SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
23 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Gass naturali – Direttiva 2009/73/KE – Artikolu 41(8) – Kunċett ta’ ‘miżuri ta’ inċentiv xierqa’ – Regolament (KE) Nru 715/2009 – Artikolu 13(1) – Kunċett ta’ ‘rendiment xieraq fuq l-investiment’ – Networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni – Faċilità ta’ ħżin – Kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment tat-tariffi ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni stabbiliti mill-awtorità regolatorja nazzjonali – Rata ta’ rendiment fuq il-kapital – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi – Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawża C‑87/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Frar 2024, fil-proċedura
AS “Gaso”,
AS “Conexus Baltic Grid”
vs
Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tar-Raba’ Awla, u M. Condinanzi (Relatur), Imħallef,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Jannar 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal AS “Gaso”, minn L. Liepa u J. Sarāns-Reneslācis, advokāti, |
|
– |
għal AS “Conexus Baltic Grid”, minn C. Ginter, vandeadvokaat, u K. Pļaviņa-Mika, advokāte, kif ukoll minn U. Bariss, valdes priekšsēdētājs, u M. Gode, valdes loceklis, |
|
– |
għal Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija, minn J. Miķelsons, izpilddirektors, u A. Upena, padomes locekle, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, L. Ozola u T. Scharf, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ April 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94), u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU 2009, L 211, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2009, L 229, p. 29 u fil-ĠU 2009, L 309, p. 87). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ rikorsi għal annullament ippreżentati, rispettivament, minn AS “Gaso” u minn AS “Conexus Baltic Grid” kontra l-lēmums Nr. 109 “par kapitāla atdeves likmi dabasgāzes pārvades sistēmas, dabasgāzes sadales sistēmas un dabasgāzes uzglabāšanas pakalpojumu tarifu projekta aprēķināšanai” (id-Deċiżjoni dwar ir-Rata ta’ Rendiment fuq il-Kapital għall-Kalkolu tal-Pjan ta’ Tariffi għas-Servizzi ta’ Network ta’ Trasport tal-Gass Naturali, għas-Servizzi ta’ Network ta’ Distribuzzjoni tal-Gass Naturali u għas-Servizzi ta’ Ħżin tal-Gass Naturali), tal‑20 ta’ Awwissu 2020 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”), adottata mis-Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija (il-Kummissjoni Regolatorja tas-Servizzi Pubbliċi, il-Latvja, iktar ’il quddiem l-“Awtorità Regolatorja Latvjana”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2009/73
|
3 |
Il-premessi 23 sa 25, 30 u 32 tad-Direttiva 2009/73 huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għat-trasmissjoni, id-distribuzzjoni, il-provvista u ħażna ta’ gass naturali. Hija tippreskrivi r-regoli marbuta mal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-settur tal-gass naturali, l-aċċess għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għat-trasmissjoni, id-distribuzzjoni, il-provvista u l-ħżin ta’ gass naturali u l-operazzjoni tas-sistemi.” |
|
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]
[…]” |
|
6 |
L-Artikolu 39 tal-istess direttiva, intitolat “Ħatra u indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji”, jipprovdi: “1. Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità regolatorja nazzjonali waħda fil-livell nazzjonali. […] 4. L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji u jiżguraw li dawn jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali u trasparenti. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fit-twettiq tal-kompiti regolatorji mogħtija lilha minn din id-Direttiva u mil-leġislazzjoni relatata, l-awtorità regolatorja:
[…]” |
|
7 |
L-Artikolu 40 tad-Direttiva 2009/73, intitolat “Objettivi ġenerali tal-awtoritajiet regolatorji”, jipprevedi: “Fit-twettiq tal-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jinkisbu l-objettivi li ġejjin fil-qafas tal-kompiti u s-setgħat tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 41, f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali relevanti oħra, inklużi l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fejn ikun il-każ, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tagħhom: […]
[…]” |
|
8 |
L-Artikolu 41 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dmirijiet u setgħat tal-awtorità regolatorja”, jipprovdi: “1. L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:
[…]
[…] (6) L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu responsabbli biex jistipulaw jew japprovaw biżżejjed qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, mill-inqas il-metodoloġiji użati għall-kalkolu jew l-istabbiliment tat-termini u l-kondizzjonijiet għal:
[…] (8) Meta jkunu qed jistipulaw jew japprovaw it-tariffi jew il-metodoloġiji u s-servizzi tal-ibbilanċjar, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni jingħataw inċentiva adatta, kemm fil-perijodu qasir kif ukoll għal fit-tul, biex iżidu l-effiċjenzi, irawmu l-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-provvista u jappoġġjaw l-attivitajiet ta’ riċerka relatati. […] (16) Id-Deċiżjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu motivati b’mod sħiħ u ġustifikati sabiex jippermettu reviżjoni ġudizzjarja. Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku filwaqt li jippreservaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva. […]” |
Ir-Regolament Nru 715/2009,
|
9 |
Il-premessi 7 u 8 tar-Regolament Nru 715/2009 huma fformulati kif ġej:
|
|
10 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Dan ir-Regolament jimmira li:
[…] L-għanijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu l-istabbiliment tal-prinċipji armonizzati għat-tariffi, jew il-metodoloġiji sottostanti għall-kalkolu tagħhom, għall-aċċess għan-network, iżda mhux għall-faċilitajiet ta’ ħażna […] Dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 19(4), għandu japplika biss għall-faċilitajiet ta’ ħażna li jaqgħu taħt l-Artikolu 33(3) jew (4) tad-Direttiva [2009/73]. […]” |
|
11 |
L-ewwel u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament jipprovdu: “It-tariffi, jew il-metodoloġiji użati sabiex dawn jiġu kalkolati, applikati minn operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u approvati mill-awtoritajiet regolatorji fl-Artikolu 41(6) tad-Direttiva [2009/73] kif ukoll it-tariffi ppubblikati fl-Artikolu 32(1) ta’ dik id-Direttiva, għandhom ikunu trasparenti, jieħdu kont tal-ħtieġa tal-integrità tas-sistema u t-titjib tagħha u jirriflettu l-ispejjeż effettivament magħmulin, sa fejn dawn l-ispejjeż jikkorrispondu ma’ dawk ta’ operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli tan-netwerk u jkunu trasparenti filwaqt li jinkludu qligħ xieraq fuq l-investimenti, u fejn ikun il-każ b’kont meħud tal-benchmarking ta’ tariffi mill-awtoritajiet regolatorji. It-tariffi, jew il-metodi li jintużaw biex jikkalkulawhom, għandhom jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju. […] It-tariffi, jew il-metodi użati biex jikkalkulawhom, għandhom jiffaċilitaw il-kummerc effiċjenti tal-gass u l-kompetizzjoni, u fl-istess ħin jevitaw sussidji bejn l-utenti tan-netwerk u jipprovdu inċentivi għall-investiment u jżommu jew joħolqu interoperabilità għan-netwerks ta’ trażmissjoni.” |
Ir‑Regolament (UE) 2017/460
|
12 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/460 tas‑16 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar strutturi tariffarji armonizzati għat-trażmissjoni tal-gass (ĠU 2017, L 72, p. 29) jipprevedi li dan ir-regolament jistabbilixxi kodiċi tan-network li jistipula r-regoli dwar l-istrutturi tariffarji armonizzati għat-trasport tal-gass, inklużi r-regoli dwar l-applikazzjoni tal-metodu tal-prezz ta’ referenza, l-obbligi assoċjati fil-qasam tal-konsultazzjoni, tal-pubblikazzjoni u tal-kalkolu tal-prezzijiet ta’ riżerva għall-prodotti ta’ kapaċità standard. |
|
13 |
L-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata qabel il-perjodu tariffarju”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi ppubblikata qabel il-perjodu tariffarju f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 31 u 32 mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew l-operatur(i) tas-sistema ta’ trażmissjoni, kif deċiż mill-awtorità regolatorja nazzjonali: […] (b) l-informazzjoni li ġejja:
[…]” |
Id-dritt Latvjan
Il-Liġi dwar l-Awtoritajiet Regolatorji tas-Servizzi Pubbliċi
|
14 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) tal-likums “Par sabiedrisko pakalpojumu regulatoriem” (il-Liġi dwar l-Awtoritajiet Regolatorji tas-Servizzi Pubbliċi) tad‑19 ta’ Ottubru 2000 (Latvijas Vēstnesis, 2000, Nru 394), l-Awtorità Regolatorja Latvjana hija organu rregolat mid-dritt pubbliku, indipendenti fuq il-livell istituzzjonali u funzjonali kif ukoll awtonomu fl-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu approvat mil-liġi. Wieħed mill-kompiti tagħha huwa li tirregola l-provvista ta’ servizzi pubbliċi fil-qasam tal-provvista tal-gass naturali. |
|
15 |
Il-punt 2 tal-Artikolu 9(1) ta’ din il-liġi jistipula li l-Awtorità Regolatorja Latvjana għandha tistabbilixxi l-metodoloġija tal-kalkolu u tal-iffissar tat-tariffi jew tal-limiti tariffarji massimi, kif ukoll il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tat-tariffi jew tal-limiti tariffarji massimi, sakemm leġiżlazzjoni settorjali speċifika ma tipprevedix prinċipji tariffarji oħra. |
|
16 |
L-Artikolu 9(2) tal-imsemmija liġi jipprevedi: “Fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, din l-Awtorità Regolatorja [Latvjana] għandha tadotta, b’mod awtonomu, deċiżjonijiet u atti amministrattivi vinkolanti għall-fornituri u għall-utenti tas-servizzi pubbliċi kkonċernati.” |
|
17 |
Skont l-Artikolu 20(1) tal-Liġi dwar l-Awtoritajiet Regolatorji tas-Servizzi Pubbliċi: “It-tariffi huma ffissati f’livell tali li l-ħlas tagħhom mill-utenti jkopri l-ispejjeż ekonomikament iġġustifikati tas-servizz pubbliku u jiżgura l-profittabbiltà tiegħu, sakemm leġiżlazzjoni settorjali speċifika ma tipprevedix prinċipji tariffarji oħra. Fil-każ ta’ bidla tal-fatturi li għandhom effett fuq it-tariffi, bħall-profittabbiltà, l-Awtorità Regolatorja tista’ tagħti bidu għal reviżjoni tariffarja u teħtieġ mill-fornitur ta’ servizz pubbliku li huwa jippreżenta, f’terminu partikolari, pjan ta’ tariffi akkumpanjat minn ġustifikazzjoni tal-ispejjeż kostituttivi tagħhom.” |
Id-Deċiżjoni dwar il-Metodoloġija
|
18 |
Is-sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisijas padomes lēmums Nr. 1/23 kapitāla atdeves likmes aprēķināšanas metodika (id-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Awtorità Regolatorja Nru 1/23 dwar il-Metodoloġija tal-Kalkolu tar-Rata ta’ Rendiment mill-Kapital) tat‑13 ta’ Awwissu 2018 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni dwar il-Metodoloġija”) stabbilixxiet il-modalitajiet ta’ kalkolu u ta’ applikazzjoni tar-rata ta’ rendiment mill-kapital għall-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ tariffi ta’ servizzi rregolati, inkluż ta’ servizzi ta’ network ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali. B’mod partikolari, din id-deċiżjoni tistabbilixxi l-formola ta’ kalkolu tar-rata medja ponderata ta’ rendiment mill-kapital f’termini reali. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
19 |
Skont id-Deċiżjoni dwar il-Metodoloġija, il-bord tal-Awtorità Regolatorja Latvjana adotta d-Deċiżjoni kontenzjuża li permezz tagħha qies li l-ġestjonarju tan-network ta’ trasport tal-gass naturali, il-ġestjonarju tan-network ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali u l-ġestjonarju tal-faċilità ta’ ħżin tal-gass naturali japplikaw ir-rata medja ponderata ta’ rendiment mill-kapital f’termini reali. |
|
20 |
Billi ħadet inkunsiderazzjoni r-rata ta’ rendiment mill-kapital proprju, ir-rata ta’ rendiment mill-kapital misluf, ikkalkulat konformement mad-Deċiżjoni dwar il-Metodoloġija, ir-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji u l-medja tal-varjazzjonijiet annwali tal-prezzijiet tal-konsum matul il-ħames snin kalendarji preċedenti, l-Awtorità Regolatorja Latvjana ddeterminat li, għal operatur li, skont id-data tal-aħħar rapport annwali disponibbli, jaqa’ taħt il-kategorija ta’ impriżi medji jew kbar, ir-rata ta’ rendiment mill-kapital għandha tiġi ffissata għal 2.65 %, filwaqt li, għal operatur li jaqa’ taħt il-kategorija ta’ impriżi mikro jew żgħar, din ir-rata għandha tiġi ffissata għal 4.37 %. |
|
21 |
Id-Deċiżjoni kontenzjuża tippreċiża li r-rata ta’ rendiment ta’ 2.65 % hija konformi mas-sitwazzjoni fis-swieq finanzjarji u li hija r-riżultat ta’ evalwazzjoni adegwata tar-riskji marbuta mat-tneħħija ta’ fondi, u b’hekk tiggarantixxi lill-operatur tan-network ta’ trasport tal-gass naturali, lill-operatur tan-network ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali u lill-operatur tal-faċilità ta’ ħżin tal-gass naturali l-possibbiltà li jiffinanzjaw self, li jinvestu fit-tiġdid u fl-iżvilupp tan-networks kif ukoll li jiksbu rendiment raġonevoli, filwaqt li tiżgura lill-utenti l-possibbiltà li jibbenefikaw minn servizzi pubbliċi kontinwi, siguri u ta’ kwalità għolja, li t-tariffi tagħhom (prezzijiet) jikkorrispondu għal spejjeż ekonomikament iġġustifikati. |
|
22 |
Gaso, li hija l-ġestjonarja tan-network ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali fil-Latvja, u Conexus Baltic Grid, li tiġġestixxi n-network ta’ trasport u l-faċilità ta’ ħżin tal-gass naturali f’dan l-Istat Membru, it-tnejn li huma ppreżentaw rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
23 |
Insostenn tar-rikorsi tagħhom, dawn il-kumpanniji sostnew li l-Awtorità Regolatorja Latvjana kienet marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha, wettqet żbalji proċedurali u sostantivi serji fid-determinazzjoni tal-kriterji u fil-kalkolu tar-rata ta’ rendiment mill-kapital, u kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi ffissat din ir-rata f’livell baxx ħafna. B’mod partikolari, id-Deċiżjoni kontenzjuża tikser id-Direttiva 2009/73, li madankollu timponi fuq l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali l-obbligu li jippromwovu inter alia l-iżvilupp u l-funzjonament tas-suq tal-gass naturali billi jipprovdu lill-investituri inċentivi suffiċjenti sabiex jagħmlu l-investiment neċessarju fl-infrastrutturi. Din id-deċiżjoni tikser ukoll ir-Regolament Nru 715/2009 li jobbliga lil dawn l-awtoritajiet jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni tat-tariffi, rendiment xieraq mill-investimenti mwettqa. |
|
24 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tikkonstata, l-ewwel nett, li l-Artikolu 40(f) u l-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73 kif ukoll l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009, moqri flimkien mal-premessi 7 u 8 ta’ dan tal-aħħar, huma rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima li hija adita biha. |
|
25 |
It-tieni nett, hija tenfasizza li, għalkemm mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti jirriżulta li, meta jiddeterminaw it-tariffi ta’ aċċess għan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali, l-Istati Membri għandhom jipprevedu “rendiment xieraq fuq l-investiment”, dawn id-dispożizzjonijiet ma jindikawx dak li għandu jinftiehem b’din l-espressjoni, li fuqha, barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni li tagħti deċiżjoni. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tindika li ma għandhiex linji gwida ċari sabiex tevalwa l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-metodoloġija segwita mill-Awtorità Regolatorja Latvjana sabiex tiffissa r-rata ta’ rendiment mill-kapital applikata fil-kawża li hija adita biha. |
|
26 |
It-tielet nett, din il-qorti tirrileva li l-Liġi dwar l-Awtoritajiet Regolatorji tas-Servizzi Pubbliċi tipprevedi qafas regolamentari li ma jinkludix dispożizzjoni li tikkorrispondi għal dawk tal-Artikoli 40 u 41 ta’ din id-direttiva, dwar, rispettivament, l-għanijiet ġenerali tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kif ukoll il-funzjonijiet u l-kompetenzi tagħhom. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, probabbilment, l-Artikolu 20(1) ta’ din il-liġi, li abbażi tiegħu l-Awtorità Regolatorja Latvjana adottat id-Deċiżjoni kontenzjuża, ma jkoprix l-għanijiet kollha msemmija fid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-dritt għal fornitur ta’ servizz pubbliku rregolat li jibbenefika minn miżuri ta’ inċentiv xierqa kemm għal żmien qasir kif ukoll għal żmien twil. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-istess direttiva ġewx trasposti b’mod korrett fid-dritt Latvjan. |
|
27 |
Fl-aħħar u r-raba’ nett, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/73 u ta’ dawk tar-Regolament Nru 715/2009, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament huwiex applikabbli sabiex tiġi ddeterminata t-tariffa ta’ aċċess għall-faċilitajiet tal-ħżin ta’ gass naturali, li l-ġestjoni tagħhom tappartjeni, f’dan il-każ, lil Conexus Baltic Grid. Fil-fatt, billi tibbaża ruħha fuq in-natura fakultattiva tal-proċeduri previsti fil-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2009/73, din il-qorti tqis li l-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti mit-tariffi applikati mill-ġestjonarji ta’ network ta’ trasport u approvati mill-awtoritajiet regolatorji konformement mal-Artikolu 41(6) tad-Direttiva 2009/73, kif ukoll it-tariffi ppubblikati konformement mal-Artikolu 32(1) ta’ din id-direttiva, japplika biss għat-tariffi tas-servizz ta’ network ta’ trasport tal-gass naturali u ma jkoprix l-iffissar tat-tariffi relatati mal-aċċess għall-faċilitajiet tal-ħżin ta’ dan il-gass. |
|
28 |
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
|
29 |
L-Awtorità Regolatorja Latvjana ssostni li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma inammissibbli. |
|
30 |
Fl-ewwel lok, din l-awtorità tallega li l-ewwel domanda hija ipotetika u ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni iżda tad-dritt nazzjonali. Din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li l-imsemmija awtorità hija eżentata mill-obbligu li timmotiva kemm il-metodoloġija tal-kalkolu tar-rata ta’ rendiment mill-kapital kif ukoll ir-rati ta’ rendiment innifishom. Issa, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’mod partikolari mill-Artikolu 67(2) tal-Administratīvā procesa likums (il-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva), jirriżulta li l-istess awtorità hija obbligata timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha u, f’dan il-każ, għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-dritt applikabbli, b’mod partikolari tal-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73 u tar-Regolament Nru 715/2009. |
|
31 |
Fit-tieni lok, l-Awtorità Regolatorja Latvjana tqis li t-tieni sas-sitt domanda huma fformulati f’termini wisq ġenerali u ma jirrigwardawx l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni iżda l-applikazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, minħabba l-ġeneralità tagħhom, il-kunċetti jew l-espressjonijiet użati f’dawn id-domandi ma jippermettux lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta preċiża għalihom. Fl-aħħar nett, kemm l-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73 kif ukoll l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009 jimponu fuq l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biss l-għan li għandu jintlaħaq, filwaqt li jħallulhom l-għażla tal-mezzi jew tal-metodi sabiex jilħqu dan l-għan. Issa, l-għażla ta’ dawn il-mezzi jew metodi, li dwarha tistaqsi l-qorti tar-rinviju, ma hijiex kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha ssir mill-Qorti tal-Ġustizzja iżda ta’ applikazzjoni tiegħu li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali. |
|
32 |
Fit-tielet lok, l-Awtorità Regolatorja Latvjana ssostni li t-tieni, it-tmien u d-disa’ domanda ma jirrigwardawx l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni iżda dik tad-dritt nazzjonali. B’mod partikolari, fir-rigward tat-tieni domanda, il-kunċett ta’ “profittabbiltà” ma jintużax mid-dritt tal-Unjoni rilevanti iżda fl-Artikolu 20(1) tal-Liġi dwar l-Awtoritajiet Regolatorji tas-Servizzi Pubbliċi. |
|
33 |
Fir-raba’ lok, l-Awtorità Regolatorja Latvjana ssostni li r-raba’ sat-tmien domanda ma għandhom l-ebda rabta mas-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi li tikkaratterizza l-kawża prinċipali u ma jissodisfawx bżonn oġġettiv sabiex din tal-aħħar tiġi deċiża sa fejn l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009 la japplika għall-faċilitajiet ta’ ħżin tal-gass naturali li tagħhom Conexus Baltic Grid hija, f’dan il-każ, ġestjonarja u lanqas għan-network ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali li l-ġestjoni tiegħu hija fdata, fil-Latvja, lil Gaso. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq it-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata li tagħti deċiżjoni. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandiex il-punti ta’ fatti u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Barra minn hekk, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju sservi ta’ bażi għall-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tispjega, f’din id-deċiżjoni, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tal-kawża prinċipali u tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom, kif ukoll ir-rabta li din tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha. Dawn ir-rekwiżiti kumulattivi li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Slovenské elektrárne, C‑376/18, EU:C:2019:1068, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
F’dan il-każ, qabelxejn, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/73 u tar-Regolament Nru 715/2009 għandhom rabta evidenti mat-tilwima fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna d-determinazzjoni ta’ rata ta’ rendiment mill-kapital, imposta minn awtorità regolatorja tas-suq tal-gass naturali b’mod partikolari fuq il-ġestjonarji tan-networks tal-gass naturali ta’ Stat Membru, li tista’ taffettwa t-tariffi applikati minn dawn il-ġestjonarji. |
|
37 |
Sussegwentement, fir-rigward tar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, li jirrigwarda, minn naħa, ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/73 u tar-Regolament Nru 715/2009 kif ukoll, min-naħa l-oħra, ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn iż-żewġ atti tad-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li dik il-qorti tirreferi għall-evalwazzjonijiet tagħha stess dwar il-mistoqsijiet li hija għandha dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmija atti, b’mod partikolari tal-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73 u tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009, kif ukoll dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inter alia fir-rigward tar-rekwiżiti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Awtorità Regolatorja Latvjana waqt l-iffissar tat-tariffi ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali. |
|
38 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni taż-żewġ atti tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt preċedenti u r-rilevanza tagħhom fir-rigward tal-aċċess għall-faċilitajiet ta’ gass naturali ġġestiti minn Conexus Baltic Grid, huwa biżżejjed li jitfakkar li, meta ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, l-oġġezzjoni bbażata fuq l-inapplikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għall-kawża prinċipali ma tirrigwardax l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda taqa’ taħt il-mertu tad-domandi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Slovenské elektrárne, C‑376/18, EU:C:2019:1068, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
Osservazzjonijiet preliminari
|
40 |
Permezz tal-għaxar domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar tliet aspetti legali li jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipji tariffarji previsti fl-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73 u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009 (is-seba’, id-disa’ u l-għaxar domanda), it-tieni nett, it-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tal-kunċett ta’ “miżuri ta’ inċentiv xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73, u l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-awtorità regolatorja nazzjonali (l-ewwel u t-tieni domanda), kif ukoll, it-tielet nett, kif din l-awtorità, meta tikkalkola u tiffissa t-tariffi, għandha tiggarantixxi lill-ġestjonarji tan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali l-benefiċċju ta’ tali miżuri ta’ inċentiv xierqa u/jew ta’ “rendiment xieraq fuq l-investiment”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009 (it-tielet sad-disa’ domanda). |
|
41 |
Dawn it-tliet aspetti għandhom jiġu eżaminati fl-ordni msemmi iktar ’il fuq. |
Fuq is-seba’, id-disa’ u l-għaxar domanda, li jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipji tariffarji previsti fl-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73 u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009
|
42 |
Permezz tas-seba’, tad-disa’ u tal-għaxar domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-prinċipji tariffarji li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu japplikaw mhux biss għall-ġestjonarji tan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali iżda wkoll għall-faċilitajiet ta’ ħżin ta’ dan il-gass. |
|
43 |
Din id-domanda toriġina mid-Deċiżjoni kontenzjuża li permezz tagħha l-Awtorità Regolatorja Latvjana ffissat rata ta’ rendiment mill-kapital identika għal Gaso, bħala ġestjonarja tan-network ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali fil-Latvja, u għal Conexus Baltic Grid, bħala ġestjonarja tan-network ta’ trasport u ta’ faċilitajiet tal-ħżin ta’ gass naturali f’dan il-pajjiż. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, peress li l-għaxar domanda biss issemmi, in fine, ukoll il-faċilitajiet ta’ ħżin tal-gass naturali likwifikat, mingħajr ma t-talba għal deċiżjoni preliminari tesponi r-raġunijiet li għalihom dawn il-faċilitajiet tal-aħħar huma s-suġġett tal-imsemmija domanda, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-seba’, għad-disa’ u għall-għaxar domanda għandha tiġi limitata għall-punt dwar jekk ir-regoli tariffarji previsti fl-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73 u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009 japplikawx għall-faċilitajiet ta’ ħżin tal-gass naturali. |
|
44 |
Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2009/73 tfittex it-twettiq tal-għan ta’ suq intern tal-gass naturali kompletament u effettivament miftuħ u kompetittiv, billi tistabbilixxi, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tagħha, regoli komuni dwar it-trasport, id-distribuzzjoni, il-provvista u l-ħżin ta’ gass naturali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, GRDF, C‑236/18, EU:C:2019:1120, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
F’dan ir-rigward, il-paragrafi 4, 6, 9 u 10 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jiddefinixxu u jiddistingwu, rispettivament, l-“operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni”, l-“operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni”, il-“faċilità tal-ħżin” u l-“operatur tas-sistema tal-ħżin” tal-gass naturali. |
|
46 |
Barra minn hekk, kif jenfasizzaw il-premessi 23, 25 u 32 tagħha, l-imsemmija direttiva hija intiża li tiżgura aċċess mhux diskriminatorju għan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali billi tagħti lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, skont l-Artikolu 41(1)(a) tal-istess direttiva, b’mod partikolari, il-funzjoni li “jiffissaw jew japprovaw, b’konformità ma’ kriterji trasparenti, tariffi ta’ trasmissjoni regolata jew ta’ distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom”. |
|
47 |
L-Artikolu 41(6)(a) tad-Direttiva 2009/73 jippreċiża li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali huma responsabbli li jiffissaw jew japprovaw mill-inqas il-metodi użati għall-kalkolu jew għall-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks nazzjonali, inklużi t-tariffi ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni. |
|
48 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 41(8) ta’ din id-direttiva, “[m]eta jkunu qed jistipulaw jew japprovaw it-tariffi jew il-metodoloġiji […], l-awtoritajiet regolatorji għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni jingħataw inċentiva adatta […] biex iżidu l-effiċjenzi, irawmu l-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-provvista u jappoġġjaw l-attivitajiet ta’ riċerka relatati”. |
|
49 |
Minn dan isegwi li r-regoli dwar it-tariffi previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73 japplikaw biss għall-ġestjonarji tan-“networks” ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni ta’ gass naturali, fis-sens tal-Artikolu 2(4) u (6) ta’ din id-direttiva, u mhux għall-“faċilitajiet ta’ ħżin” tal-gass naturali u għall-ġestjonarji tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 2(9) u (10) tal-imsemmija direttiva. |
|
50 |
Din l-esklużjoni tal-faċilitajiet ta’ ħżin tal-gass naturali tinsab ukoll fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 715/2009, li, skont it-titolu tiegħu, jistabbilixxi l-“kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali”. |
|
51 |
Fil-fatt, minn naħa, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, id-definizzjoni ta’ prinċipji armonizzati għat-tariffi jew għall-metodoloġiji ta’ kalkolu tagħhom hija inkluża fl-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-imsemmi regolament biss għall-aċċess għan-network u mhux għall-aċċess għall-faċilitajiet ta’ ħżin. Min-naħa l-oħra, mill-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tal-istess regolament jirriżulta li huma biss il-ġestjonarji tan-network ta’ trasport tal-gass naturali li huma suġġetti għall-miżuri tariffarji u għall-obbligi, b’mod partikolari ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni tariffarja, li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi. |
|
52 |
Id-differenza fil-prinċipju fir-regolamentazzjoni tariffarja bejn ir-regoli li japplikaw għan-“networks” u dawk li japplikaw għall-faċilitajiet ta’ ħżin tal-gass naturali hija spjegata, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni Ewropea, mill-fatt li dawn il-faċilitajiet, kuntrarjament għan-“networks”, ġeneralment ma humiex ikkunsidrati bħala monopolji naturali u għalhekk jistgħu jikkompetu ma’ faċilitajiet oħra. Din hija r-raġuni għaliex, kif jipprevedu l-premessi 23 u 24 tagħha, id-Direttiva 2009/73 tistabbilixxi sistema speċifika dwar il-faċilitajiet ta’ ħżin tal-gass naturali, li tinkludi l-Artikolu 33 tagħha, li jipprevedi regoli partikolari ta’ aċċess għal dawn il-faċilitajiet, jew f’qafas innegozjat, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, jew f’qafas irregolat, konformement mal-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, iżda taħt ċerti kundizzjonijiet. |
|
53 |
Xorta jibqa’ l-fatt li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, la din id-direttiva u lanqas ir-Regolament Nru 715/2009 ma jipprojbixxu lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali milli jestendu l-prinċipji tariffarji stabbiliti, rispettivament, fl-Artikolu 41(8) tal-imsemmija direttiva u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament, li jirregolaw in-“networks” tal-gass naturali, għall-aċċess għall-imsemmija faċilitajiet. |
|
54 |
Fil-fatt, kif osservat, essenzjalment, il-Kummissjoni, ma jistax jiġi eskluż li raġunijiet oġġettivi, bħal karatteristiċi tekniċi speċifiċi jew l-importanza tal-faċilitajiet ta’ ħżin għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iktar, jistgħu jiġġustifikaw li awtorità regolatorja nazzjonali testendi l-prinċipji tariffarji li hija tapplika għan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali għall-aċċess għal dawn il-faċilitajiet ta’ ħżin. |
|
55 |
Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta għas-seba’, għad-disa’ u għall-għaxar domanda għandha tkun li l-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-prinċipji tariffarji li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu ma japplikawx għall-faċilitajiet ta’ ħżin ta’ gass naturali ta’ Stat Membru, bla ħsara għall-possibbiltà għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jestendu dawn il-prinċipji tariffarji għall-aċċess għal dawn il-faċilitajiet għal raġunijiet oġġettivament iġġustifikati. |
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda, dwar it-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tal-kunċett ta’ “miżuri ta’ inċentiv xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73, u dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni fuq l-awtorità regolatorja nazzjonali
|
56 |
Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 41(8) u (16) tad-Direttiva 2009/73 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li “miżuri ta’ inċentiv xierqa”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 41(8), huma ggarantiti mis-sempliċi fatt li t-tariffi mħallsa mill-utenti jkopru l-ispejjeż tas-servizz pubbliku ekonomikament iġġustifikati u jiżguraw profittabbiltà, anki minima, mingħajr ma jiġi impost l-obbligu fuq l-awtorità regolatorja nazzjonali li timmotiva l-mod li bih hija tipprevedi li l-ġestjonarji tan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali jibbenefikaw minn “miżuri ta’ inċentiv xierqa”. |
|
57 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li dawn id-domandi joriġinaw mid-dubji, ta’ natura ġenerali, li l-qorti tar-rinviju għandha dwar it-traspożizzjoni korretta, fl-ordinament ġuridiku Latvjan, tal-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73. Din il-qorti tqis, fil-fatt, li l-għanijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, fil-kuntest tal-iffissar tat-tariffi, huma usa’ minn dawk previsti mid-dritt Latvjan, b’mod partikolari, fl-Artikolu 20(1) tal-Liġi dwar l-Awtoritajiet Regolatorji tas-Servizzi Pubbliċi, li jipprovdi li l-Awtorità Regolatorja Latvjana għandha tiżgura li t-tariffi jiġu ffissati b’tali mod li jkopru l-ispejjeż ekonomikament iġġustifikati tas-servizz pubbliku u jiżguraw profittabbiltà. |
|
58 |
Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/73 dwar l-obbligi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fil-qasam tat-tariffi tal-ġestjonarji tan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali, mill-Artikolu 41(6)(a) ta’ din id-direttiva jirriżulta li dawn l-awtoritajiet huma responsabbli għall-iffissar jew għall-approvazzjoni tal-metodi użati għall-kalkolu jew għall-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks nazzjonali tal-gass naturali, inklużi t-tariffi ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tiegħu. Din id-dispożizzjoni tippreċiża li dawn it-tariffi għandhom jippermettu li jsiru l-investimenti neċessarji għall-vijabbiltà tan-networks. |
|
59 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 41(8) tal-imsemmija direttiva, meta jiffissaw jew japprovaw it-tariffi jew il-metodi, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jipprevedu li “l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni jingħataw inċentiva adatta, kemm fil-perijodu qasir kif ukoll għal fit-tul, biex iżidu l-effiċjenzi, irawmu l-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-provvista u jappoġġjaw l-attivitajiet ta’ riċerka relatati”. |
|
60 |
Minbarra dan, skont l-Artikolu 41(16) tal-istess direttiva, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jimmotivaw u jiġġustifikaw bis-sħiħ id-deċiżjonijiet tagħhom sabiex jippermettu stħarriġ ġudizzjarju. |
|
61 |
L-Artikolu 41(6)(a), (8) u (16) tad-Direttiva 2009/73, moqri fid-dawl tal-premessa 32 tagħha, jimponi għalhekk fuq l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, jew fid-data tal-adozzjoni tal-metodoloġija ta’ kalkolu tat-tariffi ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali, jew waqt l-iffissar konkret ta’ dawn it-tariffi, li jipprevedu, minbarra l-kopertura tal-ispejjeż reali sostnuti mill-ġestjonarji tan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni sabiex jiġi żgurat l-aċċess għalihom, minn naħa, dik tal-investimenti neċessarji għall-vijabbiltà ta’ dawn in-networks u, min-naħa l-oħra, tal-“miżuri ta’ inċentiv xierqa”, fuq terminu qasir u fit-tul, li jippermettu lil dawn il-ġestjonarji jiżguraw it-tfittxija tal-għanijiet elenkati fl-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73 u s-sostenn għall-attivitajiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, filwaqt li jobbligaw lil dawn l-awtoritajiet jimmotivaw u jiġġustifikaw b’mod sħiħ id-deċiżjonijiet tagħhom bl-għan li jiggarantixxu l-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju. |
|
62 |
Fir-rigward tat-traspożizzjoni fid-dritt Latvjan tal-Artikolu 41(8) ta’ din id-direttiva, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-Liġi dwar l-Awtoritajiet Regolatorji tas-Servizzi Pubbliċi tirriproduċi espressament l-obbligu għall-Awtorità Regolatorja Latvjana li tipprevedi, jew fid-data tal-adozzjoni tal-metodoloġija ta’ kalkolu tat-tariffi ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali, jew waqt l-iffissar konkret ta’ dawn it-tariffi, l-“inċentiva adatta” imsemmija f’dan l-Artikolu 41(8). B’mod partikolari, kif ġie enfasizzat fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 20(1) tal-Liġi dwar l-Awtoritajiet Regolatorji tas-Servizzi Pubbliċi, li hija l-unika dispożizzjoni rilevanti ta’ din il-liġi msemmija mill-qorti tar-rinviju, sempliċement jeżiġi li l-Awtorità Regolatorja Latvjana tiżgura li t-tariffi mħallsa mill-utenti ikopru l-ispejjeż ekonomikament iġġustifikati tas-servizz pubbliku u jiżguraw profittabbiltà. |
|
63 |
F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “profittabbiltà”, li jinsab fl-imsemmija liġi, jidher li jirreferi għall-idea li l-ġestjonarji tan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali jistgħu jiksbu marġni ta’ profitt raġonevoli, mingħajr madankollu ma jispeċifika għal liema finijiet dan għandu jiġi, tal-inqas parzjalment, affettwat. Dan il-kunċett jidher għalhekk li għandu portata iktar ġenerali u li huwa inqas orjentat lejn it-twettiq ta’ għanijiet u ta’ attivitajiet li jirrigwardaw il-funzjonament tas-suq tal-gass naturali minn dak ta’ “miżuri ta’ inċentiv xierqa”, imsemmi fl-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73. |
|
64 |
Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-applikazzjoni tad-dritt intern, il-qrati nazzjonali għandhom jinterpretawh sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-iskop tad-direttiva sabiex jintlaħaq ir-riżultat intiż minn din u, għaldaqstant, għandhom jikkonformaw ruħhom mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali huwa fil-fatt inerenti fis-sistema tat-Trattat FUE sa fejn huwa jippermetti lill-qrati nazzjonali jiżguraw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effikaċja sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta huma jiddeċiedu fuq it-tilwim imressaq quddiemhom (sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR-Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 41, kif ukoll tas‑26 ta’ Ġunju 2025, Makeleio u Zougla, C‑555/23 u C‑556/23, EU:C:2025:484, punt 85). |
|
65 |
Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-iskop imfittex minnha (sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR-Finance,C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 42, kif ukoll tas‑26 ta’ Ġunju 2025, Makeleio u Zougla, C‑555/23 u C‑556/23, EU:C:2025:484, punt 86). |
|
66 |
Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-dritt intern tagħha, b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) tal-Liġi dwar l-Awtoritajiet Regolatorji tas-Servizzi Pubbliċi, jistax jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi mal-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73, b’tali mod li l-profittabbiltà li għandha tiġi ggarantita lill-ġestjonarji tan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali timplika wkoll li huma jibbenefikaw, b’dan il-mod, minn “inċentiva adatta”, kif imsemmija fl-imsemmi Artikolu 41(8). Fil-fatt, il-garanzija ta’ ċerta rata ta’ profittabbiltà tista’ tikkostitwixxi miżura ta’ inċentiv xierqa intiża sabiex tinkoraġġixxi lill-ġestjonarji tan-networks ikkonċernati jfittxu l-għanijiet u jsostnu l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73. |
|
67 |
Madankollu, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tqis li jirriżulta li tali interpretazzjoni konformi hija impossibbli, ikun hemm lok li jiġi vverifikat jekk l-obbligu previst fl-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73 huwiex suffiċjentement preċiż u inkundizzjonat sabiex ikun jista’ jitqies li għandu effett dirett u sabiex ikun jista’ jiġi invokat minn individwi, bħall-ġestjonarji tan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali, kontra d-deċiżjoni ta’ awtorità pubblika bħall-Awtorità Regolatorja Latvjana, sabiex dik il-qorti tkun tista’ teskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 20(1) tal-Liġi dwar l-Awtoritajiet Regolatorji tas-Servizzi Pubbliċi. |
|
68 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, il-persuni privati jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat meta dan ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti, jew meta dan jittrasponiha b’mod inkorrett (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett),C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
69 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija, minn naħa, inkundizzjonata meta tistipula obbligu li ma huwa kkwalifikat bl-ebda kundizzjoni u lanqas ma huwa suġġett, fl-eżekuzzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ ebda att, kemm jekk tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll jekk tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, suffiċjentement preċiża sabiex tiġi invokata minn individwu u tiġi applikata mill-qorti meta tistabbilixxi obbligu f’termini inekwivokabbli. Barra minn hekk, anki jekk dispożizzjoni ta’ direttiva tħalli lill-Istati Membri ċerta marġni ta’ evalwazzjoni meta jadottaw il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tagħha, din id-dispożizzjoni tista’ titqies li għandha natura inkundizzjonata u preċiża meta timponi fuq l-Istati Membri, f’termini inekwivoċi, obbligu ta’ riżultat preċiż u li ma huwa kkwalifikat bl-ebda kundizzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regola li din tistabbilixxi (sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett),C‑205/20, EU:C:2022:168, punti 18 u 19, kif ukoll tal‑25 ta’ Jannar 2024, Global NRG,C‑277/22, EU:C:2024:78, punt 28). |
|
70 |
F’dan il-każ, kif ġie kkonstatat fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73 jirriżulta li, fil-kuntest tal-funzjoni li jiffissaw jew li japprovaw it-tariffi applikabbli għan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali li l-Istati Membri huma obbligati jafdaw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, dawn tal-aħħar għandhom jipprevedu, waqt tali ffissar jew approvazzjoni, miżuri ta’ inċentiv xierqa, kemm għal żmien qasir kif ukoll għal żmien twil, sabiex jinkoraġġixxu lill-ġestjonarji tan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali jtejbu l-prestazzjonijiet, jiffavorixxu l-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-provvista kif ukoll jappoġġjaw l-attivitajiet ta’ riċerka relatati. |
|
71 |
Anki jekk l-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73 iħalli ċertu marġni ta’ evalwazzjoni lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fl-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li, billi jimponilhom l-adozzjoni ta’ tali miżuri ta’ inċentiv xierqa sabiex jinkoraġġixxu lill-ġestjonarji ta’ dawn in-networks jilħqu l-għanijiet u jappoġġjaw l-attivitajiet li huwa jelenka b’mod iddettaljat u eżawrjenti, dan l-Artikolu 41(8) jimponi fuq kull Stat Membru, f’termini inekwivoċi, obbligu suffiċjentement preċiż li ma huwa akkumpanjat minn ebda kundizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, T-Mobile Czech Republic u Vodafone Czech Republic, C‑508/14, EU:C:2015:657, punt 53). |
|
72 |
L-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73 jistabbilixxi għalhekk, b’mod inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż, l-obbligu li jiġi ggarantit lill-ġestjonarji tan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali li, fl-iffissar jew fl-approvazzjoni tat-tariffi ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jipprevedu l-miżuri ta’ inċentiv xierqa msemmija f’din id-dispożizzjoni. |
|
73 |
Għaldaqstant, għandu jiġi rrikonoxxut effett dirett għall-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73, b’tali mod li l-qorti tar-rinviju għandha ma tapplikax id-dritt nazzjonali li jmur kontra din id-dispożizzjoni fil-każ fejn dan id-dritt ma jkunx jista’ jiġi interpretat b’mod konformi mal-imsemmija dispożizzjoni. |
|
74 |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “miżuri ta’ inċentiv xierqa”, minbarra l-kuntest li fih dawn il-miżuri għandhom ikunu previsti minn kull awtorità regolatorja nazzjonali, jiġifieri waqt l-iffissar jew l-approvazzjoni tal-metodi għad-determinazzjoni tat-tariffi ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali jew tal-iffissar ta’ dawn it-tariffi, u l-iskopijiet u l-attivitajiet li huma għandhom jiggarantixxu, id-Direttiva 2009/73 la tiddefinixxi dan il-kunċett u lanqas ma tippreċiża l-forma li fiha l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistabbilixxuhom. Din id-direttiva tagħti għalhekk lil dawn l-awtoritajiet marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-forma li għandhom jieħdu dawn il-miżuri ta’ inċentiv iżda wkoll fir-rigward tal-evalwazzjoni u tad-determinazzjoni tan-natura xierqa tagħhom, fl-osservanza, b’mod partikolari, tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 40 tal-imsemmija direttiva, li huma imposti fuq kull awtorità regolatorja nazzjonali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 41(16) tal-istess direttiva u skont il-karatteristiċi partikolari tas-suq nazzjonali tal-gass naturali. |
|
75 |
F’dan il-kuntest, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, mid-Direttiva 2009/73 ma jirriżultax li l-miżuri ta’ inċentiv xierqa favur il-ġestjonarji tan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali, sabiex dawn isegwu l-għanijiet u jappoġġjaw l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 41(8) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu evalwati u ddeterminati biss abbażi ta’ rata ta’ rendiment mill-kapital, bħar-rata medja ponderata ta’ rendiment mill-kapital stabbilita fid-Deċiżjoni kontenzjuża, konformement mad-Deċiżjoni dwar il-Metodoloġija. |
|
76 |
Għalhekk, u fid-dawl tal-elementi tal-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, peress li huwa stabbilit li tali rata ta’ rendiment mill-kapital tikkostitwixxi biss wieħed mill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-livell tat-tariffi, il-fatt li ma jidhirx li d-Deċiżjoni kontenzjuża ssemmi motivazzjoni speċifika dwar il-mod li bih din ir-rata hija intiża li tinkoraġġixxi lill-ġestjonarji tan-networks ikkonċernati jilħqu l-għanijiet u jappoġġjaw l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73 ma jfissirx li l-Awtorità Regolatorja Latvjana, kif din tal-aħħar sostniet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma żguratx ruħha, lil hinn minn dak li jimponilha l-Artikolu 20(1) tal-Liġi dwar l-Awtoritajiet Regolatorji tas-Servizzi Pubbliċi, li tieħu inkunsiderazzjoni miżuri ta’ inċentiv xierqa, kif imsemmija f’din id-dispożizzjoni, fil-kuntest, iktar ġenerali, tal-metodu jew tal-iffissar tat-tariffi ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali fil-Latvja. |
|
77 |
Madankollu, mill-Artikolu 41(8) u (16) tad-Direttiva 2009/73 jirriżulta li, jew fil-kuntest tal-metodu ta’ kalkolu tat-tariffi ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali, jew, l-iktar tard, waqt l-iffissar jew l-approvazzjoni tagħhom, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha l-obbligu li tesponi, b’mod ċar, inekwivoku u suffiċjentement preċiż il-mod li bih hija tqis li dawn it-tariffi huma intiżi li jiżguraw li l-ġestjonarji ta’ dawn in-networks ikunu inċentivati, kemm għal żmien qasir kif ukoll għal żmien twil, sabiex jilħqu l-għanijiet u jappoġġjaw l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 41(8) ta’ din id-direttiva, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni tagħha u sabiex jiġi ggarantit stħarriġ ġudizzjarju effettiv. |
|
78 |
Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-Awtorità Regolatorja Latvjana ssodisfatx l-obbligu ta’ motivazzjoni msemmi fil-punt preċedenti, inkluż, jekk ikun il-każ, barra mill-kuntest strett tad-Deċiżjoni kontenzjuża. |
|
79 |
Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 41(8) u (16) tad-Direttiva 2009/73 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li “miżuri ta’ inċentiv xierqa”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 41(8), huma ggarantiti mis-sempliċi fatt li t-tariffi mħallsa mill-utenti jkopru l-ispejjeż tas-servizz pubbliku ekonomikament iġġustifikati u jiżguraw profittabbiltà, anki minima, mingħajr ma jiġi impost l-obbligu fuq l-awtorità regolatorja nazzjonali li timmotiva l-mod li bih hija tipprevedi li l-ġestjonarji tan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali jibbenefikaw minn “miżuri ta’ inċentiv xierqa”, sakemm tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma tkunx tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mal-imsemmi Artikolu 41(8) u (16). |
Fuq it-tielet sad-disa’ domanda, dwar il-mod ta’ kif l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tipprevedi li l-ġestjonarji tan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali jibbenefikaw minn miżuri ta’ inċentiv xierqa u/jew minn rendiment xieraq fuq l-investiment
|
80 |
Permezz tat-tielet sad-disa’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu, li dawn id-dispożizzjonijiet jimponu fuq awtorità regolatorja nazzjonali, li tipprevedi, rispettivament, “miżuri ta’ inċentiv xierqa” u “rendiment xieraq fuq l-investiment”, għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tariffi jew tal-metodi ta’ kalkolu applikati għall-ġestjonarji tan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali, jeħtieġ li jintużaw metodi speċifiċi ta’ kalkolu, bħal dak tal-WACC applikata fis-settur finanzjarju, li tiġi pparagunata l-ispiża tal-kapital ma’ dik ta’ kumpanniji mhux irregolati, li jsiru aġġustamenti sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-inflazzjoni u/jew it-taxxa fuq il-kumpanniji, li jiġi eskluż it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prestazzjonijiet individwali tal-ġestjonarju tan-network ikkonċernat, u, fil-każ ta’ kontestazzjoni mill-entitajiet ikkonċernati, li jsir użu mill-intervent ta’ terz. |
|
81 |
Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fir-rigward tal-għażla tal-metodi applikabbli għall-kalkolu tar-rata ta’ rendiment mill-kapital u fir-rigward tal-parametri li jinsabu f’dan il-kalkolu fl-iffissar tat-tariffi ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali huwiex irregolat, jew saħansitra limitat, u jekk ikun il-każ, f’liema kundizzjonijiet, min-neċessità li dawn l-awtoritajiet jipprevedu “miżuri ta’ inċentiv xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73, u/jew “rendiment xieraq fuq l-investiment”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009, favur il-ġestjonarji tan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali. |
|
82 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 41(8) u (16) tad-Direttiva 2009/73 jafda lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali l-kompitu li jiffissaw jew li japprovaw, b’mod motivat, it-tariffi ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali filwaqt li josservaw l-għanijiet ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni, huwa ma jispeċifikax skont liema metodu dawn it-tariffi huma ffissati. A fortiori, id-Direttiva 2009/73 ma tagħti l-ebda indikazzjoni, għall-finijiet tal-iffissar ta’ dawn it-tariffi, la fuq il-metodoloġija u lanqas fuq il-modalitajiet ta’ kalkolu tar-rata ta’ rendiment mill-kapital. |
|
83 |
L-istess japplika, min-naħa l-oħra, għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009 li sempliċement jipprevedi li t-tariffi jew il-metodoloġiji ta’ kalkolu tagħhom, applikati mill-ġestjonarju ta’ network ta’ trasport u approvati mill-awtoritajiet regolatorji skont l-Artikolu 41(6) tad-Direttiva 2009/73, għandhom ikunu trasparenti, jirriflettu l-ispejjeż reali sostnuti, filwaqt li jinkludu rendiment xieraq fuq l-investiment, u jiġu applikati b’mod nondiskriminatorju. |
|
84 |
Huwa minnu li r-Regolament 2017/460, adottat mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament Nru 715/2009 u li ssemma minnha fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jipprevedi, fl-Artikolu 30(1) tiegħu u bl-għan ta’ trasparenza ikbar tal-istruttura tariffarja tal-ġestjonarju ta’ trasport tal-gass naturali, sensiela ta’ informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata qabel kull perijodu tariffarju fosthom, b’mod partikolari, “il-kost tal-kapital u l-metodoloġija tal-kalkolu tiegħu”, “il-mekkaniżmi ta’ inċentiv u l-objettivi ta’ effiċjenza” kif ukoll “l-indiċi tal-inflazzjoni”. |
|
85 |
Madankollu, ir-Regolament 2017/460 ma jispjega la l-kontenut ta’ dawn il-kunċetti u lanqas, b’mod partikolari, skont liema metodi jew modalitajiet l-ispiża tal-kapital jew dawn il-mekkaniżmi ta’ inċentiv għandhom jew jistgħu jiġu kkalkolati. |
|
86 |
Minn dan isegwi li, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni tali fatturi ekonomiċi u tekniċi kumplessi, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, ukoll skont il-kundizzjonijiet partikolari applikabbli fis-suq nazzjonali tal-gass naturali u tal-operaturi kkonċernati, ikollhom marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fl-iffissar tat-tariffi ta’ trasport jew ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali, b’mod partikolari, jekk ikun il-każ, għall-iffissar ta’ rata ta’ rendiment mill-kapital ta’ dawn l-operaturi. F’dan ir-rigward, dawn l-awtoritajiet ma jistgħux jiġu obbligati, fir-rigward tan-neċessità li jiġu previsti “miżuri ta’ inċentiv xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73, u, fir-rigward tat-tariffi ta’ trasport tal-gass naturali, “rendiment xieraq fuq l-investiment”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009, li jadottaw metodoloġija partikolari, bħal dik ibbażata fuq il-WACC, jew li jqabblu l-ispiża tal-kapital ma’ dik ta’ kumpanniji jew ta’ entitajiet mhux irregolati. F’dan il-kuntest, l-imsemmija awtoritajiet għandhom ikunu awtorizzati jaġġustaw il-metodu ta’ determinazzjoni ta’ dawn it-tariffi u l-kalkoli tagħhom skont diversi parametri, mingħajr ma jeżisti, barra minn hekk, obbligu li jwettqu dawn il-kalkoli billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-inflazzjoni u/jew it-taxxa fuq il-kumpanniji. |
|
87 |
Mill-banda l-oħra, u sa fejn it-teħid inkunsiderazzjoni tar-rata ta’ rendiment mill-kapital jikkorrispondi għal “miżura ta’ inċentiv xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73, ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-Awtorità Regolatorja Latvjana, li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil awtorità regolatorja nazzjonali milli taġġusta l-kalkolu tar-rata ta’ rendiment mill-kapital skont il-prestazzjonijiet individwali ta’ kull ġestjonarju hija kompatibbli mal-iskopijiet tal-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73. |
|
88 |
Fil-fatt, minbarra li tali interpretazzjoni tmur kontra l-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ li għandu jkollhom l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fl-eżami ta’ fatturi ekonomiċi u tekniċi kumplessi, għandu jiġi kkonstatat li l-“miżuri ta’ inċentiv xierqa” msemmija f’dan l-Artikolu 41(8) għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li jittejbu l-prestazzjonijiet tal-ġestjonarji tan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali u għalhekk jeħtieġu li dawn ikunu jistgħu jiġu adattati jew aġġustati skont il-prestazzjonijiet preċedenti ta’ dawn il-ġestjonarji. Tali aġġustament ma jistax a priori jmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni peress li jista’ jiġi ġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi jew mill-assenza ta’ paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet tad-diversi ġestjonarji ta’ networks, dovuta, preċiżament, għal differenzi, iddokumentati oġġettivament, fil-prestazzjonijiet preċedenti tagħhom. |
|
89 |
Għandu jingħad ukoll, fid-dawl tal-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju, li l-evalwazzjoni tad-diversi parametri ta’ kalkolu tat-tariffi mwettqa mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, bis-saħħa tal-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73 u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009, ma tistax, fil-każ ta’ kontestazzjoni mill-entitajiet li għalihom japplikaw dawn it-tariffi, tkun suġġetta għall-intervent ta’ terz, bħal grupp ta’ esperti, li r-rapport tiegħu jkun ġie stabbilit esklużivament fuq talba ta’ waħda minn dawn l-entitajiet. |
|
90 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2009/73, moqri fid-dawl tal-premessa 30 tagħha, jipprevedi li dawn l-awtoritajiet għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’mod indipendenti minn kull entità pubblika jew privata, billi jiżguraw li jadottaw id-deċiżjonijiet tagħhom b’mod awtonomu, abbażi biss tal-interess pubbliku, mingħajr ma jkunu suġġetti għal struzzjonijiet esterni minn korpi pubbliċi jew privati oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Traspożizzjoni tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73), C‑718/18, EU:C:2021:662, punt 109 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-osservanza tal-indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha hija bla ħsara għall-possibbiltà li għandhom, jekk ikun il-każ, il-ġestjonarji ta’ networks ikkonċernati li jressqu rapporti ta’ esperti terzi insostenn tat-talbiet tagħhom imressqa quddiem din l-awtorità jew, fil-każ ta’ rimedju ġudizzjarju, quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti, sa fejn id-dritt nazzjonali jawtorizzaha, b’osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ kontradittorju. Barra minn hekk, bl-istess mod, huwa possibbli għall-awtorità regolatorja nazzjonali jew, fil-każ ta’ rimedju ġudizzjarju, għall-qorti nazzjonali kompetenti, li taħtar espert indipendenti wieħed jew iktar sabiex dawn tal-aħħar jassistuhom fil-funzjonijiet tagħhom. |
|
91 |
Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, l-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu, li dawn id-dispożizzjonijiet jimponu fuq awtorità regolatorja nazzjonali, li tipprevedi, rispettivament, “miżuri ta’ inċentiv xierqa” u “rendiment xieraq fuq l-investiment”, għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tariffi jew tal-metodi ta’ kalkolu applikati għall-ġestjonarji tan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali, ma jeħtieġx li jintużaw biss metodi speċifiċi ta’ kalkolu, bħal dak tal-WACC applikata fis-settur finanzjarju, li tiġi pparagunata l-ispiża tal-kapital ma’ dik ta’ kumpanniji mhux irregolati u li jsiru aġġustamenti sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-inflazzjoni u/jew it-taxxa fuq il-kumpanniji. |
|
92 |
B’differenza minn dan, l-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fid-determinazzjoni tal-“miżuri ta’ inċentiv xierqa”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-awtorità regolatorja nazzjonali hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-prestazzjonijiet individwali preċedenti tal-ġestjonarji tan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali kkonċernati. |
|
93 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2009/73 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-evalwazzjoni tal-parametri ta’ kalkolu tat-tariffi tal-ġestjonarji tan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali kkonċernati, imwettqa mill-awtorità regolatorja nazzjonali bis-saħħa tal-Artikolu 41(8) ta’ din id-direttiva u bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009, tkun, fil-każ ta’ kontestazzjoni minn dawn il-ġestjonarji, suġġetta għall-intervent ta’ terz li r-rapport tiegħu jkun ġie stabbilit esklużivament fuq talba ta’ wieħed mill-imsemmija ġestjonarji. |
Fuq l-ispejjeż
|
94 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.