanza tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ amministrazzjoni tajba. Dawn l-elementi juru li, f’każijiet oħra li fihom l-aġenzija tal-pagamenti kienet irċeviet ċertu numru ta’ rapporti finali dwar verifiki mwettqa mill-OLAF, mibgħuta wkoll mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Bulgari, din ma kinitx bdiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali la evalwat u lanqas ikkummentat dwar il-fatt li l-Kummissjoni kienet apparentement biddlet l-approċċ tagħha. |
|
48 |
Skont ir-Repubblika tal-Bulgarija, id-Deċiżjoni kontenzjuża setgħet tiġi raġonevolment adottata biss li kieku r-rapporti finali tal-OLAF kienu wrew li l-aġenzija tal-pagamenti ma kinitx osservat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54(5)(a) u (c) tar-Regolament Nru 1306/2013, filwaqt li, f’dan il-każ, il-fatti kienu jirrigwardaw irregolaritajiet imwettqa mill-benefiċjarji tal-fondi agrikoli tal-Unjoni. |
|
49 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
50 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment miġbur fil-qosor fil-punti 37 sa 40 ta’ din is-sentenza, li jgħid li l-Kummissjoni ma setgħetx, permezz tat-tieni stedina għal laqgħa bilaterali, twettaq adattament tal-komunikazzjoni tal-konstatazzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, peress li l-impożizzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, jew skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jew skont l-Artikolu 54(5) ta’ dan tal-aħħar, hija bbażata fuq bażijiet legali differenti, għandu jitfakkar li, fil-punti 41, 42 u 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:
[…]
|
|
51 |
L-Artikolu 54(5)(a) u (c) tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprovdi li l-Kummissjoni tista’, sakemm il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 52(3) ta’ dan ir-regolament tkun ġiet segwita, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jeskludu mill-finanzjament tal-Unjoni l-ammonti imputati lill-baġit tal-Unjoni jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx osserva t-terminu ta’ 18‑il xahar imsemmi fl-Artikolu 54(1) tal-imsemmi regolament, jew jekk hija tqis li n-nuqqas ta’ rkupru jirriżulta minn irregolaritajiet jew minn negliġenza imputabbli lil dan l-Istat Membru. |
|
52 |
Skont l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, l-Istati Membri għandhom jitolbu rkupru tal-pagamenti indebiti li jirriżultaw minn irregolaritajiet jew negliġenza mingħand il-benefiċjarju fi żmien 18‑il xahar wara l-approvazzjoni minn u, fejn ikun applikabbli, il-wasla għand l-aġenzija tal-pagamenti jew il-korp responsabbli għall-irkupru, ta’ rapport ta’ kontroll jew dokument simili, b’dikjarazzjoni li tkun seħħet irregolarità. Flimkien ma’ din it-talba ta’ rkupru, l-ammonti korrispondenti għandhom jiġu rreġistrati fil-ktieb tad-debituri tal-aġenzija tal-pagamenti. |
|
53 |
Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri, skont din tal-aħħar, li jeżiġu l-irkupru tal-pagamenti indebiti li jirriżultaw minn irregolaritajiet jew minn negliġenza mingħand il-benefiċjarju jitnissel mill-approvazzjoni minn jew mill-wasla għand, l-aġenzija tal-pagamenti jew il-korp inkarigat mill-irkupru, ta’ “rapport ta’ kontroll jew dokument simili, li jindika l-eżistenza ta’ irregolarità”. |
|
54 |
Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1306/2013 jissuġġetta l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni għall-osservanza biss tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 52(3) ta’ dan ir-regolament, għandu jitqies, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni abbażi tal-Artikolu 54(5) tal-imsemmi regolament tista’ tiġi implimentata b’mod awtonomu mill-proċedura bbażata fuq l-Artikolu 52(1) tal-istess regolament. |
|
55 |
Minn dan isegwi li, konformement mal-għan ta’ preżervazzjoni tal-interessi finanzjarji tal-baġit tal-Unjoni, stabbilit fil-premessi 37 u 39 tar-Regolament Nru 1306/2013, il-Kummissjoni tista’, meta l-ksur tal-obbligu li jintalab l-irkupru jkun ġie kkonstatat, tadotta att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 54(5) tal-imsemmi regolament, bla ħsara għall-osservanza tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 52(3) tal-istess regolament. |
|
56 |
Minn din l-aħħar dispożizzjoni, li tiddefinixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita qabel kull deċiżjoni ta’ rifjut ta’ finanzjament, jirriżulta li l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni hija suġġetta għall-eżistenza ta’ skambju, bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, ta’ komunikazzjonijiet bil-miktub dwar ir-riżultat tal-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni bl-għan li jintlaħaq ftehim dwar il-miżuri li għandhom jiġu adottati. Jekk ma jintlaħaqx ftehim, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob il-ftuħ ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni, li fi tmiemha għandu jiġi ppreżentat rapport li jkun fih rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni li tieħdu inkunsiderazzjoni qabel ma tiddeċiedi dwar rifjut ta’ finanzjament. |
|
57 |
Konformement mal-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament Nru 1306/2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, li l-Artikolu 34 tiegħu jistabbilixxi l-modalitajiet tal-proċedura ta’ clearance ta’ konformità prevista fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013. |
|
58 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, moqri fid-dawl tal-premessa 27 tiegħu, din hija proċedura kontradittorja li d-diversi stadji tagħha, li l-Qorti Ġenerali esponiet fil-punt 36 tas-sentenza appellata, huma suġġetti għall-osservanza ta’ termini speċifiċi sabiex jiġi ggarantit li din tiġi konkluża f’terminu raġonevoli. |
|
59 |
Fl-ewwel stadju, il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konstatazzjonijiet tagħha lill-Istat Membru kkonċernat billi tispjega l-miżuri korrettivi li hija tqis li għandu jadotta u billi tindika l-livell provviżorju ta’ korrezzjoni finanzjarja li hija tqis xieraq. Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punt 37 tas-sentenza appellata, din il-komunikazzjoni għandha tidentifika b’mod suffiċjentement preċiż l-irregolaritajiet kollha allegati fil-konfront tal-Istat Membru kkonċernat li, b’mod definittiv, fuqhom tkun ibbażata l-korrezzjoni finanzjarja mwettqa. Hija biss tali komunikazzjoni li hija ta’ natura li tiggarantixxi għarfien perfett tar-riżervi tal-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2012, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑24/11 P, EU:C:2012:266, punt 31). Barra minn hekk, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, l-imsemmija komunikazzjoni għandha tirreferi għal dan l-Artikolu 34 u tipprevedi ż-żamma ta’ laqgħa bilaterali f’terminu ta’ erba’ xhur wara l-iskadenza tat-terminu għal tweġiba li għandu l-Istat Membru kkonċernat. |
|
60 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, li, fit-tieni stedina għal laqgħa bilaterali li hija kienet bagħtet lir-Repubblika tal-Bulgarija, il-Kummissjoni kienet indikat li ċerti pagamenti setgħu jitqiesu bħala ineliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni. Il-Kummissjoni rrakkomandat, minn naħa, li l-pagamenti li tqiesu li jippreżentaw riskji għall-fond inkwistjoni ma jibqgħux isiru u, min-naħa l-oħra, li, f’konformità mal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013, jiġu rkuprati l-pagamenti irregolari mingħand il-benefiċjarji rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li din l-istedina kienet tinkludi, l-ewwel, riferiment għall-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, it-tieni, identifikazzjoni preċiża tal-irregolaritajiet li, f’dan l-istadju, setgħu jiġġustifikaw korrezzjoni finanzjarja u, it-tielet, indikazzjoni dwar il-miżuri korrettivi li kellhom jiġu previsti. |
|
61 |
Huwa għalhekk mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali setgħet tiddeduċi minn dan li t-tieni stedina għal laqgħa bilaterali kienet tosserva r-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 u, għaldaqstant, tqis li din kienet, essenzjalment, adattat il-komunikazzjoni tal-konstatazzjonijiet, mibgħuta lir-Repubblika tal-Bulgarija fl‑4 ta’ Jannar 2017. |
|
62 |
Barra minn hekk, sa fejn, permezz ta’ dan l-ilment, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni aġixxiet b’mod prematur meta bdiet il-proċedura skont l-Artikolu 54(5)(a) u (c) tar-Regolament Nru 1306/2013, minħabba li hija kellha, fl-ewwel lok, tibgħatilha r-rapporti finali tal-OLAF akkumpanjati minn sempliċi rakkomandazzjoni ta’ teħid ta’ miżuri korrettivi u mbagħad, sussegwentement, tivverifika jekk hija kinitx issodisfat l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 54(1) ta’ dan ir-regolament qabel, fit-tieni lok, ma tikkomunikalha l-konklużjonijiet tagħha skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, għandu jiġi rrilevat li din l-interpretazzjoni bl-ebda mod ma hija kkorroborata mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
63 |
Barra minn hekk, l-imsemmija interpretazzjoni diffiċilment tista’ tiġi rrikonċiljata mal-għan ta’ preżervazzjoni tal-interessi finanzjarji tal-baġit tal-Unjoni, imfakkar fil-punt 55 ta’ din is-sentenza. |
|
64 |
Fil-fatt, tali interpretazzjoni jkollha l-konsegwenza li ġġiegħel lill-Kummissjoni tistenna t-tmiem tat-terminu ta’ 18‑il xahar previst fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 qabel ma tkun tista’ tibda l-proċedura kontradittorja prevista fl-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 u, b’mod partikolari, tikkomunika lill-Istat Membru kkonċernat il-miżuri korrettivi li għandhom, fil-fehma tagħha, jiġu implimentati, b’tali mod li tirriskja li tnaqqas il-probabbiltà ta’ rkupru effettiv tal-pagamenti indebiti li jirriżultaw minn irregolaritajiet jew negliġenzi. |
|
65 |
Għandu jingħad ukoll li l-interpretazzjoni sostnuta mir-Repubblika tal-Bulgarija ma hijiex iġġustifikata mir-rekwiżit ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża peress li, kif barra minn hekk ħadet ħsieb tivverifika l-Qorti Ġenerali fil-punt 49 tas-sentenza appellata, l-interpretazzjoni li hija adottat ma ċċaħħadx lill-Istat Membru kkonċernat mill-possibbiltà li jesprimi b’mod utli l-opinjoni tiegħu fir-rigward tal-irkupru tal-infiq espost għal riskju u għall-applikazzjoni tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013. |
|
66 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan l-ilment huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 52(1) u tal-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1306/2013, b’tali mod li għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
67 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument espost fil-punti 41 sa 44 ta’ din is-sentenza, li permezz tiegħu r-Repubblika tal-Bulgarija ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 61 u 62 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet osservat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, filwaqt li d-Deċiżjoni kontenzjuża bl-ebda mod ma tagħmel riferiment għall-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1306/2013, li jikkostitwixxi l-bażi legali vera ta’ din id-deċiżjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ġustament bdiet billi fakkret, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza stabbilita dwar l-Artikolu 296 TFUE, li tipprovdi li l-motivazzjoni tal-atti ġuridiċi għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. |
|
68 |
Huwa wkoll ġustament li, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret, sussegwentement, il-ġurisprudenza li tgħid li, fil-kuntest partikolari tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar il-clearance tal-kontijiet fil-qasam tal-fondi agrikoli tal-Unjoni, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tirrifjuta li żżomm parti mill-ispejjeż iddikjarati a karigu ta’ tali fond kellha titqies li hija suffiċjenti peress li l-Istat Membru destinatarju kien ġie assoċjat mill-qrib mal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u kien jaf ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kienet qieset li ma kellhiex tqiegħed dan l-infiq a karigu tal-fond ikkonċernat. |
|
69 |
Issa, f’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li jgħidu li dan l-Istat Membru kien assoċjat mal-proċess ta’ tfassil tad-Deċiżjoni kontenzjuża u li l-kwistjoni tal-irkupru tal-krediti kontenzjużi, b’rabta mal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013, ġiet diskussa diversi drabi bejn il-partijiet. |
|
70 |
Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma għandhiex raġun tilmenta li l-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li hija ma setgħetx issostni li ma kinitx ġiet informata bir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li timponilha l-korrezzjoni finanzjarja relatata mal-infiq espost għal riskju, u lanqas li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tifhem il-motivi tad-Deċiżjoni kontenzjuża fuq dan il-punt. |
|
71 |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra mill-Qorti Ġenerali, huwa għalhekk mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li din setgħet tqis li l-Kummissjoni ma kinitx kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. |
|
72 |
Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
73 |
Fit-tielet lok, sa fejn ir-Repubblika tal-Bulgarija tqis, permezz tal-argumenti miġbura fil-qosor fil-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk il-Kummissjoni kinitx osservat id-dmir ta’ diliġenza, previst fl-Artikolu 4(3) TUE, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 82 sa 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, li l-argument żviluppat mir-Repubblika tal-Bulgarija quddiem il-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward ma kienx ta’ natura awtonoma, iżda li dan kien konsegwenza tal-ksur allegat tal-proċedura li, skont dan l-Istat Membru, kellu jwassal għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll, min-naħa l-oħra, li dan l-argument kien partikolarment sommarju u li, kuntrarjament għal dak li jallega dan l-Istat Membru, mill-punt 49 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat u wieġbet ukoll fil-qosor għall-imsemmi argument. |
|
74 |
Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
75 |
Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-ilment miġbur fil-qosor fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza, li jgħid li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx ċerti provi li jistabbilixxu li l-Kummissjoni ma osservatx il-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ amministrazzjoni tajba billi bdiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, filwaqt li, f’każijiet oħra simili li seħħew sussegwentement, din il-proċedura ma nbdietx, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu l-għan, b’mod partikolari, li jivverifika jekk il-Qorti Ġenerali weġbitx b’mod suffiċjenti fid-dritt għall-argumenti kollha mressqa mill-appellant, u li l-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ tweġiba mill-Qorti Ġenerali għall-argumenti mressqa fl-ewwel istanza jammonta, essenzjalment, għall-invokazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut, u mill-Artikolu 117 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2025, OA vs Il‑Parlament, C‑32/24 P, EU:C:2025:118, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
76 |
Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni madankollu ma jobbligax lill‐Qorti Ġenerali li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir‐raġunamenti kollha mqajma mill‐partijiet fil‐kawża. Il-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu r-raġunijiet li fuqhom tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2025, OA vs Il‑Parlament, C‑32/24 P, EU:C:2025:118, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
77 |
F’dan il-każ, fir-rigward, minn naħa, tal-ittra tal-Kummissjoni rċevuta mir-Repubblika tal-Bulgarija fit‑12 ta’ Mejju 2022, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 22 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset ammissibbli din il-prova li kienet ġiet prodotta minn dan l-Istat Membru lejliet is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminatha fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, li fih hija qieset li l-imsemmi Stat Membru ma kienx spjega kif din l-ittra setgħet issostni l-argument tiegħu, b’tali mod li l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali injorat l-imsemmija prova ma hijiex fondata. |
|
78 |
Min-naħa l-oħra, sa fejn, permezz ta’ dan l-ilment, ir-Repubblika tal-Bulgarija tqis li l-Qorti Ġenerali ma kkummentatx l-osservazzjonijiet tagħha bbażati fuq il-premessa 29 u l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (ĠU 2020, L 437, p. 49), għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2025, Trasta Komercbanka vs BĊE,C‑90/23 P, EU:C:2025:369, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
79 |
Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-Repubblika tal-Bulgarija bbażati fuq din il-premessa 29 u fuq dan l-Artikolu 2, esposti fil-punt 48 tal-appell, huma kkaratterizzati minn nuqqas totali ta’ ċarezza u ta’ rabta mal-motivazzjoni tas-sentenza appellata u huma, konsegwentement, manifestament inammissibbli. |
|
80 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
81 |
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet sa fejn interpretat l-Artikolu 54(5)(a) u (c) tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 54(1) ta’ dan ir-regolament, fis-sens li, f’dan il-każ, it-terminu ta’ 18‑il xahar previst f’dan l-Artikolu 54(1) kien beda jiddekorri mill-wasla tar-rapporti finali tal-OLAF mill-aġenzija tal-pagamenti. |
|
82 |
Fil-fatt, dak li l-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punti 76 sa 78 tas-sentenza appellata huwa kuntrarju għall-ġurisprudenza stabbilita li minnha joħroġ li l-proċedura deċiżjonali prevista mill-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 hija ta’ natura kontradittorja u li d-diversi dokumenti mfassla fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva huma dokumenti li jwittu t-triq għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni. |
|
83 |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 76 tas-sentenza appellata li, li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi l-bidu tad‑dekorrenza tat-terminu ta’ 18‑il xahar, previst sabiex l-Istati Membri jitolbu l-irkupru tal-pagamenti indebiti mingħand il-benefiċjarji tagħhom fil-mument li fih il-proċedura ta’ clearance titlesta b’mod formali, kif previst fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, huwa kien jirreferi b’mod espliċitu għall-“atti ta’ implimentazzjoni”. |
|
84 |
Dan l-Istat Membru jsostni f’dan ir-rigward li, għalkemm, fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa f’termini ġenerali d-dokumenti li għalihom jibda jiddekorri t-terminu ta’ 18‑il xahar, dan huwa minħabba n-natura eteroġena tal-verifiki, tal-konklużjonijiet u tar-rapporti li jistgħu jiġu adottati fil-kuntest tal-proċedura ta’ clearance u tal-proċedura relatata mal-irregolaritajiet. |
|
85 |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija tindika barra minn hekk li, kuntrarjament għal dak li huwa indikat fil-punt 77 tas-sentenza appellata, hija ma tikkontestax li l-Kummissjoni għandha d-dritt, bħala prinċipju, li tiddeċiedi li tibda proċedura ta’ clearance ta’ konformità u li teskludi infiq abbażi tal-informazzjoni li tinsab fir-rapporti finali tal-OLAF. |
|
86 |
F’dan il-każ, madankollu, il-proċedura diġà miftuħa skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 kienet tkun teżiġi li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta’ rifjut ta’ finanzjament fi tmiem l-istadji kollha previsti fl-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014. |
|
87 |
Fil-fatt, il-proċedura prevista fl-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1306/2013, miftuħa abbażi tal-Artikolu 52(1) ta’ dan ir-regolament, timponi fuq il-Kummissjoni li tagħlaq din il-proċedura permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni adottata fuq l-istess bażi, sabiex l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jkun jaf b’ċertezza liema miżuri għandu jieħu. |
|
88 |
Billi ma aġixxietx b’dan il-mod, il-Kummissjoni allegatament poġġiet lir-Repubblika tal-Bulgarija f’inċertezza dwar in-natura eżatta ta’ dak li kienet akkużata bih. |
|
89 |
Dan l-Istat Membru jsostni li, fil-punti 73 sa 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-fatti tal-każ b’rabta mal-Artikoli 52 u 54 tar-Regolament Nru 1306/2013, li għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni konġunta, peress li l-Artikolu 54 ta’ dan ir-regolament jirreferi għall-Artikolu 52(3) tal-imsemmi regolament f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tad-difiża u għall-informazzjoni fil-kuntest ta’ deċiżjoni li għandha tiġi adottata skont l-Artikolu 54(5) tal-istess regolament. |
|
90 |
Il-Qorti Ġenerali allegatament interpretat b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 52(1) u (3) tar-Regolament Nru 1306/2013, billi qieset li dawn id-dispożizzjonijiet kienu jippermettu lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 54(5) ta’ dan ir-regolament, filwaqt li, fir-realtà, din l-aħħar dispożizzjoni timponi biss fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tosserva l-proċedura kontradittorja prevista fl-Artikolu 52(3) tal-imsemmi regolament sabiex teskludi nfiq abbażi ta’ dan l-Artikolu 54(5) fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tat-terminu previst fl-Artikolu 54(1) tal-istess regolament jew ta’ negliġenza min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat. |
|
91 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
92 |
Permezz ta’ dan it-tieni aggravju, ir-Repubblika tal-Bulgarija tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni li hija wettqet tal-Artikolu 54(5)(a) u (c) tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 54(1) ta’ dan ir-regolament, sa fejn, essenzjalment, hija qieset li, f’dan il-każ, it-terminu ta’ 18‑il xahar previst f’dan l-Artikolu 54(1) kien beda jiddekorri mill-wasla tar-rapporti finali tal-OLAF għand l-aġenzija tal-pagamenti, filwaqt li, skont dan l-Istat Membru, meta tinfetaħ proċedura skont l-Artikolu 52 tal-imsemmi regolament, din għandha twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ finanzjament fi tmiem id-diversi stadji previsti fl-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, li, f’dan il-każ, ma kienx il-każ meta l-OLAF bagħat ir-rapporti finali tiegħu. |
|
93 |
B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali injorat in-natura kontradittorja tal-proċess deċiżjonali previst fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 kif ukoll il-fatt li d-dokumenti li huma kkomunikati fil-kuntest ta’ din il-proċedura amministrattiva huma dokumenti preparatorji li jwittu t-triq għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ finanzjament. |
|
94 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-Kummissjoni, peress li bdiet il-proċedura ta’ clearance ta’ konformità abbażi tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, hija obbligata tadotta att ta’ implimentazzjoni skont din id-dispożizzjoni qabel ma tkun tista’, jekk ikun il-każ, tibda proċedura abbażi tal-Artikolu 54(5)(a) u (c) ta’ dan ir-regolament. |
|
95 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel aggravju u, b’mod partikolari, mill-punti 53 sa 55 ta’ din is-sentenza, l-obbligu li jintalab l-irkupru tal-pagamenti indebiti li jirriżultaw minn irregolaritajiet jew negliġenzi jitnissel b’effett, b’mod partikolari, mill-wasla għand l-aġenzija tal-pagamenti jew il-korp inkarigat mill-irkupru, ta’ “rapport ta’ kontroll jew dokument simili, b’dikjarazzjoni li tkun seħħet irregolarità”, u l-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni abbażi tal-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1306/2013 tista’ tiġi implimentata b’mod awtonomu mill-proċedura bbażata fuq l-Artikolu 52(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
96 |
Konsegwentement, il-Kummissjoni tista’, meta l-ksur tal-obbligu li jintalab l-irkupru jkun stabbilit u mingħajr ma tkun obbligata li l-ewwel ittemm il-proċedura mibdija abbażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, tadotta att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 54(5) tal-imsemmi regolament, bla ħsara għall-osservanza tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 52(3) tal-istess regolament. |
|
97 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-aggravju ma jistax jintlaqa’. |
|
98 |
Billi l-ebda wieħed mill-aggravji ta’ dan l-appell ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l-ispejjeż
|
99 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
100 |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
101 |
Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika tal-Bulgarija tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha, għal dawk sostnuti minn mill-Kummissjoni. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.
( 1 ) Data kunfidenzjali oskurata.
( 2 ) Data kunfidenzjali oskurata.
( 3 ) Data kunfidenzjali oskurata.
( 4 ) Data kunfidenzjali oskurata.
( 5 ) Data kunfidenzjali oskurata.
( 6 ) Data kunfidenzjali oskurata.
( 7 ) Data kunfidenzjali oskurata.
( 8 ) Data kunfidenzjali oskurata.
( 9 ) Data kunfidenzjali oskurata.
( 10 ) Data kunfidenzjali oskurata.