IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.3.2020
COM(2020) 124 final
2020/0048(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lill-Italja biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-26 ta’ Lulju 2019, l-Italja talbet awtorizzazzjoni biex, sal-31 ta’ Diċembru 2022, tkompli teżenta lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom huwa inqas minn ċertu limitu mill-VAT, kif previst fl-Artikolu 285 tad-Direttiva tal-VAT, li żżid dan il-limitu minn EUR 65 000 għal EUR 100 000 u, b’mod parallel, tapplika skema obbligatorja ta’ fatturazzjoni elettronika għall-persuni taxxabbli kkonċernati, u li tgħolli l-livell limitu għall-organizzazzjonijiet volontarji u għall-assoċjazzjonijiet għal avvanz soċjali sa EUR 130 000.
F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Italja permezz ta’ ittra bid-data tal-20 ta’ Settembru 2019. Permezz ta’ ittra bid-data tat-23 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha li kienet tqis meħtieġa biex tevalwa t-talba.
Sussegwentement, wara diskussjonijiet informali mas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni u valutazzjonijiet politiċi ulterjuri fil-livell nazzjonali, l-Italja ddeċidiet li timmodifika t-talba oriġinali tagħha permezz ta’ ittra mibgħuta fis-26 ta’ Novembru 2019 u rreġistrata mal-Kummissjoni fil-5 ta’ Diċembru 2019.
Permezz ta’ dik l-ittra, l-Italja talbet biex tirtira t-talba tagħha li jiżdied il-limitu tal-eżenzjoni minn EUR 65 000 għal EUR 100 000, u spjegat li din it-talba kienet ibbażata fuq regola nazzjonali li kienet se titħassar. Minflok, l-Italja esprimiet ix-xewqa tagħha li żżomm il-limitu attwali ta’ EUR 65 000, li huwa konformi mal-iskema b’rata fissa għall-kontribwenti fil-qasam tat-taxxi diretti. Barra minn hekk, l-Italja talbet li tirtira t-talba li tikkonċerna l-limitu ta’ EUR 130 000 għall-organizzazzjonijiet volontarji u l-assoċjazzjonijiet għal avvanz soċjali, peress li hija marbuta ma’ miżuri ta’ tassazzjoni diretta li għadhom mhumiex fis-seħħ; L-Italja rriżervat id-dritt li terġa’ tippreżenta din it-talba ladarba l-miżuri ġenerali inkwistjoni jidħlu fis-seħħ. Barra minn hekk, wara l-ftehim tal-Istati Membri waqt il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar il-proposta tal-Kummissjoni rigward regoli ġodda ta’ simplifikazzjoni fir-rigward tal-VAT għan-negozji ż-żgħar, li ġie adottat fit-18 ta’ Frar 2020 u li se jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025, l-Italja talbet li l-estensjoni tal-miżura ta’ deroga tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024.
F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni, permezz ta' ittra bid-data tal-10 ta’ Diċembru 2019, infurmat lill-Istati Membri l-oħra bir-rettifika tat-talba oriġinali li kienet bagħtet l-Italja. Permezz ta’ ittra bid-data tal-11 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha li kienet tqis meħtieġa biex tevalwa t-talba.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Skont il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu japplikaw skema speċjali għall-impriżi żgħar, li tinkludi l-possibbiltà li jeżentaw lil persuni taxxabbli li ma jkunux jaqbżu ċertu fatturat annwali mill-VAT. Il-persuni taxxabbli li jaqgħu taħt din l-eżenzjoni ma għandhomx għalfejn jimponu l-VAT fuq il-provvisti tagħhom u b’hekk ma jistgħux inaqqsu l-VAT fuq l-inputs tagħhom.
Il-possibbiltà li jiġu applikati regoli speċjali tal-VAT inklużi eżenzjonijiet jew ħelsien mit-taxxa gradwat għall-impriżi żgħar, ġiet introdotta għall-ewwel darba mill-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE. Skont l-Artikolu 24(2)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE, li issa tfassal mill-ġdid bħala l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 285 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri li ma użawx l-għażla prevista f’dik id-dispożizzjoni, wara setgħu jeżentaw mill-VAT biss lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 5 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.
L-Italja qatt ma għamlet użu mill-għażla prevista fl-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE. Fl-2007, talbet awtorizzazzjoni biex tidderoga mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 285, billi teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx EUR 30 000. Dik it-talba nibtet mill-istruttura ekonomika Taljana, li fil-biċċa l-kbira hija magħmula minn intrapriżi mikro b’numru żgħir ħafna ta’ impjegati, u mix-xewqa tal-Italja li tissimplifika l-obbligi tal-VAT għan-negozji ż-żgħar u li tiffaċilita l-ġbir tal-VAT għall-amministrazzjoni tat-taxxa nazzjonali. Il-miżura ta’ deroga ġiet awtorizzata sal-31 ta’ Diċembru 2010, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/737/KE. Il-miżura kellha karattru fakultattiv, li tippermetti lin-negozji ż-żgħar jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.
Sussegwentement, l-Italja ġiet awtorizzata testendi d-data ta’ skadenza tal-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2013, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/688/UE, imbagħad sal-31 ta’ Diċembru 2016, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/678/UE, li żiedet ukoll il-limitu massimu ta’ eżenzjoni minn EUR 30 000 għal EUR 65 000, u fl-aħħar nett sal-31 ta’ Diċembru 2019, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1988.
It-talba preżenti (riveduta) mill-Italja biex tittawwal aktar id-data ta’ skadenza tal-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024, mingħajr ma jiżdied il-limitu attwali ta’ EUR 65 000 (jew kwalunkwe valur ogħla li huwa ekwivalenti għal dak il-limitu f’termini reali), hija bbażata fuq l-istess raġunijiet bħal dawk ippreżentati fit-talbiet preċedenti.
L-Italja ssostni li l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u b’mod partikolari l-intrapriżi mikro, għandhom rwol predominanti fis-settur ekonomiku tan-negozju mhux finanzjarju tal-pajjiż, kemm f’termini ta’ valur miżjud kif ukoll ta’ impjiegi. Minħabba l-ispejjeż sproporzjonati marbuta mal-konformità tal-VAT li dawn in-negozji jġorru meta mqabbla ma’ intrapriżi kbar, u minħabba l-fatt li għadhom affettwati mill-kriżi ekonomika, l-Italja tiddikjara li l-miżura ta’ deroga tikkostitwixxi inċentiv sinifikanti għall-bidu ta’ negozju u għall-konsolidazzjoni tal-attività ekonomika tagħhom.
F’dan ir-rigward, huwa enfasizzat li l-impatt tal-miżura ta’ deroga fuq id-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali se jkun negliġibbli, filwaqt li l-impatt tiegħu se jkun sinifikanti f’termini ta’ simplifikazzjoni kemm tal-obbligi tat-taxxa tal-persuni taxxabbli kkonċernati kif ukoll tal-proċedura għall-ġbir tal-VAT għall-amministrazzjoni tat-taxxa. Ta’ min jinnota li l-miżura tolqot 1 332 000 persuna taxxabbli, li jikkostitwixxu 25 % tal-persuni taxxabbli potenzjalment eliġibbli. L-Italja tistma li l-ammont totali ta’ tnaqqis tad-dħul huwa ta’ EUR 385,7 miljun.
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Italja, jidher li l-għan tat-talba biex tiġi estiża l-miżura ta’ deroga huwa li teħles lin-negozji ż-żgħar minn ħafna mill-obbligi tal-VAT taħt l-arranġamenti normali tal-VAT kif ukoll li jitnaqqas il-piż tal-amministrazzjoni tat-taxxa f’termini tal-ġbir tat-taxxa u l-awditjar tan-negozji ż-żgħar. Dan jista’ jippermetti lill-amministrazzjoni tat-taxxa tiffoka l-attivitajiet ta’ kontroll tagħha lejn persuni taxxabbli aktar importanti. Għalhekk, il-miżura ta’ deroga tikkonforma mal-objettivi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-VAT li jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu miżuri speċjali li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tagħha biex jissimplifikaw il-proċedura tal-ġbir tal-VAT. F’dan il-kuntest, qed jiġi mtenni li l-miżura hija u se tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli, li jistgħu wkoll jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.
Kif muri mill-Italja, il-miżura ta’ deroga mhijiex mistennija li taffettwa b’mod sinifikanti l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa tagħha miġbur fl-istadju tal-konsum finali u lanqas li taffettwa ħażin ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT. Għalhekk, il-miżura ta’ deroga jidher li hija f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-VAT.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, u peress li l-qafas legali tal-UE u s-sitwazzjoni fattwali baqgħu l-istess, l-estensjoni mitluba tad-data ta’ skadenza tal-miżura ta’ deroga tidher li hija ġġustifikata. Għaldaqstant, qed jiġi propost li t-talba tal-Italja tintlaqa’.
Normalment, id-derogi jingħataw għal perjodu ta’ żmien limitat biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura ta’ deroga tibqax adegwata u effettiva. Barra minn hekk, kif issemma qabel, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-impriżi żgħar għadhom kemm ġew rieżaminati. Id-direttiva l-ġdida dwar regoli tal-VAT aktar sempliċi għal impriżi żgħar tirrikjedi li l-Istati Membri, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2024, jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mar-regoli l-ġodda. L-Istati Membri ser ikollhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali mill-1 ta’ Jannar 2025.
Għalhekk, jixraq li l-Italja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024. Madankollu, peress li l-Kummissjoni se tadotta d-deċiżjoni li tawtorizza l-miżura ta’ deroga wara l-iskadenza tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1988 (jiġifieri wara l-31 ta’ Diċembru 2019), din il-proposta ma tistax ittawwal id-data ta’ skadenza tal-miżura ta’ deroga awtorizzata b’dik id-deċiżjoni.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-miżura ta’ deroga hija konformi mal-filosofija tad-direttiva l-ġdida li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, adottata fit-18 ta’ Frar 2020, li rriżultat mill-pjan ta’ azzjoni tal-VAT, u għandha l-għan li toħloq skema moderna u simplifikata għal dawk in-negozji. B’mod partikolari, għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet tal-konformità mal-VAT u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-livell domestiku u fil-livell tal-UE, tnaqqas l-impatt negattiv tal-effett tal-livell limitu u tiffaċilita kemm il-konformità tan-negozju kif ukoll il-monitoraġġ mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa.
Barra minn hekk, il-limitu ta’ EUR 65 000 huwa konsistenti mad-Direttiva l-ġdida, sa fejn jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu l-limitu tal-fatturat annwali meħtieġ għal eżenzjoni mill-VAT f’livell mhux ogħla minn EUR 85 000 (jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali).
Stati Membri oħra ngħataw derogi simili li jeżentaw mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom huwa inqas minn ċertu livell limitu, kif previst fl-Artikolu 285 tad-Direttiva tal-VAT. Malta ngħatat livell limitu ta’ EUR 20 000; in-Netherlands ingħataw livell limitu ta’ EUR 25 000; il-Lussemburgu ngħata livell limitu ta’ EUR 35 000; il-Polonja, l-Estonja u l-Latvja ngħataw livell limitu ta’ EUR 40 000; il-Kroazja u l-Litwanja ngħataw livell limitu ta’ EUR 45 000; l-Ungerija ngħatat livell limitu ta’ EUR 48 000; is-Slovenja ngħatat livell limitu ta’ EUR 50 000; u r-Rumanija ngħatat livell limitu ta’ EUR 88 500.
Kif issemma diġà, id-derogi mid-Direttiva tal-VAT jenħtieġ li jkunu dejjem limitati fiż-żmien biex l-effetti tagħhom ikunu jistgħu jiġu vvalutati. L-estensjoni tad-data ta’ skadenza tal-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024, kif mitluba mill-Italja, hija allinjata mar-rekwiżiti tad-Direttiva l-ġdida dwar regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Din id-direttiva tipprevedi l-1 ta’ Jannar 2025 bħala d-data li fiha l-Istati Membri jkollhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li huma obbligati jadottaw sabiex jikkonformaw magħha.
Għalhekk, il-miżura proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.
Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Fil-programmi ta’ ħidma annwali tagħha, il-Kummissjoni kienet qed tenfasizza b’mod konsistenti l-ħtieġa għal regoli aktar sempliċi għall-intrapriżi ż-żgħar. F’dan ir-rigward, il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2020 jirreferi għal “Strateġija ddedikata għall-SMEs li se tagħmilha aktar faċli biex in-negozji żgħar u medji joperaw, jikbru u jespandu”. Il-miżura ta’ deroga hija f’konformità ma’ tali objettivi, f’dak li għandu x’jaqsam mar-regoli fiskali. Hija notevolement konsistenti mal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2017, li rrefera speċifikament għall-VAT, hekk kif indika l-piż amministrattiv tal-konformità tal-VAT għan-negozji żgħar huwa għoli u li l-innovazzjonijiet tekniċi joħolqu sfidi ġodda għall-ġbir effettiv tat-taxxa u enfasizza l-ħtieġa li l-VAT tiġi ssimplifikata għall-kumpaniji iżgħar.
Bl-istess mod, il-miżura hija konsistenti mal-istrateġija tas-suq uniku tal-2015 li fiha l-Kummissjoni ħadmet biex tgħin lin-negozji żgħar u ta’ daqs medju jikbru, fost l-oħrajn billi jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi li ma jħalluhomx jisfruttaw għalkollox is-suq uniku. Issegwi wkoll il-filosofija tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2013 dwar il-“Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020: Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa”, li tenfasizza l-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni tat-taxxa għan-negozji ż-żgħar.
Fl-aħħar nett, il-miżura tikkonforma mal-politiki tal-UE dwar l-impriżi żgħar u medji kif stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-2016 favur in-Negozji l-ġodda u fil-Komunikazzjoni tal-2008 "'Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir' - 'Att dwar in-Negozji ż-Żgħar' għall-Ewropa”, li stiednu lill-Istati Membri biex iqisu l-karatteristiċi speċjali tal-SMEs meta jfasslu l-leġiżlazzjoni u jissimplifikaw l-ambjent regolatorju eżistenti.
2.
BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT huwa l-unika bażi ġuridika possibbli.
•Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)
Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hi proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxi għall-persuni taxxabbli żgħar u għad-dipartiment tat-taxxa.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, huwa possibbli li tingħata deroga mir-regoli komuni tal-VAT biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq minħabba li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-proposta attwali hija bbażata fuq talba li saret mill-Italja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru partikolari.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li testendi miżura għas-simplifikazzjoni li telimina ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li joperaw b’fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 65 000. Dan jista’ jkollu impatt pożittiv potenzjali fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għal madwar 1 332 000 negozju żgħir (li jammonta għal 25 % tal-persuni taxxabbli potenzjalment eliġibbli) fl-2017 kif ukoll għall-amministrazzjoni tat-taxxa. Il-miżura ta’ deroga hija u se tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuna taxxabbli xorta se jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti regolari tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE. L-impatt baġitarju f’termini ta’ dħul mill-VAT għall-2019 huwa stmat mill-Italja għal EUR 385,7 miljun, li huwa kkunsidrat bħala negliġibbli.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT
Il-proposta mhux se jkollha impatt negattiv fuq il-baġit tal-UE peress li l-Italja se twettaq kalkolu ta’ kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE EURATOM) 1553/89.
2020/0048 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lill-Italja biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Skont l-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri li ma użawx l-għażla skont l-Artikolu 14 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE jistgħu jeżentaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 5 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.
(2)Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2008/737/UE, l-Italja ġiet awtorizzata tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura ta’ deroga”), biex teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma qabiżx it-EUR 30 000. Il-miżura ta’ deroga ġiet awtorizzata sal-31 ta’ Diċembru 2010.
(3)Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/688/UE, l-Italja ġiet awtorizzata tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2013.
(4)Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/678/UE, l-Italja ġiet awtorizzata tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2016. Il-limitu tal-fatturat annwali żdied għal EUR 65 000.
(5)Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1988, il-validità tal-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata miżura ta’ deroga ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2019, jew sad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, skont liema waħda tiġi l-ewwel. Fit-18 ta’ Frar 2020, il-Kunsill adotta d-Direttiva (UE) 2020/285 li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar.
(6)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-26 ta’ Lulju 2019, l-Italja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga wara l-31 ta’ Diċembru 2019 kif ukoll biex iżżid il-limitu u twessa’ l-ambitu tal-eżenzjoni.
(7)Permezz tal-ittra bid-data tal-20 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, bit-talba li għamlet l-Italja. Permezz ta’ ittra bid-data tat-23 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li hija kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.
(8)L-Italja mmodifikat it-talba tagħha permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-5 ta’ Diċembru 2019, fejn talbet biss l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.
(9)Permezz tal-ittra bid-data tal-10 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, bit-talba riveduta tal-Italja. Permezz ta’ ittra bid-data tal-11 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li hija kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba riveduta.
(10)Mill-informazzjoni pprovduta mill-Italja, jidher li r-raġunijiet għall-miżura ta’ deroga għadhom fil-biċċa l-kbira l-istess. Il-miżura ta’ deroga tnaqqas il-piż amministrattiv u l-kostijiet tal-konformità kemm għall-impriżi żgħar kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa u għalhekk tgħin biex tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tal-VAT.
(11)Il-miżura ta’ deroga hija u se tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuna taxxabbli xorta se jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti regolari tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.
(12)Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Italja, il-miżura ta’ deroga se jkollha effett negliġibbli biss fuq l-ammont globali tad-dħul mill-VAT tal-Italja miġbur fl-istadju tal-konsum finali.
(13)Il-miżura ta’ deroga mhix se taffettwa b'mod negattiv lir-riżorsi proprji tal-Unjoni mill-VAT minħabba li l-Italja se twettaq kalkolu tal-kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, EURATOM) Nru 1553/89.
(14)Minħabba l-impatt potenzjalment pożittiv tal-miżura ta’ deroga bit-tnaqqis tal-piż amministrattiv u tal-kostijiet tal-konformità għan-negozji żgħar u għall-awtoritajiet tat-taxxa, u n-nuqqas ta’ xi impatt kbir fuq id-dħul totali ġġenerat mill-VAT, jenħtieġ li l-Italja tiġi awtorizzata tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga għal perjodu ulterjuri.
(15)Jenħtieġ li l-estensjoni tal-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura ta’ deroga, tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, skont id-Direttiva (UE) 2020/285, sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, u għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li l-Italja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B’deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja hija awtorizzata li teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 65 000.
L-Italja tista’ żżid dak il-limitu sabiex iżżomm il-valur tal-eżenzjoni f’termini reali.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2024.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President