1.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 142/26


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 461/2012

tal-31 ta’ Mejju 2012

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1165/98 li jikkonċerna l-istatistika għal żmien qasir u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1503/2006, (KE) Nru 657/2007 u (KE) Nru 1178/2008 fir-rigward ta’ adattamenti relatati mat-tneħħija tal-fatturi varjabbli tal-ordnijiet ġodda industrijali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1165/98 tad-19 ta’ Mejju 1998 li jikkonċerna l-istatistika għal żmien qasir (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17, il-punti minn (b) sa (g) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1165/98 stabbilixxa qafas komuni għall-produzzjoni ta’ statistika Komunitarja għal żmien qasir dwar iċ-ċiklu tan-negozju u stipula l-fatturi varjabbli meħtieġa għall-analiżi tal-evoluzzjoni fi żmien qasir tal-provvista u d-domanda, il-fatturi ta’ produzzjoni u l-prezzijiet.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1503/2006 tat-28 ta’ Settembru 2006 li jimplimenta u jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1165/98 li jikkonċerna l-istatistika għal żmien qasir fir-rigward tad-definizzjoni tal-fatturi varjabbli, il-lista tal-fatturi varjabbli u l-frekwenza tal-ġbir tad-dejta (2) stipulat d-definizzjonijiet tal-għanijiet u l-karatteristiċi tal-fatturi varjabbli.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 657/2007 tal-14 ta’ Ġunju 2007, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1165/98 li jikkonċerna l-istatistika għal żmien qasir fir-rigward tat-twaqqif ta’ skemi ta’ kampjuni Ewropej (3), speċifika r-regoli u l-kundizzjonijiet fir-rigward tat-trażmissjoni ta’ dejta mill-Istati Membri li jieħdu sehem fl-iskemi ta’ kampjuni Ewropej għall-istatistika għaż-żmien qasir.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1178/2008 tat-28 ta’ Novembru 2008, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1165/98 li jikkonċerna l-istatistika għall-medda qasira ta’ żmien u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1503/2006 u (KE) Nru 657/2007 fir-rigward ta’ addattamenti wara r-reviżjoni tal-klassifikazzjonijiet statistiċi NACE u CPA (4), aġġorna r-regoli u l-kundizzjonijiet għall-iskemi ta’ kampjuni Ewropej wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (5), u r-Regolament (KE) Nru 451/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi klassifikazzjoni statistiska ġdida tal-prodotti skont l-attività (KPA) u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3696/93 (6).

(5)

Il-fatturi varjabbli tal-ordnijiet ġodda industrijali introdotti mir-Regolament (KE) Nru 1165/98 kienu maħsuba li jservu ta’ indikatur ewlieni għall-produzzjoni futura. Madankollu, il-kapaċità ta’ tbassir ta’ dawn il-fatturi varjabbli jidhru li huma limitati, u peress li dawn il-fatturi varjabbli ma ntwerewx b’mod stabbli fl-Istati Membri kollha, il-Kumitat għas-Sistema Statistika Ewropea qabel li l-ġbir tad-dejta tal-fatturi varjabbli tal-ordnijiet ġodda industrijali għandu jitwaqqaf fil-kuntest tal-prijoritizzazzjoni fl-iżvilupp u l-produzzjoni tal-istatistika fid-dawl tar-riżorsi mnaqqsa u bl-għan li jitnaqqas il-piż minn fuq is-Sistema Statistika Ewropea.

(6)

Sabiex tiġi implimentata t-tneħħija tal-fatturi varjabbli tal-ordnijiet ġodda industrijali, hemm bżonn li jitneħħew ir-referenzi kollha għal dawn il-fatturi varjabbli f’konnessjoni mal-lista ta’ fatturi varjabbli, il-perjodu ta’ refrenza, il-livell tad-dettall, l-iskadenza għat-trażmissjoni tad-dejta, il-perjodu ta’ tranżizzjoni u d-definizzjonijiet li jridu jiġu applikati għal dawn il-fatturi varjabbli kif ukoll f’relazzjoni mat-termini tal-iskema ta’ kampjuni Ewropea li tikkonċerna ordnijiet ġodda mhux domestiċi.

(7)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema tal-Istatistika Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness A mar-Regolament (KE) Nru 1165/98 huwa emendat skont l-Anness I ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 1503/2006 huwa emendat skont l-Anness II ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Fir-Regolament (KE) Nru 657/2007, l-Artikoli 1 u 2 jinbidlu b’li ġej:

“Artikolu 1

Skemi ta’ kampjuni Ewropej jistgħu jiġu applikati meta tkun qed tinġabar l-istatistika li tiddistingwi bejn iż-żona tal-euro u ż-żona mhux tal-euro għaż-żewġ fatturi varjabbli li ġejjin speċifikati fl-Anness A mar-Regolament (KE) Nru 1165/98:

Fattur varjabbli

Isem:

312

Il-prezzijiet tal-produzzjoni tas-suq mhux domestiku

340

Il-prezzijiet tal-importazzjoni

Artikolu 2

Stati Membri li jipparteċipaw fl-iskemi ta’ kampjuni Ewropej imsemmija fl-Artikolu 1 għandhom jibagħtu dejta lill-Kummissjoni (Eurostat) mill-anqas għall-attivitajiet NACE, għall-fattur varjabbli Nru 312, u prodotti CPA, u għall-fattur varjabbli Nru 340, speċifikati fl-Anness.”

Artikolu 4

L-Anness III mar-Regolament (KE) Nru 1178/2008 huwa emendat skont l-Anness III ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 162, 5.6.1998, p. 1.

(2)   ĠU L 281, 12.10.2006, p. 15.

(3)   ĠU L 155, 15.6.2007, p. 7.

(4)   ĠU L 319, 29.11.2008, p. 16.

(5)   ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.

(6)   ĠU L 145, 4.6.2008, p. 65.


ANNESS I

L-Anness A mar-Regolament (KE) Nru 1165/98 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-punt (c) (Lista tal-varjabbli) għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, jitħassru l-fatturi varjabbli “130 L-ordnijiet ġodda rċevuti”, “131 L-ordnijiet ġodda domestiċi” u “132 L-ordnijiet ġodda mhux domestiċi.”

(b)

Il-paragrafi 3 u 8 għandhom jitħassru.

(2)

Fil-punt (e) (Perjodu ta’ referenza), jitħassru l-fatturi varjabbli 130, 131 u 132 u l-perjodi ta’ referenza rispettivi tagħhom.

(3)

Il-punt (f) (Il-Livell ta’ dettall) għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 4 jinbidel b’li ġej:

“4.

Barra minn hekk, il-fatturi varjabbli kollha għajr il-fatturi varjabbli tal-fatturat (Nri 120, 121, 122) għandhom ikunu trażmessi għall-industrija totali mfissra bħala t-Taqsimiet minn B sa E tan-NACE Rev. 2 u r-raggruppamenti industrijali ewlenin (MIGs) kif imfissra fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 586/2001 (*1).

(*1)   ĠU L 86, 27.3.2001, p. 11.” "

(b)

Il-paragrafu 6 għandu jitħassar;

(c)

Il-paragrafu 9 jinbidel b’li ġej:

“9.

Il-fatturi varjabbli dwar is-swieq mhux domestiċi (Nri 122 u 312) għandhom jiġu trażmessi skont id-distinzjoni bejn iż-żona tal-euro u ż-żona mhux tal-euro. Id-distinzjoni għandha tiġi applikata għat-total tal-industrija definita bħala t-Taqsimiet minn B sa E tan-NACE Rev. 2, l-MIGs, il-livell ta’ Taqsima (ittra waħda), u tad-Diviżjoni b’żewġ ċifri tan-NACE Rev. 2. L-informazzjoni dwar in-NACE Rev. 2 D u E mhix meħtieġa għall-fattur varjabbli 122. Barra minn hekk, il-fattur varjabbli tal-prezz ta’ importazzjoni (Nru 340) għandu jiġi trażmess skont id-distinzjoni bejn żona tal-euro u żona mhux tal-euro. Id-distinzjoni għandha tiġi applikata għat-total tal-industrija definita bħala t-Taqsimiet minn B sa E tas-CPA, l-MIGs, il-livell ta’ Taqsima (ittra waħda) u tad-Diviżjoni b’żewġ ċifri tas-CPA. Għad-distinzjoni bejn iż-żona tal-euro u ż-żona mhux tal-euro, il-Kummissjoni tista’ tiddetermina t-termini għall-applikazzjoni ta’ skemi ta’ kampjuni Ewropej kif definiti fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2). Dawk il-miżuri maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati bi qbil mal-proċedura regolatorja bl-iskrutinju msemmija fl-Artikolu 18(3). L-iskema ta’ kampjuni Ewropea tista’ tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-fattur varjabbli tal-prezz ta’ importazzjoni għall-importazzjoni ta’ prodotti minn pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro. Id-distinzjoni bejn iż-żona tal-ewro u ż-żona mhux tal-ewro għall-fatturi varjabbli 122, 312 u 340 ma għandhiex għalfejn tkun trażmessa minn dawk l-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala l-munita tagħhom.”

(4)

Fil-punt (g) (Iż-żmien tal-għeluq għat-trażmissjoni tad-dejta), il-paragrafu 1, jitħassru l-fatturi varjabbli 130, 131 u 132 u l-iskadenzi rispettivi tagħhom “Xahar u għoxrin jum”.

(5)

Fil-punt (j) (Il-perjodu ta’ tranżizzjoni), il-paragrafu 3 jinbidel b’li ġej:

“3.

Jista’ jingħata perjodu ta’ tranżizzjoni li jintemm nhar il-11 ta’ Awwissu 2007 għall-fattur varjabbli 340 u d-distinzjoni bejn iż-żona tal-euro u ż-żona mhux tal-euro għall-fatturi varjabbli 122, 312 u 340 skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18(2).”

(*1)   ĠU L 86, 27.3.2001, p. 11.” ”


ANNESS II

L-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 1503/2006 huwa emendat kif ġej:

Jitħassru l-fatturi varjabbli: “130 L-ordnijiet ġodda rċevuti”, “131 L-ordnijiet ġodda domestiċi” u “132 L-ordnijiet ġodda mhux domestiċi.”


ANNESS III

L-Anness III mar-Regolament (KE) Nru 1178/2008 huwa emendat kif ġej:

Jitħassar il-paragrafu “ 132 ORDNIJIET ĠODDA MHUX DOMESTIĊI ”.