European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2262

9.11.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 109/2023

tat-28 ta’ April 2023

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet [2023/2262]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-ŻEE tiġi estiża biex tinkludi r-Regolament (UE) 2019/126 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 (1).

(2)

Ir-Regolament (UE) 2019/126 jirrevoka ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 (2), li huwa inkluż fil-Ftehim dwar iż-ŻEE u li konsegwentement għandu jiġi revokat skont il-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(3)

Jenħtieġ għalhekk, li l-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jiġi emendat biex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ tibda sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2023,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-test tal-paragrafu 11 tal-Artikolu 5 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fl-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq ix-Xogħol (EU-OSHA) minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘Aġenzija’, kif stipulat fl-att tal-Unjoni li ġej:

—

32019 R 0126: Ir-Regolament (UE) 2019/126 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 (ĠU L 30, 31.1.2019, p. 58).

(b)

L-Istati tal-EFTA għandhom jikkontribwixxu finanzjarjament għall-attivitajiet riferiti fil-(a) f’konformità mal-Artikolu 82(1)(a) u l-Protokoll 32 tal-Ftehim.

(c)

L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-Bord tat-Tmexxija u fih għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-Istati Membri tal-UE, ħlief id-dritt tal-vot.

(d)

It-terminu “Stat/Stati Membru/Membri” u termini oħra li jagħmlu referenza għall-entitajiet pubbliċi tagħhom imsemmija fl-Artikoli 12 tar-Regolament għandhom jinftiehmu b’tali mod li, apparti s-sens tagħhom fir-Regolament, ikunu jinkludu lill-Istati tal-EFTA u lill-entitajiet pubbliċi tagħhom.

(e)

L-Aġenzija għandu jkollha personalità ġuridika. Fl-Istati kollha tal-Partijiet Kontraenti, hija għandha tgawdi l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva li tingħata lill-persuni ġuridiċi skont il-liġijiet tagħhom.

(f)

L-Istati tal-EFTA għandhom jikkonċedu lill-Aġenzija privileġġi u immunitajiet ekwivalenti għal dawk li jinsabu fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

(g)

B’deroga mill-Artikolu 12(2)(a) u l-Artikolu 82(3)(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, ċittadini tal-Istati tal-EFTA li jgawdu d-drittijiet sħaħ tagħhom bħala ċittadini jistgħu jiġu impjegati b’kuntratt mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

(h)

B’deroga mill-Artikoli 12(2)(e), l-Artikolu 82(3)(e) u l-Artikolu 85(3) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-lingwi msemmijin fl-Artikolu 129(1) tal-Ftehim għandhom jitqiesu mill-Aġenzija, fir-rigward tal-persunal tagħha, bħala l-lingwi tal-Unjoni msemmijin fl-Artikolu 55(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(i)

Bis-saħħa tal-Artikolu 79(3) tal-Ftehim, il-Parti VII (Dispożizzjonijiet Istituzzjonali) tal-Ftehim għandha tapplika għal dan il-paragrafu.

(j)

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (3), għall-fini ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/126, għandu japplika wkoll għal kull dokument tal-Aġenzija rigward l-Istati Membri tal-EFTA.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (*1).

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2023.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE, u fis-Suppliment taż-ŻEE, ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ April 2023.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Nicolas VON LINGEN


(1)   ĠU L 30, 31.1.2019, p. 58.

(2)   ĠU L 216, 20.8.1994, p. 1.

(3)   ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(*1)  Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.


Dikjarazzjoni Konġunta mill-Partijiet Kontraenti

għad-deċiżjoni Nru 109/2023 li tinkorpora r-Regolament (UE) 2019/126 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-Ftehim

Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-inkorporazzjoni ta’ dan l-att hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni diretta tal-Protokoll 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini tal-Istati tal-EFTA fit-territorju ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 11 ta’ dak il-Protokoll.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2262/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)